Language of document : ECLI:EU:C:2013:613

Kawża C‑509/11

ÖBB-Personenverkehr AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Regolament (KE) Nru 1371/2007 — Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji — Artikolu 17 — Kumpens marbut mal-prezz tal-biljett tat-trasport fil-każ ta’ dewmien — Esklużjoni fil-każ ta’ forza maġġuri — Ammissibbiltà — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) — Setgħat tal-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament — Possibbiltà li jiġi impost fuq it-trasportatur ferrovjarju li jbiddel il-kundizzjonijiet għal kumpens tal-passiġġieri”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013

1.        Trasport — Trasport ferrovjarju –Regolament Nru 1371/2007 — Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji — Kumpens marbut mal-prezz tal-biljett tat-trasport fil-każ ta’ dewmien — Esklużjoni fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 32(2) tar-regoli Uniformi CIV — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1371/2007, Artikolu 17, u Anness 1, Artikolu 32(2))

2.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Regolament Nru 1371/2007 — Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji — Setgħat ta’ korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1371/2007 — Possibbiltà li jiġi impost fuq it-trasportatur ferrovjarju li jbiddel il-kundizzjonijiet tiegħu għal kumpens tal-passiġġieri, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tgħid hekk — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1371/2007, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1))

1.        l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja ma għandhiex dritt tinkludi fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tagħha klawżola li biha tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tagħti kumpens marbut mal-prezz tal-biljett minħabba dewmien, meta d-dewmien iseħħ minħabba każ ta’ forza maġġuri jew xi waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija tal-Konvenzjoni (CIV) dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius, tat-3 ta’ Ġunju 1999.

F’dan ir-rigward, il-kumpens previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 huwa maħsub sabiex jiġi kkumpensat il-prezz imħallas mill-passiġġier inkambju ta’ servizz li, definittivament, ma jkunx ġie eżegwit skont il-kuntratt ta’ trasport. Huwa forma ta’ kumpens finanzjarju fiss u standardizzat, b’differenza mis-sistema ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmija Regoli Uniformi CIV, li timplika evalwazzjoni individwalizzata tad-dannu subit.

Għalhekk, billi l-għanijiet u l-metodi ta’ implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma differenti, is-sistema ta’ kumpens prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 ma tistax tiġi assimilata mar-responsabbiltà tat-trasportatur ferrovjarju skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli Uniformi CIV. Ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur previsti fl-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi CIV ma jistgħux jitqiesu li huwa applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007.

(ara l-punti 38, 39, 42, 52 u d-dispożittiv 2)

2.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jista’, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali għal dan l-iskop, jimponi fuq impriża ferrovjarja, li l-kundizzjonijiet għal kumpens tal-prezz tal-biljett tagħha ma jikkorrispondux mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, il-kontenut speċifiku ta’ dawn tal-aħħar.

L-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 jeżiġi l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ implementazzjoni intiżi sabiex jiddefinixxu s-setgħat li għandu l-korp ta’ sorveljanza nazzjonali.

Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 ma jistax jiġi interpretat li jikkostitwixxi bażi ġuridika li tawtorizza lill-organi nazzjonali jimponu fuq l-impriżi ferrovjarji l-kontenut speċifiku tal-klawżoli kuntrattwali tagħhom relatati mal-kundizzjonijiet għal kumpens.

(ara l-punti 62, 63, 66 u d-dispożittiv 1)