Language of document : ECLI:EU:F:2012:84

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑105/11

Hans Davids

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Membru tal-persunal temporanju li jokkupa pożizzjoni permanenti — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Artikolu 4 tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, tat-30 ta’ Ġunju 2005, dwar il-politika ġdida fil-qasam tar-reklutaġġ u l-impjieg tal-persunal temporanju tal-OLAF — Żmien massimu tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju — Abbuż ta’ dritt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu H. Davids jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tal-25 ta’ Marzu 2011, li tiċħad it-talba tiegħu għall-estensjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tiegħu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 8 u 47(b))

2.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz — Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Konklużjoni ta’ kuntratt sabiex tiġi okkupata, fuq bażi temporanja, pożizzjoni permanenti — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1a(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2(b), 3, 4, 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8)

4.      Uffiċjali — Rikors — Kontestazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-kuntratt f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Rimedji ġudizzjarji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Tiġdid wara l-ewwel proroga tal-kuntratt għal żmien determinat — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat — Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat wara diversi tiġdid — Assenza

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2(a), 8 paragrafu 1 u 88)

1.      Membru tal-persunal temporanju, li għandu kuntratt għal żmien determinat, ma għandu, fil-prinċipju, ebda dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu; dan it-tiġdid huwa biss sempliċi possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li dan it-tiġdid ikun konformi mal-interess tas-servizz. Fil-fatt, bid-differenza tal-uffiċjali, li l-istabbiltà tal-impjieg tagħhom hija ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal temporanju jifformaw parti minn sistema oħra li abbażi tagħha huwa mfassal il-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-istituzzjoni kkonċernata. Mill-Artikolu 47(1)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn istituzzjoni u membru tal-persunal temporanju rreklutat għal żmien determinat huwa, preċiżament, irregolat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet. Barra minn hekk, hija rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-amministrazzjoni fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratt. Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-arranġamenti u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fi ħdan il-limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. F’dan il-kuntest, li wieħed jistabbilixxi li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżumi li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mill-membru tal-persunal, huma suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet użati mill-amministrazzjoni. Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ żball manifest ma hijiex stabbilita jekk, minkejja l-elementi avvanzati mill-membru tal-persunal, l-evalwazzjoni imminata tista’ dejjem tiġi ammessa bħala ġġustifikata u koerenti.

(ara l-punti 36 sa 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il‑Kummissjoni, T‑330/00 u T‑114/01, punt 82; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, punt 64; 21 ta’ Settembru 2004, Soubies vs Il‑Kummissjoni, T‑325/02, punt 50; 12 ta’ Frar 2008, Bupa et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Mejju 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑119/06, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ Novembru 2010, Gheysens vs Il‑Kunsill, F‑8/10, punt 75

2.      Setgħa diskrezzjonali wiesgħa hija rikonoxxuta lill-amministrazzjoni fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha abbażi tal-missjonijiet mogħtija lilha u, fl-ambitu ta’ dawn tal-aħħar, fl-assenjazzjoni tal-persunal għad-dispożizzjoni tagħha, madankollu bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni titwettaq fl-interess tas-servizz u fl-osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet. Barra minn hekk l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-arranġamenti u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fi ħdan il-limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il‑Kummissjoni, T‑330/00 u T‑114/01, punt 82; 21 ta’ Settembru 2004, Soubies vs Il‑Kummissjoni, T-325/02, punt 50

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Kerstens vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata; Gheysens vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75

3.      Minn qari flimkien tal-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 2 sa 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-pożizzjonijiet permanenti tal-istituzzjonijiet huma maħsuba li jimtlew, fil-prinċipju, minn uffiċjali u li, għalhekk, huwa biss bħala eċċezzjoni li dawn il-pożizzjonijiet jistgħu jiġu okkupati minn membri tal-persunal suġġett għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 2(b) tal-imsemmija Kondizzjonijiet jipprovdi espressament li membri tal-persunal temporanju jistgħu jiġu rreklutati bil-għan li jokkupaw pożizzjoni permanenti, dan l-artikolu jippreċiża li dan ir-reklutaġġ jista’ jkun biss temporanju. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jipprovdi li l-kuntratt ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(b), ma jistax jaqbeż l-erba’ snin u jiġġedded biss darba għal tul ta’ mhux iktar minn sentejn. Wara dan il-perijodu, għandhom jiġu terminati l-funzjonijiet tal-membru tal-persunal temporanju, jew bil-waqfien tal-funzjonijiet tiegħu, jew inkella b’ħatra bħala uffiċjal bil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Din l-eċċezzjoni għall-prinċipju li l-pożizzjonijiet permanenti huma maħsuba li jimtlew bil-ħatra tal-uffiċjali jista’ jkollu bħala għan biss li jimtlew għan-neċessitajiet tas-servizz, f’każ partikolari.

(ara l-punt 41)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Huwa miftuħ għal membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, li jqis li, fir-rigward tal-kompiti li jingħataw lilu permezz tal-kuntratt tiegħu, dan il-kuntratt kien jiġi kklassifikat b’mod żbaljat bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt u kellu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, sabiex jikkontesta l-imsemmi kuntratt quddiem il-qorti, fit-termini u wara l-proċedura tal-ilment minn qabel. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt jintroduċi quddiem l-amministrazzjoni, wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-kuntratt tiegħu, talba intiża li, fid-dawl tal-kompiti li huwa effettivament issodisfa, perijodu ta’ servizz formalment imwettaq b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt ikun rikonoxxut lilu bħala perijodu ta’ servizz imwettaq bħala membru tal-persunal temporanju u li, billi t-talba tiegħu ġiet miċħuda, dan il-membru tal-persunal iressaq quddiem il-qorti rikors intiż kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 56)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88

5.      Il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa li tikklassifika mill-ġdid kuntratt biss meta l-leġiżlatur hekk jipprovdi. Huwa għalhekk li, sakemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, jipprovdi li r-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-imsemmi Kondizzjonijiet jista’ jiġġedded għal tul determinat darba biss, b’kull tiġdid sussegwenti ta’ dan ir-reklutaġġ jsir għal tul indeterminat, din il-klassifikazzjoni mill-ġdid għandha topera ipso jure. Fir-rigward tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jirregola t-tul tagħhom, ma fih ebda dispożizzjoni li tipprevedi, bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmija Kondizzjonijiet għall-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju, il-bidla tal-kuntratt ta’ tul determinat f’kuntratt ta’ tul indeterminat wara diversi tiġdid.

(ara l-punt 57)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il‑Parlament, F‑105/09, punt 60