Language of document : ECLI:EU:C:2020:749

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Settembru 2020 (*)

(Test rettifikat permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Ottubru 2020)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Effetti tal-konsenja – Artikolu 27 – Prosekuzzjoni eventwali għal reati oħra – Regola ta’ speċjalità”

Fil-Kawża C‑195/20 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2020, fil-proċeduri kriminali kontra

XC

fil-preżenza ta’:

Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: D. Dittert, Kap tal-Unità,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-21 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2020, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2020 tar-Raba’ Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal XC, minn M. Franzikowski u F. S. Fülscher, Rechtsanwälte,

–        għall-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, minn P. Frank u S. Heine, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u F. Halabi, bħala aġenti,

–        (Kif rettifikat permezz tad-digriet tal-14 ta’ Ottubru 2020) għall-Irlanda, minn J. Quaney, bħala aġent, assistita minn M. Gray, SC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Awwissu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra XC li ġie kkundannat, fil-Ġermanja, għal piena ta’ priġunerija għal fatti kklassifikati bħala stupru aggravat u estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati b’dan il-mod:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.”

4        L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

5        L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

(a)      l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

(b)      l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u l-fax u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti;

(c)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

(d)      in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

(e)      deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

(f)      il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

(g)      jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.”

6        L-Artikolu 27 tal-istess deċiżjoni qafas huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.      Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.      Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

(a)      meta l-persuna wara li kellha l-opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata m’għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu;

[…]

(g)      fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.      Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

7        L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġie implimentat fid-dritt Ġermaniż fl-Artikolu 83h(1) u (2) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali) tat-23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl. 1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

8        Dan l-Artikolu 83h jipprevedi:

“1)      Il-persuni kkonsenjati minn Stat Membru abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistgħux:

1.      ikunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kundanna jew ċaħda tal-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħhom minbarra għal dak li jkun ta lok għall-konsenja tagħhom […]

[…]

2)      Il-paragrafu 1 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

1.      meta l-persuna li kellha l-opportunità titlaq mit-territorju tal-Istat Membru li lilu ġiet ikkonsenjata ma għamlitx hekk fi żmien ħamsa u erbgħin jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu;

2.      ir-reat ma huwiex punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;

3.      il-proċeduri kriminali ma jagħtux lok għall-applikazzjoni ta’ miżura li tirrestrinġi l-libertà individwali tal-persuna;

4.      meta l-persuna hija punibbli b’piena jew miżura li ma jneħħux il-libertà, anki jekk din il-piena jew miżura tista’ tirrestrinġi l-libertà personali tagħha;

5.      meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew il-persuna kkonsenjata tirrinunzja għall-prinċipju ta’ speċjalità.

3)      Ir-rinunzja min-naħa tal-persuna kkonsenjata mwettqa wara l-konsenja għandha ssir quddiem qorti jew prosekutur u għandha tiġi rreġistrata. Id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja hija irrevokabbli. Il-persuna kkonsenjata għandha tiġi informata b’dan.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        XC kien is-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-Ġermanja fi tliet proċeduri kriminali distinti li jirrigwardaw fatti, l-ewwel nett, ta’ traffikar ta’ droga, it-tieni nett, ta’ abbuż sesswali fuq minorenni mwettaq fil-Portugall u, it-tielet nett, ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni, imwettqa fil-Portugall ukoll, rispettivament.

10      Qabel kollox, fis-6 ta’ Ottubru 2011, XC ġie kkundannat għal traffikar ta’ droga mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll, il-Ġermanja) għal piena ta’ priġunerija globali ta’ sena u disa’ xhur. L-eżekuzzjoni ta’ din il-piena ġiet sospiża taħt ċerti kundizzjonijiet.

11      Imbagħad, matul is-sena 2016, infetħu proċeduri kriminali fil-Ġermanja kontra XC għal fatti kklassifikati bħala abbuż sesswali fuq minorenni mwettqa fil-Portugall u, fit-23 ta’ Awwissu 2016, ix-Staatsanwaltschaft Hannover (il-Prosekutur ta’ Hannover, il-Ġermanja) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għal dawn il-fatti. Peress li t-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora, il-Portugall) awtorizzat il-konsenja ta’ XC lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi għall-imsemmi ksur u peress li XC ma rrinunzjax f’din l-okkażjoni għar-regola ta’ speċjalità, fit-22 ta’ Ġunju 2017 dan tal-aħħar ġie kkonsenjat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-awtoritajiet ġudizzjarji Portugiżi. Ikkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u tliet xhur, huwa tqiegħed f’ħabs f’dan l-Istat Membru.

12      Matul l-eżekuzzjoni tal-piena li XC ġie kkundannat għaliha relatata mal-abbuż sesswali fuq minorenni, is-sospensjoni taħt ċerti kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2011 mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) fir-rigward tat-traffikar ta’ droga ġiet irrevokata. Fit-22 ta’ Awwissu 2018, ix-Staatsanwaltschaft Flensburg (il-Prosekutur ta’ Flensburg, il-Ġermanja) talab lit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora), bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, tirrinunzja għall-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità u tagħti l-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) fis-6 ta’ Ottubru 2011.

13      Fil-31 ta’ Awwissu 2018, fin-nuqqas ta’ tweġiba mit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora), XC ingħata l-libertà u tqiegħed taħt sorveljanza soċjoġudizzjarja għal ħames snin, li fil-kuntest tagħha huwa kellu jippreżenta ruħu darba fix-xahar għand l-uffiċjal tal-probation tiegħu. Fit-18 ta’ Settembru 2018, huwa mar il-Pajjiżi l-Baxxi u mbagħad l-Italja. Fid-19 ta’ Settembru 2018, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ XC mill-Prosekutur ta’ Flensburg għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011.

14      Fis-27 ta’ Settembru 2018, XC ġie arrestat fl-Italja abbażi ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. Fl-10 ta’ Ottubru 2018, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tat il-kunsens tagħha għall-konsenja tiegħu. Fit-18 ta’ Ottubru 2018, XC ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

15      Finalment, fil-5 ta’ Novembru 2018, inħareġ mandat ta’ arrest mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) għall-finijiet tal-istruttorja tat-tielet kawża li timplika lil XC u li tirrigwarda fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005.

16      Fit-12 ta’ Diċembru 2018, ix-Staatsanwaltschaft Braunschweig (il-Prosekutur ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) talab lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tagħti l-kunsens tagħha wkoll sabiex XC ikun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni għal dawn il-fatti ta’ stupru u ta’ estorsjoni. Il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja) laqgħet din it-talba fit-22 ta’ Marzu 2019.

17      XC tqiegħed taħt arrest preventiv fil-Ġermanja mit-23 ta’ Lulju 2019 sal-11 ta’ Frar 2020 skont il-mandat ta’ arrest maħruġ fil-5 ta’ Novembru 2018 mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig). Matul dan il-perijodu, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2019, il-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) ikkundannat lil XC għall-fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005. Hija tat, fil-konfront tiegħu, piena ta’ priġunerija globali ta’ seba’ snin li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011. It-tul kollu tal-arrest preventiv magħmul fl-Italja minn XC ġie meħud inkunsiderazzjoni fil-piena globali.

18      Fil-21 ta’ Jannar 2020, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża tat il-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija globali mogħtija mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) fis-6 ta’ Ottubru 2011. XC ilu taħt arrest mit-12 ta’ Frar 2020 għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena.

19      XC ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza tal-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig) tas-16 ta’ Diċembru 2019. B’mod partikolari, huwa kkontesta l-validità tal-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ dik is-sentenza fir-rigward tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. XC isostni, essenzjalment, li, sa fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża ma tatx il-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni għall-fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhomx id-dritt li jibdew proċeduri kontra l-akkużat. Sa mill-1 ta’ Settembru 2018, XC fil-fatt dejjem tqiegħed taħt il-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità. B’hekk, il-proċeduri mibdija kontra XC mill-awtoritajiet Ġermaniżi mingħajr il-kunsens minn qabel tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża kif ukoll l-atti proċedurali relatati magħhom, bħall-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018, huma vvizzjati b’illegalità.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk dan il-mandat ta’ arrest jistax jinżamm jew għall-kuntrarju għandux jiġi annullat tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhomx dritt ta’ prosekuzzjoni fir-rigward ta’ XC għall-allegazzjonijiet ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ speċjalità ma jipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda minħabba reat ieħor imwettaq qabel il-konsenja li jkun differenti minn dak li fuqu tkun ibbażata l-konsenja f’sitwazzjoni fejn il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti wara l-konsenja u tkun sussegwentement ikkonsenjata mill-ġdid lejn it-territorju tal-Istat Membru emittenti minn Stat Membru ta’ eżekuzzjoni ieħor fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid u f’sitwazzjoni fejn it-tieni Stat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ta l-kunsens tiegħu li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kundanna u eżekuzzjoni tal-piena fir-rigward ta’ dan ir-reat l-ieħor?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

22      Il-qorti tar-rinviju titlob li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti ssostni li XC jinsab f’ħabs abbażi tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011. Madankollu, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, il-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018 jikkostitwixxi raġuni addizzjonali għad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata u jista’ jwassal sabiex jillimita t-tnaqqis tal-eżekuzzjoni tal-piena imposta kontriha.

24      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li fis-7 ta’ Ġunju 2020 XC ser ikun skonta żewġ terzi tal-piena imposta fis-6 ta’ Ottubru 2011 mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) u, għaldaqstant, ikun ammissibbli għal sospensjoni eventwali suġġetta għal kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ din il-piena. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, minn naħa, il-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018 jista’ jostakola s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena. Min-naħa l-oħra, fil-każ li tingħata tali sospensjoni, il-qorti tar-rinviju ssostni li r-risposta għall-kwistjoni tal-validità ta’ dan il-mandat ta’ arrest tiddetermina jekk l-arrest preventiv ordnat abbażi tiegħu jistax jitkompla.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tagħmel parti mill-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

26      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija fil-preżent imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata skont kif tkun fis-seħħ fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, minn naħa, għalkemm huwa paċifiku li, f’dik id-data XC kien imċaħħad mil-libertà abbażi tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011, xorta jibqa’ l-fatt li l-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018 jista’ wkoll jiġġustifika d-detenzjoni ta’ XC. Min-naħa l-oħra, iż-żamma fis-seħħ ta’ dan il-mandat tista’ twassal għal-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija imposta kontrih, tinfluwenza d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni taħt kundizzjonijiet ta’ din il-piena u, fil-każ li tingħata tali sospensjoni, issir l-unika bażi legali għaż-żamma ta’ XC taħt detenzjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-25 ta’ Mejju 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija sakemm, abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

30      Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, preliminarjament għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, liema sistema tal-aħħar hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-kuntest, din id-deċiżjoni qafas hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, jikkostitwixxi l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, wara l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fid-19 ta’ Settembru 2018 mill-Prosekutur ta’ Flensburg għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tat il-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-10 ta’ Ottubru 2018 qabel ma XC ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Ġermaniżi fit-18 ta’ Ottubru 2018. Min-naħa l-oħra, minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li, wara talba magħmula fit-12 ta’ Diċembru 2018 mill-Prosekutur ta’ Braunschweig sabiex XC jiġi suġġett għal prosekuzzjoni għal fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) tat il-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni ta’ dawn il-fatti fit-22 ta’ Marzu 2019.

35      F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-deċiżjoni qafas jikkonferixxu fuq l-Istati Membri ċerti kompetenzi preċiżi matul l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, dawn id-dispożizzjonijiet, peress li jistabbilixxu regoli derogatorji fil-konfront tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jwassal sabiex jixxejjen l-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, li jikkonsisti f’li jiġu ffaċilitati u mħaffa l-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, West, C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 77).

36      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi r-regola ta’ speċjalità li abbażi tagħha persuna li tkun ġiet ikkonsenjata ma tistax tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li jkun ta lok għall-konsenja tagħha.

37      Qabel kollox, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmija regola hija strettament marbuta mal-konsenja li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“konsenja” fis-singular.

38      Sussegwentement, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni kuntestwali tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, kemm l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-għan speċifiku mfittex minnu, kif ukoll l-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jeżiġi li kull mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun preċiż fir-rigward tan-natura u tal-klassifikazzjoni legali tar-reati li huwa jkopri u jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tagħhom, jindikaw li r-regola ta’ speċjalità hija marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku.

39      Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ta’ speċjalità hija marbuta mas-sovranità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tagħti lill-persuna rikjesta d-dritt li tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li jkun ta lok għall-konsenja tagħha (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punti 43 u 44).

40      Din ir-regola fil-fatt teżiġi li l-Istat Membru emittenti li jixtieq iwettaq prosekuzzjoni jew jikkundanna persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew differenti minn dak li ta lok għal din il-konsenja jikseb il-kunsens tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jiġi evitat li l-ewwel Stat Membru jidħol fuq il-kompetenzi li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun jista’ jeżerċita u jmur lil hinn mill-prerogattivi tiegħu fil-konfront tal-persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm prosekuzzjoni. Sa fejn il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż li jikkonsenja lill-persuna kkonċernata lill-Istat Membru li jkun ħareġ tali mandat, għar-reati speċifiċi msemmija minnu, billi jiġbdu lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru b’mod forzat, ir-regola ta’ speċjalità hija intrinsikament marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku li l-portata tiegħu hija ben stabbilita.

41      Minn dan isegwi li r-regola ta’ speċjalità li setgħet tiġi invokata fil-kuntest tal-ewwel konsenja ta’ XC mill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni Portugiżi ma għandhiex effett fuq ir-ritorn ta’ XC fit-territorju Ġermaniż abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Flensburg fid-19 ta’ Settembru 2018. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inapplikabbiltà tar-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Hannover fit-23 ta’ Awwissu 2016 ma tirriżultax minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 iżda mill-fatt li l-kawża prinċipali issa taqa’ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ XC mill-Prosekutur ta’ Flensburg fid-19 ta’ Settembru 2018.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi rikjest, sabiex persuna tkun tista’ tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew miżmuma sabiex tiġi eżegwita piena jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li ta lok għall-konsenja tagħha, li jingħata kunsens kemm mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li kkonsenja l-persuna li tkun ġiet suġġetta għal prosekuzzjoni abbażi tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li kkonsenja l-imsemmija persuna fuq il-bażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, jipprekludi l-effettività tal-proċedura ta’ konsenja u b’hekk iqiegħed f’riskju l-għan segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

43      Għaldaqstant, peress li, f’dan il-każ, XC telaq b’mod volontarju mit-territorju Ġermaniż wara li f’dan l-Istat Membru skonta l-piena li għaliha kien ġie kkundannat għall-fatti msemmija fl-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Hannover fit-23 ta’ Awwissu 2016, din il-persuna ma għadx għandha d-dritt li tinvoka r-regola ta’ speċjalità relatata ma’ dan l-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew. F’dan il-kuntest, l-imsemmija persuna tista’ tinvoka r-regola ta’ speċjalità biss fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Flensburg fid-19 ta’ Settembru 2018 u eżegwit mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana.

44      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li r-regola ta’ speċjalità prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tapplikax meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun ikkonsenjat il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha sabiex din tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, ikkundannata jew miżmuma bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, minbarra dak li ta lok għall-konsenja tagħha.

45      Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sempliċi konsenja rilevanti sabiex tiġi evalwata l-osservanza tar-regola ta’ speċjalità hija dik imwettqa abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, il-kunsens meħtieġ fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jingħata biss mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li jkun ikkonsenja l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni abbażi tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew.

46      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jekk kemm‑il darba, abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

 Dwar l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jekk kemmil darba, abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.