Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2013 – ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-28/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-deċiżjonijiet li għal bosta drabi tinżamm parti mis-salarji tar-rikorrent għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla n-nota tas-6 ta’ Lulju 2012, li permezz tagħha l-PMO informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-OLAF tat-30 ta’ Marzu 2012 u jippreċiża (i) li rkupra EUR 5 530 mis-salarju tiegħu ta’ Ġunju 2012 (ammonti indebiti ta’ allowances), (ii) li ser jitnaqqsu EUR 3 822.80 mis-salarju tiegħu tax-xahar ta’ Lulju 2012 (interessi moratorji fuq l-ammonti indebiti), u (iii) li ser jitnaqqsu EUR 2 372 (rimbors ta’ spejjeż mediċi) u EUR 699.20 (interessi moratorji) mis-salarju tiegħu tax-xahar ta’ Awwissu 2012;

jannulla ż-żammiet mis-salarju tar-rikorrent magħmula fix-xhur ta’ Ġunju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012 u, jekk ikun neċessarju, f’kull xhar ieħor b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

jannulla n-nota tal-10 ta’ Lulju 2012 li titlob li tinżamm somma totali ta’ EUR 3 071.20 mill-paga tiegħu għax-xahar ta’ Awwissu 2012 permezz ta’ ġbid wieħed, jew jekk l-ammont tad-dejn kellu jkun għoli wisq biex jinżamm f’darba biss, permezz ta’ qsim tar-rimbors fuq bosta xhur;

jannulla n-nota tal-20 ta’ Lulju 2012 li permezz tagħha r-rikorrent ġie informat li d-diviżjoni tiegħu ma kinitx f’pożizzjoni li tpoġġi f’kodiċi, għall-paga ta’ Lulju, l-irkupru tas-somma ta’ EUR 3 822.80 li tikkorrispondi għall-interessi moratorji, u li dan l-ammont ser jinġabar integralment mis-salarju tax-xahar ta’ Ottubru 2012, wara l-irkupri magħmula f’Awwissu u f’Settembru 2012;

jannulla parzjalment id-deċiżjoni adottata fis-17 ta’ Diċembru 2012 u nnotifikata fl-istess jum, inkwantu din tiċħad l-ilment tar-rikorrent fir-rigward tal-allowances ta’ kuljum u tal-penali għal dewmien inkwistjoni;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ interessi moratorji mix-xhur ta’ Ġunju 2012 fuq EUR 5 530, ta’ Awwissu 2012 fuq l-ewwel ammont ta’ EUR 1 535.60, ta’ Settembru 2012 fuq EUR 1 535.60 addizzjonali u ta’ Ottubru 2012 fuq EUR 3 822.80, u dan sakemm dawn is-somom jitħallsulu lura, peress li permezz tar-rimbors ta’ EUR 3 071.20 imwettaq bil-paga ta’ Jannar 2013, l-interessi moratorji ma għadhomx iktar dovuti minn dan ir-rimbors;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.