Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fis-7 ta’ April 2020 – Fondul Proprietatea SA vs Guvernul României, SC Complexul Energetic Hunedoara SA, fi stralċ, Compania Naţională de Transport a Energiei Electrice Transelectrica SA, SC Complexul Energetic Oltenia SA
(Kawża C-179/20)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel Bucureşti
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fondul Proprietatea SA
Konvenuti: Guvernul României, SC Complexul Energetic Hunedoara SA, fi stralċ, Compania Naţională de Transport a Energiei Electrice Transelectrica SA, SC Complexul Energetic Oltenia SA
Intervenjent: Ministerul Economiei, Energiei și Mediului de Afaceri
Domandi preliminari
a) L-adozzjoni mill-istat Rumen ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi favur żewġ kumpanniji li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom huwa miżmum mill-Istat:
a.1. l-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching u l-obbligu għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jixtri servizzi anċillari mingħand dawn il-kumpanniji u
a.2. l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku għall-enerġija prodotta minn dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex jiġi żgurat it-tħaddim kontinwu tagħhom
tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jiġifieri hija miżura ffinanzjata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, hija ta’ natura selettiva u tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri[?] Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din l-għajnuna mill-Istat kienet suġġetta għan-notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE?
b) L-għoti mill-Istat Rumen ta’ dritt iggarantit ta’ aċċess għan-network tal-elettriku lil żewġ kumpanniji li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom huwa miżmum mill-Istat, li għandu jiżgura t-tħaddim kontinwu tagħhom, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva Nru 2009/72/KE 1 ?
____________
1 Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).