Language of document : ECLI:EU:T:2018:830

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

22 ta’ Novembru 2018 (*)

“FAEG – Infiq eskluż mill-finanzjament – Miżuri speċifiċi favur ir-reġjuni l-iktar ’il bogħod – Artikolu 12(c) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006 – Assistenza teknika – Azzjonijiet ta’ spezzjoni – Garanziji proċedurali – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑31/17,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, J. Saraiva de Almeida u A. Tavares de Almeida, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Rechena u A. Sauka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2018 tal‑15 ta’ Novembru 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 312, p. 26), sa fejn din tneħħi mill-imsemmi finanzjament fil-konfront tar-Repubblika Portugiża s-somom ta’ EUR 460 202,73 u ta’ EUR 200 000 (partita 6701),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-kuntest tal-programm ta’ għażliet speċifiċi għan-natura iżolata u insulari tal-Madeira u tal-Azores (Poseima), ir-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira (il-Portugall) jibbenefikaw, sa mill‑1992, minn miżuri speċifiċi favur produzzjonijiet agrikoli lokali. Sa mis-sena finanzjarja 2007, dawn il-miżuri ġew iggruppati mill-ġdid fi programm ta’ appoġġ stabbilit konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat‑30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod ta’ l-Unjoni (ĠU 2006, L 42, p. 1). Għal dan l-għan, ir-Repubblika Portugiża fasslet abbozz ta’ programm ġenerali, li ġie evalwat u approvat mill-Kummissjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 24(1) u (2) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem il-“programm ġenerali”).

2        Fit‑30 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 793/2006 tat‑12 ta’ April 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 247/2006 (ĠU 2006, L 145, p. 1, u rettifika ĠU 2009, L 84M, p. 319), abbozz ta’ emenda tal-programm ġenerali. Dan l-abbozz, irrivedut fis‑27 ta’ Jannar 2009, kien jipprevedi b’mod partikolari l-introduzzjoni, fi ħdan is-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores, ta’ miżura ġdida dwar il-finanzjament għall-istudji, proġetti dimostrattivi, taħriġ jew miżuri ta’ assistenza teknika.

3        Permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 1364 final tat‑3 ta’ Marzu 2009 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009”), il-Kummissjoni approvat l-emendi għall-programm ġenerali sottomessi mir-Repubblika Portugiża.

4        Konsegwentement, l-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores inkluda punt 4.6 ġdid, imfassal kif ġej:

“4.6      Finanzjament ta’ studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ u miżuri ta’ assistenza teknika

Il-kuntest ġuridiku

L-Artikolu 50 tar-Regolament […] Nru 793/2006 […] jipprevedi l-finanzjament ta’ studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ u miżuri ta’ assistenza teknika […]

Għanijiet

Din il-miżura hija intiża li toħloq il-kundizzjonijiet għal twettiq effiċjenti tal-attivitajiet ta’ preparazzjoni, ta’ koordinazzjoni, ta’ informazzjoni, ta’ ġestjoni, ta’ spezzjoni, ta’ segwitu u ta’ evalwazzjoni tas-sottoprogramm [għar-]reġjun awtonomu tal-Azores.

Deskrizzjoni

Il-miżura għandha tidħol fl-attivitajiet eliġibbli li jiġu eżegwiti mill-entitajiet li għandhom responsabbiltajiet fid-diversi funzjonijiet neċessarji għall-ġestjoni tajba u għall-eżekuzzjoni tas-[sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores].

[…]

Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ir-reġjun awtonomu tal-Azores qiegħed ifittex li jikseb il-fondi neċessarji sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-partijiet kollha fis-[sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores].

Benefiċjarji

•      L-awtoritajiet ta’ ġestjoni

Spejjeż eliġibbli u skema ta’ appoġġ

Ser jitqiesu bħala eliġibbli u ser jiġu ffinanzjati 100 % l-ispejjeż marbuta ma’:

•      l-akkwist u l-manutenzjoni ta’ beni u ta’ tagħmir,

•      l-akkwist ta’ servizzi,

•      it-twettiq ta’ studji u ta’ awditjar,

•      it-tfassil u t-tixrid ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità,

u direttament attribwibbli għal attivitajiet ta’ preparazzjoni, ta’ koordinazzjoni, ta’ informazzjoni, ta’ ġestjoni, ta’ spezzjoni, ta’ segwitu u ta’ evalwazzjoni tas-[sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Fil-kuntest ta’ din il-miżura, l-awtoritajiet Portugiżi sostnew diversi spejjeż, iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, f’ammont totali ta’ EUR 460 202.73 għas-sena finanzjarja 2012 u ta’ EUR 200 000 għas-sena finanzjarja 2013.

6        Għas-sena finanzjarja 2012, l-ispejjeż inkwistjoni kienu relatati mal-akkwist ta’ erba’ vetturi off-road (EUR 94 407.56), mas-salarji tal-persunal responsabbli għall-ispezzjonijiet fuq il-post (EUR 69 977.11), ma’ spejjeż marbuta mas-sistema ta’ informazzjoni, mas-sistema ta’ aċċess, mas-sistema tan-nar u ma’ vettura off-road (EUR 53 059.65), mal-akkwist ta’ 22 kompjuter u skrijn kif ukoll ma’ tliet laptops (EUR 14 446) u, fl-aħħar nett, mar-remunerazzjoni ta’ ħdax-il tekniku u ta’ direttur tas-servizzi (EUR 228 312.41).

7        Għas-sena finanzjarja 2013, l-ispejjeż inkwistjoni kienu jikkorrispondu mar-remunerazzjoni ta’ għaxar tekniċi u ta’ direttur tas-servizzi (EUR 199 095.92) kif ukoll ma’ kumpens li jkopri l-ispejjeż għaċ-ċaqliq ta’ dan id-direttur (EUR 904.08).

8        Wara investigazzjoni, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).

9        Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013”), il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Portugiżi l-konstatazzjonijiet tagħha abbażi tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2006, L 171, p. 90). F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ispejjeż inkwistjoni kellhom l-għan, fit-totalità tagħhom, li jiffinanzjaw il-persunal u t-tagħmir neċessarju għall-ispezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi fil-kuntest tal-programm ġenerali. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li, peress li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1290/2005, minn naħa, u ma’ dawk tal-Artikolu 12(c) u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 247/2006, min-naħa l-oħra, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) ma setax jieħu responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż.

10      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ April 2014, l-awtoritajiet Portugiżi esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn, skont huma, l-ispejjeż inkwistjoni kienu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

11      Matul laqgħa bilaterali li saret fl‑4 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi żammu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Portugiżi li hija kienet tqis li d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009 ma setgħetx toħloq, fil-konfront tagħhom, aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż inkwistjoni.

12      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2014, l-awtoritajiet Portugiżi reġgħu sostnew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

13      Fit‑12 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni kkomunikat uffiċjalment il-konklużjonijiet tagħha lill-awtoritajiet Portugiżi, konformement mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni għal darba oħra kkonkludiet li l-ispejjeż inkwistjoni kienu ineliġibbli billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006. Konsegwentement, hija pproponiet li tiġi eskluża mill-finanzjament tal-Unjoni s-somma totali ta’ EUR 660 202.73.

14      Fil‑15 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-FAEG u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 312, p. 26, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fir-rigward tar-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni b’mod partikolari eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom ta’ EUR 460 202.73 u ta’ EUR 200 000 (partita 6701), li jikkorrispondu mal-ispejjeż inkwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Jannar 2017, ir-Repubblika Portugiża ippreżentat dan ir-rikors.

16      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Marzu 2017.

17      Ir-Repubblika Portugiża ppreżentat ir-replika fis‑16 ta’ Mejju 2017 u l-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fit‑28 ta’ Ġunju 2017.

18      Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottati abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet xi mistoqsijiet lill-partijiet u talbithom jipproduċu provi. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-termini stabbiliti.

19      Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni fil-konfront tagħha s-somom ta’ EUR 460 202.73 u ta’ EUR 200 000;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

21      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Portugiża tqajjem tliet motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel wieħed, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, it-tieni wieħed, tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 u, it-tielet wieħed, tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006.

22      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok jitqies, qabelxejn, it-tielet motiv, li huwa marbut mal-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, sussegwentement, it-tieni motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur ta’ regola sostantiva tad-dritt idderivat tal-Unjoni u, fl-aħħar nett, l-ewwel motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006

23      Ir-Repubblika Portugiża targumenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 meta indirizzatilha l-ewwel komunikazzjoni bil-miktub li ma kinitx immotivata b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, minn naħa, l-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż inkwistjoni kienu ġew esposti għall-finijiet tat-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ spezzjoni. Min-naħa l-oħra, din l-ittra ma tindikax għaliex l-ebda kap ta’ spiża inkwistjoni, meħud individwalment, ma jista’ jibbenefika mill-finanzjament tal-FAEG.

24      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Portugiża.

25      Preliminarjament, hemm lok jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 247/2006, il-miżuri speċifiċi fil-qasam tal-agrikoltura favur ir-reġjuni l-iktar ’il bogħod meħuda abbażi ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxu intervenzjonijiet intiżi li jirregolaw is-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005. Konsegwentement, l-ispejjeż iffinanzjati mill-Unjoni abbażi tar-Regolament Nru 247/2006 huma fost l-ispejjeż tal-FAEG elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2005 u, għaldaqstant, huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament applikabbli għall-ispejjeż ta’ dan il-fond.

26      Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni tkun fi ħsiebha tneħħi mill-finanzjament tal-Unjoni ċerti spejjeż esposti minn Stat Membru abbażi tar-Regolament Nru 247/2006, hija għandha ssegwi l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità prevista mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha huma ddefiniti mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni finali u definittiva dwar l-approvazzjoni tal-konformità għandha tittieħed wara proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom il-garanziji meħtieġa kollha sabiex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑245/97, EU:C:2000:687, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għaldaqstant, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 jipprevedi li jekk, wara investigazzjoni, il-Kummissjoni tqis li xi spejjeż ma sarux konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, hija għandha tikkomunika l-konstatazzjonijiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat.

29      Skont il-ġurisprudenza, il-komunikazzjoni bil-miktub fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha tagħti lill-Istat Membru kkonċernat għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni, b’mod illi tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ twissija mogħtija lilha mill-imsemmija dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minn dan isegwi li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 jeżiġi li l-irregolarità li l-Istat Membru kkonċernat huwa kkritikat għaliha tkun indikata b’mod suffiċjentement preċiż fil-komunikazzjoni bil-miktub prevista fl-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punt 28).

31      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk l-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 u jekk tikkostitwixxix, konsegwentement, komunikazzjoni regolari skont l-imsemmija dispożizzjoni.

32      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma argumentat il-Kummissjoni, l-ewwel nett, l-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 tiċċita t-testi li hija tagħmel applikazzjoni tagħhom, jiġifieri l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1290/2005, minn naħa, u l-Artikolu 12(c) u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 247/2006, min-naħa l-oħra. It-tieni nett, din l-ittra tfakkar l-għan tal-miżura prevista fil-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores kif ukoll il-kategoriji ta’ spejjeż eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni elenkati minn din il-miżura. It-tielet nett, l-istess ittra tidentifika l-ispejjeż eżaminati mill-Kummissjoni billi tippreċiża, għal kull kap minn dawn l-ispejjeż, is-sena finanzjarja kkonċernata, l-awtorità responsabbli mill-ispiża kif ukoll is-suġġett u l-ammont ta’ din l-ispiża. Ir-raba’ nett, l-imsemmija ittra tikkonstata li “it-totalità tal-ispejjeż [inkwistjoni] intużat sabiex tiffinanzja l-persunal u t-tagħmir neċessarju għall-ispezzjonijiet imwettqa mill-[awtoritajiet Portugiżi] relatati mal-programm [ta’ sostenn]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-ħames nett, l-ittra tispjega li l-ispejjeż esposti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-obbligi amministrattivi u ta’ spezzjoni tagħhom huma marbuta mal-attività prinċipali tal-aġenziji tal-pagamenti, b’mod illi l-FAEG ma tistax tieħu responsabbiltà ta’ dawn l-ispejjeż. Is-sitt nett, din l-ittra tikkonkludi li l-ispejjeż inkwistjoni huma ineliġibbli għall-finanzjament tal-FAEG minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1290/2005, minn naħa, u tal-Artikolu 12(c) u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 247/2006, min-naħa l-oħra.

33      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 tesponi b’mod suffiċjentement preċiż in-natura u l-motivi tal-irregolarità kkritikata lir-Repubblika Portugiża u tagħti lil dan l-Istat Membru għarfien perfett tar-riżervi tal-Kummissjoni. Konsegwentement, din l-ittra tissodisfa, f’dan il-każ, il-funzjoni tagħha ta’ twissija fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità.

34      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata miż-żewġ ilmenti fformulati speċifikament mir-Repubblika Portugiża fil-konfront tal-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013.

35      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-argument li din l-ittra ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż inkwistjoni kienu ġew esposti sabiex jitwettqu azzjonijiet ta’ spezzjoni, hemm lok jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess ta’ kap tal-ispejjeż inkwistjoni – jiġifieri s-somma ta’ EUR 69 977.11 li tikkorrispondi mas-“salarji tal-persunal responsabbli mill-ispezzjonijiet fuq il-post” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imħallsa matul is-sena finanzjarja 2012 – jirriżulta li din l-ispiża kienet marbuta mat-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika Portugiża kellha għarfien perfett tan-natura tal-ispejjeż inkwistjoni u sa fejn hija rrikonoxxiet ulterjorment, b’mod partikolari matul il-laqgħa bilaterali tal‑4 ta’ Ġunju 2014, li dawn l-ispejjeż kienu ġew esposti fil-kuntest tal-attività ta’ spezzjoni tagħha, l-assenza ta’ spjegazzjonijiet iktar iddettaljati fl-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013, b’mod partikolari sa fejn jirrigwarda s-somom ħlief dik ta’ EUR 69 977.11 imsemmija iktar ’il fuq, bl-ebda mod ma pprekludiet, f’dan il-każ, lir-Repubblika Portugiża milli tesponi l-perspettiva tagħha u li tikkontesta l-fondatezza tal-korrezzjoni finanzjarja proposta mill-Kummissjoni.

36      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-argument li l-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 ma tippreċiżax ir-raġunijiet li għalihom l-ebda kap tal-ispejjeż inkwistjoni, meħud individwalment, ma jista’ jibbenefika mill-finanzjament tal-FAEG, għandha tingħata t-tweġiba li, meta l-istess motiv ta’ ineliġibbiltà jitqajjem għal kategorija jew grupp ta’ spejjeż, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għal motivazzjoni ġenerali għall-ispejjeż ikkonċernati kollha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, EU:C:2007:99, punt 37). Issa, hemm lok jiġi rrilevat li, fl-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż inkwistjoni kellhom, fit-totalità tagħhom, l-għan li jiffinanzjaw il-persunal u t-tagħmir neċessarju għat-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ spezzjoni u li, sa fejn dawn l-ispejjeż kienu jagħmlu parti mill-attività prinċipali tal-awtoritajiet nazzjonali, dawn ma kinux eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl tal-fatt li, skont l-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013, l-ispejjeż inkwistjoni kollha kellhom l-istess għan, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li mmotivat, b’mod ġenerali, ir-riżervi tagħha fir-rigward tal-finanzjament ta’ dawn l-ispejjeż mill-Unjoni.

37      Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006.

38      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006

39      Ir-Repubblika Portugiża targumenta li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006, li tawtorizza l-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mal-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ. Issa, l-azzjonijiet ta’ spezzjoni, minn naħa, jikkostitwixxu tip ta’ azzjonijiet ta’ assistenza teknika u, min-naħa l-oħra, huma neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe programm ta’ appoġġ. Minn dan isegwi li, b’deroga mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1290/2005, l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal ikunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni meta, bħal f’dan il-każ, huma mġarrba għal attività ta’ spezzjoni u fil-kuntest ta’ programm ta’ appoġġ.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Portugiża.

41      Preliminarjament, hemm lok jiġi kkonstatat li huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-ispejjeż inkwistjoni ġew esposti sabiex jiġi ffinanzjat il-persunal u t-tagħmir neċessarju għat-twettiq, mill-awtoritajiet Portugiżi, ta’ azzjonijiet ta’ spezzjoni, li jikkonsistu b’mod partikolari fi spezzjonijiet imwettqa fil-kuntest tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores. Barra minn hekk, kemm mill-proċess, u b’mod partikolari mill-ittra tal‑5 ta’ Diċembru 2013 u mill-ittra tal-awtoritajiet Portugiżi tas‑7 ta’ April 2014, kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet matul is-seduta, jirriżulta li l-awtoritajiet Portugiżi li wettqu dawn l-azzjonijiet ta’ spezzjoni u li jibbenefikaw mill-ispejjeż inkwistjoni ma kinux l-aġenzija tal-pagamenti li tinsab f’Liżbona (il-Portugall), iżda awtoritajiet amministrattivi oħrajn preżenti fl-Azores.

42      Għaldaqstant, id-dibattitu bejn il-partijiet ma jirrigwardax in-natura u l-għan tal-ispejjeż inkwistjoni, iżda jirrigwarda biss il-kwistjoni, purament ġuridika, dwar jekk dawn l-ispejjeż humiex eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolamenti Nri 247/2006 u 793/2006 jipprevedu miżuri speċifiċi fil-qasam tal-agrikoltura favur reġjuni l-iktar ’il bogħod.

44      B’mod partikolari, hemm lok jiġi rrilevat li, qabelxejn, l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 jipprovdi li programm ta’ appoġġ għandu jinkludi, b’mod partikolari, “deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba, u b’mod partikolari skemi ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni tal-programm, u, fejn adegwat, tagħrif dwar il-bżonnijiet għal xi studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ jew operazzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-adozzjoni tal-miżuri konċernati”.

45      Sussegwentement, it-tielet inċiż tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 247/2006 jipprevedi l-adozzjoni ta’ modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-istess regolament sa fejn jirrigwarda “[l]-istudji, il-proġetti dimostrattivi, it-taħriġ jew l-operazzjonijiet ta’ assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 12(ċ) [tal-imsemmi regolament]”.

46      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 793/2006 li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 247/2006, jistipula li “[l]-ammont meħtieġ biex jiffinanzja studji finanzjarji, proġetti ta’ dimostrazzjoni, taħriġ u miżuri ta’ assistenza teknika stipulati fil-programm approvat taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament […] Nru 247/2006 […] ma jistgħax jeċċedi l‑1 % tal-ammont totali tal-finanzjament għall-programm.”

47      Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-istudji, il-proġetti dimostrattivi, it-taħriġ kif ukoll l-azzjonijiet ta’ assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 u previsti minn skema ta’ għajnuna favur reġjun l-iktar ’il bogħod huma, bħala prinċipju, eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni, sakemm, b’mod partikolari, dawn ikunu marbuta mal-preparazzjoni, l-implimentazzjoni jew l-adattazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ.

48      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti Nri 247/2006 u 793/2006 ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tiddefinixxi d-diversi tipi ta’ azzjonijiet li jsemmu. B’mod partikolari, dawn ir-regolamenti ma jippreċiżawx jekk l-“operazzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta [mal-] […] implimentazzjoni […] tal-miżuri [ta’ sostenn]” imsemmija fl-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 jinkludux jew le l-azzjonijiet ta’ spezzjoni imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali.

49      F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok jiġi eżaminat jekk, bħalma targumenta r-Repubblika Portugiża u tikkontesta l-Kummissjoni, azzjonijiet ta’ spezzjoni, bħal dawk mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, jikkostitwixxux azzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mal-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ appoġġ fis-sens tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

50      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli, sabiex tingħeleb l-impreċiżjoni tar-Regolamenti Nri 247/2006 u 793/2006, li tiġi applikata f’din il-kawża dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “assistenza teknika” jew, tal-inqas, li tittieħed minn dan id-dritt definizzjoni ġenerali u trażversali ta’ dan il-kunċett li tista’ tiġi trasposta f’din il-kawża.

51      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża tagħmel riferiment, minn naħa, għall-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 1290/2005 u, min-naħa l-oħra, għall-Artikolu 186 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1). Skont ir-Repubblika Portugiża, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “assistenza teknika” jinkludi l-azzjonijiet ta’ spezzjoni neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ.

52      Madankollu, filwaqt li huwa minnu li kull waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet invokati mir-Repubblika Portugiża tagħmel xi preċiżjonijiet dwar il-kunċett ta’ “assistenza teknika” u ssemmi, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ spezzjoni, ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma hija applikabbli f’din il-kawża.

53      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, minkejja li jirrigwarda azzjonijiet ta’ assistenza teknika ffinanzjati mill-FAEG u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), jirregola biss l-azzjonijiet ta’ assistenza teknika ffinanzjati b’mod iċċentralizzat fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew għan-nom tagħha. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma tistax tkun applikabbli għal azzjonijiet ta’ assistenza teknika, bħal dawk maħsuba mill-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores, li, peress li huma implimentati fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri, huma ffinanzjati b’mod iddeċentralizzat mill-FAEG.

54      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 186 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 għandu l-għan biss li jiddefinixxi, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u tal-għoti ta’ sussidji mill-Unjoni, il-kunċetti ta’ “għotjiet [u] kuntratti għall-assistenza teknika konklużi bejn mal-[Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)] jew mal-Fond Ewropew tal-Investiment [(FEI)]” u ta’ “għotjiet […] konċessi […] lill-BEI u l-[FEI] għall-azzjonijiet ta’ assistenza teknika” li jinsabu, rispettivament, fl-Artikolu 101(3) u fl-Artikolu 125(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1). Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma hijiex relatata mal-finanzjament mill-FAEG tal-ispejjeż ta’ assistenza teknika esposti mill-Istati Membri fil-kuntest tar-Regolament Nru 247/2006.

55      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eventwali inklużjoni tal-azzjonijiet ta’ spezzjoni fost l-azzjonijiet ta’ assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 ma tistax tirriżulta mis-sempliċi applikazzjoni tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 1290/2005 jew tal-Artikolu 186 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012.

56      Barra minn hekk, l-eżami taż-żewġ dispożizzjonijiet invokati mir-Repubblika Portugiża kif ukoll tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 juri l-eżistenza fid-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet li jiddeskrivu b’mod differenti l-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-assistenza teknika.

57      B’mod partikolari, mill-paragun bejn dawn id-diversi dispożizzjonijiet jirriżulta li l-azzjonijiet ta’ spezzjoni ma humiex imsemmija b’mod sistematiku fost l-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-assistenza teknika.

58      Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 186 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jiddefinixxi b’mod konkret il-kunċett ta’ “assistenza teknika” u jsemmi b’mod espliċitu, għal dan l-għan, l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni, ta’ awditjar u ta’ spezzjoni neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ programm jew ta’ azzjoni, dan ma huwiex l-istess la fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1290/2005 u lanqas tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

59      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1290/2005, li huwa intitolat “Finanzjament ieħor, inkluża assistenza teknika”, sempliċement jelenka diversi tipi ta’ azzjonijiet mingħajr ma jiddefinixxi espressament il-kunċett ta’ “assistenza teknika”. Barra minn hekk, dan l-artikolu jsemmi kemm il-“miżuri ta’ tħejjija, ta’ monitoraġġ, ta’ appoġġ amministrattiv u tekniku”, kif ukoll l-azzjonijiet “ta’ evalwazzjoni, ta’ verifika u ta’ spezzjoni”. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jsemmi, fil-punt (a), kemm l-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-“assistenza teknika u amministrattiva” kif ukoll dawk dwar l-implimentazzjoni ta’ “sistemi ta’ kontroll”. Għaldaqstant, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1290/2005 mhux biss ma jsemmix espressament l-azzjonijiet ta’ spezzjoni fost l-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-assistenza teknika, iżda jippreżenta għall-kuntrarju, f’żewġ okkażjonijiet, l-azzjonijiet ta’ assistenza teknika, mifhuma fis-sens ristrett ta’ azzjonijiet ta’ sostenn amministrattiv u tekniku, minn naħa, u l-azzjonijiet ta’ spezzjoni, min-naħa l-oħra, bħala li jikkostitwixxu żewġ tipi ta’ azzjonijiet distinti.

60      It-tieni nett, l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 jsemmi, fir-rigward tiegħu, biss l-istudji, il-proġetti dimostrattivi, it-taħriġ u l-azzjonijiet ta’ assistenza teknika. Dan japplika wkoll għat-tielet inċiż tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 247/2006 u għall-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 793/2006. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 247/2006 u 793/2006, l-uniċi applikabbli għal din il-kawża, ma jsemmux l-azzjonijiet ta’ evalwazzjoni, ta’ awditjar u ta’ spezzjoni.

61      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-assenza ta’ koerenza bejn id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolamenti Nri 1290/2005, 247/2006 u tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, jidher, fid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari fil-qasam tal-FAEG, minn naħa, li ma teżistix definizzjoni ġenerali u trażversali tal-kunċett ta’ “assistenza teknika” li tista’ tiġi trasposta f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Portugiża, l-espressjoni “assistenza teknika” ma tindikax neċessarjament assjem ta’ azzjonijiet li jinkludu l-azzjonijiet ta’ spezzjoni.

62      Fit-tieni lok, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “assistenza teknika” li tista’ tiġi applikata jew trasposta f’din il-kawża, l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 għandu jiġi interpretat b’mod illi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21).

63      F’dan ir-rigward, huwa utli jitfakkar li, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 25 iktar ’il fuq, il-miżuri meħuda favur reġjuni l-iktar ’il bogħod abbażi tar-Regolament Nru 247/2006 jikkostitwixxu spejjeż tal-FAEG fis-sens tar-Regolament Nru 1290/2005.

64      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, minkejja li r-Regolament Nru 1290/2005 jipprevedi, fl-Artikolu 5(a) tiegħu, il-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ assistenza teknika u amministrattiva implimentati fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew għan-nom tagħha, min-naħa l-oħra dan ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ assistenza teknika implimentati fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri.

65      Għalhekk jidher li, sa fejn dawn jipprevedu l-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mal-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri fir-reġjuni l-iktar ’il bogħod, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 jistabbilixxu regoli speċifiċi li jidderogaw mir-regoli ġenerali tal-FAEG previsti mir-Regolament Nru 1290/2005 u għandhom, għaldaqstant, ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

66      Issa, l-ewwel nett, hemm lok jiġi kkonstatat li, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 60 iktar ’il fuq, la l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 u lanqas id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħrajn tar-Regolamenti Nri 247/2006 u 793/2006 ma jsemmu l-azzjonijiet ta’ evalwazzjoni, ta’ awditjar u ta’ spezzjoni.

67      It-tieni nett, ġie rrilevat ukoll fil-punt 59 iktar ’il fuq li, fil-qasam tal-FAEG, il-kliem “assistenza teknika” jistgħu, f’ċerti sitwazzjonijiet u b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, ma jagħmlux riferiment għal assjem ta’ azzjonijiet li jinkludu l-azzjonijiet ta’ spezzjoni, iżda jagħmlu riferiment biss għal azzjonijiet ta’ sostenn amministrattiv u tekniku fis-sens strett.

68      It-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1290/2005, il-pagamenti relatati mal-finanzjamenti previsti skont dan ir-regolament isiru, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, integralment favur benefiċjarji.

69      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-krediti allokati lill-FAEG, u b’mod partikolari dawk allokati lill-Istati Membri, għandhom, bħala prinċipju, jintużaw sabiex jiffinanzjaw spejjeż operattivi li huma pagamenti favur benefiċjarji.

70      Minn dan isegwi li, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, dawn il-krediti ma jistgħux jintużaw sabiex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu attivitajiet amministrattivi li huma imposti fuqhom b’mod normali.

71      Issa, hemm lok jiġi nnutat li l-ispezzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna u ta’ primjums hija r-responsabbiltà normali tal-Istati Membri, indipendentement mill-eżistenza ta’ miżura ta’ assistenza teknika.

72      B’mod partikolari, fir-rigward tal-miżuri speċifiċi fil-qasam tal-agrikoltura favur ir-reġjuni l-iktar ’il bogħod, l-Istati Membri huma obbligati jwettqu spezzjonijiet amministrattivi u spezzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 247/2006 kif ukoll tal-Artikoli 30 sa 33 tar-Regolament Nru 793/2006.

73      Għandu jiżdied li dawn l-ispezzjonijiet, u b’mod partikolari l-ispezzjonijiet fuq il-post, huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jistgħu jkunu awtoritajiet distinti mill-aġenzija tal-pagamenti, bħall-awtoritajiet amministrattivi Portugiżi msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq.

74      F’dawn il-kundizzjonijiet, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha stipulati fil-punti 63 sa 73 iktar ’il fuq, mill-interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 jirriżulta li l-“operazzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta [mal]-implimentazzjoni […] tal-miżuri [ta’ sostenn]” li huwa jsemmi ma jinkludux l-azzjonijiet ta’ spezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali.

75      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi mminata bl-argument tar-Repubblika Portugiża bbażata, l-ewwel nett, fuq l-argument li l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ neċessarjament tinkludi azzjonijiet ta’ spezzjoni u, it-tieni nett, fuq l-argument li min għandu jkopri l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-azzjonijiet ta’ spezzjoni kien ikun previst espressament fis-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores.

76      Fil-fatt, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanza li azzjonijiet ta’ spezzjoni jkunu neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba ta’ programm ta’ appoġġ ma tippermettix la li jiġu kklassifikati bħala azzjonijiet ta’ assistenza teknika u lanqas li jintrabtu mal-“implimentazzjoni” ta’ dan il-programm.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, fin-nuqqas li jikkostitwixxu azzjonijiet ta’ sostenn amministrattiv u tekniku fis-sens strett, l-azzjonijiet ta’ spezzjoni ma jikkostitwixxux azzjonijiet ta’ assistenza teknika fis-sens tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

78      Min-naħa l-oħra, huwa possibbli, fost l-azzjonijiet imsemmija mill-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006, li jiġu distinti, kronoloġikament u kunċettwalment, qabelxejn, l-azzjonijiet ta’ preparazzjoni ta’ miżura, sussegwentement, l-azzjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni konkreta ta’ din il-miżura u, fl-aħħar nett, l-azzjonijiet intiżi li jispezzjonaw l-eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija miżura.

79      It-tieni nett, hemm lok jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 247/2006, il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-programmi ta’ sostenn favur ir-reġjuni l-iktar ’il bogħod għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ programm ta’ appoġġ, anki approvati mill-Kummissjoni, ma jistgħux, konformement mal-prinċipju ta’ ġerarkija tar-regoli, jippermettu li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas li jiġu invokati b’mod utli għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanza li l-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores jipprevedi min għandu jkopri l-ispejjeż direttament attribwibbli għall-attivitajiet ta’ spezzjoni ta’ dan is-sottoprogramm ma għandhiex rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-azzjonijiet ta’ spezzjoni mwettqa minn awtoritajiet nazzjonali humiex fost l-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

80      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-azzjonijiet ta’ spezzjoni li taw lok għall-ispejjeż inkwistjoni ma jikkostitwixxux azzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mal-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ appoġġ fis-sens tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

81      Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-ispejjeż inkwistjoni ma humiex eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006.

82      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

83      Ir-Repubblika Portugiża targumenta li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni approvat, fid-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009, miżura ta’ appoġġ li tkopri espressament, bħala spejjeż eliġibbli, l-ispejjeż direttament attribwibbli għal attivitajiet ta’ spezzjoni. Min-naħa l-oħra, il-garanziji mogħtija mill-Kummissjoni huma konformi mar-regoli applikabbli. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009 ħolqot, fil-konfront tal-awtoritajiet Portugiżi, aspettattiva leġittima fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż inkwistjoni.

84      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Portugiża.

85      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, EU:C:1981:94, punt 48, u tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li kull parti fil-kawża għandha d-dritt tgawdi minn dan il-prinċipju meta tkun tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tagħtiha garanziji preċiżi, tkun ħolqot aspettattivi leġittimi fil-konfront tagħha. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti, tkun xi tkun il-forma li tkun ikkomunikata fiha, tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet. L-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom, barra minn hekk, ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, AER vs Karatzoglou, C‑213/06 P, EU:C:2007:453, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat anki minn Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punti 180 u 181).

88      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kienx jipprekludi li l-Kummissjoni tneħħi l-ispejjeż inkwistjoni mill-finanzjament tal-Unjoni.

89      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009 tinkludix assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti fir-rigward tal-eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Unjoni tal-ispejjeż koperti mill-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores.

90      F’dan ir-rigward, jidher utli li jitfakkar il-kuntest ġuridiku li tidħol fih id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009 li tapprova l-emendi għall-programm ġenerali sottomessi lill-Kummissjoni mir-Repubblika Portugiża.

91      Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-qasam tal-agrikoltura favur ir-reġjuni l-iktar ’il bogħod, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 247/2006 jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ abbozzi ta’ programmi ġenerali proposti mill-Istati Membri. Bl-istess mod, l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 793/2006 jorganizza proċedura ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-emendi li l-Istati Membri jixtiequ jagħmlu għal dawn il-programmi ġenerali.

92      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżuri ta’ appoġġ inklużi fil-programmi ġenerali tikkostitwixxi prekundizzjoni indispensabbli għall-finanzjament tal-imsemmija miżuri mill-FAEG.

93      Madankollu, il-programmi ġenerali li għandhom natura previżjonali, b’mod illi, meta tapprovahom, il-Kummissjoni ma tiħux, bħala prinċipju, pożizzjoni b’mod definittiv fuq il-konformità tal-miżuri li dawn jinkludu mar-regoli applikabbli kollha tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, fuq l-eliġibbiltà ta’ dawn il-miżuri għall-finanzjament tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ programm ġenerali, la li l-miżuri inklużi f’dan il-programm huma neċessarjament konformi mar-regoli applikabbli kollha tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas li l-eliġibbiltà ta’ dawn il-miżuri għall-finanzjament tal-Unjoni ma tistax tiġi kkontestata iktar mill-Kummissjoni, b’mod partikolari matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C ‑4/17 P, EU:C:2018:237, punti 48, 49, 52 u 59).

94      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores, imdaħħal fil-programm ġenerali permezz tad-Deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009, minn naħa, isemmi, fost l-ispejjeż eliġibbli, ċerti spejjeż direttament attribwibbli għal “attivitajiet […] ta’ spezzjoni” u, min-naħa l-oħra, jinnomina bħala benefiċjarji tal-miżura l-“awtoritajiet ta’ ġestjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

95      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, qabelxejn, id-dispożittiv tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009 sempliċement japprova l-emendi għall-programm ġenerali sottomessi mir-Repubblika Portugiża abbażi tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 793/2006 u ma jiddeċidix espressament dwar l-eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Unjoni tal-ispejjeż li jsiru fil-kuntest ta’ dan il-programm.

96      Sussegwentement, filwaqt li huwa minnu li, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni indikat, fi kliem ġenerali, li “l-emenda [tal-programm ġenerali kienet] tosserva l-għanijiet u r-rekwiżiti tar-Regolament […] Nru 247/2006”, min-naħa l-oħra hija ma ddeċidietx speċifikament fl-imsemmija deċiżjoni dwar il-konformità tal-miżura mdaħħla fil-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006 u barra minn hekk ma ħaditx pożizzjoni espressa dwar il-konformità ta’ din il-miżura mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha fil-qasam ta’ FAEG.

97      Fl-aħħar nett, id-dispożittiv tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009 jippreċiża li l-approvazzjoni magħmula minn din id-deċiżjoni “ma tkoprix il-modalitajiet ta’ spezzjoni u s-sanzjonijiet li ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-awditjar tal-FAEG” [deċiżjoni mhux uffiċjali].

98      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-kliem tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009 kif ukoll tal-kuntest ġuridiku li jidħol fih, il-Kummissjoni ma tistax titqies li pprovdiet lill-awtoritajiet Portugiżi, fl-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti fir-rigward tal-eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Unjoni tal-ispejjeż relatati mal-attivitajiet ta’ spezzjoni msemmija fil-punt 4.6 tal-Anness I tas-sottoprogramm għar-reġjun awtonomu tal-Azores.

99      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li mit-tweġiba mogħtija għat-tieni motiv jirriżulta li, skont l-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 247/2006, l-ispejjeż esposti mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ spezzjoni ma humiex eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

100    Minn dan isegwi li, anki jekk kellu jiġi aċċettat li, billi approvat, permezz tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2009, l-introduzzjoni, fil-programm ġenerali, ta’ miżura ġdida ta’ assistenza teknika, il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet Portugiżi assigurazzjonijiet preċiżi dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mill-FAEG ta’ ċerti spejjeż esposti fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ spezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi, tali assigurazzjonijiet kienu jkunu, fi kwalunkwe każ, kuntrarji għar-regoli applikabbli u, konsegwentement, ma kinux ikunu jistgħu joħolqu, fil-konfront tar-Repubblika Portugiża, aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż inkwistjoni għall-finanzjament tal-Unjoni.

101    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika Portugiża ma hijiex fondata li tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

102    Għaldaqstant, l-ewwel motiv u, konsegwentement, ir-rikors, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

104    Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.