Language of document : ECLI:EU:C:2017:287

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-6 ta’ April 2017 (1)

Kawża C531/15

Elda Otero Ramos

vs

Servicio Galego de Saúde

u

Instituto Nacional de la Seguridad Social

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Galicia, Spanja)]

“Politika soċjali – Direttiva 2006/54/KE – Trattament ugwali tal-ħaddiema nisa u rġiel – Artikolu 19 – Regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova – Direttiva 92/85/KEE – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol”






1.        B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), qiegħda tfittex gwida dwar l-interpretazzjoni tar-regoli li jpoġġu l-oneru tal-prova fuq il-konvenut f’każijiet fejn ir-rikorrent isostni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat fil-konfront tiegħu minħabba s-sess. Din l-inverżjoni tal-oneru tal-prova hija dderivata mid-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (2). Il-kawża prinċipali tikkonċerna ħaddiema li tisħaq li waqt il-perijodu tat-treddigħ tat-tarbija tagħha, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha setgħu jinfluwenzaw b’mod negattiv lil saħħitha jew dik tat-tarbija tagħha. L-ilment tagħha sar f’konformità mar-regoli nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (3). Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrikjedu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti gwida dwar kif dik id-direttiva għandha tinqara flimkien mar-regoli fid-Direttiva 2006/54 dwar l-oneru tal-prova.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.        L-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inklużi l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

 Id-Direttiva 89/391

3.        Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (5) tiddefinixxi “prevenzjoni” bħala li tfisser “il-passi jew miżuri kollha meħuda jew mfassla fil-fażijiet kollha ta’ xogħol fl-intrapriża sabiex jipprevjenu jew inaqqsu riskji kkaġunati mix-xogħol” (6). Id-direttiva tipprovdi li gruppi tar-riskju partikolarment sensittivi jridu jiġu protetti kontra l-perikoli li jaffettwawhom speċifikament (7) u tagħti s-setgħa lil-leġiżlatura tal-UE tadotta direttivi individwali sabiex tinkoraġġixxi titjib fl-ambjent tax-xogħol fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema (8).

 Id-Direttiva 92/85

4.        L-objettivi tad-Direttiva 92/85 jinkludu l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema (9). Ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu għandhom jitqiesu bħala grupp ta’ riskju speċifiku (10). Tali protezzjoni ma għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward l-ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa (11). Xi attivitajiet jistgħu jkunu ta’ riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi għal ħaddiema li qegħdin ireddgħu. F’każijiet rilevanti, dawn ir-riskji għandhom jiġu stmati u r-riżultat tal-istima kkomunikat lill-ħaddiema nisa (12). Meta l-istima tiżvela l-eżistenza ta’ riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa ta’ ħaddiema mara, irid isir provvediment għall-protezzjoni tagħha (13). Ħaddiema li qegħdin ireddgħu ma għandhomx jagħmlu attivitajiet li jkunu ġew stmati li fihom riskju ta’ espożizzjoni għal ċerti aġenti jew kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment perikolużi li jheddu s-sigurtà u s-saħħa tagħhom (14).

5.        L-Artikolu 1(1) jipprovdi li l-iskop tad-Direttiva 92/85 “li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.”

6.        Ħaddiema li qiegħda tredda’ hija ddefinita fl-Artikolu 2(ċ) bħala “ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika” (15).

7.        Kif meħtieġ skont l-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni fasslet Linji gwida dwar l-istima ta’ aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 (16).

8.        L-Artikolu 4(1) jipprovdi li għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol, elenkati b’mod mhux eżawrjenti fl-Anness I (17), min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2. Din issir sabiex jiġi stmat kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq, inter alia, it-treddigħ tal-ħaddiema kkonċernata u sabiex jiġi deċiż liema miżuri għandhom jittieħdu. Skont l-Artikolu 4(2), il-ħaddiema kkonċernata trid tiġi informata bir-riżultati tal-istima u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u għas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-Linji gwida jservu bħala l-bażi għal dik l-istima.

9.        L-Artikolu 5 huwa intitolat “Azzjoni wara r-riżultati ta’ l-istima”. Dan jgħid:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva [89/391], jekk ir-riżultati ta’ l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta’ ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta’ dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.

2.      Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

3.      Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.

[…]”

10.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 jaqra kif ġej:

“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’ dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

1.      fil-każijiet imsemmija fl-[Artikolu 5], id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta’, u/jew l-intitolament għal benefiċċju adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

[…]”

 Id-Direttiva 2006/54

11.      Il-premessi tad-Direttiva 2006/54 isostnu, l-ewwel nett, li d-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE (18) stipulat dispożizzjonijiet biex, inter alia, jiġi implementat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa (19). It-tieni nett, huwa ċar mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li trattament sfavorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess. Tali trattament għalhekk għandu jiġi espressament kopert mid-Direttiva 2006/54 (20). It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kontinwament irrikonoxxiet il-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li tiġi protetta l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala u l-maternità, u li jiġu introdotti miżuri ta’ protezzjoni tal-maternità bħala mezz biex tintlaħaq ugwaljanza sostanzjali. Id-Direttiva 2006/54 għandha għalhekk tkun bla preġudizzju għad-Direttiva 92/85 (21). Għalhekk, l-għanijiet tad-Direttiva 2006/54 jinkludu l-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tan-nisa bil-leave tal-maternità, li jiġi żgurat li ma jsofrux detriment fit-termini u l-kundizzjonijiet bħala riżultat li jieħdu dak il-leave u li jibbenefikaw minn kull titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu jkunu intitolati għalih waqt l-assenza tagħhom (22).

12.      Ir-raba’ nett, il-premessi jirrikonoxxu li “[l]-adozzjoni ta’ regoli fuq id-dmir [l-oneru] tal-prova jilgħab irwol sinifikanti sabiex jassigura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jista’ jkun effettivament infurzat. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja […], għalhekk għandhom jittieħdu dispozizzjonijiet li jiżguraw li d-dmir tal-prova jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta’diskriminazzjoni, barra meta jkun hemm proċeduri fejn huwa għall-qorti jew organi nazzjonali oħra kompetenti sabiex jinvestigaw il-fatti. Huwa għalhekk neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. Il-quddiem huwa għall-Istati Membri li jintroduċu, skond proċeduri xierqa, regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi” (23).

13.      L-Artikolu 1 jipprovdi li l-għan tad-Direttiva 2006/54 huwa “li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.”

14.      Fl-Artikolu 2(1)(a) huwa stabbilit li diskriminazzjoni diretta tirriżulta “fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli”. Diskriminazzjoni indiretta teżisti “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa” (Artikolu 2(1)(b)). Għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(ċ), “diskriminazzjoni” tinkludi “kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens [tad-Direttiva 92/85]”.

15.      Dispożizzjonijiet speċifiċi bħall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni rigward il-paga ugwali u ugwaljanza fit-trattament fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali huma stabbiliti fit-Titolu II. Il-Kapitolu 3 jifforma parti mit-Titolu II u fih l-Artikolu 14, li jipprojbixxi diskriminazzjoni rigward l-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ vokazzjonali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg.

16.      L-Artikolu 19, li jifforma parti mit-Titolu III (“Dispożizzjonijiet orizzontali”), jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-kwerelanti.

[…]

4.      Paragrafi [1 u 2] għandhom japplikaw ukoll għal:

(a)      is-sitwazzjonijiet koperti […], safejn hija kkonċernata d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mid-[Direttiva 92/85] […]

[…]”

17.      Skont l-Artikolu 28, id-Direttiva 2006/54 għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet (tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali) dwar il-protezzjoni tan-nisa, partikolarment fir-rigward tat-tqala u l-maternità. Huwa stabbilit ukoll speċifikament li din għandha tkun bla preġudizzju, inter alia, għad-Direttiva 92/85.

 Il-leġiżlazzjoni Spanjola

18.      Skont l-Artikolu 26(1) tal-Ley de Prevención de Riesgos Laborales (il-liġi dwar il-prevenzjoni ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol) (iktar ’il quddiem l-“LPRL”), l-istima tar-riskju għal ħaddiema tqal jew li welldu reċentement trid tinvolvi determinazzjoni tan-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lis-saħħa tal-ħaddiema jew tal-fetu f’kull attività li x’aktarx tippreżenta riskju speċifiku. Jekk ir-riżultati ta’ dik l-istima jiżvelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew effett possibbli fuq mara tqila jew li qiegħda tredda’, min iħaddem għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jevita l-espożizzjoni għal dak ir-riskju billi jadatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol tal-persuna kkonċernata. Tali miżuri għandhom jinkludu, jekk ikun hemm bżonn, l-eżenzjoni mix-xogħol billejl jew xogħol bix-xift.

19.      F’konformità mal-Artikolu 26(2) ta’ dik il-liġi, jekk adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew ħinijiet tax-xogħol ma jkunx possibbli jew jekk, minkejja tali adattament, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ikollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema tqila jew tal-fetu, din għandha twettaq kompiti differenti li jkunu kompatibbli mal-kundizzjoni tagħha. Wara li jikkonsulta mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, min iħaddem għandu jistabbilixxi lista ta’ impjiegi ħielsa minn riskji. Għandu jsir it-trasferiment għal tali impjieg fejn ikun possibbli. Madankollu, l-Artikolu 26(3) jipprovdi li jekk il-bidla fl-impjieg ma hijiex teknikament jew oġġettivament possibbli, jew ma tistax tkun raġonevolment meħtieġa għal motivi sostanzjati, il-kuntratt tal-ħaddiema kkonċernata jista’ jiġi sospiż minħabba riskju waqt it-tqala, għall-perijodu neċessarju biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tagħha u sakemm jibqa’ impossibbli għaliha li tirritorna għall-impjieg li kellha jew impjieg ieħor kompatibbli mal-kundizzjoni tagħha.

20.      Skont l-Artikolu 26(4) ta’ dik il-liġi, ħaddiema li qiegħda tredda’ lit-tarbija tagħha taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26(1) u (2) jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha jista’ jkollhom effett negattiv fuq saħħitha jew dik tat-tarbija tagħha u jinħareġ ċertifikat f’dan ir-rigward mid-dipartiment mediku, inter alia, tal-Instituto Nacional de la Seguridad Social (istitut nazzjonali għas-sigurtà soċjali) (iktar ’il quddiem l-“INSS”), flimkien ma’ rapport mit-tabib tas-Servicio Nacional de Salud (servizz nazzjonali tas-saħħa) li jittratta lill-ħaddiema jew lit-tarbija tagħha. Bl-istess mod, il-ħaddiema kkonċernata jista’ jkollha l-kuntratt tagħha sospiż skont l-Artikolu 26(3) minħabba r-riskju waqt it-treddigħ ta’ tarbija li għandha inqas minn disa’ xhur jekk trasferiment lejn impjieg ieħor ikun impossibbli fil-każ tagħha.

21.      L-Artikolu 135 bis tal-Ley General de la Seguridad (iktar ’il quddiem il-“liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali”) jipprovdi li, għall-finijiet tal-benefiċċji finanzjarji mħallsa lil omm li qiegħda tredda’, meqjusa li tinsab f’riskju fl-impjieg tagħha (iktar ’il quddiem il-“benefiċċji finanzjarji”), il-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt tagħha jikkostitwixxi “sitwazzjoni protetta” fejn ma jkunx possibbli għaliha li timxi lejn impjieg ieħor f’konformità mal-Artikolu 26(4) tal-LPRL.

22.      Il-qorti tar-rinviju żżid li l-Ley Orgánica 3/2007, de 22 de marzo, para la igualdad efectiva de mujeres y hombres (Liġi Organika 3/2007 tat-22 ta’ Marzu dwar l-ugwaljanza effettiva bejn l-irġiel u n-nisa) introduċiet dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-ommijiet tqal f’riskju matul il-perijodu tat-treddigħ tat-trabi tagħhom. Qabel dan l-att, il-pożizzjoni ma kinitx irregolata mid-dritt Spanjol; il-leġiżlazzjoni ġiet introdotta għall-finijiet tal-konformità mad-Direttiva 92/85 u partikolarment mal-Artikolu 5(3) ta’ dik id-direttiva.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

23.      Elda Otero Ramos hija impjegata bħala infermiera fid-dipartiment tal-emerġenza tas-Centro Hospitalario Universitario de A Coruña (iċ-Ċentru tal-Isptar tal-Università, Coruña; iktar ’il quddiem l-“isptar”), li huwa parti mis-Servicio Galego de Saúde (is-servizz tas-saħħa ta’ Galicia). Fit-22 ta’ Diċembru 2011 hija welldet tifla li bdiet treddagħha.

24.      Fit-8 ta’ Mejju 2012, E. Otero Ramos talbet ċertifikat mediku mill-INSS li jiċċertifika li hija kienet taqa’ fi ħdan id-definizzjoni ta’ ħaddiema li qiegħda tredda’ lit-tarbija tagħha fis-sens tar-regoli nazzjonali u li t-twettiq tal-kompiti tagħha bħala infermiera fid-dipartiment tal-emerġenza tal-isptar kien qiegħed ipoġġiha f’riskju (24).

25.      L-informazzjoni segwenti ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni relatata mat-talba ta’ E. Otero Ramos: fl-ewwel lok, dikjarazzjoni mid-direttur tar-riżorsi umani fl-isptar li tiddikjara li: (i) hija kienet infermiera fid-dipartiment tal-emerġenza; (ii) il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha kienu jinvolvu x-xogħol bix‑xift ta’ filgħodu, waranofsinhar, filgħaxija u billejl; (iii) ir-riskju speċifiku li rriżulta f’każ ta’ omm li qiegħda tredda’ kien identifikat f’rapport dwar il-mediċina preventiva mehmuż mad-dikjarazzjoni; u (iv) il-pożizzjoni tagħha ġiet “[…] ikklassifikata bħala ħielsa minn riskji fil-lista li tiġbor il-pożizzjonijiet tax-xogħol magħmula minn min iħaddimha wara konsultazzjoni minn qabel mar-rappreżentanti tal-ħaddiema”; fit-tieni lok, ir-rapport tat-tabib fid-dipartiment tal-mediċina preventiva għal riskji fuq il-post tax-xogħol (imsemmi f’(iii) iktar ’il fuq), li kkonferma li E. Otero Ramos ġiet evalwata u li r-rapport mediku li pprovdiet ġie eżaminat ukoll; it-tabib iddikjaraha “tajba” “[…] sabiex twettaq id-dmirijiet li jagħmlu parti mill-impjieg tagħha, mingħajr riskju għat-treddigħ” (25).

26.      Jumejn wara, bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2012, l-INSS irrifjuta t-talba ta’ E. Otero Ramos minħabba li ma kienx ġie stabbilit li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha kienu jaffettwaw saħħitha (jew dik tat-tarbija tagħha) b’mod negattiv. Għalhekk, hija ġiet informata li ma kienx ikun xieraq li tinbeda l-proċedura għall-kisba tal-benefiċċji finanzjarji (26).

27.      Fil-11 ta’ Lulju 2012, E. Otero Ramos ikkontestat id-deċiżjoni tal-INSS quddiem il-Juzgado de lo Social No 2, de A Coruña (tribunal industrijali Nru 2, Coruña). (27) Mar-rikors tagħha ġiet mehmuża ittra ffirmata mis-superjur ġerarkiku tagħha, tabib u d-direttur tad-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar (iktar ’il quddiem ir-“rapport tas-superjur ġerarkiku”). L-ittra sostniet li infermiera li taħdem fid-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar li hija omm li qiegħda tredda’, hija mhedda li tiġi esposta għal riskji fiżiċi, kimiċi, bijoloġiċi u psikosoċjali għaż-żamma tat-treddiegħ. Ir-rapport tas-superjur ġerarkiku inkluda d-dettalji segwenti dwar l-aġenti bijoloġiċi. L-infermiera huma esposti għal, pereżempju, każijiet tal-influwenza A, infezzjonijiet batteriċi, mikrobi multireżistenti, HIV u epatite. Rigward l-aġenti fiżiċi, kull xorta ta’ pazjenti jmorru d-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar. Il-maġġoranza għandhom diffikultajiet sinjifikattivi tal-mobbiltà kkawżati mill-età jew mard akut jew kroniku. Dan jitfa’ piż fiżiku u posturali fuq il-persunal tal-kura. Il-piż fiżiku jiżdied jekk il-pazjenti jkunu f’qagħda kritika (pazjenti f’koma, attakki kardijaċi u dawk f’fażi terminali). B’rabta ma’ aġenti kimiċi, hemm espożizzjoni għal kull tip ta’ trattament kimiku għax fid-dipartiment tal-emerġenza jiġi ttrattat il-mard kollu. Hemm riskji psikosoċjali għax il-persunal huwa suġġett għal sistema kumplessa tar-rotazzjoni tax-xift (xogħol bix-xift u billejl). Hemm ukoll l-istress u l-piż ikkawżati mid-domanda fluttwanti li f’xi żminijiet tista’ tkun għolja, mingħajr proporzjon stabbilit tal-infermiera-pazjenti. Meta d-domanda għall-kura tkun għolja, il-ħaddiema jridu l-ħin kollu jadattaw biex iwettqu l-kompiti tagħhom u jorganizzaw ħidmiethom. Għal ħaddiema li jreddgħu, ix-xogħol bix-xift u x-xifts ta’ billejl jibdlu l-produzzjoni tal-prolattina, li hija responsabbli għall-produzzjoni tal-ħalib. Il-ħidma f’sigħat irregolari u l-ħidma billejl jistgħu jikkawżaw mastite minħabba l-bidla fir-rata tal-estrazzjoni tal-ħalib.

28.      Fl-24 ta’ Ottubru 2013, ir-rikors ta’ E. Otero Ramos ġie miċħud. Il-qorti tal-prim’istanza ddeċidiet li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, għandu jiġi applikat kriterju strett fir-rigward tal-istima ta’ evidenza relatata mal-eżistenza ta’ riskju għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċji finanzjarji. E. Otero Ramos appellat quddiem il-qorti tar-rinviju, li tixtieq taċċerta jekk iċ-ċirkustanzi tagħha jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54. Jekk dan ikun il-każ, hija tfittex gwida dwar kif, partikolarment, l-Artikolu 19 ta’ dik id-direttiva għandu jinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“(1)      Ir-regoli dwar l-oneru tal-prova stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva [2006/54] huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ riskju waqt it-treddigħ previst fl-Artikolu 26(4) moqri flimkien mal-paragrafu 3 tal-[LPRL], peress li din ir-regola interna Spanjola ġiet introdotta sabiex timplementa l-Artikolu 5(3) tad-[Direttiva 92/85]?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun affermattiva, jista’ jitqies li l-fatt li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ infermier f’dipartiment tal-emerġenza fi sptar jinvolvi riskji għat-treddigħ, ikkonfermati fir-rapport motivat ta’ tabib, li huwa, barra minn hekk, il-kap tad-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar fejn il-ħaddiema tipprovdi s-servizzi tagħha, jista’ jippreżumi li teżisti diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54?

(3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, jista’ jitqies li l-fatt li l-pożizzjoni okkupata mill-impjegata hija indikata bħala ħielsa minn riskji fil-lista rikapitulattiva tal-pożizzjonijiet tax-xogħol magħmula mill-impriża [minn min iħaddimha] wara konsultazzjoni minn qabel ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-fatt li d-dipartiment ta’ mediċina preventiva u ta’ prevenzjoni ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol fl-isptar ikkonċernat ħareġ dikjarazzjoni li hija kapaċi [tajba] għax-xogħol, fejn l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma fih iktar spjegazzjoni dwar il-mod kif huma laħqu dawn il-konklużjonijiet, huma biżżejjed sabiex jintwera, fil-każijiet kollha u mingħajr il-possibilita ta’ kontestazzjoni, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 19 imsemmi iktar 'il fuq?

(4)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv u dik għat-tielet domanda tkun negattiva: ladarba jintwera li x-xogħol jinvolvi riskji għall-omm jew għat-tarbija li hija tredda’, liema waħda mill-partijiet, il-ħaddiema rikorrenti jew il-persuna li timpjega, għandha, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54, l-oneru li tipproduċi l-prova (1) li l-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-ħinijiet tax-xogħol ma huwiex possibbli jew li, minkejja tali adattament, il‑kundizzjonijiet ta’ pożizzjoni tax-xogħol jistgħu jinfluwenzaw b’mod negattiv is-saħħa tal-ħaddiema tqila jew tat-tarbija li tredda’ (Artikolu 26(2) tal-[LPRL], moqri flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, li jittrasponi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85), u (2) li l-bidla tal-pożizzjoni ma hijiex teknikament jew oġġettivament possibbli, jew ma tistax tiġi rikjesta b’mod raġonevoli għal motivi debitament iġġustifikati (Artikolu 26(3), moqri flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess artikolu tal-[LPRL], li jittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85)?”

29.      E. Otero Ramos, l-INSS, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016, l-istess partijiet, minbarra E. Otero Ramos, issottomettew argumenti orali.

 Evalwazzjoni

 Il-kummenti preliminari

30.      L-għan tad-Direttiva 92/85, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 118 A tat-Trattat KEE (il-predeċessur tal-Artikolu 153 TFUE), huwa li jinkoraġġixxi titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu (28). Dik id-direttiva hija waħda mill-miżuri adottati fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 89/391 (29). Id-Direttiva 92/85 tidentifika, inter alia, lill-ommijiet li qegħdin ireddgħu bħala grupp tal-ħaddiema partikolarment sensittiv għar-riskju li għandhom jiġu protetti mill-perikoli li jaffettwawhom b’mod speċifiku u li għalihom iridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom (30). Dik il-protezzjoni ma għandhiex tkun għad-detriment tad-direttivi li jikkonċernaw l-ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa (31). Id-Direttiva 2006/54 hija eżempju wieħed tal-aħħar tip ta’ miżuri.

31.      Ma huwiex ikkontestat li fiż-żmien inkwistjoni E. Otero Ramos kienet taqa’ fi ħdan id-definizzjoni ta’ ħaddiema li qiegħda tredda’ skont l-Artikolu (2)(2)(ċ) tad-Direttiva 92/85 u li, għalhekk, min iħaddimha kellu jwettaq stima tar-riskju skont l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva, f’konformità mal-Linji gwida msemmijin fl-Artikolu 3(1).

32.      L-erba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma marbutin sa fejn huma bbażati fuq il-premessa li stima skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, jekk imwettqa korrettament u abbażi tal-evidenza rilevanti kollha, tista’ tidentifika riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà ta’ E. Otero Ramos jew effett potenzjali fuq il-kundizzjoni tagħha bħala omm li qiegħda tredda’. Minn dik il-premessa jirriżulta li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għal azzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85.

 Fuq l-ewwel domanda

 Kummenti ġenerali

33.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta ruħha jekk is-sitwazzjoni, li dwarha għandha tiddeċiedi, taqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54. Partikolarment, din tistaqsi jekk E. Otero Ramos iġġorrx l-oneru tal-prova jew jekk dak l-oneru jinqalibx u b’hekk jinsab fuq il-konvenuti.

34.      Fil-proċedura għal rinviju preliminari, li tipprevedi kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tkun din tal-aħħar li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża inkwistjoni. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dmir li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmijin fid-domandi li jsiru lill-Qorti tal-Ġustizzja (32). Għalhekk, anki jekk l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju espressament tirreferi biss għall-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85, dik iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha neċessarji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-UE, inklużi dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dik id-direttiva (hawnhekk, partikolarment l-Artikolu 4), li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawżi li għandha quddiemha, kemm jekk il-qorti tar-rinviju tkun għamlet riferiment għal tali dispożizzjonijiet fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-UE li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (33).

35.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-INSS iddeċieda li “ma joħroġx iċ-ċertifikat mitlub għaliex ma ġiex stabbilit li l-kundizzjonijiet tal-impjieg li [kienet] twettaq ir-rikorrenti [kienu] jinfluwenzaw saħħitha (jew tat-tarbija tagħha) b’mod negattiv […]” [traduzzjoni libera]. Iżda l-ewwel domanda hija bbażata fuq il-premessa li kien hemm evidenza li tipponta lejn l-eżistenza ta’ tali riskju (34).

36.      Id-Direttiva 92/85 introduċiet rekwiżit għall-evalwazzjoni u l-komunikazzjoni tar-riskji. Meta r-riżultati tal-istima tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 4(1) tad-direttiva juru riskju għas-sigurtà jew is-saħħa u effett fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema, l-Artikolu 5(1) u (2) jipprovdi li min iħaddem huwa meħtieġ li temporanjament jadatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew il-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema (35). Jekk dan ikun impossibbli fiċ-ċirkustanzi, il-ħaddiema kkonċernata għandha titmexxa lejn impjieg ieħor. Huwa biss fil-każ li tali ċaqliq ikun impossibbli li l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-ħaddiema għandha, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali, tingħata leave mix-xogħol għaż-żmien kollu li huwa neċessarju sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha (36).

37.      Madankollu, jekk l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 ma tiżvelax riskju, isegwi, minn dik id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/85, li min iħaddem ma jkollux għalfejn jieħu passi oħrajn. Mid-digriet tar-rinviju huwa evidenti li, preċiżament minħabba l-fatt li l-evalwazzjoni tar-riskju tal-isptar skont l-Artikolu 4 kkonkludiet li E. Otero Ramos ma kinitx f’riskju, għadha ma ġietx issodisfatta l-kundizzjoni fl-Artikolu 5, sabiex jiġi kkunsidrat l-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ E. Otero Ramos, jekk għandhiex titmexxa lejn impjieg ieħor jew jekk għandhiex tingħata l-leave.

38.      Bl-istess mod, huwa evidenti li E. Otero Ramos ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-isptar u li tikkontesta d-deċiżjoni tal-INSS li tirrifjutalha l-applikazzjoni tagħha għall-benefiċċji finanzjarji. Hija tikkunsidra li huwa ċar mill-fatti kif irreġistrati fid-digriet tar-rinviju li d-dmirijiet tagħha bħala infermiera fid-dipartiment tal-emerġenza tal-isptar fil-fatt kienu jpoġġuha f’riskju u li ovvjament kien ikun impossibbli li tirrikonċilja l-kapaċità tat-treddigħ tat-tarbija tagħha mar-rekwiżiti tal-impjieg tagħha.

39.      L-ewwel pass tal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 92/85 huwa li jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 4, jekk hemmx riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-ħaddiema koperta mill-Artikolu 2. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istima tal-pożizzjoni ta’ E. Otero Ramos kinitx korretta, tkun meħtieġa kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ fatt li għandha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, l-interpretazzjoni korretta tar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 hija materja għall-Qorti tal-Ġustizzja.

40.      Għalhekk, l-ewwel domanda magħmula trid tinftiehem bħala li qiegħda tfittex gwida: (i) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85; (ii) (fejn deċiżjoni bbażata fuq stima taħt dik id-dispożizzjoni hija ribattuta mill-ħaddiema kkonċernata) dwar jekk l-oneru tal-prova jinsabx fuq ir-rikorrent jew il-konvenut għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54; u (iii) (jekk tali kontestazzjoni tkun ta’ suċċess u jiġi stabbilit ir-riskju għall-ħaddiema kkonċernata) dwar jekk min iħaddem huwiex responsabbli biex jiddetermina l-passi xierqa li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85.

 Id-Direttiva 92/85

41.      Hemm qbil bejn il-partijiet li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni tal-INSS – li ma kienx hemm riskju għal E. Otero Ramos – kinitx ibbażata fuq stima korretta taċ-ċirkustanzi tagħha.

42.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, min iħaddem irid “jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta’ l-espożizzjoni […] tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2” fir-rigward “[tal-]attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol” elenkati b’mod mhux eżawrjenti fl-Anness I. Din issir sabiex “issir stima ta’ kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ […]” u sabiex jiġi “[deċiż] liema miżuri għandhom jittieħdu” (37).

43.      It-test għandu jinqara flimkien mal-Linji gwida li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/85, li l-Artikolu 3(2) jipprovdi “li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1)”. Il-Linji gwida jagħmluha ċara ferm li stima ġenerali u ġenerika tal-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet madwar impjiegi partikolari u l-istat ġenerali tas-saħħa tal-ħaddiema mara medja li hija tqila, welldet reċentement jew li tixtieq tredda’, ma hijiex mistennija tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1).

44.      Għalhekk, il-Linji gwida jenfasizzaw li “xi perikoli fil-post tax-xogħol jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ommijiet ġodda u tqal u tat-tfal tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn jinnotaw li l-evalwazzjoni tar-riskju kwalitattiv u kwantitattiv “tirrappreżenta l-fażijiet l-iktar delikati fil-proċess għax il-persuna li twettaq l-evalwazzjoni għandha tkun kompetenti u tqis l-informazzjoni rilevanti, inkluża l-informazzjoni tal-mara tqila nnifisha jew il-konsulenti tagħha, meta jiġu applikati l-metodi xierqa biex ikun jista’ jiġi konkluż jekk il-perikolu identifikat jikkostitwixxix sitwazzjoni riskjuża għall-ħaddiema” (38) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-evalwazzjoni tar-riskju “għandha tqis l-aspetti preventivi tad-[Direttiva 89/391]” (39) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-evalwazzjoni tar-riskju “hija ta’ natura speċjali għaliex hija intiża għal stat li jinbidel il-ħin kollu u jvarja għal kull individwu. Addizzjonalment, ma tolqotx lill-mara nnifisha biss, iżda anki lit-tarbija li għadha fil-ġuf u lit-tarbija mreddgħa. […] Stima ta’ darba jaf ma tkunx biżżejjed għax it-tqala hija proċess dinamiku u mhux kundizzjoni statika. Barra minn hekk, mhux biss waqt l-istadji varji tat-tqala iżda anki wara l-ħlas, hemm riskji differenti li jistgħu jaffettwaw, f’livell li jvarja, lil mara jew lit-tarbija tagħha li għadha fil-ġuf jew li twieldet reċentement. […] Il-pariri, ir-rapporti u ċ-ċertifikati mediċi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan huwa ta’ rilevanza speċjali għall-kundizzjonijiet tal-individwu […] L-evalwazzjonijiet tar-riskju għandhom jieħdu kont dovut tal-parir mediku u t-tħassib tal-mara individwali” (40) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Linji gwida jenfasizzaw li min iħaddem għandu jirrevedi r-riskji u jinnotaw li “hemm riskji, differenti [mir-riskji matul it-tqala nnifisha] li jridu jitqiesu għal ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu. Min iħaddem irid jiżgura li l-ħaddiema li jreddgħu ma jkunux esposti għal riskji li jistgħu jkunu dannużi għas-saħħa jew għas-sigurtà sakemm idumu jreddgħu” (41) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

45.      Il-Linji gwida fihom ukoll żewġ tabelli dettaljati. L-ewwel tabella hija intitolata “Evalwazzjoni tar-riskju ta’ perikoli ġeneriċi u sitwazzjonijiet assoċjati”, li “jistgħu jaffettwaw lil ħafna nisa tqal, ommijiet ġodda/jew li jreddgħu” (42) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tieni hija intitolata “Evalwazzjoni tar-riskju: perikoli speċifiċi (u kif jiġu evitati riskji)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-introduzzjoni tagħha tgħid li “Peress li t-tqala hija stat dinamiku li jinvolvi bidliet u żviluppi kontinwi, l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu joħolqu diversi problemi tas-saħħa u s-sigurtà għal nisa diversi fi stadji diversi tat-tqala u malli jerġgħu jirritornaw ix-xogħol wara l-ħlas jew waqt it-treddigħ. Uħud mill-problemi huma prevedibbli u japplikaw ġeneralment […]. Oħrajn jiddependu miċ-ċirkustanzi individwali u mill-istorja medika personali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tabella mbagħad teżamina l-aġenti fiżiċi, bijoloġiċi (43) u kimiċi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (44).

46.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-impjieg ta’ E. Otero Ramos ġie kklassifikat bħala “ħieles minn riskji” u li hija ġiet deskritta bħala “tajba” għax-xogħol. Dan jidhirli li jissuġġerixxi li l-approċċ ta’ min iħaddimha jaf qiesx bis-sħiħ iċ-ċirkustanzi individwali tagħha. L-ewwel nett, ma huwiex ċar jekk il-klassifikazzjoni tal-impjieg tagħha bħala infermiera fid-dipartiment tal-emerġenza bħala “ħieles minn riskji” kinitx tistabbilixxi li dik il-pożizzjoni kienet ħielsa minn riskji għal ħaddiema tqal jew ħaddiema li welldu reċentement jew jekk qisitx speċifikament is-sitwazzjoni tal-ommijiet li qegħdin ireddgħu (45). It-tieni nett, ma hemm l-ebda indikazzjoni jekk saritx stima tar-riskji li E. Otero Ramos innifisha setgħet tiltaqa’ magħhom waqt li twettaq dak l-impjieg bħala omm li qiegħda tredda’, bħalma huma l-effetti potenzjali fuq l-irdigħ jew jekk kienx hemm probabbiltà ta’ mastite jew infezzjoni. It-tielet nett, ma hemmx informazzjoni dwar jekk saritx evalwazzjoni tar-riskji tagħha li tiġi esposta għall-aġenti fiżiċi, bijoloġiċi u kimiċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 92/85.

47.      Ir-raba’ nett, l-evalwazzjoni tal-isptar effettivament tikkonsisti minn dikjarazzjoni li E. Otero Ramos kienet “tajba” biex twettaq id-dmirijiet tagħha li jifformaw parti mill-impjieg tagħha għax ma kienx hemm riskju għat-treddigħ. Madankollu, infakkar li l-istima hija miżura preventiva u l-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-omm li qiegħda tredda’ (46); u li r-rapport tas-superjur ġerarkiku jpinġi stampa pjuttost differenti tal-impjieg bħala infermiera fid-dipartiment tal-emerġenza (isemmi, pereżempju, li l-ħaddiema jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ pazjenti infettati bl-epatite) (47).

48.      Hija l-qorti tar-rinviju li waħedha tiddeċiedi dwar il-fatti, li għandha tivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-isptar saritx skont l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 92/85. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li dan ma seħħx, din trid tikkunsidra jekk it-talba ta’ E. Otero Ramos taqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54 u, jekk iva, jekk japplikax l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, id-digriet tar-rinviju jimplika li l-qorti tar-rinviju tixtieq tikkunsidra wkoll jekk E. Otero Ramos setgħetx tiġi protetta permezz ta’ miżuri meħudin skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85.

 Id-Direttiva 2006/54

49.      L-INSS u Spanja jsostnu li dan il-każ ma jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54. E. Otero Ramos u l-Kummissjoni huma tal-fehma opposta.

50.      Lanqas jien ma naqbel mal-interpretazzjoni restrittiva tad-Direttiva 2006/54 skont l-INSS u l-Gvern Spanjol.

51.      Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2006/54 huwa li jiġi żgurat li jkun implementat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ugwaljanza fit-trattament tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

52.      Huwa veru li n-nisa li effettivament jieħdu l-leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 “jinsabu f’sitwazzjoni [speċjali] li teżiġi li jingħataw protezzjoni speċjali, iżda li ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ raġel jew ta’ mara li jokkupaw effettivament il-post tax-xogħol tagħhom” (48). Madankollu, ma jsegwix, kif jidhru li qegħdin jissuġġerixxu l-INSS u Spanja, li l-ħaddiema kollha koperti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85 jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54.

53.      Il-kunċetti ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta huma ddefiniti rispettivament fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/54. L-Artikolu 2(2)(ċ) jipprovdi li d-diskriminazzjoni minħabba s-sess tinkludi “kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens [tad-Direttiva 92/85]”.

54.      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 92/85 jiddefinixxi ħaddiema li qiegħda tredda’ b’riferiment għal-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju ssostni li skont l-Artikolu 26(1) tal-LPRL “l-istima tar-riskju […] trid tinvolvi determinazzjoni tan-natura, il-grad u t-tul tal-espożizzjoni għal ħaddiema tqal jew ħaddiema li welldu reċentement għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lis-saħħa tal-ħaddiema […] f’kull attività li x’aktarx tippreżenta riskju speċifiku”. Skont l-Artikolu 26(4) tal-LPRL, dik id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal ħaddiema “[…] matul il-perijodu tat-treddigħ jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-mara kkonċernata jew it-tarbija tagħha u ċertifikat f’dan ir-rigward […]” jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti. Il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprovdix iktar gwida dwar kif “il-perijodu tat-treddigħ” (fih innifsu) huwa ddefinit taħt il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali.

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament sostniet li “[f]’dak li jirrigwarda […] il-protezzjoni [tan-nisa b’rabta] [m]at-tqala u [l]-maternità, […] peress li [t]ippermetti lill-Istati Membri d-dritt li jżommu jew li jdaħħlu dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw din il-protezzjoni, [id-direttiva inkwistjoni] [t]irrikonoxxi l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tas-sessi, minn naħa, tal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala u wara u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tar-rapporti partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha fil-perijodu wara l-ħlas” (49).

56.      Jidhirli li, bħala materja kemm tal-liġi kif ukoll tan-natura (50), il-kundizzjoni ta’ omm li qiegħda tredda’ tinsab “[f’rabta]” mat-tqala u l-maternità. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85 jagħmilha ċara li kull ħaddiema koperta mill-Artikolu 2 għandha tingħata l-leave jekk ma jkunx possibbli jew raġonevoli li titmexxa lejn impjieg ieħor. Minn dan isegwi li l-kundizzjoni ta’ omm li qiegħda tredda’ hija għalhekk koperta mill-kliem “li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità” fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 (51).

57.      Il-kliem “trattament anqas favorevoli” jinkludi n-nuqqas ta’ applikazzjoni korretta tar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 għal mara li qiegħda tredda’. Jekk dan iseħħ, il-persuna kkonċernata tiċċaħħad mill-protezzjoni li tistħoqqilha skont dik id-dispożizzjoni u tkun esposta għal riskji. Dan huwa partikolarment minnu peress li min iħaddem imbagħad ma jiħux il-miżuri preventivi neċessarji skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva sabiex jipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tagħha. Tali trattament ħażin jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess.

58.      Inżid li mill-Artikolu 28 (u l-premessa 24) tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma “bla preġudizzju” għar-regoli li jikkonċernaw il-protezzjoni tan-nisa, partikolarment fir-rigward tat-tqala u l-maternità. It-tifsira ordinarja tal-kliem tissuġġerixxi li d-Direttiva 92/85 tikkonvivi mal-miżuri stipulati fid-Direttiva 2006/54 għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet tal-impjiegi u xogħol. Għalhekk, id-drittijiet relatati mas-sigurtà u s-saħħa taħt id-Direttiva 92/85 ma humiex imnaqqsin, u wisq inqas ma huma mħassrin mid-Direttiva 2006/54.

59.      Il-kundizzjonijiet sabiex jiskatta l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 huma ssodisfatti hawnhekk?

60.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija “iva”.

61.      E. Otero Ramos sempliċement tqis lilha nnifisha bħala persuna ttrattata ħażin fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjoni. Hija tallega diskriminazzjoni minħabba s-sess peress li, kif tisħaq, min iħaddimha naqas milli jikkonforma mad-Direttiva 92/85. L-Artikolu 19(4)(a) tad-Direttiva 2006/54 espressament jipprovdi li għal dawn il-każijiet japplikaw ir-regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova fl-Artikolu 19(1).

62.      In-nuqqas ta’ twettiq ta’ stima f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1), l-Anness I u l-Linji gwida preskritti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/85 jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ ħaddiema li qiegħda tredda’ (52). Tali trattament huwa inkluż fi ħdan id-definizzjoni tad-diskriminazzjoni fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, huwa kopert mill-kontroriferiment għad-Direttiva 92/85 fl-Artikolu 19(4)(a) tad-Direttiva 2006/54 u jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba s-sess fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. Isegwi li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 japplika għal tali talbiet.

63.      Meta omm tapplika għal ċertifikat u min iħaddimha jwettaq evalwazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 (l-ewwel stadju fil-proċess għall-għoti tal-protezzjoni skont dik id-direttiva), ir-regoli tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 ikunu għadhom ma japplikawx. Dan għaliex il-proċess fih innifsu jinsab fil-kompetenza ta’ min iħaddem. Madankollu, dawn ir-regoli jsiru rilevanti meta d-deċiżjoni meħuda tiġi kkontestata quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra.

64.      L-oneru tal-prova mbagħad ikun fuq il-persuna kkonċernata – hawnhekk E. Otero Ramos – sabiex tistabbilixxi każ prima facie li kien hemm diskriminazzjoni (53). Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti jkollha tipproduċi evidenza (bħal dik fl-ittra tas-superjur ġerarkiku tagħha) (54) li tissuġġerixxi, plawżibbilment, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 ġie interpretat ħażin u/jew applikat skorrettament. L-oneru tal-prova mbagħad jaqleb lejn il-konvenut fil-proċeduri domestiċi.

65.      L-għan tar-regoli dwar l-oneru tal-prova huwa li jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikun infurzabbli effettivament (55). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-għan segwit mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement huwa li dawn in-nisa jiġu protetti qabel u wara li jwelldu (56). Dan l-għan, li jispira kemm lid-Direttiva 92/85 kif ukoll lid-Direttiva 2006/54, ma jistax jintlaħaq jekk kontestazzjonijiet tad-deċiżjonijiet li jirrifjutaw il-protezzjoni jirrikjedu lill-mara kkonċernata tipproduċi prova li hija tinsab f’riskju.

66.      Fiċ-ċirkustanzi fejn min jimpjega lil mara jagħmel evalwazzjoni taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 u jiddetermina li ma jkunx hemm riskju għaliha, jidhirli li l-mara kkonċernata ma tistax tintalab twettaq l-evalwazzjoni tar-riskju ddettaljata tagħha stess sabiex tikkonfuta, konklużivament, l-evalwazzjoni ta’ min jimpjegaha. Ma huwiex mistenni li jkollha aċċess għall-ispeċjalisti tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol neċessarji sabiex jevalwaw l-impjieg tagħha, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha u r-riskji li hija u/jew it-tarbija tagħha jistgħu jkunu esposti għalihom; jew il-flus sabiex tħallas għal tali evalwazzjoni. Tali approċċ inaqqas il-protezzjoni li hija tgawdi taħt id-Direttiva 92/85. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 huwa intenzjonat li jindirizza preċiżament tali sitwazzjoni.

67.      Dik il-fehma hija sostnuta, barra minn hekk, mill-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Karta, li jistabbilixxi li l-ugwaljanza għandha tiġi żgurata “fl-oqsma kollha, inklużi l-impjieg, ix-xogħol u l-paga”. Il-kliem “fl-oqsma kollha” jindika favur qari tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 li jiżgura li d-drittijiet tal-partijiet protetti bid-Direttiva 92/85 ikunu jistgħu jiġu infurzati effettivament.

68.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li, taħt id-dritt Spanjol, il-benefiċċji finanzjarji mħallsa f’konformità mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 lil omm li qiegħda tredda’ meta tingħata l-leave mix-xogħol, huma kklassifikati bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali, ifissirx li tali arranġament ma jistax jaqa’ fi ħdan il-portata tal-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54. Hija tikkunsidra li jekk il-perijodu tal-leave jiġi ffinanzjat minn min iħaddem lill-ħaddiema, dan ikun kopert minn dik il-projbizzjoni.

69.      Fil-fehma tiegħi, il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju disponibbli taħt is-sistemi nazzjonali ma taffettwax l-applikabbiltà tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54. Jekk issir distinzjoni skont jekk il-leave jkunx iffinanzjat minn min iħaddem jew skema tas-sigurtà soċjali tal-Istat, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54 jinbidel skont l-arranġamenti fl-Istati Membri varji (57). Tali riżultat ikun inkonsistenti mal-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE. Għalhekk għandu jiġi miċħud (58). F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-fatti u tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/54 (59).

70.      Għaldaqstant, nikkonkludi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, meta ssir evalwazzjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, għandu jsir eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiema li qiegħda tredda’ sabiex jiġi stabbilit jekk is-sigurtà u s-saħħa tagħha jew is-sigurtà u s-saħħa tat-tarbija tagħha jkunux f’riskju f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Anness I u l-Linji gwida stipulati fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-direttiva. Meta tali evalwazzjoni ma ssirx korrettament, dan ikun ifisser trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema kkonċernata u jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54. Tali trattament huwa diskriminazzjoni minħabba s-sess fis-sens tal-Artikolu 19(4)(a) tad-Direttiva 2006/54 u għalhekk jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli stipulati fl-Artikolu 19(1) tagħha, li jitfgħu l-oneru tal-prova fuq il-konvenut. Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-fatti tal-każ quddiemha jurux trattament diskriminatorju. Sa fejn ikun neċessarju fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali sabiex il-qorti tiddetermina jekk kellhiex tittieħed azzjoni ulterjuri (u jekk iva, x’tip ta’ azzjoni) skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 sabiex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 japplikaw għal dik l-istima.

 Id-domandi 2, 3 u 4

 Ammissibbiltà

71.      Id-domandi 2 sa 4 huma bbażati fuq il-premessa li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta ruħha kif fil-każijiet inkwistjoni japplikaw ir-regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova.

72.      Spanja tissottometti li d-domandi 2, 3 u 4 huma inammissibbli għaliex il-qorti tar-rinviju effettivament qiegħda tfittex gwida dwar l-istima tal-fatti fil-każ li jikkonċerna lil E. Otero Ramos.

73.      Jiena ma naqbilx.

74.      Tabilħaqq, għandha tkun il-qorti nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi jekk iċ-ċirkustanzi fil-każ ta’ E. Otero Ramos jikkostitwixxux diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2006/54. Madankollu, bid-domandi 2 sa 4, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel tali sejba. Pjuttost, qiegħda tfittex gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 ta’ dik id-direttiva sabiex tkun tista’ tapplika r-regoli legali rilevanti b’mod korrett għall-evidenza quddiemha.

75.      Għalhekk, id-domandi 2, 3 u 4 huma ammissibbli.

 Fuq it-tieni domanda

76.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk ir-rapport tas-superjur ġerarkiku ta’ E. Otero Ramos (id-direttur tad-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar), li hija ressqet sabiex issostni t-talba tagħha, huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni (60).

77.      L-INSS u Spanja jissottomettu li r-rapport tas-superjur ġerarkiku ftit għandu valur. L-ewwel nett, huma jikkunsidraw li superjur ġerarkiku awtomatikament ser ixaqleb favur il-ħaddiema li qiegħda tfittex aċċess għall-benefiċċju inkwistjoni. It-tieni nett, jinnotaw li r-rapport ma ġiex abbozzat minn speċjalista tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

78.      L-ebda minn dawn l-argumenti ma jidhirli konvinċenti.

79.      Ir-rilevanza u l-piż li għandu jgawdi r-rapport tas-superjur ġerarkiku għandu jiġi stabbilit mill-qorti li qiegħda tittratta l-każ. Madankollu, jekk superjur ġerarkiku jxaqlibx favur (jew kontra) ħaddiema partikolari huwa determinabbli biss jekk l-evidenza rilevanti tiġi prodotta għal dan l-effett. Ma jistax jiġi preżunt mill-istatus tas-superjur u mill-eżistenza ta’ relazzjoni tal-impjieg ġerarkika mal-persuna kkonċernata li ser jeżisti xi preġudizzju partikolari. Fir-rigward tat-tieni punt, għalkemm is-superjur ġerarkiku ma huwiex speċjalista tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, ir-rapport xorta nkiteb minn tabib li għandu għarfien dirett taċ-ċirkustanzi individwali tar-rikorrenti u l-impjieg tagħha. Is-superjur ġerarkiku huwa kapaċi jagħti evidenza rilevanti dwar id-dmirijiet tar-rikorrenti u l-perikoli ġenerali u speċifiċi li tista’ tkun esposta għalihom.

80.      Il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra dak ir-rapport fid-dawl tal-Linji gwida msemmijin fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/85. Ir-riskji bijoloġiċi u fiżiċi spjegati fir-rapport tas-superjur ġerarkiku huma mtennijin fil-Linji gwida (61). Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tkun dik il-qorti li tiddetermina l-valur preċiż tar-rapport tas-superjur ġerarkiku skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, dokument ta’ din in-natura ma għandux jiġi miċħud mill-ewwel fuq il-preżunzjoni li l-kontenut tiegħu huwa vvizzjat bil-preġudizzju u nuqqas tal-għarfien professjonali.

81.      Għalhekk, filwaqt li tiddetermina jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 kinux issodisfatti fil-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina r-rapport tas-superjur ġerarkiku relatat mal-impjieg tal-ħaddiema kkonċernata. Għandha tkun dik il-qorti li tistabbilixxi jekk tali rapport jipprovdix informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi individwali tal-ħaddiema li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-istima.

 Fuq it-tielet domanda

82.      It-tielet domanda tfittex li taċċerta jekk dikjarazzjoni magħmula minn min iħaddem, li impjieg huwa kklassifikat bħala “ħieles minn riskji”, flimkien mal-istqarrija li l-ħaddiema kkonċernata hija “tajba” għax-xogħol, tikkostitwixxix prova, mingħajr il-possibbiltà li tiġi kkontestata, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54.

83.      Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li ċerti deċiżjonijiet tal-qrati Spanjoli juru li “[…] qiegħed jiġi impost, gradwalment, kriterju strett fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-evidenza relatata mal-eżistenza tar-riskju rilevanti għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

84.      Jekk tali approċċ ifissirx, effettivament, li f’dawn il-każijiet tiġi applikata preżunzjoni inkonfutabbli sabiex kwalunkwe kontestazzjoni (fil-prattika) ma jistax ikollha suċċess, hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

85.      Jekk dan kellu jkun il-każ, tali riżultat, fil-fehma tiegħi, ikun inkompatibbli mal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 (62). L-ewwel nett, imur kontra l-għan li jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġi infurzat effettivament. It-tieni nett, imur kontra l-Artikolu 23 tal-Karta għaliex ma jipproteġix grupp ta’ nisa partikolarment vulnerabbli – dawk li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 – kontra trattament ħażin minħabba s-sess. It-tielet nett, diffiċli li wieħed jimmaġina li dan l-approċċ huwa mod proporzjonali biex tiġi stmata l-evidenza f’tali każijiet. Ir-raba’ nett, regoli nazzjonali li jagħmluha eċċessivament diffiċli għal persuna, li tikkunsidra lilha nnifisha ttrattata ħażin minħabba nuqqas, biex tapplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biex tikkontesta tali deċiżjonijiet, jistgħu jipperikolaw l-għanijiet tad-Direttiva 2006/54 (63). Preżunzjoni inkonfutabbli favur il-konvenut tkun preċiżament tali regola.

86.      Għalhekk nikkonkludi li meta r-regoli tad-dritt nazzjonali jagħmluha eċċessivament diffiċli għal persuna, li tikkunsidra lilha nnifisha ttrattata ħażin minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sabiex tikkontesta dik il-pożizzjoni, tali regoli huma inkompatibbli mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54. Jekk dan ikunx il-każ għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq ir-raba’ domanda

87.      Ir-raba’ domanda hija bbażata fuq il-premessa li stima li ssir korrettament skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 setgħet tiżvela riskju għall-omm li qiegħda tredda’ u li, għalhekk, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat x’azzjoni kellha tittieħed sabiex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tagħha skont l-Artikolu 5.

88.      Dik il-premessa ma hijiex riflessa fid-deskrizzjoni tal-fatti mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma indikatx li tali domanda ma taqax fi ħdan il-portata tal-kawża prinċipali (64). Għalhekk nipproponi li r-risposta għad-domanda 4 għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha neċessarji sabiex tiddetermina l-każ quddiemha.

89.      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li kien hemm riskju għal E. Otero Ramos u jsir neċessarju, bħala parti minn dawn il-proċeduri, li tiġi ddeterminata l-azzjoni ulterjuri li kellha tittieħed fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85, l-oneru tal-prova jkun jappartjeni lill-konvenut. E. Otero Ramos tibqa’ l-persuna “ttrattata ħażin” fis-sens tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, peress li hija ġiet ikkunsidrata li hija ineliġibbli għal-leave u għall-benefiċċji mħallsin lill-ħaddiema li qegħdin ireddgħu matul il-perijodu tal-assenza tagħhom mix-xogħol.

90.      Meta r-riżultati tal-evalwazzjoni tar-riskju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 “juru riskju għas-sigurtà jew is-saħħa kif ukoll xi effett fuq it-tqala jew it-treddigħ ta’ ħaddiema [fis-sens tal-Artikolu 2], l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li min iħaddimha għandu jipproċedi għall-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol jew, jekk dan ma jkunx teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, għall-bdil fil-post tax-xogħol [sabiex jevita li jesponi lil dik il-ħaddiema għal tali riskji]. Huwa biss fil-każ li tali bidla hija wkoll impossibbli li l-Artikolu 5(3) […] jipprovdi li l-ħaddiema kkonċernata għandha, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali, tingħata leave mix-xogħol għaż-żmien kollu li huwa neċessarju sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha” (65).

91.      Sa fejn l-evalwazzjoni għall-azzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 hija parti mill-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 jibqa’ mal-konvenut.

 Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmulin mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) kif ġej:

(1)      Għall-finijiet tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, meta ssir evalwazzjoni jrid isir eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiema li qiegħda tredda’ sabiex jiġi stabbilit jekk is-sigurtà u s-saħħa tagħha jew is-sigurtà u s-saħħa tat-tarbija tagħha jkunux f’riskju f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Anness I u l-Linji gwida stipulati fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-direttiva. Meta tali evalwazzjoni ma ssirx korrettament, dan ikun ifisser trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema kkonċernata u jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol. Tali trattament huwa wkoll diskriminazzjoni minħabba s-sess fis-sens tal-Artikolu 19(4)(a) tad-Direttiva 2006/54, u għalhekk jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli stipulati fl-Artikolu 19(1) tagħha li jitfgħu l-oneru tal-prova fuq il-konvenut.

–        Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-fatti tal-każ quddiemha jurux trattament diskriminatorju.

–        Sa fejn ikun neċessarju fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali sabiex dik il-qorti tiddetermina jekk kellhiex tittieħed azzjoni ulterjuri (u, jekk iva, x’tip ta’ azzjoni) skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 sabiex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 japplikaw għal dik l-istima.

(2)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 kinux issodisfatti fil-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina r-rapport tas-superjur ġerarkiku relatat mal-impjieg tal-ħaddiema kkonċernata. Għandha tkun dik il-qorti li tistabbilixxi jekk tali rapport jipprovdix informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi individwali tal-ħaddiema li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-istima.

(3)      Meta r-regoli tad-dritt nazzjonali jagħmluha eċċessivament diffiċli għal persuna, li tikkunsidra lilha nnifisha ttrattata ħażin minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sabiex tikkontesta dik il-pożizzjoni, tali regoli huma inkompatibbli mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54. Jekk dan ikunx il-każ għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

(4)      Sa fejn l-istima għall-azzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 hija parti mill-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 jibqa’ mal-konvenut.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006 L 204, p. 23).


3 –      Direttiva tal-Kunsill (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/931/KEE), tad-19 ta’ Ottubru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).


4 –      ĠU 2010 C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”).


5 –      Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 1989 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).


6 –      Artikolu 3(d).


7 –      Artikolu 15.


8 –      Artikolu 16(1).


9 –      Ara l-ewwel premessa.


10 –      Ara s-seba’ u t-tmien premessi.


11 –      Ara d-disa’ premessa.


12 –      Ara l-għaxar premessa.


13 –      Ara l-għaxar u l-ħdax‑il premessa.


14 –      Ara t-tnax-il premessa.


15 –      F’dawn il-konklużjonijiet ser nuża wkoll l-espressjoni “omm li qiegħda tredda’”.


16 –      Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-Linji gwida dwar l-istima tal-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-saħħa tal-ħaddiema tqal u l-ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu (COM(2000) 466 final)/2 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).


17 –      Il-lista tinkludi aġenti fiżiċi, bijoloġiċi u kimiċi. Deskrizzjoni dettaljata tal-aġenti hija stabbilita fit-tabella li tagħmel parti mil-Linji gwida previsti fl-Artikolu 3(1). F’ċerti każijiet, l-aġenti elenkati huma koperti minn leġiżlazzjoni speċifika tal-UE. Pereżempju, l-aġenti bijoloġiċi previsti fl-Anness I A.(2) għad-Direttiva 92/85 huma elenkati fid-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Settembru 2000, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 48). F’dik id-direttiva, l-aġenti bijoloġiċi huma kklassifikati f’erba’ gruppi skont il-livell ta’ riskju tal-infezzjoni. Il-Grupp 1 huwa l-iktar riskju baxx (mhux probabbli li jikkawża mard fil-bniedem) filwaqt li l-Grupp 4 jfisser l-ogħla riskju (jikkawża mard serju fil-bniedem u huwa ta’ perikolu serju għall-ħaddiema) (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/54).


18 –      Direttiva, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264). Id-Direttiva 2006/54 irrevokat u ssostitwixxiet bosta direttivi dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa, inkluża d-Direttiva 97/80.


19 –      Ara l-premessa 1.


20 –      Ara l-premessa 23.


21 –      Ara l-premessa 24.


22 –      Ara l-premessa 25.


23 –      Ara l-premessa 30.


24 –      Ara l-punti 18 sa 22 iktar ’il fuq.


25 –      Ser nirreferi għad-dikjarazzjoni tad-direttur tar-riżorsi umani tal-isptar flimkien mar-rapport tat-tabib fid-dipartiment tal-mediċina preventiva bħala “l-evalwazzjoni tal-isptar”.


26 –      Ser nirreferi għal dan il-perijodu ta’ jumejn bħala “ż-żmien inkwistjoni”.


27 –      Filwaqt li l-korp tad-digriet għal rinviju preliminari jirreferi għall-Juzgado No 2 ta’ Santiago de Compostela, il-parti introduttiva tad-digriet tirreferi għall-appell quddiem il-qorti tar-rinviju li qed isir mid-deċiżjoni tal-qorti f’Coruña. Mill-proċess tal-kawża nazzjonali ppreżentat lil din il-Qorti flimkien mad-digriet għal rinviju preliminari jirriżulta li din l-aħħar verżjoni hija korretta.


28 –      Ara l-ewwel premessa u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/85, kif ukoll is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, D., C‑167/12, EU:C:2014:169, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29 –      Ara l-punt 3 iktar ’il fuq.


30 –      Ara s-seba’ u t-tmien premessi tad-Direttiva 92/85.


31 –      Ara d-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85.


32 –      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN, C‑512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal-11 ta’ Settembru 2014, B., C‑394/13, EU:C:2014:2199, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33 –      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN, C‑512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata u tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punti 40 u 41.


34 –      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-isptar, ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq; fir-rigward ta’ evidenza addizzjonali li apparentament tikkontradixxi lil dik l-evalwazzjoni, ara l-punt 27 iktar ’il fuq.


35 –      Ara l-ħdax-il premessa tad-Direttiva 92/85 u s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen, C‑471/08, EU:C:2010:391, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.


36 –      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen, C‑471/08, EU:C:2010:391, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


37 –      Ara l-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 u ara, barra minn hekk, il-ħdax‑il premessa ta’ dik id-direttiva.


38 –      Ara l-paġna 6 tal-Linji gwida.


39 –      Ara l-paġna 8 tal-Linji gwida. Hawnhekk il-Linji gwida jerġgħu jirreferu għad-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Gwida għall-evalwazzjoni tar-riskju fuq ix-xogħol” (ISBN 97-727-4278-9), li huwa deskritt bħala li jikkostitwixxi “bażi ideali għall-preparazzjoni tal-Linji gwida li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 92/85]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


40 –      Ara “Punti speċifiċi li għandhom jiġu enfasizzati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-paġni 8 u 9 tal-Linji gwida.


41 –      Ara l-paġna 12 tal-Linji gwida, li hawnhekk jagħmlu kontroreferenza wkoll għad-Direttiva tal-Kunsill 89/654/KEE, tat-30 ta’ Novembru 1989, dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol (l-ewwel direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 358).


42 –      L-ewwel entrata fit-tabella hija relatata mal-“għejja mentali u fiżika u l-ħinijiet tax-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u tipprovdi li “xi nisa tqal u li qegħdin ireddgħu jaf ma jkunux jistgħu jaħdmu xifts irregolari jew li jkunu tard jew billejl” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tidentifika riskji speċifiċi, inter alia, għall-abbiltà tal-omm sabiex tredda’ minħabba t-twettiq ta’ tali xogħol.


43 –      L-ewwel entrata f’dik is-sezzjoni tat-tabella tirreferi għal “kull aġent bijoloġiku fil-gruppi 2, 3 u 4 [tal-gruppi ddeżinjati fid-Direttiva tal-Kunsill 90/679/KEE, tas-26 ta’ Novembru 1990, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU 1990 L 374, p. 1)]” u tidentifika, inter alia, l-epatite u l-HIV bħala riskji għal tarbija mreddgħa.


44 –      L-ewwel entrata f’dik is-sezzjoni tat-tabella tirreferi għall-“operat manwali tat-tagħbijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tidentifika riskji, inter alia, għal dawk li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.


45 –      Meta ssir stima tar-riskju, min iħaddem għandu jkun konxju li huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn ir-riskji għal nisa tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu; ara, pereżempju, il-paġna 12 tal-Linji gwida.


46 –      Ara l-ħdax u t-tnax‑il premessa tad-Direttiva 92/85.


47 –      Ir-razez B u D tal-virus tal-epatite (u razez li għadhom ma humiex magħrufin) huma kklassifikati bħala “riskju tal-grupp 3” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fid-Direttiva 2000/54, jiġifieri li l-aġent jista’ jikkawża mard sever fuq il-bniedem u jippreżenta riskju serju għall-ħaddiema.


48 –      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen, C‑471/08, EU:C:2010:391, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49 –      Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez, C‑104/09, EU:C:2010:561, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.


50 –      Mara li welldet reċentement biss tipproduċi l-ħalib meħtieġ sabiex tredda’ tarbija.


51 –      Ara wkoll il-premessa 23 tad-Direttiva 2006/54.


52 –      Ara l-punt 57 iktar ’il fuq.


53 –      Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 29.


54 –      Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.


55 –      Premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.


56 –      Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 68.


57 –      L-arranġamenti għall-implementazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 huma tabilħaqq differenti fost l-Istati Membri varji. Ara, pereżempju, ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad-[Direttiva 92/85], tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu, COM(1999) 100 finali, paġni 15 sa 19.


58 –      Ara, barra minn hekk, il-premessa 25 tad-Direttiva 2006/54.


59 –      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 72.


60 –      Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.


61 –      Ara l-punti 43 sa 47 iktar ’il fuq, u l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ perikoli ġeneriċi u sitwazzjonijiet assoċjati u l-evalwazzjoni tar-riskju tal-perikoli speċifiċi fit-tabelli mehmużin mal-Linji gwida.


62 –      Ara, barra minn hekk, il-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.


63 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C‑104/10, EU:C:2011:506, punti 30 sa 35.


64 –      Ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq.


65 –      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, EU:C:2010:386, punti 35 u 36.