Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Polonja) fit-3 ta’ Mejju 2019 – Delfly sp. z o.o. vs Travel Service Polska sp. z o.o.

(Kawża C-356/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Delfly sp. z o.o.

Konvenuta: Travel Service Polska sp. z o.o.

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tirregolax biss il-portata tal-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens iżda wkoll il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-passiġġier jew l-aventi kawża tiegħu jista’ jeżiġi, b’mod validu, il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 400 f’munita oħra, b’mod partikolari fil-munita nazzjonali tal-post ta’ residenza tal-passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata jew ittardjat?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, skont liema kriterji għandha tiġi ddeterminata l-munita li fiha l-passiġġier jew l-aventi kawża tiegħu jista’ jitlob il-ħlas u liema rata ta’ skambju għandha tapplika?

L-Artikolu 7(1) jew dispożizzjonijiet oħrajn tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jipprevedu li t-talba ta’ passiġġier jew tal-aventi kawża tiegħu għandha tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li dan ikun esprima t-talba b’mod żbaljat fil-munita nazzjonali tal-post ta’ residenza tal-passiġġier, minflok f’euros, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-regolament?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7 Vol. 8, p. 10