Language of document : ECLI:EU:C:2019:444

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 3(1)(g) u (i) – Kunċett ta’ “deċiżjoni” fil-qasam tas-suċċessjoni – Kunċett ta’ “strument awtentiku” fil-qasam tas-suċċessjoni – Klassifikazzjoni ġuridika ta’ ċertifikat ta’ eredità nazzjonali – Artikolu 3(2) – Kunċett ta’ “qorti” – Assenza ta’ notifika lill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istat Membru, ta’ nutara bħala awtoritajiet mhux ġudizzjarji li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħala qrati”

Fil-Kawża C‑658/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura mibdija minn

WB

fil-preżenza ta’:

Przemysława Bac, li qiegħda taġixxi bħala nutar

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot

Reġistratur: M. Aleksejev, kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal WB, minn M. Krzymuski, radca prawny,

–        għal P. Bac, li qiegħda taġixxi bħala nutar, minn M. Margoński, zastępca notarialny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn S. Żyrek u E. Borawska-Kędzierska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, kif ukoll minn M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(g) u (i) u (2), tal-Artikolu 39(2), tal-Artikolu 46(3)(b) u tal-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140), kif ukoll tal-Annessi 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament Nru 650/2012 (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14).

2        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn WB kontra P. Bac, fil-kwalità tagħha ta’ nutar stabbilit fi Słubice (il-Polonja), għall-finijiet tal-ħruġ, b’mod partikolari, ta’ kopja ta’ ċertifikat ta’ suċċessjoni maħruġ minn dan in-nutar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 650/2012

3        Il-premessi 20 sa 22 u 62 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdu:

“(20)      Dan ir-Regolament għandu jirrispetta s-sistemi differenti biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta’ suċċessjoni applikati fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament it-terminu ‘qorti’ għandu għalhekk jingħata tifsira wiesgħa sabiex ikopri mhux biss il-qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll in-nutara jew l-uffiċċji tar-reġistru f’xi Stati Membri li, f’ ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati, u n-nutara u l-professjonisti legali li, f’xi Stati Membri, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji f’suċċessjoni speċifika permezz tad-delega tas-setgħa minn qorti. Il-qrati kollha kif iddefiniti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu marbutin bir-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament. Kuntrarjament, it-terminu ‘qorti’ ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta’ Stat Membru bis-setgħa skont il-liġi nazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn, bħal ma ssoltu jkun il-każ, huma ma jkunux qed jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

(21)      Dan ir-Regolament għandu jippermetti lin-nutara kollha li għandhom kompetenza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri biex jeżerċitaw tali kompetenza. Jekk in-nutara fi Stat Membru partikolari jkunux marbutin bir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament, għandu jiddependi minn jekk humiex koperti mit-terminu ‘qorti’ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(22)      L-atti maħruġin min-nutara fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw skont dan ir-Regolament. Meta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji huma marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u d-deċiżjonijiet li jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet. Meta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, mhumiex marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u l-istrumenti awtentiċi li huma joħorġu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar strumenti awtentiċi.

[…]

(62)      L-‘awtentiċità’ ta’ strument awtentiku għandha tkun kunċett awtonomu li jkopri elementi bħall-ġenwinità tal-istrument, il-prerekwiżiti formali tal-istrument, is-setgħat tal-awtorità li qed tfassal l-istrument u l-proċedura skont liema jitfassal l-istrument. Huwa għandu jkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem dik l-awtorità fid-data indikata u li jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati. Parti li tixtieq tikkontesta l-awtentiċità ta’ strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-istrument awtentiku skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

4        Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)      ‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

[…]

(i)      ‘strument awtentiku’ tfisser dokument fi kwistjoni ta’ suċċessjoni li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(i)      tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku; kif ukoll

(ii)      tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini.

2      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)      jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)      għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 79.”

5        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Persuna li tixtieq tagħmel użu minn strument awtentiku fi Stat Membru ieħor tista’ titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola tiġi stabbilita [timla l-formola stabbilita] f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-istrument awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.”

6        L-Artikolu 79(1) u (2) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni, abbażi ta’ notifiki mill-Istati Membri, għandha tistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2).

2.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti għall-informazzjoni li tinsab f’dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista skont dan.”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014

7        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 jipprovdi:

“1.      Il-formola li trid tintuża għall-attestazzjoni li tikkonċerna deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni msemmija fl-Artikolu 46(3)(b) tar-Regolament […] Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 1 bħala l-Formola I.

2.      Il-formola li trid tintuża għall-attestazzjoni li tikkonċerna strument awtentiku f’materja ta’ suċċessjoni msemmija fl-Artikolu 59(1) u l-Artikolu 60(2) tar-Regolament […] Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 2 bħala l-Formola II.”

 Id-dritt Pollakk

 Il-Kodiċi Notarili

8        L-ustawa Prawo o notariace (il-Liġi dwar il-Kodiċi Notarili) tal-14 ta’ Frar 1991 (Dz. U. Nru 22, pożizzjoni 91), kif emendata bil-Liġi tat-13 ta’ Diċembru 2013 (Dz. U. tal-2014, pożizzjoni 164) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Notarili”), tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha, li n-nutara huma responsabbli għall-ġestjoni ta’ uffiċċju wieħed.

9        Skont l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi Notarili, in-nutara jitħallsu għall-attività tagħhom abbażi ta’ ftehim mal-partijiet, fil-limitu ta’ skala ddeterminata skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan il-Kodiċi, mill-Ministru għall-Ġustizzja, bi ftehim mal-Ministru għall-Finanzi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tan-Nutara.

10      It-tfassil ta’ ċertifikati ta’ eredità min-nutara Pollakki huwa rregolat mill-Artikoli 95a sa 95p tal-Kodiċi Notarili.

11      Skont l-Artikolu 95b tal-Kodiċi Notarili:

“Qabel ma jiġi stabbilit iċ-ċertifikat ta’ eredità, in-nutar għandu jfassal il-proċess verbal tas-suċċessjoni bil-parteċipazzjoni tal-persuni kkonċernati kollha, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 95ca.”

12      L-Artikolu 95c(1) u (2) tal-Kodiċi Notarili jipprovdi:

“1.      Qabel ma jfassal il-proċess verbal, in-nutar għandu javża lill-partijiet parteċipanti dwar l-obbligu li jiżvelaw il-fatti kollha intiżi mill-proċess verbal u dwar ir-responsabbiltà kriminali mġarrba fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

2.      Il-protokoll tas-suċċessjoni fih b’mod partikolari:

1)      it-talba bi qbil intiża sabiex jiġi stabbilit iċ-ċertifikat ta’ eredità, imressqa mill-persuni parteċipanti fir-redazzjoni tal-protokoll.

[…]”

13      L-Artikolu 95ca(1) u (3) tal-Kodiċi Notarili jipprevedi:

“1.      In-nutar għandu jfassal l-abbozz ta’ protokoll tas-suċċessjoni fuq it-talba u bil-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata.

[…]

3.      Il-persuna kkonċernata tista’ tikkonferma, fid-dikjarazzjoni magħmula quddiem in-nutar li fassal l-abbozz ta’ protokoll tas-suċċessjoni, jew quddiem kwalunkwe nutar ieħor, l-informazzjoni li tinsab fl-abbozz tal-protokoll tas-suċċessjoni u tagħti l-kunsens tagħha li jitfassal il-protokoll tas-suċċessjoni konformement mal-abbozz tiegħu.”

14      Skont l-Artikolu 95e tal-Kodiċi Notarili:

“1.      Wara li jkun fassal il-protokoll tas-suċċessjoni, in-nutar għandu jfassal iċ-ċertifikat ta’ eredità meta ma jkun hemm ebda dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, il-kontenut tad-dritt barrani applikabbli, l-identità tal-eredi, l-ammont tal-partijiet tas-suċċessjoni u, fil-każ fejn id-deċedut ikun wettaq legat ‘rivendikatorju’, ma jkunx hemm dubju dwar l-identità tal-legatarju ‘b’rivendikazzjoni’ u lanqas dwar is-suġġett tal-legat.

2.      In-nutar għandu jirrifjuta li jfassal iċ-ċertifikat ta’ eredità:

1)      meta jkun jeżisti diġà ċertifikat ta’ eredità jew digriet tas-suċċessjoni;

2)      meta tingħata prova, mar-redazzjoni tal-protokoll tas-suċċessjoni, li l-persuni kollha li jistgħu jitqiesu bħala eredi legali, legatarji tat-testment jew anki legatarji ‘b’rivendikazzjoni’, ma kinux preżenti fit-tfassil tal-protokoll jew jekk ikunu jeżistu jew kienu jeżistu testmenti li ma kinux infetħu jew li ma ġewx iddikjarati;

[…]

4)      fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

3.      Meta s-suċċessjoni taqa’ taħt il-komun jew is-Skarbowi Państwa [it-Teżor Pubbliku, il-Polonja] bħala eredi legali u l-provi prodotti mill-parti kkonċernata ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit iċ-ċertifikat ta’ eredità, in-nutar jista’ jfassal l-att inkwistjoni biss wara konvokazzjoni tal-eredi permezz ta’ opinjoni bi spejjeż tal-parti kkonċernata. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 673 u 674 tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), japplikaw rispettivament.”

15      Skont l-Artikolu 95j tal-Kodiċi Notarili:

“Iċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat jipproduċi l-istess effetti bħad-digriet ta’ suċċessjoni definittiv.”

16      L-Artikolu 95p tal-Kodiċi Notarili jipprovdi:

“Kull dispożizzjoni oħra li ssemmi d-digriet tas-suċċessjoni tapplika wkoll għaċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat. Meta t-terminu legali jibda jiddekorri jew jintemm f’jum li fih id-digriet tas-suċċessjoni jsir definittiv, dan għandu jitqies wkoll bħala d-data li fiha ġie rreġistrat iċ-ċertifikat tal-eredità.”

 Il-Kodiċi Ċivili

17      L-Artikolu 1025(2) tal-kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi li “[i]l-persuna li kisbet id-digriet tas-suċċessjoni jew iċ-ċertifikat ta’ eredità tiġi preżunta li għandha l-kwalità ta’ eredi.”

18      Skont l-Artikolu 1027 tal-Kodiċi Ċivili, “[i]d-digriet tas-suċċessjoni jew iċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat biss jattestaw id-drittijiet tas-suċċessjoni tal-eredi fir-rigward ta’ terzi li ma jinvokaw ebda pretensjoni tas-suċċessjoni.”

19      L-Artikolu 1028 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li “[m]eta l-persuna li kisbet id-digriet tas-suċċessjoni jew iċ-ċertifikat ta’ eredità, iżda li ma għandhiex il-kwalità ta’ eredi, ikollha dritt li jaqa’ taħt is-suċċessjoni favur terz, dan tal-aħħar jikseb id-dritt jew jiġi eżentat mill-obbligu, sakemm ma jkunx aġixxa b’mala fide.”

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

20      L-Artikolu 6691 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“1.      Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għas-suċċessjoni għandha tannulla ċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat fil-każ li jkun hemm diġà digriet tas-suċċessjoni li jirrigwarda l-istess suċċessjoni.

2.      Meta jkun ġie rreġistrat ċertifikat ta’ eredità wieħed jew iktar għall-istess suċċessjoni, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għas-suċċessjoni għandha tannulla, fuq it-talba tal-parti kkonċernata, iċ-ċertifikati ta’ eredità kollha u toħroġ digriet tas-suċċessjoni.

3.      Minbarra fil-każijiet intiżi fil-paragrafi 1 u 2, iċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat jista’ jiġi annullat biss fil-każijiet previsti mil-liġi.”

21      Skont l-Artikolu 679 ta’ dan il-kodiċi:

“1.      Il-prova li l-persuna li kisbet id-digriet tas-suċċessjoni ma għandhiex il-kwalità ta’ eredi jew li l-parti tagħha fis-suċċessjoni hija differenti minn dik li ġiet stabbilita, tista’ tiġi prodotta biss fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament jew għal reviżjoni tad-digriet tas-suċċessjoni, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu. Madankollu, il-parti fil-proċedura ta’ digriet tas-suċċessjoni tista’ tippreżenta rikors intiż għar-riforma tad-digriet biss bil-kundizzjoni li r-rikors tagħha jkun ibbażat fuq elementi li hija ma setgħetx tinvoka matul l-imsemmija proċedura u li ma tipproduċihomx iktar tard minn sena mill-jum fejn hija kellha l-possibbiltà li tagħmel dan.

2.      Kull persuna kkonċernata tista’ titlob il-ftuħ ta’ din il-proċedura.

3.      Meta tiġi prodotta l-prova li persuna differenti minn dik li ġiet indikata fid-digriet tas-suċċessjoni definittiv irċeviet is-suċċessjoni jew parti minnha, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għas-suċċessjoni, filwaqt li tirriforma d-digriet inkwistjoni, għandha toħroġ deċiżjoni tas-suċċessjoni konformi mas-suċċessjoni legali reali.

4.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 japplikaw rispettivament għaċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat u għad-digriet tal-kisba tal-legat ‘b’invokazzjoni’.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Missier WB, li miet fis-6 ta’ Awwissu 2016, kien ċittadin Pollakk li kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Polonja. WB kien wieħed mill-partijiet fi proċedura relatata mas-suċċessjoni ta’ missieru, quddiem P. Bac, bħala nutar stabbilita fil-Polonja, intiża li jinkiseb ċertifikat ta’ eredità. Dan l-att tfassal minn din in-nutar fil-21 ta’ Ottubru 2016, konformement mal-liġi Pollakka.

23      Id-deċedut kien intraprenditur li kellu attività ekonomika viċin il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Polonja. WB xtaq jikseb għarfien dwar jekk il-kapital kienx tqiegħed f’bank Ġermaniż wieħed u iktar u, fl-affermattiv, jekk l-ammont tal-kapital kienx ser jiġi inkluż fil-patrimonju. Għal dan il-għan, fis-7 ta’ Ġunju 2017, WB talab li tintbagħtlu kopja taċ-ċertifikazzjoni tas-suċċessjoni mfassal mill-imsemmija nutar kif ukoll ċertifikat li jikkonferma li dan iċ-ċertifikat jikkostitwixxi deċiżjoni fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, ippreżentat permezz tal-formola stabbilita fl-Anness 1 tar-Regolament Nru 1329/2014. Sussidjarjament, fil-każ ta’ ċaħda ta’ din it-talba, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab li tingħatalu kopja taċ-ċertifikat ta’ eredità kif ukoll attestazzjoni li tikkonferma li dan iċ-ċertifikat jikkostitwixxi att awtentiku fil-qasam tas-suċċessjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 650/2012, ippreżentat permezz tal-formola stabbilita fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014.

24      Permezz ta’ proċess verbal tas-7 ta’ Ġunju 2017, skrivan tan-nutar li jaħdem fi ħdan l-uffiċċju ġestit minn P. Bac, irrifjuta dawn it-talbiet. Huwa kkonstata, essenzjalment, li ċ-ċertifikat ta’ eredità kien “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 u li, fin-nuqqas ta’ notifika mir-Repubblika tal-Polonja lill-Kummissjoni, prevista fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, kien impossibbli għalih li jwettaq iċ-ċertifikazzjoni permezz tal-formola stabbilita fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014. Fir-rigward tat-talba sussidjarja ta’ WB, l-iskrivan tan-nutar indika li l-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat ta’ eredità bħala “deċiżjoni” kienet tipprekludi li dan jiġi kkwalifikat bħala “strument awtentiku”, b’mod li, minkejja li kien konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012, il-ħruġ tal-attestazzjoni korrispondenti, permezz tal-formola stabbilita fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, ma kienx possibbli.

25      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, WB ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostna, l-ewwel nett, li ċ-ċertifikat ta’ eredità kien josserva l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 u, it-tieni nett, li l-ommissjoni mir-Repubblika tal-Polonja li tinnotifika lill-Kummissjoni dwar in-nutara li jfasslu ċertifikati ta’ eredità, fis-sens tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament, ma tippreġudikax in-natura legali taċ-ċertifikat ta’ eredità.

26      Il-qorti tar-rinviju tqis li, għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ WB, jeħtieġ tkun taf jekk l-attestazzjoni msemmija fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 tistax tinħareġ ukoll għal strumenti proċedurali li ma jkollhomx saħħa eżekuttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-qari flimkien tal-Artikolu 46(3)(b) u tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jimmilita favur l-użu tal-imsemmija attestazzjoni għad-deċiżjonijiet kollha, inklużi dawk li ma għandhomx saħħa eżekuttiva.

27      Barra minn hekk, din il-qorti tqis li d-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “deċiżjoni” u ta’ “qorti” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012 għandha tiġi ppreċiżata. Hija tqis li n-nutara Pollakki li joħorġu ċertifikati ta’ eredità, fir-rigward tal-leġittimazzjoni tal-werrieta, jeżerċitaw “funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati”, fis-sens tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012. Hija tirrileva wkoll li ċ-ċertifikat ta’ eredità jipproduċi l-istess effetti bħad-digriet tas-suċċessjoni definittiv adottat minn qorti, b’mod li dan għandu jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “deċiżjoni” jimplikax li din tingħata minn awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ tilwim bejn il-partijiet ikkonċernati.

28      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ notifika mill-Istati Membri, bi ksur tal-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 650/2012, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni ma jagħtihiex il-possibbiltà li tirrispondi dwar jekk din in-notifika għandhiex valur kostituttiv jew purament indikattiv.

29      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li, għalkemm iċ-ċertifikat ta’ eredità stabbilit minn nutar Pollakk ma għandux jitqies bħala “deċiżjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012, huwa inkontestabbli, min-naħa l-oħra, li dan josserva l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kklasifikat bħala “strument awtentiku” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) ta’ dan ir-regolament.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 46(3)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jinftiehem fis-sens li l-ħruġ ta’ ċertifikazzjoni marbuta ma’ deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni, li l-mudell għaliha tinsab fl-Anness I tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014] huwa permess ukoll fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jikkonfermaw l-attribut bħala eredi, iżda li ma humiex (anki parzjalment) eżekuttivi?

2)      L-Artikolu 3(1)(g) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar fuq talba bil-qbil tal-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, li jipproduċi l-effetti legali ta’ digriet definittiv tal-qorti li jiddikjara l-kisba ta’ suċċessjoni, bħalma huwa ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar Pollakk, jikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni […], u, konsegwentement, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandha tinftiehem fis-sens li n-nutar li jirrediġi dan it-tip ta’ ċertifikat ta’ suċċessjoni għandu jitqies bħala qorti fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni?

3)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika minn Stat Membru konformement mal-Artikolu 79 tar-Regolament għandha valur ta’ informazzjoni u ma hijiex kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ rappreżentant tal-professjoni legali kompetenti f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji bħala qorti fis-sens [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament meta dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn din l-aħħar dispożizzjoni?

4)      Fil-każ li r-risposta għad-domandi 1, 2 jew 3 tkun fin-negattiv: [l]-Artikolu 3(1)(i) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jinftiehem fis-sens li r-rikonixximent ta’ strument proċedurali nazzjonali li jiċċertifika l-attribut bħala eredi, bħal ma huwa ċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Pollakk, bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-[Regolament Nru 650/2012], jipprekludi li dan jiġi kkunsidrat bħala dokument awtentiku?

5)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 4 tkun fl-affermattiv: [l]-Artikolu 3(1)(i) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar fuq talba bil-qbil tal-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, bħalma huwa ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar Pollakk, jikkostitwixxi dokument awtentiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

31      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk in-nuqqas, minn Stat Membru, ta’ notifika dwar l-eżerċizzju min-nutara ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, huwiex deċiżiv għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala “qorti”, u fin-negattiv, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li nutar li jirrediġi ċertifikat ta’ eredità, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq talba konkordanti tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix “qorti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ eredità, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, redatt minn nutar fuq talba konkordanti tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, jikkostitwixxix “ċertifikat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

32      Skont l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, it-terminu “deċiżjoni” ikopri kull deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, indipendentement mid-denominazzjoni li tingħatalha, inkluż deċiżjoni li tikkonċerna d-determinazzjoni mir-reġistratur tal-ammont tal-ispejjeż tal-kawża.

33      Għalhekk, deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija kkaratterizzata mill-fatt li toriġina minn “qorti”, b’mod li, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk ċertifikat nazzjonali ta’ eredità, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni”, hemm lok li jiġi ddeterminat minn qabel jekk l-awtorità emittenti għandhiex titqies bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament.

34      Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “qorti”, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, il-Kummissjoni għandha taħtar kwalunkwe awtorità ġudizzjarja, u kwalunkwe awtorità oħra u professjonist legali, li huma kompetenti fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni u li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu b’delega ta’ setgħat minn awtorità ġudizzjarja jew taħt is-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja, sakemm tali awtoritajiet u professjonisti legali oħra joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità tagħhom u tad-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu, u d-deċiżjonijiet li huma jagħtu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih iwettqu l-funzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu appellati quddiem awtorità ġudizzjarja jew mistħarrġa minn tali awtorità, u jkollhom forza u effett ekwivalenti għal sentenza mogħtija minn awtorità ġudizzjarja fl-istess qasam.

35      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

36      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 79 tar-Regolament 650/2012 jispeċifika li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tfassal il-lista ta’ awtoritajiet u professjonisti legali oħra msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti tal-informazzjoni inkluża fl-imsemmija lista u l-Kummissjoni għandha konsegwentement temenda l-imsemmija lista.

37      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li n-nutara Pollakki ma humiex inklużi f’din il-lista, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma ħatritx dawn l-awtoritajiet bħala awtoritajiet mhux ġudizzjarji li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bl-istess mod bħall-qrati.

38      Għalhekk, qabel ma jiġi stabbilit jekk nutar li jirrediġi ċertifikat ta’ eredità fuq talba konkordanti tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ notifika prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ notifika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012

39      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jelenkax l-awtoritajiet u l-professjonisti legali li għandhom jitqiesu bħala qrati fis-sens tal-imsemmi regolament, iżda jistabbilixxi speċifikament il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw dawn l-awtoritajiet u professjonisti legali għal dan il-għan.

40      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għad-differenza, pereżempju, tar-Regolament Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), jew tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 51, p. 1), li ma jinkludu ebda dispożizzjoni ġenerali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex awtorità tiġi kklassifikata bħala qorti, ir-Regolament Nru 650/2012 jippreċiża, fl-Artikolu 3(2) tiegħu, li l-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda wkoll kull awtorità oħra u kull professjonist legali kompetenti fil-qasam tas-suċċesjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-istess dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić, C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 35, u tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 48).

41      Minn dan isegwi li l-awtoritajiet u l-professjonisti legali kompetenti fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, minbarra l-awtoritajiet ġudizzjarji, għandhom, sabiex jiġu kkwalifikati bħala “qorti”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

42      F’dan ir-rigward, fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012, għall-finijiet tat-tfassil tal-lista msemmija fl-Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament, kwalunkwe Stat Membru għandu jivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-suċċessjoni jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament sabiex jiġu kklassifikati bħala “qorti” u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-istess regolament.

43      Minkejja li din in-notifika lill-Kummissjoni toħloq il-preżunzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali ddikjarati skont l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 650/2012 jikkostitwixxu “qrati” fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, il-fatt li awtorità nazzjonali ma tissemmiex f’dan l-artikolu, ma jistax, fih innifsu, ikun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li din l-awtorità ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński, C-517/16, EU:C:2018:350, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 650/2012, il-kwistjoni dwar jekk in-nutara fi Stat Membru partikolari humiex marbuta bir-regoli tal-ġurisdizzjoni previsti f’dan ir-regolament għandhom jiddependu fuq jekk jaqgħux jew le taħt id-definizzjoni ta’ “qorti” għall-finijiet ta’ dan ir-regolament u mhux fuq l-inklużjoni tagħhom fil-lista msemmija fl-Artikolu 79 ta’ dan l-istess Regolament, imfassla skont in-notifika prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

45      Qorti nazzjonali, adita bi kwistjoni li tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ “qorti”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, ta’ awtorità jew ta’ professjonist legali fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, jew li jkollha dubji dwar il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Stat Membru, tista’ tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti fil-kawża quddiemha u, fejn xieraq, tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan tar-Regolament Nru 650/2012, intiż sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ikun kompromess b’mod serju li kieku kien possibbli għal kull Stat Membru, billi ma jiġux inklużi l-awtoritajiet u l-professjonisti legali li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bl-istess mod bħall-qrati fil-komunikazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 650/2012 jew, għall-kuntrarju, billi jiġu inklużi fiha, li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni bħala “qorti” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma josservaw il-kundizzjonijiet stabbiliti espressament f’din id-dispożizzjoni.

47      Għalhekk, ma jistax jiġi dedott min-nuqqas ta’ notifika mir-Repubblika tal-Polonja lill-Kummissjoni tan-nutara Pollakki fis-sens tal-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 650/2012, li ma jistgħux jiġu deskritti bħala “qrati” peress li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-regolament.

48      Isegwi li n-nuqqas ta’ notifika mir-Repubblika tal-Polonja tal-eżerċizzju min-nutara ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, huwa biss indikattiv.

49      Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit b’mod awtonomu jekk nutar li jirrediġi ċertifikat ta’ eredità, fuq talba konkordanti tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, sabiex jikkwalifika bħala “qorti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012

50      L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan persegwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C-20/17, EU:C:2018:485, punt 33).

51      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, kif ġie speċifikat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, awtorità mhux ġudizzjarja jew professjonist legali, kompetenti fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu permezz ta’ delega ta’ setgħat minn awtorità ġudizzjarja jew taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati f’dik id-dispożizzjoni.

52      Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri li huwa sottostanti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi, konformement mal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, u li jiġġustifika d-differenza tal-iskema applikabbli għaċ-ċirkulazzjoni ta’ deċiżjonijiet u atti fl-Istati Membri.

53      Fil-fatt, minkejja li l-funzjonijiet ġudizzjarji u l-funzjonijiet notarili huma distinti, jirriżulta madankollu mill-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012 li, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, it-terminu “qorti” għandu jingħata tifsira wiesgħa, inklużi wkoll in-nutara meta jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji f’ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni. Kuntrarjament, it-terminu “qorti” ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta’ Stat Membru li, skont id-dritt nazzjonali, għandhom is-setgħa li jirregolaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn, bħalma huwa ġeneralment il-każ, ma jkunux qegħdin jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

54      Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012, in-nutar li jwettaq iċ-ċertifikat ta’ eredità għandux funzjoni ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji jimplika l-poter li tingħata deċiżjoni awtonoma fuq eventwali punti kontenzjużi bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren, C‑414/92, EU:C:1994:221, punti 17 u 18). Sabiex awtorità titqies, fir-rigward tan-natura speċifika tal-attività li hija teżerċita, bħala li teżerċita funzjoni ġudizzjarja, din għandha tingħata d-dritt li tiddeċiedi fuq eventwali tilwima (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2011, Bengtsson, C‑344/09, EU:C:2011:174, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ma huwiex il-każ fejn il-kompetenza tal-professjonist ikkonċernat tiddependi biss mir-rieda tal-partijiet.

56      Huwa għalhekk meħtieġ li jitqies li awtorità teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji meta tista’ tkun kompetenti fil-każ ta’ tilwima fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni. Dan il-kriterju japplika indipendentement min-natura kontenzjuża jew mhux kontenzjuża tal-proċedura ta’ għoti ta’ ċertifikat ta’ eredità (ara, f’dan is-sens, s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C-20/17, EU:C:2018:485, punt 44).

57      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1027 tal-Kodiċi Ċivili, in-nutar għandu jiċċertifika d-drittijiet ta’ suċċessjoni tal-werrieta fir-rigward tal-partijiet terzi mhux suċċessivi permezz ta’ ċertifikat ta’ eredità fil-kuntest ta’ suċċessjonijiet mhux kontenzjużi.

58      Dan iċ-ċertifikat ta’ eredità jista’ jinħareġ min-nutar pubbliku biss skont l-Artikolu 95c(2)(1) tal-Kodiċi Notarili. In-nutar għandu jivverifika fuq inizjattiva tiegħu stess il-fatti u, skont l-Artikolu 95(1) ta’ dan il-Kodiċi, joħroġ iċ-ċertifikat biss jekk ma jkollu ebda dubju dwar il-ġurisdizzjoni nazzjonali, il-kontenut tal-liġi barranija applikabbli, l-identità tal-werriet, l-ammont tal-wirt u, fil-każ li d-deċedut ikun għamel legat “rivendikatorju”, il-legatarju “b’rivendikazzjoni” kif ukoll is-suġġett tal-legat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 95(2)(2) tal-Kodiċi Notarili, in-nutar għandu jirrifjuta li jirrediġi ċertifikat ta’ eredità, b’mod partikolari jekk il-werrieta kollha ma jkunux preżenti meta tfassal il-protokoll tas-suċċessjoni.

59      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn l-attivitajiet notarili dwar il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ eredità jiġu eżerċitati fuq talba konkordanti tal-partijiet ikkonċernati, li jħallu intatti l-prerogattivi tal-qorti fin-nuqqas tal-ftehim tal-partijiet, anki jekk in-nutara huma obbligati skont il-liġi Pollakka jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet legalment meħtieġa għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ eredità, sakemm ma jeżerċitaw l-ebda poter deċiżjonali.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikoli 4 u 5 tal-Kodiċi Notarili, in-nutara jeżerċitaw professjoni li, bħala attività ewlenija, tinvolvi l-għoti ta’ diversi servizzi separati bi ħlas, li huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ ftehim mal-partijiet, fil-limitu ta’ skala.

61      Għaldaqstant, l-imsemmija attivitajiet ma jistgħux jitqiesu li huma parti, bħala tali, mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji.

62      Peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 huma kumulattivi, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ġewx issodisfati, peress li dik relatata mal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

63      Konsegwentement, billi ċertifikat ta’ eredità, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jinħariġx minn qorti fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, dan iċ-ċertifikat ma jikkostitwixxix, konformement mal-punt 32 ta’ din is-sentenza, “deċiżjoni” fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni, għat-tielet u għas-sitt domanda għandha tkun li:

–        it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ notifika minn Stat Membru tal-eżerċizzju minn nutara ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, previst f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ tali nutara bħala “qorti”;

–        l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li nutar li jfassal att dwar l-applikazzjoni konġunta tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix “qorti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, l-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat li jfisser li tali att ma jikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel u r-raba’ domanda

65      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għat-tieni u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u għar-raba’ domanda.

 Fuq il-ħames domanda

66      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ eredità, bħalma huwa ċ-ċertifikat ta’ eredità Pollakk, imfassal min-nutar fuq talba konkordanti tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, jikkostitwixxi “strument awtentiku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-għoti tiegħu jista’ jsir flimkien mal-formola li hemm riferiment għaliha fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, li tikkorrispondi għal dik fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014.

67      Skont l-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012, “strument awtentiku” ifisser dokument fil-qasam tas-suċċessjoni li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala att awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu, minn naħa, tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku u min-naħa l-oħra, tkun tfasslet minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li jkollha s-setgħa tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini.

68      Barra minn hekk, mill-premessa 62 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “awtentiċità”, b’reazzjoni għal numru ta’ fatturi, b’mod partikolari l-veraċità tal-miżura, ir-rekwiżiti formali applikabbli għaliha, is-setgħat tal-awtorità determinanti u l-proċedura segwita għat-tfassil tagħha. L-awtentiċità għandha tkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem din l-awtorità fid-data indikata u jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati.

69      F’dan il-każ, kif ġie rrilevat mill-Gvern Pollakk, in-nutara huma intitolati, skont il-liġi Pollakka, jistabbilixxu strumenti relatati ma’ suċċessjoni u ċ-ċertifikat ta’ eredità huwa irreġistrat formalment bħala strument awtentiku. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 95 tal-Kodiċi Notarili, dan iċ-ċertifikat għandu jkollu l-istess effett bħad-digriet ta’ suċċessjoni finali.

70      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, skont l-Artikolu 95(e) tal-Kodiċi Notarili, kif tfakkar fil-paragrafu 58 ta’ din is-sentenza, in-nutar iwettaq kontrolli li jistgħu jwassluh sabiex jirrifjuta li jfassal ċertifikat ta’ eredità, b’mod li l-awtentiċità ta’ dan l-istrument tkun tikkonċerna l-firma u l-kontenut tiegħu.

71      Konsegwentement, ċertifikat ta’ eredità, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012. Għaldaqstant, dan jikkostitwixxi strument awtentiku, li tista’ tinħareġ kopja tiegħu, flimkien mal-formola msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, li tikkorrispondi għal dik prevista fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014.

72      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat ta’ eredità, bħaċ-ċertifikat ta’ eredità Pollakk, imfassal min-nutar fuq talba konkordanti tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, jikkostitwixxi “strument awtentiku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-għoti tiegħu jista’ jsir flimkien mal-formola prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, li tikkorrispondi għal dik prevista fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ notifika minn Stat Membru tal-eżerċizzju minn nutara ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, previst f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ tali nutara bħala “qorti”.

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li nutar li jfassal att dwar l-applikazzjoni konġunta tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix “qorti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, l-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat li jfisser li tali att ma jikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat ta’ eredità, bħaċ-ċertifikat ta’ eredità Pollakk, imfassal min-nutar fuq talba konkordanti tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, jikkostitwixxi “strument awtentiku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-għoti tiegħu jista’ jsir flimkien mal-formola prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, li tikkorrispondi għal dik prevista fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament Nru 650/2012.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.