Language of document : ECLI:EU:F:2008:169

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-148/06

Laurent Collée

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura għall-attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu fil-Parlament Ewropew – Eżami komparattiv tal-merti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Collée jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal‑Parlament tad-9 ta’ Jannar 2006 li tattribwixxi lir-rikorrent żewġ punti ta’ mertu skont l-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2004.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Parlament li tagħti żewġ punti ta’ mertu lil L. Collée skont l-eżerċizzju ta’ promozzjoni 2004 hija annullata. Il‑kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Metodi – Kwantifikazzjoni tal-merti permezz tal-attribuzzjoni ta’ punti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ punti ta’ mertu, l-amministrazzjoni għandha numru limitat ta’ dawn il-punti li hija tagħti lill-uffiċċjali abbażi ta’ eżami komparattiv tal-merti tagħhom, dan il-paragun għandu jsir b’mod ekwu u dawn il-punti għandhom jingħataw lill-uffiċjali li l-iktar jistħoqqilhom, skont l‑ordni ta’ mertu dixxendenti, sakemm tintuża l-kwota tal-punti. Jekk ikun ikkonstatat, matul l-eżami komparattiv tal-merti hekk magħmul, li ċerti uffiċjali għandhom merti ndaqs, dawn l-imsemmija uffiċjali għandhom jingħataw l-istess numru ta’ punti. Fil-każ li ma jkunx hemm biżżejjed punti, l-għażla bejn diversi ex aequo għandha ssir skont kunsiderazzjonijiet inċidentali. F’dan ir-rigward, jekk il‑livell ta’ responsabbiltà jista’ jkun element deċiżiv għall-promozzjoni, skont l‑Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan iseħħ bil-kundizzjoni li dan il‑livell jiġi evalwat waqt paragun bejn uffiċjali tal-istess mertu, u mhux waqt paragun ta’ responsabbiltà ta’ uffiċjal minn sena għal oħra.

Għaldaqstant, deċiżjoni li uffiċjal jingħata biss ċertu numru ta’ punti ta’ mertu sempliċement minħabba l-fatt illi l-merti tiegħu ma humiex aħjar minn dawk ta’ uffiċjali li kisbu iktar punti, peress li l-amministrazzjoni b’hekk tkun qed titlob li l-livell tas-servizz ta’ dan l-uffiċjal ikun, mhux daqs, iżda ogħla minn dak tal‑kollegi tiegħu, tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali u tikser l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 38 sa 40 u 45 sa 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 93 in fine