Language of document : ECLI:EU:F:2011:101

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Lulju 2011

Kawża F-46/09

V

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Kundizzjonijiet għar-reklutaġġ — Kapaċità fiżika — Eżami mediku ta’ reklutaġġ — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali — Sigriet mediku — Trasferiment ta’ data medika bejn l-istituzzjonijiet — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu V titlob prinċipalment l-annullament minn naħa, tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 li permezz tagħha d-Direttur tat-Tmexxija Amministrattiva tal-Persunal tal-Parlament irtira, minħabba inkapaċità fid-dawl tar-reklutaġġ, l-offerta ta’ xogħol li saritilha fl-10 ta’ Diċembru 2008, u, min-naħa l-oħra, tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Parlament tat-18 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll kumpens għad-danni li hija tqis li sostniet.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 li permezz tagħha l-Parlament irrevoka l-offerta ta’ xogħol li kien għamel lir-rikorrenti hija annullata. Il-Parlament għandu jħallas lil V is-somma ta’ EUR 25 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tar-rikorrenti. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.


Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Rifjut ta’ reklutaġġ minħabba inkapaċità fiżika — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 33)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kapaċità fiżika — Kumitat Mediku — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 33(2); Kondizzjonijiet tal-impjieg, Artikolu 83)

3.      Drittijiet fundamentali — Rispett tal-ħajja privata u tal-familja — Trasferiment lil terż ta’ data medika ta’ persuna — Indħil fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Ġustifikazzjoni

4.      Uffiċjali — Rikors — Invokazzjoni fil-mori tal-kawża ta’ motiv li jista’ jiġġustifika legalment id-deċiżjoni kkontestata — Ostakolu għall-annullament tad-deċiżjoni — Assenza, ħlief f’każ ta’ kompetenza limitata tal-amministrazzjoni fil-qasam

5.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kunċett — Applikazzjoni fil-kawżi li jikkonċernaw ir-Regolamenti tal-Persunal — Kriterji

6.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens adegwat għad-dannu morali — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Għalkemm il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ rifjut ta’ reklutaġġ motivat minn inkapaċità fiżika, tissostitwixxi opinjoni li hija speċifikament ta’ natura medika bl-evalwazzjoni tagħha stess, hija madankollu għandha tivverifika jekk il-proċedura ta’ reklutaġġ żvolġietx legalment u, b’mod iktar partikolari, teżamina jekk ir-rifjut ta’ reklutaġġ huwiex ibbażat fuq opinjoni medika motivata, li tistabbilixxi rabta li tinftiehem bejn ir-riżultati mediċi li jinsabu fiha u l-konklużjoni li għaliha tasal.

Huwa possibbli, għall-uffiċjal mediku ta’ istituzzjoni, li jibbaża l-opinjoni tiegħu ta’ inkapaċità fiżika mhux biss fuq l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet fiżiċi jew psikiċi attwali, iżda wkoll fuq pronjosi, b’bażi medika, ta’ kundizzjonijiet futuri li jistgħu jippreġudikaw, fil-futur prevedibbli, it-twettiq normali tal-funzjonijiet.

Is-setgħa diskrezzjonali fil-qasam mediku mogħtija lit-tabib ma tipprekludix lill-qorti, minn naħa, milli tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, u, min-naħa l-oħra, milli tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom.

(ara l-punti 72, 73 u 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ April 1994, A vs Il‑Kummissjoni, T‑10/93, punti 61 u 62; 12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑191/01, punt 63

2.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi għal proċedura interna ta’ appell mill-opinjoni negattiva mogħti mill-uffiċjal mediku tal-istituzzjoni. Bit-twaqqif, f’din id-dispożizzjoni, ta’ Kumitat Mediku ta’ Appell, il-leġiżlatur kellu bħala għan li jistabbilixxi garanzija addizzjonali għall-kandidati u li jtejjeb il-ħarsien tad-drittijiet tagħhom. Din il-garanzija, li hija relatata mal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali.

Din il-garanzija għandha neċessarjament, barra minn hekk, tiġi osservata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reklutaġġ, u mhux fi stadju sussegwenti, għaliex inkella titlef l-iskop tagħha, jiġifieri dak li tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tal-kandidati għar-reklutaġġ. Il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ċari f’dan ir-rigward: il-kandidat għar-reklutaġġ għandu, sabiex iressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat Mediku, terminu ta’ għoxrin ġurnata li jibda jiddekorri mhux min-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reklutaġġ iżda min-notifika tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku.

(ara l-punti 92 sa 94)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑51/92 P, punti 75 sa 78

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: A vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; 8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, punt 151

It-Tribunal ghas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, N vs Il-Kummissjoni, F‑95/05, punti 69 u 76

3.      Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Huwa jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ persuna li żżomm l-istat ta’ saħħa tagħha sigriet.

It-trasferiment lil terz, inkluż lil istituzzjoni oħra, ta’ data ta’ natura personali dwar l-istat ta’ saħħa ta’ persuna miġbura minn istituzzjoni, jikkostitwixxi fih innifsu ndħil fil-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, irrispettivament mill-użu sussegwenti tal-informazzjoni hekk ikkomunikata.

Madankollu, skont l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni, l-indħil minn awtorità pubblika fil-ħajja privata jista’ jiġi ġġustifikat sa fejn huwa “previst fil-liġi”, sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar — elenkati b’mod eżawrjenti — u sa fejn dan huwa “neċessarju” sabiex jintlaħaq dan jew dawn l-għanijiet.

Fid-dawl tan-natura estremament intima u sensittiva tad-data ta’ natura medika, il-possibbiltà li tali informazzjoni tiġi ttrasferita jew kkomunikata lil terzi, minkejja li tkun istituzzjoni oħra jew korp ieħor tal-Unjoni, mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, titlob eżami partikolarment rigoruż.

(ara l-punti 111 sa 113 u 123)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ April 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑62/90, punt 23; 5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il‑Kummissjoni, C‑404/92 P, punti 17 u 18; 20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, punti 73 sa 75

4.      Fil-kuntest ta’ rikors tal-uffiċjal, l-invokazzjoni fil-mori tal-kawża ta’ motiv li seta’ legalment jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata ma tipprekludix l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, ħlief fil-każ ta’ kompetenza limitata tal-amministrazzjoni f’dan il-qasam.

Issa, fil-kuntest ta’ rifjut ta’ reklutaġġ ibbażat fuq l-inkapaċità fiżika tal-persuna, l-istituzzjoni ma tistax tippretendi li hija kienet f’sitwazzjoni bħal din ta’ kompetenza limitata peress li hija għandha, għal dak li jirrigwarda l-ksur tar-rabta ta’ fiduċja invokat fil-mori tal-kawża, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’.

(ara l-punti 147 u 148)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Diċembru 2003, Tomarchio vs Il‑Kummissjoni, T‑173/02, punt 86; 15 ta’ Marzu 2006, Leite Mateus vs Il‑Kummissjoni, T‑10/04, punt 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Diċembru 2010, Angulo Sánchez vs Il‑Kunsill, F‑67/09, punti 76 sa 78

5.       Ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. In-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex it-talbiet għad-danni jiġu miċħuda.

Fir-rigward tar-rabta kawżali, jeħtieġ, bħala regola ġenerali, li r-rikorrent iressaq il-prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni u d-dannu invokat.

Madankollu, il-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali mitluba mill-ġurisprudenza hija milħuqa meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħdet lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li għalih il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tipprova li kellha dritt, iżda minn possibbiltà kbira li din tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew membru tal-persunal, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ dħul. Peress li jidher probabbli ħafna, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-osservanza tal-legalità kienet twassal lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex tipproċedi bir-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata, l-inċertezza teorika li tibqa’ fir-rigward tar-riżultat li kien ikollha proċedura li tkun saret b’mod regolari, ma tistax tkun ta’ ostakolu għar-riparazzjoni tal-ħsara materjali reali li din ġarrbet meta ġiet imċaħħda mill-kandidatura tagħha għall-impjieg li kellha kull possibbiltà li tingħata.

(ara l-punti 157 sa 159)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, punt 42; 21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, punt 52

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/97, punt 85; 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, punt 150

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Ottubru 2008, Tzigani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, punt 218

6.       L-annullament ta’ att illegali tal-amministrazzjoni jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat, bħala prinċipju, suffiċjenti għad-danni morali li l-uffiċjal seta’ sostna.

Madankollu, l-annullament ta’ att bħal dan ma jistax jikkostitwixxi kumpens sħiħ għad-danni morali jekk dan l-att jinvolvi evalwazzjoni tal-kapaċitajiet jew tal-aġir tal-persuna kkonċernata li tista’ tikkawżalha preġudizzju, meta din ma jkollha ebda effett prattiku, jew meta l-illegalità mwettqa tkun partikolarment serja. B’hekk, il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, huma serji biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-għoti ta’ kumpens għad-danni morali.

(ara l-punti 167, 169 u 171 sa 173)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, punti 25 sa 29

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 1995, Pierrot vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑60/94, punt 62; 21 ta’ Jannar 2004, Robinson vs Il‑Parlament, T‑328/01, punt 79; 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑16/03, punt 68

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, F‑42/06, punt 44; Tzigani vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 223; 7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F‑99/07 u F‑45/08, punt 106