Language of document : ECLI:EU:F:2012:129

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Settembru 2012 (*)

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami orali wara r-riżultati miksuba fl-eżamijiet bil-miktub — Talba għal reviżjoni — Dritt speċifiku tal-kandidati li jkollhom aċċess għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom — Għan u portata — Dritt ta’ aċċess għall-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti — Assenza”

Fil-Kawża F‑96/09,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Eva Cuallado Martorell, residenti f’Augsbourg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Díez Lorenzo, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Eggers u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn M. I. Rofes i Pujol (Relatur), President, I. Boruta u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub,

wara li ra l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-26 ta’ Marzu 2010, E. Cuallado Martorell ippreżentat dan ir-rikors intiż essenzjalment għall-annullament, min-naħa, tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla EPSO/AD/130/08, organizzat mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), li ma ħallithiex tipparteċipa fl-eżami orali, u min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet li ċaħduha milli jintbagħtulha l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħha u n-nota ta’ evalwazzjoni individwali dwar dawn l-eżamijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Kull appell li għandu x’jaqsam ma’ l-oqsma li għalih kien applikat l-Artikolu 2(2), għandu jsir ma’ l-assoċjazzjoni li twieġeb għalija l-Awtorità tal-Ħatra fdata bl-eserċiżżju tas-setgħat.”

3        Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46)

“1. L‑[EPSO] għandu jeserċita s-setgħa ta’ l-għażla mogħti lilu taħt l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u taħt l-Anness III tagħhom meta l-awtoritajiet tal-ħatra ta’ l-istituzzjonijiet jiffirmaw din id-deċiżjoni. […]”

4        L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620 li tistabilixxi l-EPSO, dwar it-talbiet, ilmenti u appelli, jipprovdi:

“Skond l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal, talbiet u ilmenti li huma marbuta ma’ l-eżerċitazzjoni tal-poteri mogħtija fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-[EPSO]. Kull appell f’dawn l-oqsma għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni [Ewropea].”

5        L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/621/KE tas-Segretarjati Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-Segretarjati Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tar-Rappreżentant tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-Uffiċċju għas-selezzjoni tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 48), jipprovdi:

“1. Id-direttur tal-[EPSO] għandu jeżerċita l-poteri kkonferiti mill-Awtorità li għandha l-poter li tinnomina taħt l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward ta’ kull talba jew ilment li għandhom x’jaqsmu mal-ħidma tal-[EPSO].

[...]”

6        Fit-22 ta’ Mejju 2008, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 125 A, edizzjoni tal-lingwa Spanjola, p. 1) l-avviż tal-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/130/08 (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni”), organizzata sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ ġuristi lingwisti tal-lingwa Spanjola, ta’ grad AD 7, intiża sabiex jimtlew postijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropew, b’mod partikolari fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

7        Fir-reġistrazzjoni għall-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/130/08 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni”), il-kandidati kellhom jagħżlu bejn il-qasam “Qorti tal-Ġustizzja”, li fih in-numri ta’ dawk li jgħaddu kien limitat għal 25, u l-qasam “Parlament/Kunsill”, li fih in-numri ta’ dawk li jgħaddu kien limitat għal 14.

8        It-Taqsima A, parti I, tal-avviż tal-kompetizzjoni, intitolata “D[eskrizzjoni tal-funzjonijiet]”, tipprovdi:

“Qasam ‘Qorti tal-Ġustizzja’

[…]

Qasam ‘Parlament/Kunsill’

Sorveljanza tal-proċedura leġiżlattiva u l-verifikazzjoni tal-konkordanza lingwistika u ġuridika tat-testi leġiżlattivi bl-Ispanjol, diġà tradotti u riveduti, imqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija testi, kontroll tal-kwalità editorjali tagħhom u tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-preżentazzjoni formali.

Traduzzjoni okkażżjonali ta’ testi ġuridiċi qosra, b’mod partikolari mill-Ingliż jew mill-Franċiż.”


9        It-Taqsima A, parti II, tal-avviż tal-kompetizzjoni kienet tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni. Il-punt 1 jipprovdi, għal dak li jirrigwarda t-titoli jew kwalifiki rikjesti:

“Il-kandidati għandu jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ssanzjonati permezz ta’ diploma ta’ erba’ snin jew iktar fil-liġi Spanjola [...]”

10      Il-punt 2, tat-Taqsima A, parti II, tal-avviż tal-kompetizzjoni jipprovdi dan li ġej, għal dak li jirrigwarda l-konoxxenza lingwistika:

“Qasam ‘Qorti tal-Ġustizzja’

[…]

Qasam ‘Parlament/Kunsill’

Konoxxenza perfetta tal-Ispanjol (lingwa 1);

Konoxxenza profonda tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 2);

Konoxxenza profonda tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż (lingwa 3), li għandha tkun differenti mil-lingwa 2.

Għall-eżami fakultattiv (lingwa 4), konoxxenza ta’ waħda mil-lingwi li ġejjin (li għandha tkun differenti mil-lingwi 2 u 3): [Bulgaru, Ċekk, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Grieg, Ingliż, Franċiż, Irlandiż, Taljan, Litwan, Ungeriż, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Finlandiż jew Svediż].

[...]

Il-kandidati għandhom jippreċiżaw fil-formula tar-reġistrazzjoni elettronika [...] u fl-att tal-kandidatura [...] il-lingwi magħżula għall-eżamijiet differenti. Din l-għażla ma tistax tinbidel wara d-data tar-reġistrazzjoni [...]”

11      It-Taqsima B tal-avviż tal-kompetizzjoni, dwar l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, tipprovdi b’mod partikolari:

“3. Eżamijiet bil-miktub obligatorji – Marki


Qasam ‘Qorti tal-Ġustizzja’

[…]

Qasam ‘Parlament/Kunsill’

Korrezzjoni ta’ test ġuridiku fil-lingwa Spanjola li jinkludi żbalji tal-grammatika, tas-sintassi, tal-istil tal-espressjoni ġuridika. Dan l-eżami huwa intiż sabiex jivverifika l-konoxxenza perfetta tal-lingwa 1 tal-kandidat u l-kwalità ta’ espressjoni tiegħu fil-qasam ġuridiku.

Marki li ser jingħataw għal dan l-eżami minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Tul tal-eżami: sagħtejn u nofs

Traduzzjoni għall-Ispanjol (lingwa 1), mingħajr dizzjunarju, ta’ test ġuridiku mill-Ingliż jew mill-Franċiż (lingwa 2), skont l-għażla tal-kandidat.

Marki li ser jingħataw għal dan l-eżami: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Tul tal-eżami: sagħtejn u nofs.

L-eżami b) ikun ikkoreġut biss jekk il-kandidat jikseb il-minimu meħtieġ fl-eżami a).

Traduzzjoni għall-Ispanjol (lingwa 1), mingħajr dizzjunarju, ta’ test ġuridiku mill-Ġermaniż, Ingliż jew Franċiż [lingwa 3, li għandha tkun differenti minn dik magħżula għall-eżami b].

Marki li ser jingħataw għal dan l-eżami: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt).

Tul tal-eżami: sagħtejn u nofs.

L-eżami c) ikun ikkoreġut biss jekk il-kandidat jikseb il-minimu meħtieġ fl-eżamijiet a) u b).


4. Eżami orali obligatorju – Marki

Il-kandidati li jkunu kisbu l-marki minimi meħtieġa għall-eżamijiet bil-miktub obligatorji jkunu ammessi għall-eżami orali.

Intervista mal-Bord tal-Għażla bil-Ġermaniż, Ingliż jew Franċiż (lingwa 5), għandha tippermetti l-evalwazzjoni:

–      tal-konoxxenzi ġenerali u ġuridiċi tal-kandidat, peress li l-Bord tal-Għażla jista’ f’din l-okkażżjoni jikkunsidra l-konoxxenza ta’ lingwi oħra barra dawk użati fl-eżamijiet bil-miktub; il-konoxxenzi ġuridiċi ser ikunu eżaminati bl-Ispanjol;

–      tal-kapaċità li jippresjedi laqgħa (Qasam ‘Parlament/Kunsill’);

–      tal-motivazzjoni tal-kandidati u l-kapaċità tagħhom li jadattaw għax-xogħol fi ħdan is-servizz pubbliku Ewropew, fl-ambjent multikulturali; jekk ikun il-każ, mistoqsijiet addizzjonali jistgħu jsiru bl-Ispanjol.

Marki li ser jingħataw għal dan l-eżami jkunu minn 0 sa 100 (minimu meħtieġ: 50).

5. Eżami fakultattiv

Qasam ‘Qorti tal-Ġustizzja’

[…]



Qasam ‘Parlament/Kunsill’

L-eżami fakultattiv għandu jippermetti lill-kandidati li jenfażizzaw l-firxa tal-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom. Ir-riżultati miksuba f’dawn l-eżamijiet ma għandhomx effett la fuq l-istabbiliment tal-lista’ ta’ riżerva u lanqas fuq il-kompożizzjoni u l-ordni tagħha, iżda jippermettu lill-istituzzjonijiet li jużaw il-lista ta’ riżerva b’mod informat meta jkunu ser jipproċedu bir-reklutaġġ.

Traduzzjoni għall-Ispanjol (lingwa 1) bid-dizzjunarju (mhux elettroniku) ta’ test ġuridiku minn waħda mil-lingwi indikati fit-Taqsima A, parti II, punt 2 d) (lingwa 4), skont l-għażla tal-kandidat.

Marki li ser jingħataw għal dan l-eżami jkunu minn 0 sa 20 punt.

Tul tal-eżami: siegħa.

Dan l-eżami jista’ jsir fl-istess żmien tal-eżamijiet obligatorji. Madankollu, huwa jkun ikkoreġut biss fil-każ ta’ dawk li jgħaddu u jiġu nklużi fil-lista ta’ riżerva”


12      Il-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni jistabilixxi, għal dak li jirrigwarda l-aċċess tal-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom:

“Fil-kuntest tal-proċeduri tas-selezzjoni, il-kandidati għandhom dritt speċifiku li jaċċedu, fir-rekwiżiti deskritti iktar ’il quddiem, għall-informazzjoni li tikkonċerna lilhom direttament u individwalment. Permezz ta’ dan id-dritt, [l-]EPSO tista’ tagħti lil kandidat li jagħmel talba, informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kompetizzjoni. It-talbiet għall-informazzjoni għandhom ikunu magħmul bil-miktub lil[l-]EPSO fi żmien xahar min-notifika tar-riżultati miksuba fil-kompetizzjoni. [L-]EPSO tirrispondi fiż-żmien xahar minn meta tirċievi t-talba. It-talbiet ikunu ttrattati b’kunsiderazzjoni tan-natura sigrieta tax-xogħol tal-Bord tal-Għażla prevista mill-[Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal] u b’osservanza tar-regoli relattivi għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fid-dawl tat-trattament ta’ data personali. Eżempji tal-informazzjoni li tista’ tingħata jinsabu fil-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati.”

13      L-avviż tal-kompetizzjoni jispiċċa b’anness: li jitratta talbiet għar-reviżjoni, proċeduri ta’ rimedji u lmenti quddiem l-Ombudsman Ewropew. Dan l-anness jipprovdi li, fl-istadji kollha tal-kompetizzjoni, il-kandidati li jqisu li deċiżjoni qed tikkawżalhom preġudizzju jistgħu jużaw l-metodi li ġejjin :

“–      It-talba għal reviżjoni

Fiż-żmien 20 jum li jibdew jiddekorru mid-data li fiha tintbagħat l-ittra [tal-EPSO] li tinnotifika d-deċiżjoni, iressqu talba għal reviżjoni permezz ta’ ittra motivata fl-indirizz li ġej:

[...]

[L-]EPSO jibagħtha lill-President tal-Bord tal-Għażla meta din taqa’ fil-kompetenza tiegħu u risposta tintbagħat lill-kandidat mill-iktar fis possibbli.

–      Proċeduri ta’ rimedju

–        jew billi jippreżenta rikors quddiem:

      Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

[…]

abbażi tal-Artikolu 236 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal [...].

–        jew billi jagħmel ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal [...], li għandu jkun indirizzat lil:

[EPSO]

[…]

It-termini tal-ordni pubbliku [...] previsti [mir-Regolamenti tal-Persunal] għal dawn iż-żewġ tipi ta’ proċedura jibdew jiddekorru min-notifika tal-att li jikkawża preġudizzju.

Tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għal fatt li l-Awtorità tal-Ħatra [...] ma għandhix il-kapaċità li tibdel id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-bordijiet tal-għażla ma hijiex suġġetta għall-kontroll tal-qorti [...] ħlief f’każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li japplikaw għax-xogħol.”


14      Il-punt 3 tat-Taqsima III, tal-Gwida tal-kandidati tal-kompetizzjoni, ippubblikata fuq is-sit internet tal-EPSO (iktar ’il quddiem il-“gwida tal-kandidati”) jipprovdi:

“[…]

b)      Il-kandidati li ma għaddewx mill-eżami/l-eżamijiet bil-miktub/prattiċi u/jew li ma humiex fost dawk li kienu mistiedna għall-eżami orali jistgħu jitolbu l-eżamijiet tagħhom kif ukoll in-nota individwali ta’ evalwazzjoni tal-eżamijiet mill-bord. It-talba għandu titressaq fiż-żmien xahar mid-data ta’ meta tintbagħat l-ittra li permezz tagħha l-kandidat ikun informat bit-tmiem tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kompetizzjoni.”

15      Fir-rigward tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u b’mod partikolari għal-għajnuna legali li jista’ jingħata, l-Artikolu 97(4) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdi:

“Il-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, tad-digriet li jaħtar l-avukat inkarigat li jassisti lill-parti li tagħmel it-talba.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Ir-rikorrenti applikat għall-kompetizzjoni. Hija għażlet il-qasam “Parlament/Kunsill” u kienet imsejħa għall-eżamijiet bil-miktub obligatorji, li saru fit-28 ta’ Novembru 2008, f’Madrid (Spanja).

17      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Mejju 2009, mibgħuta għan-nom tal-President tal-Bord tal-Għażla, l-EPSO informat lir-rikorrenti bir-riżultati li hija kienet kisbet fl-eżamijiet bil-miktub obligatorji a) u b), jiġifieri, 28/40 u 19/40 rispettivament u li fid-dawl ta’ dan l-aħħar riżultat, li huwa inqas mill-minimu meħtieġ ta’ 20/40, il-Bord tal-Għażla ma kkoreġix l-eżami bil-miktub obligatorju c).

18      Fl-14 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti bagħtet posta elettronika lill-EPSO li fiha hija talbet informazzjoni dwar il-marki tagħha fl-eżami bil-miktub b). Fid-dawl tal-fatt li kien jonqosha punt wieħed biss sabiex tilħaq il-minimu meħtieġ ta’ 20 punt, hija riedet tkun żgur li ma kienx hemm żball ta’ kalkolu. Għal dan il-għan, hija talbet li l-eżami bil-miktub b) tagħha jintbagħat lilha, flimkien mal-korrezzjoni u n-nota li ġiet attribwita lilha.

19      Fis-27 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal reviżjoni tal-eżami bil-miktub b) tagħha, flimkien ma’ talba għall-korrezzjoni tal-eżami bil-miktub c) u li titħalla, jekk ikun il-każ, tipparteċipa fl-eżami orali.

20      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2009, mibgħuta għan-nom tal-President tal-Bord tal-Għażla, l-EPSO informat lir-rikorrenti li l-posta elettronika tagħha tal-14 ta’ Mejju 2009 kienet ġiet ikkunsidrata bħala talba għal reviżjoni tal-eżami bil-miktub b) tagħha, u li wara r-reviżjoni tal-imsemmi eżami, il-Bord tal-Għażla kien iddeċieda li jikkoreġi l-eżami bil-miktub c) tagħha, u li r-riżultat miksub f’dan l-aħħar eżami, jiġifieri 18/40, jibqa’ inqas minn dak meħtieġ, jiġifieri 20/40, sabiex hija titħalla tipparteċipa fl-eżami orali. F’din l-ittra ngħad li l-eżami bil-miktub b) magħmul mir-rikorrenti kien ġie mibgħut lilha.

21      Permezz ta’ posta elettronika tal-4 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti talbet informazzjoni dwar il-marki tal-eżami bil-miktub c) tagħha, fid-dawl tad-differenza żgħira bejn il-marki tagħha u l-minimu meħtieġ. Hija talbet ukoll li l-eżami bil-miktub c) tagħha jintbagħat lilha, flimkien mal-korrezzjoni u n-nota li ġiet attribwita lilha u, jekk inhu possibbli, li l-imsemmi eżami jiġi rivedut.

22      Fl-10 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti bagħtet ittra motivata li permezz tagħha hija talbet ir-reviżjoni tal-eżami bil-miktub c) tagħha, li jintbagħat lilha l-imsemmi eżami kif ukoll in-nota invidwali ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla relattiva għall-istess eżami u li titħalla, jekk ikun il-każ, tipparteċipa fl-eżami orali.

23      Wara li l-eżami bil-miktub c) tar-rikorrenti ġie rivedut, il-Bord tal-Għażla ddeċieda li jikkonferma l-marka ta’ 18/40. Din id-deċiżjoni, li d-data tagħha ma hijiex speċifikata, ġiet mibgħuta lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-EPSO tat-23 ta’ Lulju 2009.

24      Permezz ta’ nota tat-28 ta’ Lulju 2009, intitolata “I[lment]”, ir-rikorrenti, wara li għamlet riferiment għall-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li rċeviet l-ittra tat-23 ta’ Lulju 2009 u li sostniet li hija kienet talbet, mingħajr suċċess, li tirċievi, kopja tal-eżamijiet bil-miktub b) u c) tagħha, kif ukoll in-nota ta’ evalwazzjoni individwali flimkien mal-marki li l-Bord tal-Għażla ta lill-eżamijiet tagħha, sostniet it-talbiet tagħha u żiedet li hija xtaqet ukoll tirċievi l-informazzjoni addizzjonali kollha li tikkonċernaha, marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-kompetizzjoni. Fil-każ li hija tikseb il-punti neċessarji, hija titlob, barra minn hekk, li titħalla tipparteċipa fl-eżami orali tal-kompetizzjoni. In-nota fuq imsemmija ġiet ikkunsidrata mill-EPSO bħala talba għal dokumenti u mhux bħala lment amministrattiv imressaq qabel fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

25      Fl-14 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti rċeviet posta elettronika li kellha bħala suġġett “EPSO/AD/130/0[8] – It-talba tiegħek li tirċievi l-eżami bil-miktub b) u c) u n-nota ta’ evalwazzjoni għall-eżami bil-miktub c)” (iktar ’il quddiem “posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009”). Din il-posta elettronika kienet tipprovdi li d-dokumenti ċċitati fis-suġġett jinsabu annessi, peress li dawn ġew mitluba fl-ittra tar-rikorrenti tat-28 ta’ Lulju 2009, iżda żiedet li l-kandidati jistgħu jirċievu kopja tal-eżamijiet bil-miktub oriġinali, iżda ma kellhomx aċċess għall-eżamijiet ikkoreġuti tagħhom u lanqas għat-traduzzjoni mudell użata mill-korretturi. Mill-proċess jirriżulta li d-dokumenti ċċitati fis-suġġett ma kinux madankollu annessi mal-posta elettronika.

26      Fit-18 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti talbet li tibbenifika mill-għajnuna legali taħt l-Artikolu 95 tar-Regoli tal-Proċedura, bil-ħsieb li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-2 ta’ Marzu 2010, din it-talba ġiet milqugħa.

27      Wara l-preżentata tar-rikors, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ġunju 2010, l-EPSO bagħat lir-rikorrenti t-testi tal-eżamijiet bil-miktub a), b) u c), l-eżamijiet bil-miktub mingħajr il-korrezzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Għażla u n-noti ta’ evalwazzjoni individwali li jikkorrispondu mal-eżamijiet b) u c).

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

28      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħgbu:

–        “jannulla d-deċiżjoni, tal-14 ta’ Settembru 2009, li permezz tagħha l-[EPSO] rrifjuta li jibgħat lir-rikorrenti kopja tal-eżamijiet bil-miktub [ikkoreġuti] tagħha u nota ta’ evalwazzjoni individwali li tindika r-raġunijiet li wasslu lill-Bord tal-Għażla sabiex, fl-aħħar prova bil-miktub c), jagħtiha marka eliminatorja ta’ 18/40 u injora l-applikazzjoni tagħha sabiex tkun tista’ tipparteċipa għall-eżami orali tal-kompetizzjoni [...];

–        jannulla d-deċiżjoni, tat-23 ta’ Lulju 2009, li permezz tagħha l-[EPSO] informa lir-rikorrenti li kien ser jikkonferma l-marka eliminatorja ta’ 18/40 mogħtija fl-aħħar eżami bil-miktub c) u ċaħħadha milli titħalla [tipparteċipa] fl-eżami orali tal-kompetizzjoni [...];

–        jannulla l-lista ta’ riżerva ppubblikata wara l-kompetizzjoni b’effett retroattiv mid-data tal-publikazzjoni tal-imsemmija lista;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni [Ewropea] għall-ispejjeż.”

29      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        prinċipalment, jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

30      Wara l-preżentata tar-risposta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku awtorizza t-tieni skambju ta’ risposti, illimitat madankollu għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors. Peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li jiddeċiedi mingħajr proċedura orali, il-partijiet kienu mistiedna, permezz ta’ ittra tar-Reġistru tas-16 ta’ Ġunju 2011, li jinformaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jekk jaqblux mal-proposta li jiddeċiedi mingħajr seduta, abbażi tal-Artikolu 48(2) tar-Regolament tal-Proċedura. Il-partijiet qablu mal-proposta tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiddeċiedi mingħajr seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni qajmet l-inammissibbiltà tar-rikors għar-raġuni, min-naħa, li r-rikorrenti ma identifikatx b’mod korrett l-att ikkontestat u, min-naħa l-oħra, li huwa kważi ċert li kemm it-talba għal-għajnuna legali, ippreżentata fit-18 ta’ Novembru 2009, kif ukoll ir-rikors, ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2010, huma tardivi.

32      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti identifikat b’mod żbaljat il-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 bħala l-att li jikkawża preġudizzju, minkejja li l-att li kkawżalha preġudizzju kienet id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ġħażla mibgħuta permezz tal-ittra tal-EPSO tat-23 ta’ Lulju 2009, deċiżjoni li kkonfermat, wara r-reviżjoni, il-marka ta’ 18/40 għall-eżami bil-miktub c) u li r-rikorrenti ma tħallitx tipparteċipa fl-eżami orali. Ir-rikorrenti kellha tikkontesta din id-deċiżjoni tal-aħħar, li peress li ġiet adottata mill-Bord tal-Għażla, setgħet tiġi kkontestata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’dan il-każ, it-terminu previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikun skada, fil-prinċipju, fl-aħħar ta’ tliet xhur u għaxart ijiem li jibdew mit-23 ta’ Lulju 2009, jiġifieri, fit-2 ta’ Novembru 2009.

33      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni sostniet li n-nota tat-28 ta’ Lulju 2009, li r-rikorrenti intitolaha “I[lmenti]” fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kienet xejn għajr sempliċi talba sabiex jintbagħtu dokumenti, u ma tippreżentax il-kontenut minimu meħtieġ mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ lmenti amministrattivi imressaq qabel fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija r-raġuni għalfejn din in-nota ma setax ikollha l-effett li tissospendi t-terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem għar-riferiment lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

34      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni targumenta li anki jekk tippreżumi li n-nota tat-28 ta’ Lulju 2009 tissodisfa r-rekwiżiti indispensabbli sabiex tikkostitwixxi lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 ma tistax tkun ikkunsidrata bħala risposta għall-ilment, għaliex mhix ġejja mill-Awtorità tal-Ħatra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, rifjut impliċitu tal-ilment kien seħħ erba’ xhur wara dan, jiġifieri, fit-28 ta’ Novembru 2009 u r-rikorrenti kellha għalhekk tliet xhur u għaxart ijiem sabiex tippreżenta r-rikors tagħha, jiġifieri sal-10 ta’ Marzu 2010. Peress li r-rikors ġie ppreżentat fis-26 ta’ Marzu 2010, huwa għalhekk ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu.

35      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-talba għal-għajnuna legali ppreżentata fit-18 ta’ Novembru 2009, kienet prematura, għaliex ġiet ippreżentata għaxart ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur li l-Awtorità tal-Ħatra kellha sabiex tirrispondi għall-ilment allegat, u ma kellhiex l-effett li tissospendi t-terminu tar-rikors kontenzjuż.

36      Il-Kummissjoni żżid li anki jekk il-parti tar-rikors relattiva għall-aċċess għall-informazzjoni tkun meqjusa ammissibbli, sa fejn dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-proċedura tal-kompetizzjoni jista’ jeżisti indipendentement minn talba għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, il-pretensjoni relattiva għar-rifjut li titħalla tipparteċipa għall-eżami orali li hija l-parti prinċipali tar-rikors, tibqa’ inammissibbli.

37      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li ma hemmx kontradizzjoni bejn l-inammissibbiltà li hija qajmet u l-fatt li r-rikorrenti ser tingħata l-għajnuna legali mill-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-għajnuna legali hija rrifjutata meta l-azzjoni li għaliha tintalab tidher manifestament inammissibbli, minkejja li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija sostniet biss li wara analiżi tad-diversi stadji amministrattivi, ir-rikors jidhirlha li huwa inammissibbli, mingħajr ma tippretendi madankollu li l-inammissibbiltà hija manifesta.

38      Ir-rikorrenti targumenta, fl-ewwel lok, li r-rikors isemmi l-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 għaliex din il-posta elettronika hija b’mod kronoloġiku l-aħħar deċiżjoni meħuda mill-EPSO. Sa fejn din id-deċiżjoni ttieħdet wara l-ilment tagħha, din tissostitwixxi d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla, li ġiet mibgħuta lilha permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, u tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju.

39      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li n-nota tagħha, datata 28 ta’ Lulju 2009, tikkostitwixxi sewwa sew ilment, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, min-naħa, hija intitolata “I[lment]” u ppreċiżat li hija ġiet ippreżentata abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonferma l-volontà tagħha li tippreżenta lment fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, ser jirriżulta b’mod ċar mit-test tan-nota li din għandha l-iskop li tikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li lilu ntbagħtet permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, ittra li hija hawn annessa. Ser jirriżulta wkoll mit-test tan-nota li r-rikorrenti talbet sabiex l-eżami bil-miktub c) ikun rivedut u, konsegwentement, li titħalla tipparteċipa fl-eżami orali. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, hija ma setax ikollha iktar dettall fin-nota tagħha, dwar in-nuqqas ta’ qbil tagħha mad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla innotifikata lilha fit-23 ta’ Lulju 2009, għaliex l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħha ma kinux intbagħtulha u kien biss fis-16 ta’ Ġunju 2010 li l-EPSO bagħtilha l-eżamijiet bil-miktub b) u c) tagħha, iżda mingħajr il-korrezzjonijiet. Barra minn hekk, jekk in-nota tagħha kellha ma tiġix ikkunsidrata bħala lment, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, dan jimplika li l-Presidenti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku taha l-għajnuna legali sabiex tippreżenta rikors b’mod tardiv.

40      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tosserva li l-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 issemmi espliċitament it-talbiet tagħha tat-28 ta’ Lulju 2009 li kellhom bħala għan li jwasslu risposta. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid li l-posta elettronika li l-indirizz elettroniku ta’ dak li bagħatha għandha l-istess domain bħal dak li jidher fil-posta elettronika tal-EPSO, li rrispondiet għal dak li hija kienet talbet fl-ilment tagħha u li għamlet riferiment espress għal dan tal-aħħar, mingħajr madankollu ma laqgħetu, għandha tkun ikkunsidrata bħala rifjut tal-ilment tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li hija tinjora l-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 u tistenna t-terminu ta’ erba’ xhur li jibdew jiddekorru mill-ilment tagħha tat-28 ta’ Lulju 2009, li l-iskadenza tiegħu hija deċiżjoni impliċita ta’ rifjut, bir-riskju li ssib ruħha f’pożizzjoni li jkollha tiddefendi l-iskadenza tat-terminu għar-rikors kontenzjuż, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni fit-terminu previst tar-rifjut espliċitu tal-ilment tagħha. Fi kwalunkwe każ, hija kellha tkun innotifikata.

41      Fir-raba’ lok, anki fil-każ fejn il-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 ma tikkostitwixxix rifjut tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li t-talba għal-għajnuna legali ssospendiet it-terminu għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ta l-għajnuna legali, jiġifieri l-10 ta’ Marzu 2010, data li fiha t-terminu reġa’ beda jiddekorri. Għalhekk, ir-rikors ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2010, ma ġiex ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu.

42      Ir-rikorrenti żiedet li anki jekk jiġi preżunt li għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal-għajnuna legali tagħha, ippreżentata fit-18 ta’ Novembru 2009, hija prematura, għaliex ippreżentata qabel it-28 ta’ Novembru 2009, data tal-iskadenza tat-terminu għar-risposta għall-ilment tagħha tat-28 ta’ Lulju 2009, huwa stabbilit li l-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra din t-talba, tal-inqas fl-iskadenza tal-imsemmi terminu, fit-28 ta’ Novembru 2009. Minn dan isegwi li t-terminu għall-preżentazzjoni tar-rikors kien sospiż kemm fit-18 ta’ Novembru 2009 u kif ukoll fit-28 ta’ Novembru 2009 jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jikkunsidra li l-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 ma tikkostitwixxix rifjut tal-ilment tagħha, u l-10 ta’ Marzu 2010, data tad-digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ta l-għajnuna legali. Huwa evidenti li l-proċedura kontenzjuża kienet bdiet, għaliex mhux biss it-talba għal-għajnuna legali kienet ġiet ittrattata iżda l-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqaha, ħaġa li ma kienx ser jiġri jekk it-terminu tar-rikors kontenzjuż kien skada u li, konsegwentement, ir-rikors kien manifestement inammissibbli.

 L-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

 Dwar l-atti li jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti

43      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li kemm l-ilment amministrattiv kif ukoll ir-rikors kontenzjuż għandhom, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikunu diretti kontra att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-att li jikkawża preġudizzju huwa dak li jipproduċi effetti legali obbligatorji li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-15 ta’ Settembru 2011, Munch vs UASI, F-6/10, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li d-deċiżjoni li permezz tagħha Bord tal-Għażla jirrifjuta l-parteċipazzjoni ta’ kandidat għall-eżamijiet, wara li jkun laqa’ t-talba tal-persuna kkonċernata għar-reviżjoni tal-kandidatura tagħha, tissostitwixxi d-deċiżjoni mogħtija preċedentement mill-Bord tal-Għażla u ma tistax tkun ikkunsidrata bħala waħda li purament tikkonferma dik ta’ qabel (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-11 ta’ Frar 1992, Panagiotopoulou vs Il-Parlament, T-16/90, punt 20). B’hekk, meta kandidat f’kompetizzjoni jitlob ir-reviżjoni tad-deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara r-reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T-173/05, punt 19).

45      Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li rikorrenti ma titħallix tipparteċipa fl-eżami orali, adottata wara t-talba għar-reviżjoni ppreżentata mir-rikorrenti fl-10 ta’ Lulju 2009 u mibgħuta permezz ta’ ittra tal-EPSO tat-23 ta’ Lulju 2009, tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali tal-bord, mibgħuta permezz ta’ ittra tal-EPSO tat-2 ta’ Lulju 2009, u tikkostitwixxi f’dan il-każ l-att li jikkawża preġudizzju għal dak li jirrigwarda r-rifjut li r-rikorrenti tipparteċipa għall-eżami orali tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjut għall-eżami orali”). Hija wkoll id-deċiżjoni ta’ rifjut għall-eżami orali, meħuda wara r-reviżjoni, li minnha jiddekorru t-termini tal-ilment u tar-rikors mingħajr ma hemm lok li jkun ivverifikat jekk, f’din is-sitwazzjoni, l-imsemmija deċiżjoni tistax eventwalment tkun ikkunsidrata bħala att purament li jikkonferma (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il-Kummissjoni, F-73/06, punt 39).

46      Fit-tieni lok, fir-rirgward tad-deċiżjonijiet dwar ir-rifjut li jibagħtu informazzjoni jew dokumenti lill-kandidati, għandu jiġi ppreċiżat li l-avviż tal-kompetizzjoni stabbilixxa, fil-punt 4 tat-Taqsima D, proċedura speċifika, li — meta kandidat jiddeċiedi li jsegwiha, tissostitwixxi dik prevista mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — hija kkaratterizzata minn termini qosra ħafna u għandha bħala għan li tippermetti lill-kandidati li jeżerċitaw id-dritt speċifiku mogħti lilhom li jaċċedu għall-informazzjoni li tikkonċernahom direttament u individwalment. Skont dan id-dritt, l-“EPSO tista’ tagħti, lil kandidat li jagħmel talba”, informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kompetizzjoni. It-talbiet għandhom jiġu ppreżentati fit-terminu ta’ xahar wara n-notifika tar-riżultati tal-kompetizzjoni u l-EPSO tobbliga ruħha li tirrispondi fit-terminu ta’ xahar wara li tirċievi t-talba. Il-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni jagħmel riferiment għal-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati għall-eżempji ta’ informazzjoni li tista’ tingħata lill-kandidati. Jirriżulta mill-punt 3(b) tat-Taqsima III tal-imsemmija gwida li l-kandidati li ma għaddewx mill-eżamijiet bil-miktub jistgħu jitolbu kopji tal-eżamijiet bil-miktub tagħhom, kif ukoll in-nota individwali ta’ evalwazzjoni bil-marki tal-bord.

47      Id-dritt speċifiku mogħti lill-kandidati jipprovdi li l-kandidati eliminati mill-kompetizzjoni jistgħu jirċievu, mingħajr ma jippreġudikaw is-sigriet tax-xogħol tal-Bord tal-Għażla, informazzjoni u dokumenti li jistgħu jippermettulhom li jieħdu deċiżjoni informata dwar l-utilità li jikkontestaw jew le d-deċiżjoni tal-esklużjoni tagħhom mill-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, l-impożizzjoni tat-termini qosra ħafna, kemm għall-preżentazzjoni tat-talba għal-informazzjoni jew dokumenti kif ukoll għar-risposta għal din it-talba, għandha l-iskop li tippermetti lill-kandidat li jkollu fi kwalunkwe każ dawn l-informazzjoni u dokumenti tal-inqas xahar qabel l-iskadenza kemm tat-terminu tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u kif ukoll għat-terminu sabiex jippreżenta lment quddiem l-EPSO, li fih id-Direttur jeżerċita, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/621 is-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra.

48      Mill-analiżi li saret jirriżulta li l-osservanza stretta mill-EPSO tad-dritt speċifiku mogħti lill-kandidati, kemm għal kontenut ta’ dan id-dritt kif ukoll għat-terminu tar-risposta, hija l-espressjoni tad-dmirijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mid-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u mid-dritt għar-rimedju effettiv, skont l-Artikoli 41, 42 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza mill-EPSO tad-dritt speċifiku mogħti lill-kandidati, barra milli jista’ jwassal li kandidati eliminati jippreżentaw rikorsi jew ilmenti mingħajr ma jkollhom informazzjoni biżżejjed, jista’ jikkostitwixxi nuqqas ta’ servizz li jista’ jagħti lok, jekk ikun il-każ, għad-dritt ta’ kumpens favur il-kandidat.

49      F’dan il-każ, il-posta elettronika tar-rikorrenti tal-14 ta’ Mejju 2009 fiha talba sabiex jintbagħat l-eżami bil-miktub ikkoreġut b) tagħha flimkien mal-marki tal-Bord tal-Għażla u l-posta elettronika tagħha tal-4 ta’ Lulju 2009, fiha talba sabiex jintbagħat l-eżami bil-miktub c) tagħha, ukoll ikkoreġut, u l-marki tal-Bord tal-Għażla. Flimkien ma dawn iż-żewġ ittri elettroniċi, ir-rikorrenti ppreżentat l-ewwel talba għal reviżjoni, fis-27 ta’ Mejju 2009, sabiex il-Bord tal-Għażla jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni inizjali tiegħu relattiva għall-marki tal-eżami bil-miktub b) tagħha, talba għal reviżjoni li fiha r-rikorrenti kellha suċċess, u t-tieni talba għal reviżjoni, fl-10 ta’ Lulju 2009, relattiva għall-eżami bil-miktub c), li warajha l-Bord tal-Għażla żamm il-marki tal-eżami inkwistjoni, li ġiet ukoll innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, mingħajr madankollu ma rrisponda għat-talba tagħha li jkollha l-eżami bil-miktub ikkoreġut c) tagħha u n-nota individwali ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla relattiva għall-imsemmi eżami.

50      Jirriżulta għalhekk mill-kronoloġija tal-fatti li t-terminu ta’ xahar li għandha l-EPSO sabiex tibgħat lir-rikorrenti, b’risposta għall-posta elettronika tagħha tal-14 ta’ Mejju 2009, kopji tal-eżami b) tagħha u kif ukoll tan-nota ta’ evalwazzjoni individwali flimkien mal-marki tal-Bord tal-Għażla, skada fl-14 ta’ Ġunju 2009, mingħajr ma ntbagħat ebda dokument lir-rikorrenti. Għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-eżami bil-miktub c), in-nuqqas ta’ risposta għall-posta elettronika tar-rikorrenti tal-4 ta’ Lulju 2009 u għall-petizzjoni tagħha inkluża fit-talba għal reviżjoni tagħha tal-10 ta’ Lulju 2009 ma tistax tkun ikkunsidrata bħala deċiżjoni impliċita ta’ rifjut. Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward li, anki jekk, fl-ittra tat-2 ta’ Lulju 2009 mibgħuta lir-rikorrenti, l-EPSO jiddikjara li diġà bagħat kopji tal-eżami bil-miktub b), kif ukoll li fil-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 huwa indikat li l-eżami bil-miktub c) u n-nota ta’ evalwazzjoni tal-imsemmi eżami huma annessi, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-dokumenti ma kinux ġew mibgħuta lir-rikorrenti fid-dati indikati.

51      Isegwi li, għal dak li jirrigwarda t-talbiet sabiex jintbagħtu informazzjoni u dokumenti, kemm id-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut li tintbagħat informazzjoni mitluba dwar l-eżami b), li seħħet fl-14 ta’ Ġunju 2009 [iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub b)”], kif ukoll id-deċiżjoni impliċita li ma tintbagħatx informazzjoni dwar l-eżami c), inkluża fl-ittra tat-23 ta’ Lulju 2009 [iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub c)”], sa fejn l-imsemmija ittra ma tindirizzax il-kwistjoni li tintbagħat l-informazzjon mitluba, huma atti li jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti.

52      Konsegwentement, kemm id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni fl-eżami orali, kif ukoll id-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub b) u d-deċiżjoni li tirrifjura li jintbagħat l-eżami bil-miktub c) huma atti li jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti.

 Dwar l-osservanza tat-termini mir-rikorrenti

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li bħal ma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’ħafna okkażjonijiet, ir-rimedju disponibbli fid-dawl ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla jikkonsisti b’mod partikolari f’riferiment dirett għal-qorti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, ilment magħmul kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla jidher li ma jagħmilx sens peress li l-istituzzjoni kkonċernata ma għandhiex is-setgħa li tannulla jew tvarja d-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla. Għalhekk interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal twassal biss li l-proċedura titwal, mingħajr ebda bżonn (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Marzu 1978, Ritter von Wüllerstorff u Urbair vs Il-Kummissjoni, 7/77, punt 8).

54      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rifjut li tipparteċipa fl-eżami orali tikkostitwixxi deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tista’ tiġi kkontestata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mingħajr ilment amministrattiv imressaq qabel, u t-terminu tar-rikors ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, flimkien mat-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza skont l-Artikolu 100(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jibda jiddekorri min-notifika, li hija data mhux determinata, ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, iżda li mhux iktar tard mit-28 ta’ Lulju 2009, id-data tan-nota intitolata “I[lment]” li fiha r-rikorrenti rrikonoxxiet li ħadet konjizzjoni tagħha, u li jiskadi fis-7 ta’ Novembru 2009. Peress li s-7 ta’ Novembru 2009 kien is-Sibt, it-terminu tar-rikors kien awtomatikament estiż, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sat-Tnejn id-9 ta’ Novembru 2009.

55      Id-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub b) u d-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub c) jikkostitwixxu wkoll deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla li jistgħu jiġu kkontestati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mingħajr ilment amministrattiv imressaq qabel. Peress li l-ewwel minn dawn id-deċiżjonijiet ġiet meħuda fl-14 ta’ Ġunju 2009 u li r-rikorrenti ħadet konjizzjoni tat-tieni deċiżjoni mhux iktar tard mit-28 ta’ Lulju 2009, it-terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem sabiex tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skada, rispettivament, fl-24 ta’ Settembru 2009 u fis-7 ta’ Novembru 2009, u dan it-terminu tal-aħħar ġie estiż sad-9 ta’ Novembru 2009 għar-raġunijiet indikati fil-punt preċedenti.

56      Għalhekk, ir-rikorrenti setgħet tagħmel riferiment dirett lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz tal-preżentata ta’ rikors, mhux iktar tard mill-24 ta’ Settembru 2009, sabiex tikkontesta d-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub b) u mhux iktar tard mid-9 ta’ Novembru 2009, sabiex tikkontesta d-deċiżjoni li ma titħallix tipparteċipa fl-eżami orali u d-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub c).

57      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiddgħajjef bil-kliem tal-Artikolu 97(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdu li l-preżentazzjoni tat-talba għal-għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar it-talba, għaliex, f’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet li tibbenefika mill-għajnuna legali fit-18 ta’ Novembru 2009, jiġifieri meta t-termini tar-rikors kienu, għat-tliet deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla fuq imsemmija, diġà skadew.

58      Għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li jekk il-persuna kkonċernata, fir-riferiment dirett għal-qorti, tinvoka dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tindirizza, taħt il-forma ta’ lment amministrattiv lill-Awtorità tal-Ħatra, l-ammissibblità tar-rikors ġudizzjarju ppreżentat iktar tard jiddependi mill-osservanza tal-persuna kkonċernata tal-obbligi proċedurali kollha annessi mar-rimedju tal-ilment imressaq qabel (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il-Parlament, T-386/00, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, ir-rikorrenti targumenta li n-nota tat-28 ta’ Lulju 2009, intitolata “I[lment]” u r-riferiment espress tagħha għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxu lment fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

60      Huwa minnu li skont il-ġurisprudenza stabbilita, ilment ma għandux ikollu xi forma partikolari. Huwa biżżejjed li juri b’mod ċar u preċiż il-volontà tar-rikorrenti li tikkontesta deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il-Qorti tal-Awdituri, 167/86, punt 8 u tal-14 ta’ Lulju 1988, Aldinger u Virgili vs Il-Parlament, 23/87 u 24/87, punt 13; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il-Parlament, T-354/03, punt 43). Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-amministrazzjoni għandha teżamina l-ilmenti bi spirtu miftuħ u huwa biżżejjed, sabiex tikkunsidra li huwa lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li motiv kien tqajjem minn qabel, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b’mod suffiċjentement ċar sabiex l-Awtorità tal-Ħatra kienet fi stat li tirrikonoxxi l-kritika li l-persuna kkonċernata għamlet kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament, T-176/96, punt 65).

61      Xorta jibqa’ l-fatt li peress li l-iskop tal-proċedura prekontenzjuża huwa l-ftehim bonarju ta’ tilwima li titwieled fil-mument tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun fi stat li tirrikonoxxi b’mod suffiċjentement preċiż l-argumenti tal-persuna kkonċernata magħmula kontra d-deċiżjoni amministrattiva. Jirriżulta li l-ilment għandu, f’kull każ, ikollu esposiżizzjoni tal-motivi u argumenti invokati kontra d-deċiżjoni amministrattiva li kontra tagħha huwa magħmul (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-146/94, punt 44).

62      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata qabel xejn, li bħal ma tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, in-nota tat-28 ta’ Lulju 2009 hija magħmul minn żewġ fatturi. L-ewwel, ir-rikorrenti talbet li tingħata ċerti dokumenti kif ukoll informazzjoni addizzjonali. It-tieni, hija talbet li titħalla tipparteċipa fl-eżami orali fil-każ li tikseb il-punti neċessarji.

63      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata mbagħad li, fir-rigward tat-tieni parti tan-nota tat-28 ta’ Lulju 2009, li permezz tagħha r-rikorrenti, billi talbet li titħalla tipparteċipa fl-eżami orali, tista’ tkun meqjusa bħala kontestazzjoni tad-deċiżjoni li ma titħallix tipparteċipa fl-eżami orali, it-test tan-nota inkwistjoni ma jinkludi l-espożizzjoni ta’ ebda motiv u lanqas punt ta’ liġi jew ta’ fatt insostenn tat-talba għal-modifikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Konsegwentement, din il-parti tan-nota tat-28 ta’ Lulju 2009 ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi rikjesti mill-ġurisprudenza msemmija iktar qabel sabiex tkun ikkunsidrata bħala lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-EPSO ma kinitx fi stat li tagħtiha risposta motivata.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal annullament tad-deċiżjoni li ma titħallix tipparteċipa fl-eżami orali hija inammissibbli. Peress li t-talba għal-annullament tal-lista ta’ riżerva ma tistax tirnexxi ħlief f’każ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni li ma titħallix tipparteċipa fl-eżami orali, l-imsemmija talba għandha għalhekk tiġi ddikjarata wkoll inammissibbli.

65      It-Tribunal jikkonstata, fl-aħħar nett, li anki jekk ir-rikorrenti ma ressqitx la motivi u lanqas argumenti insostenn tat-talbiet li huma s-suġġett tal-ewwel parti tan-nota tat-28 ta’ Lulju 2009, xorta jibqa’ l-fatt li mill-kliem stess tan-nota tat-28 ta’ Lulju 2009 jista’ jiġi dedott li r-rikorrenti tilmenta li ma rċevietx id-dokumenti mitluba f’diversi okkażjonijiet, b’mod partikolari fil-posta elettronika tagħha tal-14 ta’ Mejju 2009, dwar l-eżami bil-miktub b), kif ukoll fil-posta elettronika tal-4 ta’ Lulju 2009 u fit-talba għal reviżjoni tagħha, tal-10 ta’ Lulju 2009, għal dak li jirrigwarda l-eżami bil-miktub c). Isegwi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-ewwel parti tan-nota tat-28 ta’ Lulju 2009 kellha tkun trattata mill-EPSO bħala lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

66      Sa fejn l-EPSO ma laqgħetx it-talbiet sabiex jintbagħtu dokumenti fit-termini imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi ppreżentat ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub b) u kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub c), ir-rikorrenti kellha termini ta’ tliet xhur li jiskadu, rispettivament, fl-14 ta’ Settembru 2009 u fit-28 ta’ Ottubru 2009.

67      Għalhekk, l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti fit-28 ta’ Lulju 2009 huwa ammissibbli kemm fir-rigward tad-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub b) u kif ukoll fir-rigward tad-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub c).

68      Għandu jiġi rilevat, f’dan ir-rigward, li wara l-preżentazzjoni tal-ilment tat-28 ta’ Lulju 2009, it-talbiet li jintbagħtu l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti b) u c) kienu s-suġġetti ta’ deċiżjoni espliċita ta’ rifjut, mibgħuta permezz ta’ posta elettronika tal-EPSO, tal-14 ta’ Settembru 2009.

69      Barra minn hekk, sa fejn permezz tal-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009, l-EPSO rrifjuta fil-prattika li jibgħat lir-rikorrenti l-eżamijiet bil-miktub b) u c) kif ukoll in-nota ta’ evalwazzjoni individwali mitlubin, liema talbiet kienu diġà s-suġġett tad-deċiżjonijiet li rrifjutaw li jintbagħtu l-eżamijiet bil-miktub b) u c), ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-konklużjonijiet għall-annullament tad-deċiżjoni mibgħuta permezz tal-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabblita li konklużjonijiet formali mressqa kontra r-rifjut ta’ lment għandhom bħala effett li jgħarrfu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bl-att li kontra tiegħu ġie ppreżentat l-ilment meta r-rifjut tal-ilment hija, bħal din, nieqsa minn kontenut awtonomu, sa fejn id-deċiżjoni ta’ rifjut hija purament konferma tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Munch vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Mill-punti preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli għal dak li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub b) u tad-deċiżjoni li tirrifjuta li jintbagħat l-eżami bil-miktub c).

 Fuq il-mertu

71      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li t-talbiet suċċessivi tar-rikorrenti sabiex jintbagħtu dokumenti mill-EPSO kienu jirrigwardaw il-kitbiet li hija kienet wettqet fil-kuntest tal-eżamijiet bil-miktub b) u c) u n-nota ta’ evalwazzjoni imsemmija miktuba mill-Bord tal-Għażla kif ukoll il-korrezzjonijiet tal-imsemmija kitbiet.

72      Għalkemm huwa minnu li għal dak li jirrigwarda t-talbiet li jintbagħtu l-eżamijiet bil-miktub b) u c), li kienu l-kitbiet imwettqa mir-rikorrenti fil-kuntest taż-żewġ eżamijiet, u tan-noti ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija kitbiet stabbiliti mill-bord, l-EPSO ma laqgħethomx fit-termini ffissati mill-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni u lanqas ma annettithom mal-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009, xorta jibqa’ l-fatt li kopja tal-kitbiet fuq imsemmija mwettqa mir-rikorrenti kif ukoll in-noti ta’ evalwazzjoni ta’ kull eżami stabbiliti mill-Bord tal-Għażla ntbagħtu lilha fil-mori tal-kawża, speċifikatament permezz ta’ ittra tal-EPSO tas-16 ta’ Ġunju 2010, u li dawn id-dokumenti jinsabu fil-proċess tal-proċedura, bħala annessi mar-risposta tal-Kummissjoni.

73      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ konklużjonijiet għal-kumpens, ir-rikors ma għadx għandu skop għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet li rrifjutaw li jintbagħtu l-eżamijiet bil-miktub b) u c), peress li dawn id-deċiżjonijiet rrifjutaw li jintbagħtu l-kitbiet imwettqa mir-rikorrenti u n-noti ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija kitbiet mill-Bord tal-Għażla. Għandu jiżdied li, sa fejn hija ammissibbli, din hija tilwima ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u li konsegwentement it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux f’dan il-każ ġurisdizzjoni sħiħa, u huwa dan li jipprekludih milli jeżamina jekk hemmx lok li jikkundanna l-uffiċċju konvenut għall-ħlas ta’ kumpens għall-preġudizzju kkawżat b’dan in-nuqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C-583/08 P, punt 44).

74      Għalhekk jibqa’ biss li jiġu eżaminati t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li rrifjutaw li jintbagħtu l-eżamijiet bil-miktub b) u c), inkwantu dawn id-deċiżjonijiet irrifjutaw li jintbagħtu dawn l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti.

75      Insostenn tar-rikors kollu kemm hu, ir-rikorrenti qajmet diversi motivi bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tad-dritt tal-kandidat li jaċċedi għal-informazzjoni li tikkonċernah, it-tieni, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba tal-Kummissjoni, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trasparenza u r-raba’, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Il-ħames motiv, dedott mill-ksur ta’ regoli stabbiliti għall-ħidma tal-Bord tal-Għażla u tal-kriterji tal-eżami fis-seħħ, tqajmet biss insostenn tal-konklużjonijiet għal-fini tal-annullament tad-deċiżjoni li ma titħallix tipparteċipa fl-eżami orali, li ġew iddikjarati inammissibbli fil-punt 64 ta’ din is-sentenza.

76      Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jillimita l-eżami tiegħu għall-ewwel erba’ motivi mqajma insostenn tar-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-kandidat li jaċċedi għall-informazzjoni li tikkonċernah

 L-argumenti tal-partijiet

77      Ir-rikorrenti targumenta li l-fatt li ma ntbagħtux lilha l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti b) u c) tagħha huwa kuntrarju għad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jaċċedu għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mogħti bir-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE), tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Dan ir-rifjut huwa kuntrarju wkoll għall-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni u għall-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati. L-aċċess għall-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħha setgħu jippermettu lir-rikorrenti li tifhem l-iżbalji li għamlet u li titjieb fil-futur.

78      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv ikun miċħud.

 Evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

79      Għal dak li jirrigwarda l-ksur allegat tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma segwitx il-proċedura amministrattiva obbligatorja li għandha titwettaq qabel, prevista mill-Artikoli 6 et seq ta’ dan ir-regolament, sabiex tikseb l-aċċess għad-dokumenti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, qabel ma ppreżentat il-kawża tagħha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u huwa dan li jirrendi l-ewwel motiv inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tar-regolament fuq imsemmi.

80      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita sew ir-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi regola ta’ natura ġenerali li tiddetermina l-prinċipji ġenerali li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jaċċedu għad-dokumenti tal-istitizzjonijiet ikkonċernati fis-setturi kollha tal-Unjoni, inkluż f’dak tas-servizz pubbliku (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Mejju 2006, Kallianos vs Il-Kummissjoni, T-93/04, punt 87). Madankollu, bħar-regoli ta’ natura ġenerali kollha, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti hekk previst jista’ jkun ippreċiżat, estiż, jew għall-kuntrarju, ristrett, u anki eskluż — skont il-prinċipju li ġej li regola speċjali tidderoga regola ġenerali (lex specialis derogat legi generali) — meta jeżistu regoli speċjali li jirrigwardaw oqsma speċifiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il-Kunsill, T-376/03, punt 55, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T-371/03, punt 122; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-20 ta’ Jannar 2011, Strack vs Il-Kummissjoni, F-121/07, punt 65, li hija s-suġġett ta’ żewġ appelli pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-197/11 P u Kawża T-198/11 P).

81      L-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, il-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni u l-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati jikkostitwixxi, preċiżament, dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw dawk tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex dawn jirrigwardaw l-aċċess għal tip ta’ dokumenti speċifiċi, jiġifieri l-eżamijiet bil-miktub imwettqa mill-kandidati kif ukoll in-noti ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet mill-Bord tal-Għażla.

82      Isegwi li anki jekk ir-rikorrenti kienet segwit il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 et seq tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma japplikawx f’dan il-każ.

83      Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni u tal-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati, jirriżulta mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li huma ma jipprovdux li l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti għandhom jintbagħtu lill-kandidati.

84      Fil-fatt, l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tal-kandidati jinkludu evalwazzjonijiet ta’ natura personali u komparattivi fir-rigward tal-kandidati u jaqgħu għalhekk taħt l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi b’mod speċifiku l-proċedura tal-kompetizzjoni, u jipprovdi li “[ix-]xogħol tal-Bord tal-Għażla huwa sigriet”. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tindika, li dan is-sigriet ġie stabbilit fid-dawl li tkun iggarantita l-indipendenza tal-bordijiet ta’ kompetizzjoni u l-oġġettività tax-xogħol tagħhom, billi tissalvagwardjahom minn kull indħil jew pressjonijiet esterni, li jsiru mill-amministrazzjoni stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. Ir-rispett ta’ dan is-sigriet jipprekludi, għalhekk, kemm l-iżvelar tal-attitudnijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bordijiet tal-Għażla kif ukoll ir-rivelazzjoni tal-punti kollha li jittrattaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li tikkonċerna l-kandidati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C-254/95 P, punt 24; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-27 ta’ Marzu 2003, Martíneż Páramo et vs Il-Kummissjoni, T-33/00, punt 44, u Hendrickx vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

85      Isegwi li sa fejn ir-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikax f’dan il-każ u li l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, il-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni u l-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati ma jobbligawx lill-EPSO li tibgħat lill-kandidati l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħhom, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

86      Ir-rikorrenti targumenta li billi ma bagħtitilhiex kopja tal-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti b) u c) tagħha, l-EPSO ma osservatx l-Artikolu 296 TFUE u lanqas it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li d-deċiżjoni ta’ rifjut ma kinitx immotivata. L-EPSO kisret ukoll l-Anness tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Ottubru 2000, li temenda r-Regolament intern tagħha (ĠU L 267, p. 63), intitolat “K[odiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba għal-Persunal tal-Kummissjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku]” (iktar ’il quddiem “kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba”), li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tirrispondi għat-talbiet indirizzati lilha fit-terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, u li d-deċiżjonijiet kollha ta’ din l-istituzzjoni għandhom jindikaw b’mod ċar il-motivi li fuqhom huma bbażati u li jiġu kkomunikati lill-persuni u partijiet kkonċernati.

87      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

88      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, min-naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indizji meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex infondata u, min-naħa l-oħra, li jagħmel possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Għażla, dan l-obbligu għandu madankollu jkun irrikonċiljat mar-rispett tas-sigriet li japplika għax-xogħol tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jikkunsidra n-natura tax-xogħol inkwistjoni li jinkludi, b’mod ġenerali, tal-inqas stadji distinti, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-analiżi tal-kandidaturi sabiex jintgħażlu l-kandidati li ser jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u, fit-tieni lok, l-analiżi tal-kapaċitajiet tal-kandidati għal-pożizzjoni li trid timtela’, sabiex issir lista ta’ kapaċitajiet. It-tieni stadju tax-xogħol tal-Bord tal-Għażla huwa qabel xejn ta’ natura komparattiva u, għalhekk, huwa kopert bis-sigriet inerenti għal dan ix-xogħol. Il-kriterji ta’ korrezzjoni adottati mill-Bord tal-Għażla qabel l-eżamijiet huma parti integrali tal-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li jwettaq il-Bord tal-Għażla fuq il-merti tal-kandidati rispettivi. Dawn il-kriterji huma għalhekk koperti bis-sigriet tad-deliberazzjoni, bħal ma huma l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla. L-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li jagħmel il-Bord tal-Għażla huma riflessi fin-noti li dan tal-aħħar jagħti lill-kandidati. Ikkunsidrat is-sigriet li għandu japplika għax-xogħol tal-Bord tal-Għażla, li jintbagħtu n-noti miksuba fl-eżamijiet differenti tikkostitwixxi motivazzjoni biżżejjed tad-deċiżjonijiet tal-bord, peress li dan tal-aħħar mhux obbligat li jippreċiża r-risposti tal-kandidati li kienu meqjusa insuffiċjenti (sentenza Il-Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 31; sentenza Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 sa 52; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-30 ta’ April 2008, Dragoman vs Il-Kummissjoni, F-16/07, punt 63).

89      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi ikkonstatat, qabel xejn li, sabiex timmotiva r-rifjut li jintbagħtu lir-rikorrenti l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti b) u c) tagħha, il-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009 tagħmel riferiment għall-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li x-xogħol tal-Bord tal-Għażla huwa sigriet; u mbagħad li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, il-komunikazzjoni tan-noti miksuba fl-eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti, il-Bord tal-Għażla mhux obbligat li jispeċifika r-risposti tal-kandidati meqjusa insuffiċjenti; u fl-aħħar nett, li l-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati, test li r-rikorrenti kellha, ma jipprovdix li l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti għandhom jintbagħtu lill-kandidati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija ma kellhiex l-indizji meħtieġa sabiex tkun taf jekk ir-rifjut li jintbagħtu l-eżamijiet bil-miktub b) u c) tagħha, li tiegħu ħadet konjizzjoni permezz tal-posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2009, kienx infondat.

90      L-argument tar-rikorrenti li l-EPSO aġixxiet kontra d-dispożizzjonijeit tal-kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba lanqas ma jista’ jirnexxi, peress li dan il-kodiċi ma japplikax f’dan il-każ. Fil-fatt, fl-ewwel lok, jirriżulta mit-titolu stess tal-imsemmi kodiċi li huwa jindirizza l-persunal tal-Kummissjoni, u li huwa intiż sabiex jirregola r-relazzjonijiet ta’ dan il-persunal mal-pubbliku. Fit-tieni lok, għandu jkun irrilevat li l-imsemmi kodiċi jfakkar fid-dispożizzjonijiet iddedikati għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, li r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-persunal tagħha huma rregolati esklużivament mir-Regolamenti tal-Persunal.

91      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li hija sempliċi membru tal-pubbliku għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni tagħha mal-EPSO. Fil-fatt, min-naħa, jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620 li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal, it-talbiet u l-ilmenti relattivi għall-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mill-Artikoli 2(1) u (2) tal-imsemmija deċiżjoni huma ppreżentati quddiem l-[EPSO]. Min-naħa l-oħra, peress li pparteċipat fil-kompetizzjoni bħala kandidat, kull talba għall-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija kompetizzjoni quddiem l-EPSO hija rregolata mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, il-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni u mill-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati.

92      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trasparenza

 L-argumenti tal-partijiet

93      Ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 15 TFUE, it-trasparenza hija prinċipju bażiku tal-Unjoni, li kull istituzzjoni u organu tal-Unjoni għandhom jiżguraw it-trasparenza tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, l-Ombudsman indika li t-trasparenza għandha tirregola l-proċeduri ta’ reklutaġġ u fformula xi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni f’dan is-sens. Fl-aħħar nett, l-EPSO stess fil-programm ta’ żvilupp tagħha, ippubblikat fuq is-sit internet tagħha fil-11 ta’ Settembru 2008, intiż għall-immodernizzar tal-approċċ tas-selezzjoni tal-kandidati tagħha, jirrikjedi t-trasparenza tal-proċeduri tar-reklutaġġ. Billi rrifjuta li jibgħat l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti b) u c) tagħha, l-EPSO aġixxa bi ksur tal-prinċipju tat-trasparenza.

94      Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv ma għandux bażi.

 L-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

95      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li x-xogħol tal-Bord tal-Għażla huwa sigriet.

96      Għalhekk, meta istituzzjoni tal-Unjoni tirrifjuta li tibgħat lill-kandidat l-eżami bil-miktub ikkoreġut tiegħu, dan tal-aħħar ma jistax jibbaża ruħhu b’mod validu fuq il-kunċett tat-trasparenza sabiex jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza Le Voci vs Il-Kunsill, iktar ’il fuq, punt 124).

97      Din il-konklużjoni ma tistax terġa’ tkun ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti dwar dritt ta’ aċċess ipotetiku tal-kandidati ta’ kompetizzjoni għat-testi bil-miktub ikkoreġuti, ibbażat fuq rakkomandazzjoni tal-Ombudsman lill-Kummissjoni, tat-18 ta’ Ottubru 1999, dwar l-aċċettazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, u dwar investigazzjoni tal-Ombudsman, li bdiet fl-2005, u li ser tintemm mar-rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-obbligu, ta’ din tal-aħħar, li tinforma lill-kandidati li għamlu t-talba dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni.

98      Fil-fatt, fl-ewwel lok, huwa minnu li r-rapport speċjali tal-Ombudsman lill-Parlament Ewropew 1004/97/(PD)GG, tat-18 ta’ Ottubru 1999, li huwa disponibbli fuq is-sit internet tal-Ombudsman, jinkludi rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni f’dan is-sens li, mill-1 ta’ Lulju 2000 jew iktar tard, hija għandha tagħti aċċess għat-testi kkoreġuti proprji tagħha lill-kandidati ta’ kompetizzjoni li għamlu t-talba u li, fl-Istqarrija għall-Istampa 15/2000, tal-31 ta’ Lulju 2000, iċċitata mir-rikorrenti, li huwa disponibbli fuq is-sit internet tal-Ombudsman, hemm indikat li, “[i]l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li tiġi fis-seħħ f’Lulju 2000”. Huwa minnu wkoll li fl-2005 l-Ombudsman beda investigazzjoni OI/5/05/PB dwar l-aċċess tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ffissati mill-Bordijiet tal-Għażla għall-eżamijiet bil-miktub, investigazzjoni li ngħalqet bl-imsemmija rakkomandazzjoni.

99      Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li kif jirriżulta mill-punti 84 u 95 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandu għan proprju, iġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku, u jsemmi b’mod speċifiku x-xogħol tal-Bord tal-Għażla. Issa, skont il-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni u l-punt 3 tat-Taqsima III tal-Gwida tal-kandidati, id-dritt speċifiku mogħti lill-kandidati li jaċċedu għall-informazzjoni li tikkonċernahom relatata mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjoni mhux assolut u lanqas mingħajr limiti iżda jikkonsisti, għal dawk li ma għaddewx mill-eżamijiet bil-miktub, li jiksbu kopja tal-eżami bil-miktub tagħhom u n-nota ta’ evalwazzjoni individwali tal-eżami bil-miktub tagħhom flimkien mal-marki mogħtija mill-Bord tal-Għażla.

100    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti dwar l-eventwali obbligu tal-Kummissjoni jew tal-EPSO li jibagħtu lill-kandidati ta’ kompetizzjoni l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħhom ma hija sostnuta minn ebda prova.

101    Għal dak li jirrigwarda l-argument dwar it-trasparenza tal-proċeduri tar-reklutaġġ li jirrikjedi l-programm ta’ żvilupp tal-EPSO tal-2008, imsemmi fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari l-miżura nru 13, għandu jiġi rrilevat, mingħajr preġudizzju għal-valur legali tiegħu, li f’dan il-programm ta’ żvilupp hija kwistjoni ta’ trasparenza unikament b’rabta mal-introduzzjoni, fil-proċedura tal-kompetizzjoni, ta’ intervisti strutturati matul l-eżamijiet orali u b’rabta mal-użu tal-listi ta’ riżerva mill-istituzzjonijiet differenti. Għal dak li jirrigwarda, b’mod konkret, il-miżura nru 13, din tindika biss li l-Kunsill Amministrattiv tal-EPSO approva l-introduzzjoni, fil-proċedura tal-kompetizzjoni, ta’ mekkaniżmu sabiex jiffaċilita l-aċċess tal-kandidati għall-informazzjoni kompleta, bl-iskop li jitnaqqas in-numru ta’ lmenti u ta’ rikorsi, madankollu mingħajr ma tat definizzjoni tal-kontenut konkret tal-informazzjoni li għaliha l-kandidati għandu jkollhom aċċess.

102    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tibqa’ tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-14 ta’ Ottubru 2008, Meierhofer vs Il-Kummissjoni (F-74/07, annullata fl-appell — iżda minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni — mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Meiehofer, T-560/08 P), li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ma tinkludix lir-rikorrent fil-lista ta’ riżerva, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tipproduċi, sabiex tikkompleta l-komunikazzjoni tan-nota individwali eliminatorja li r-rikorrenti kisbet fl-eżami orali, preċiżazzjonijiet addizzjonali bħan-noti intermedjarji li ntużaw fil-kalkolu tal-imsemmija nota u, jekk ikun il-każ, in-nota ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Meiehofer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kien it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stess li ordna l-produzzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, li ma kinux jirrigwardaw, bħal f’dan il-każ, rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament

 L-argumenti tal-partijiet

103    Ir-rikorrenti targumenta li hija ġiet irrifjutata l-aċċess għall-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħha, meta f’kawżi oħra il-Kummissjoni kienet bagħtithom lill-kandidati, bħala regoli ġenerali, wara lment magħmul quddiem l-Ombudsman, u tiċċita sentenzi tal-qrati tal-Unjoni li fihom fil-fatt intbagħtu.

104    Il-Kummissjoni tindika li l-kandidati tal-kompetizzjoni kollha kienu ttrattati bl-istess mod u li l-politika ġenerali tal-EPSO hija li ma tibgħatx l-eżamijiet ikkoreġuti, għaliex dawn huma protetti bis-sigriet li japplika għax-xogħol tal-Bordijiet tal-Għażla.

 L-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

105    Skont ġurisprudenza stabblita, ikun hemm ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku jew meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jippreżentawx differenzi sostanzjali, jingħataw trattament differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il-Kunsill, T-368/03, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tippretendix li hija ngħatat trattament differenti mill-kandidati l-oħra tal-kompetizzjoni għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti, iżda mill-kandidati ta’ kompetizzjonijiet oħra li ngħataw aċċess għall-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħhom.

107    Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti invokat żewġ kategoriji ta’ eżempji. L-ewwel kategorija tikkonsisti minn eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom istituzzjoni bagħtet lill-kandidat l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tiegħu, wara l-intervent tal-Ombudsman abbażi ta’ lment li ġie indirizzat lilu mill-imsemmi kandidat. It-tieni kategorija hija rrappreżentata f’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u żewġ sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

108    Għal dak li jirrigwarda l-kawżi tal-ewwel kategorija ta’ eżempji, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma indirizzatx ilment lill-Ombudsman. Hija ma tistax għalhekk tippretendi li tkun ittrattata mill-EPSO bl-istess mod tal-kandidati li għamlu lment quddiem l-Ombudsman. Għal dik li hija t-tieni kategorija ta’ eżempji, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li jirriżulta mis-sentenza Le Voci vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li jekk, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Kunsill mexa fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li quddiemu il-kandidat ressaq ilment, u bagħat lill-kandidat kopja tal-eżami bil-miktub tiegħu flimkien mal-marki, il-Kunsill b’daqshekk ma obbligax ruħu bl-iżvelar sistematiku tal-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti fil-futur, peress li l-portata ta’ tali deċiżjoni tal-istituzzjoni hija ristretta għal każ inkwistjoni, waqt li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Van Neyghem vs Il-Kummissjoni u Dragoman vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, bħar-rikorrenti f’din il-kawża, irċevew l-eżamijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll in-noti ta’ evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla.

109    Isegwi li r-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

110    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tieni titolu tat-tmien kapitolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-imsemmija regoli, “[p]arti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.”

112    F’dan il-każ, jekk jirriżulta mill-motivi u talbiet hawn fuq imsemmija li r-rikorrenti hija l-parti telliefa u li l-Kummissjoni talbet li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jirriżulta wkoll li minkejja li r-rikorrenti talbet f’diversi okkażjonijiet li tintbagħat informazzjoni li tikkonċernaha, relatata mal-eżamijiet bil-miktub b) u c) tagħha, billi segwiet il-proċedura stabbilita mill-punt 4 tat-Taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni, u peress li rċeviet diversi korrispondenzi mill-EPSO li kienu jipprovdu li d-dokumentazzjoni mitluba ġiet annessa, l-EPSO ma laqgħetx it-talba li tintbagħat l-informazzjoni ħlief fis-16 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri meta r-rikorrenti kienet diġà ppreżentat dan ir-rikors. B’hekk, l-EPSO kisret l-obbligu msemmi fl-avviż tal-kompetizzjoni li għandha tibgħat lil kandidat li jagħmel it-talba, informazzjoni addizzjonali dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-kompetizzjoni. Barra minn hekk, u anki jekk l-informazzjoni mitluba ma kinitx indispensabbli għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-ilment, ma jistax ikun eskluż li, kieku r-rikorrenti rċevithom fil-ħin, hija setgħet tipprepara aħjar l-ilment u r-rikors tagħha, u anki tiddeċiedi li ma tippreżentax ir-rikors. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, u peress li ġie ppreċiżat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura mhux ristrett biss għall-każijiet li fihom l-amministrazzjoni esponiet lir-rikorrenti għall-spejjeż fiergħa u vessatorji, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ E. Cuallado Martorell.

Rofes i Pujol

Boruta

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2012.

W. Hakenberg

 

      M. I. Rofes I Pujol

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.