Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione Tributaria Provinciale di Palermo (l-Italja) fit-3 ta’ Awwissu 2018 – Autoservizi Giordano società cooperativa vs Agenzia delle Dogane e dei Monopoli - Ufficio di Palermo

(Kawża C-513/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Commissione Tributaria Provinciale di Palermo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Autoservizi Giordano società cooperativa

Konvenuta: Agenzia delle Dogane e dei Monopoli - Ufficio di Palermo

Domandi preliminari

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impriżi u l-persuni pubbliċi jew privati kollha li joperaw fis-settur tat-trasport tal-persuni bix-xarabank, inkluż il-kiri ta’ xarabank b’xufier, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-direttiva, sa fejn ma tinkludix ukoll l-operaturi li joperaw kiri ta’ xarabank b’xufier fost il-persuni li jużaw id-diżil għal użu kummerċjali?

Is-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati, li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96/KE (“Stati Membri għandhom jagħmlu differenza bejn użu kummerċjali u dak li mhuwiex tan-nafta [diżil] użat bħala propellant, jekk kemm-il darba il-livelli minimi tal-Komunità ikunu osservati u r-rata għall-nafta kummerċjali użata bħala propellant ma tkunx inqas mill-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2003”) jimplika li d-dispożizzjoni li tinkludi fid-diżil għal użu kummerċjali dak maħsub għat-“trasport okkażjonali ta’ persuni” ma hijiex immedjatament effikaċi u inkundizzjonata?

L-Artikolu 7 tad-direttiva ċċitata iktar ʼil fuq huwa, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, suffiċjentement preċiż, minn naħa, u inkundizzjonat, min-naħa l-oħra, sabiex ikun jista’ jiġi invokat direttament minn individwu kontra l-awtoritajiet tal-Istat Membru?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).