Language of document : ECLI:EU:C:2010:91

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Frar 2010 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO – Rifjut li tiġi applikata s-sistema tariffarja preferenzjali favur prodotti li joriġinaw mill-Iżrael għall-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent – Dubji fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti – Esportatur approvat – Verifika a posteriori tad-dikjarazzjonijiet fuq il-fattura mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati – Prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati”

Fil-Kawża C‑386/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Settembru 2008, fil-proċedura

Firma Brita GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Hafen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u T. Von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Firma Brita GmbH, minn D. Ehle, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson, F. Hoffmeister u L. Bouyon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, iffirmat fi Brussell fl-20 ta’ Novembru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Vol. 55, p. 167, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael”), fid-dawl tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fl-24 ta’ Frar 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Vol. 26, p. 124, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kwistjoni doganali bejn Firma Brita GmbH, kumpannija taħt il-liġi Ġermaniża, u Hauptzollamt Hamburg-Hafen (amministrazzjoni doganali tal-port ta’ Hamburg), dwar id-deċiżjoni ta’ din li tirrifjuta li tapplika għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-importazzjoni bi trattament preferenzjali ta’ prodotti magħmula fix-Xatt tal-Punent.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

3        Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), intitolat “Ambitu ta’ din il-konvenzjoni”, din tapplika għal trattati bejn Stati.

4        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Ftehim internazzjonali li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni”, jipprovdi:

“Il-fatt li din il-konvenzjoni ma tapplika la għall-ftehim internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali jew bejn dawn is-suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali u lanqas għall-ftehim internazzjonali li ma ġewx konklużi bil-miktub ma tippreġudikax:

[…]

b)      L-applikazzjoni għal dawn il-ftehim tar-regoli kollha stabbiliti f’din il-konvenzjoni li huma suġġetti għalihom skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-imsemmija konvenzjoni;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:

“1.      Trattat għandu jiġi interpretat b’bona fide skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u s-suġġett tiegħu.

2.      Għall-iskopijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, […]

3.      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest:

[…]

ċ)      ta’ kull regola rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 34 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali fir-rigward tal-Istati terzi”, jistabbilixxi:

“Trattat ma joħloq la obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael

7        Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, 2000/384/KE, KEFA, tad-19 ta’ April 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 287), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2000.

8        Taħt it-Titolu II ta’ dan il-ftehim, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Artikolu 6(1) ta’ dan tal-aħħar jipprovdi:

“Iż-żona ta’ kummerċ liberu bejn il-Komunità u l-Iżrael għandha tissaħħaħ skond il-modalitajiet stipulati f’dan il-Ftehim u b’konformità mad-disposizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994 u ta’ patti oħra ta’ ftehim multilaterali dwar kummerċ f’oġġetti annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) […]”

9        Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi ftehim, f’dak li jikkonċerna l-prodotti industrijali fis-sens ta’ dan il-ftehim u mingħajr preġudizzju għad-derogi li sarulu, “[i]d-dazji doganali fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet, u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti, għandhom jiġu projbiti bejn il-Komunità u l-Iżrael. […]”

10      L-Artikolu 75(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael jipprovdi:

“Kull waħda mill-Partijiet tista’ tirreferi lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kull disputa li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim.”

11      Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael huwa stabbilit fl-Artikolu 83 ta’ dan tal-aħħar kif ġej:

“Dan il-Ftehim għandu jgħodd, mill-parti ’l waħda, għat-territorji li fihom it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar il-Faħam u l-Azzar huma applikati u taħt il-kondizzjonijiet preskritti f’dawn it-Trattati u, mill-parti ’l oħra, għat-territorju ta’ l-Istat ta’ l-Iżrael.”

12      Il-Protokoll Nru 4 anness mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael (iktar ’il quddiem il-“Protokoll KE-Iżrael”) jistabbilixxi r-regoli fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u għall-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

13      Skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan il-protokoll, huma kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw mill-Iżrael il-prodotti miksuba kollha kemm huma fl-Iżrael fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll, kif ukoll il-prodotti miksuba fl-Iżrael li jkun fihom materjali mhux miksuba kollha kemm huma hemmhekk, kemm-il darba l-imsemmija materjali jkunu għaddew minn xogħol u pproċessar suffiċjenti fl-Iżrael fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan il-protokoll.

14      Skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan il-protokoll:

“Prodotti li joriġinaw skond it-tifsira ta’ dan il-Protokoll għandhom, ma’ l-importazzjoni f’xi waħda mill-Partijiet, jibbenefikaw mill-Ftehim mas-sottomissjoni jew ta’:

a)      ċertifikat tal-moviment EUR 1 […];

b)      fil-każi speċifikati fl-Artikolu 22(1), dikjarazzjoni […] mogħtija lill-esportatur fuq fattura, nota ta’ twassil [kunsinna], jew xi dokument kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-prodotti konċernati f’dattal suffiċjenti li jippermettilhom li jingħarfu (hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejħa ‘id-dikjarazzjoni fuq il-fattura’).”

15      Skont l-Artikolu 22(1)(a) tal-imsemmi protokoll, intitolat “Kondizzjoni biex issir dikjarazzjoni tal-fattura”, id-dikjarazzjoni tal-fattura msemmija fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ dan tal-aħħar tista’ tiġi stabbilita minn esportatur approvat skont l-Artikolu 23 ta’ dan l-istess protokoll.

16      Skont l-imsemmi Artikolu 23, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni jistgħu jawtorizzaw lil kull esportatur, bit-titolu “esportatur approvat”, li jeffettwa spiss esportazzjonijiet ta’ prodotti koperti bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael u li joffri, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali, il-garanziji kollha neċessarji sabiex jivverifikaw il-karattru oriġinarju tal-prodotti kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha ta’ dan il-protokoll, sabiex jistabbilixxu dikjarazzjonijiet fuq il-fattura. Tali dikjarazzjoni tiċċertifika l-karattru oriġinarju tal-prodotti kkonċernati u b’hekk tippermetti lill-importatur li jibbenefika mit-trattament preferenzjali previst mill-imsemmi ftehim.

17      L-Artikolu 32 tal-Protokoll KE-Iżrael jistabbilixxi l-proċedura ta’ verifika tal-prova tal-oriġini fit-termini li ġejjin:

“1.      Il-verifikazzjoni sussegwenti [verifika a posteriori] taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR 1 u tad-dikjarazzjonijiet tal-fattura għandhom jitwettqu kif jiġi jew kull meta l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat importatur ikollu dubju raġonevoli dwar l-awtentiċità ta’ dawk id-dokumenti, l-istatus ta’ oriġini tal-prodotti konċernati jew it-tħaris ta’ xi ħtieġa oħra ta’ dan il-Protokoll.

2.      Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali tal-[Istat] importatutr għandhom jirritornaw iċ-ċertifikat ta’ ċaqlieq [moviment] EUR 1, u l-fattura jekk tkun intbagħtet, jew id-dikjarazzjoni tal-fattura, jew kopja ta’ dawn id-dokumenti, lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur waqt li jagħtu, fejn xieraq, ir-raġunijiet tas-sustanza jew forma għal inkjesta.

Huma għandhom jibgħatu, b’sostenn għat talba għall-verifikazzjoni sussegwenti kull dokument u informazzjoni lu huma jkunu kisbu li jissuġġerixxu li l-informazzjoni mogħtija fuq iċ-ċertifikat EUR 1 jew id-dikjarazzjoni tal-fattura hija inkorretta.

3.      Il-verifikazzjoni għandha titwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-[Istat] esportatur. Għal dan il-għan huma għandhom ikollhom id-dritt linjitolbu għal kull prova u li jagħmlu kull spezzjoni fil-kontijiet ta’ l-esportatur jew kull verifika oħra li huma jqiesu xierqa.

4.      […]

5.      L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifikazzjoni għandhom ikunu informati bir-riżultati ta’ din il-verifikazzjoni fi żmien perjodu massimu ta’ għaxar xhur. Dawn ir-riżultati għandhom juri b’mod ċar jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti konċernati jistgħux jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw u jekk iħarsux il-ħtiġiet l-oħra ta’ dan il-Protokoll.

[…]

6.      Jekk f’każi ta’ dubju raġonevoli ma jkun hemm ebda tweġiba fi żmien għaxar xhur jew jekk it-tweġiba ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti biex tistabbilixxi l-awentiċità tad-dokument in kwistjoni, jew l-oriġini veru tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali li jagħmlu t-talba għandhom, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, jirrifjutaw id-dritt għall-preferenzi.”

18      Fir-rigward tas-soluzzjoni tad-disputi, l-Artikolu 33 tal-Protokoll KE-Iżrael jipprovdi

“Fejn jinqalgħu disputi b’relazzjoni mal-proċeduri ta’ verifikazzjoni ta’ l-Artikolu 32 li ma jkunux jistgħu jiġu solvuti bejn l-awtoritajiet doganali li jagħmlu t-talba għall-verifikazzjoni u l-awtoritajiet doganali responsabbli biex iwettqu din il-verifikazzjoni jew fejn huma jqajmu kwistjoni fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-Protokoll, dawn għandhom jintbagħtu lill-Kumitat Doganali ta’ Koperazzjoni.

[…]”

19      Skont l-Artikolu 39 ta’ dan il-protokoll, intitolat “Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali”:

“1.      Għandi jiġi stabbilit Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali, inkarigat bit-twettieq ta’ koperazzjoni amministrattiva bil-ħsieb ta’ l-applikazzjoni korretta u uniformi ta’ dan il-Protokoll u biex iwettaq kull kompitu ieħor fil-qasam doganali li jista’ jiġi fdat lilu.

2.      Il-Kumitat għandu jkun magħmul, mill-parti ’l waħda, minn esperti ta’ l-Istati Membri u ta’ Uffiċjali tad-dipartiment tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li huma responsabbli għall-kwistjonijiet doganali u, mill-parti ‘l oħra, minn esperti nominati mill-Iżrael.”

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO

20      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-2 ta’ Ġunju 1997, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 122), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1997.

21      L-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi:

“Il-Komunità’ w l-Awtorita’ Palestinjana jridu jistabilixxu progressivament żona ta’ kummerċ ħieles […] skond il-modalitajiet imqeda minn dan it-titolu w konformi mal-provedimenti tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi w Kummerċ tal-1994 u tal-ftehim l-oħra multilaterali dwar il-kummerċ ta’ oġġetti annessi mal-ftehim li jwaqqaf L-Organiżazzjoni Dinji tal-Kummerċ (WTO) […]”

22      L-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi ftehim jipprovdu:

“Artikolu 5

L-ebda dazji doganali ġodda fuq l-importazzjoni, jew kwalunkwe miżata oħra li jkollha l-istess effett, ma tista’ tiġI ntrodotta bejn il-Komunità‘ w x-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża.

Artikolu 6

Importazzjoni għall-ġol Komunità‘ ta’ prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża jkunu permessi liberi minn dazji doganali w ta’ kwalunkwe miżata oħra li jkollha effett ekwivalenti w liberi minn restrizzjonijiet kwantitativi w ta’ kwalunkwe miżura oħra li jkollha effett ekwivalenti.”

23      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan l-istess ftehim, l-Artikolu 73 jipprovdi:

“Dan il-ftehim japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fiha [fejn japplikaw] it-Trattat[i] li jistabilixx[u] l-Komunità‘ Ewropea [u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar] […] w taħt il-kondizzjonijiet imqeda f’dak it-trattat u, minn naħa l-oħra, lit[għat]-territorju tax-xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża.”

24      Il-Protokoll Nru 3 anness mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO (iktar ’il quddiem il-“Protokoll KE-PLO”) jistabbilixxi r-regoli dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u għall-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

25      Skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan il-protokoll, huma kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw fix-Xatt tal-Punent u fil-medda ta’ Gaża l-prodotti miksuba fl-intier tagħhom fix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża kif ukoll il-prodotti miksuba fix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża li jinkorporaw fihom materjali li ma ġewx miksuba fl-inter tagħhom hemmhekk, sakemm dawk il-materjali jkun sarilhom xogħol jew iproċessar suffiċjenti fuq dawn it-territorji.

26      L-Artikolu 15(1) tal-Protokoll KE-PLO jistabbilixxi li l-prodotti li joriġinaw fix-Xatt tal-Punent u fil-medda ta’ Gaża jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO mal-importazzjoni fil-Komunità fuq il-preżentazzjoni jew ta’ ċertifikat tal-moviment EUR 1, jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) ta’ dan il-protokoll, dikjarazzjoni mogħti mill-esportatur fuq fattura, nota ta’ kunsinna jew dokument kummerċjali ieħor li jideskrivi l-prodotti kkonċernati f’detall suffiċjenti sabiex jagħmel l-identifikazzjoni possibbli. Din id-dikjarazzjoni hija msejjħa “dikjarazzjoni fuq il-fattura”.

27      L-Artikolu 16(1) tal-Protokoll KE-PLO jipprovdi li ċ-ċertifikat tal-moviment EUR 1 jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni. Skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu, tali ċertifikat ta’ moviment jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jkunu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża u jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħrajn previsti mill-imsemmi protokoll.

28      Skont l-Artikolu 20(1)(a) tal-Protokoll KE-PLO, dwar il-kundizzjonijiet sabiex issir dikjarazzjoni fuq il-fattura, tali dikjarazzjoni tista’ ssir minn esportatur approvat skont it-tifsira tal-Artikolu 21 ta’ dan il-protokoll. Skont l-Artikolu 20(2), dikjarazzjoni fuq il-fattura tista’ ssir jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jkunu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw fil-Komunità, fix-Xatt tal-Punent jew fil-medda ta’ Gaża u jissodisfaw l-obbligi l-oħra previsti mill-imsemmi protokoll.

29      L-Artikolu 21 tal-Protokoll KE-PLO, dwar l-esportaturi approvati, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni jistgħu jawtorizzaw li kwalunkwe esportatur li jesporta spiss prodotti koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO u li joffri, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali, kull garanzija sabiex jiġi vverifikat il-karattru oriġinarju tal-prodotti kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha l-oħrajn ta’ dan il-protokoll, sabiex jiġu stabbiliti d-dikjarazzjonijiet fuq il-fattura.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali Firma Brita GmbH, hija stabbilita fil-Ġermanja. Hija timporta apparat għall-manifattura tal-ilma bil-gass kif ukoll aċċessorji u ġuleppi, prodotti mill-fornitur Iżraeljan, Soda Club Ltd, li s-sit ta’ produzzjoni tagħha jinsab f’Mishor Adumin, fix-Xatt tal-Punent, fil-Lvant ta’ Ġerusalem. Soda Club Ltd hija esportatur approvat skont l-Artikolu 23 tal-Protokoll KE-Iżrael.

31      Matul l-ewwel semestru tas-sena 2002, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet li jitpoġġew f’moviment liberu l-prodotti importati, u b’kollox ippreżentat iktar minn sittin dikjarazzjoni doganali. Hija indikat l-“Iżrael” bħala pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-prodotti u talbet l-applikazzjoni tariffarja preferenzjali prevista mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael abbażi tad-dikjarazzjonijiet fuq il-fattura stabbiliti mill-fornitur u sostniet li dawn kienu prodotti li joriġinaw mill-Iżrael.

32      L-amministrazzjoni doganali Ġermaniża laqgħet provviżorjament it-talba għall-applikazzjoni tariffarja preferenzjali mitluba, imma bdiet proċedura ta’ verifika a posteriori. Mistoqsija mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, l-amministrazzjoni doganali Iżraeljana rrispondiet li “mill-verifiki [li hija kienet għamlet] jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni joriġinaw f’żona taħt ir-responsabbiltà tad-dwana Iżraeljana. Bħala tali, dawn il-prodotti huma prodotti li joriġinaw skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael u jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali skont dan il-ftehim”.

33      B’ittra tas-6 ta’ Frar 2003, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi talbu lill-amministrazzjoni doganali Iżraeljana, b’mod kumplamentari, jekk il-prodotti kkonċernati kinux prodotti fil-kolonji ta’ popolament Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, fil-medda ta’ Gaża, f’Ġerusalem tal-Lvant jew fuq l-għoljiet ta’ Golan. Din l-ittra baqgħet mingħajr risposta.

34      B’deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2003, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi rrifjutaw għalhekk il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali li kien ingħata preċedentement, minħabba li ma setax jiġi stabbilit b’ċertezza li l-prodotti importati kienu jaqgħu taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael. Konsegwentement, ġie deċiż li jintalbu a posteriori d-dazji doganali, għal somma ta’ EUR 19 155.46.

35      Peress li l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġie miċħud, din ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg (Qorti finanzjarja ta’ Hamburg). Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, tal-Protokoll KE-Iżrael u tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-fatt li huwa previst trattament preferenzjali fiż-żewġ ftehim rilevanti – jiġifieri l-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO] – għall-prodotti li joriġinaw, rispettivament, mit-territorju tal-Istat tal-Iżrael u mix-Xatt tal-Punent, il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali msemmi għandu, f’kull każ, jingħata lil importatur ta’ prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent, minkejja li jiġi ppreżentat biss ċertifikat formali tal-oriġini Iżraeljana tal-prodotti?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)      Fir-rigward ta’ importatur li jitlob il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali għal prodotti importati fit-territorju tal-Komunità, l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru huma marbutin, skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, mill-prova tal-oriġini prodotta mill-awtoritajiet Iżraeljani – u l-proċedura ta’ verifika fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Protokoll [KE-Iżrael] mhijiex miftuħa – tant li l-awtoritajiet ma għandhomx, fir-rigward tan-natura ta’ oriġini tal-prodott, dubji oħra ħlief dwar jekk il-prodotti humiex ġejjin minn territorju li huwa sempliċement taħt kontroll Iżraeljan – jiġifieri skont il-Ftehim interim bejn l-Iżrael u l-Palestina tal-1995 – u għal tant żmien li l-ebda proċedura ma twettqet skont l-Artikolu 33 tal-Protokoll [KE-Iżrael]?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

3)      Ladarba, meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jkunu għamlu talba għal verifika skont l-Artikolu 32(2) tal-Protokoll [KE-Iżrael], l-awtoritajiet Iżreljani jikkonfermaw (biss) li l-prodotti kkonċernati nkisbu f’territorju taħt ġurisdizzjoni doganali Iżraeljana, u għaldaqstant huma prodotti ta’ oriġini Iżraeljana, u fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtoritajiet Iżraeljani għat-talba ta’ preċiżazzjonijiet magħmula ulterjorment mill-awtorjtajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni, dawn l-awtoritajiet huma, minħabba dan is-sempliċi fatt, awtorizzati sabiex jirrifjutaw mingħajr raġunijiet ulterjuri l-benefiċċju tat-trattament preferenzjali, u b’mod partikolari mingħajr ma tkun importanti wkoll f’dan ir-rigward l-oriġini reali tal-prodotti?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda:

4)      L-awtoritajiet doganali [tal-Istat Membru ta’ importazzjoni] huma awtorizzati sabiex jirrifjutaw, mingħajr raġunijiet ulterjuri, il-benefiċċju ta’ trattament preferenzjali skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael minħabba li – hekk kif inhu wara kollox stabbilit – il-prodotti joriġinaw mix-Xatt tal-Punent, jew għandu jingħata t-trattament preferenzjali skont dan il-Ftehim ukoll għall-prodotti li għandhom din l-oriġini, mill-inqas sakemm ma jkunux ittieħdu proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ disputi skont l-Artikolu 33 tal-Protokoll [KE-Iżrael] fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘territorju tal-Istat ta’ Iżrael’ li jinsab f’dan il-ftehim?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u r-raba’ domandi

37      Bl-ewwel u r-raba’ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jistgħux jirrifjutaw li jagħtu l-benefiċċju ta’ trattament preferenzjali stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael peress li l-prodotti kkonċernati joriġinaw fix-Xatt tal-Punent.

38      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-risposta għal dawn id-domandi tiddependi strettament mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 83 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan tal-aħħar.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ftehim ma’ Stat terz konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikoli 217 TFUE u 218 TFUE, jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li sa mid-dħul fis-seħħ ta’ ftehim bħal dan, id-dispożizzjonijiet tiegħu jagħmlu parti integrali mis-sistema legali tal-Unjoni u li, fil-kuntest ta’ din is-sistema legali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi b’mod preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7, u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 41). Barra minn hekk, peress li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael huwa konkluż bejn żewġ suġġetti tad-dritt pubbliku internazzjonali, dan huwa rregolat mid-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tiegħu, mid-dritt internazzjonali dwar it-trattati.

40      Id-dritt internazzjonali dwar it-trattati ġie kkodifikat, essenzjalment, fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, din tapplika għat-trattati bejn Stati. Madankollu, skont l-Artikolu 3(b) ta’ din il-konvenzjoni, il-fatt li din ma tapplikax għall-ftehim internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali ma jippreġudikax l-applikazzjoni għal dawn il-ftehim tar-regoli kollha stabbiliti f’din il-konvenzjoni li huma suġġetti għaliha skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-konvenzjoni stess.

41      Isegwi li r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna japplikaw għal ftehim konkluż bejn Stat u organizzazzjoni internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ konswetudni. Għalhekk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael għandu jiġi interpretat skont dawn ir-regoli.

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minkejja li din ma torbot la lill-Komunità u lanqas lill-Istati Membri kollha, serje ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jirriflettu r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, li bħala tali, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u jagħmlu parti mis-sistema legali Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Racke, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24, 45 u 46; ara wkoll, fir-rigward tar-referenza għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni konklużi mill-Komunitajiet Ewropej, sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1999, El-Yassini, C‑416/96, Ġabra p. I‑1209, punt 47, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, trattat għandu jiġi interpretat in bona fide fis-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u s-suġġett tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest, kull regola rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

44      Fost dawn ir-regoli rilevanti suxxettibbli li jiġu invokati fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael hemm il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li jgħid li t-trattati ma għandhom la jippreġudikaw u lanqas jiffavorixxu lil suġġetti terzi (“pacta tertiis nec nocent nec prosunt”). Dan il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali huwa espress b’mod partikolari fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jgħid li trattat la joħloq obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu.

45      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari jirriżulta li l-Artikolu 83 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim, għandu jiġi interpretat b’mod li jkun konformi mal-prinċipju “pacta tertiis nec nocent nec prosunt”.

46      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-Komunitajiet Ewropej ikkonkludew suċċessivament żewġ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji, l-ewwel wieħed mal-Istat tal-Iżrael, u t-tieni wieħed mal-PLO, li taġixxi f’isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża.

47      Kull wieħed minn dawn il-ftehim għandu l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali rispettiv. L-Artikolu 83 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael jipprovdi li dan japplika għat-“territorju ta’ l-Istat ta’ Iżrael”. L-Artikolu 73 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO jipprovdi li dan japplika għat-“territorju tax-xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża”.

48      Kif jidher, dawn iż-żewġ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom għan identiku – imsemmi, rispettivament, fl-Artikolu 6(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael u fl-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO –, jiġifieri fl-istabbiliment u/jew fir-rinforzar ta’ żona ta’ skambju ħieles bejn il-partijiet, u għandhom l-istess għan – imfisser, għall-prodotti industrijali, rispettivament, fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael u fl-Artikoli 5 u 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑PLO –, jiġifieri t-tneħħija tad-dazji doganali, tar-restrizzjonijiet kwantitattivi u ta’ miżuri oħrajn ta’ effett ekwivalenti fl-iskabji kummerjċali bejn il-partijiet għal kull wieħed minn dawn il-ftehim.

49      Fir-rigward tal-“metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva”, fir-rigward, minn naħa, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22(1)(a) u 23(1) tal-Protokoll KE-Iżrael jirriżulta li d-dikjarazzjoni fuq il-fattura neċessarja għall-esportazzjoni bi trattament preferenzjali hija stabbilita minn esportatur approvat mill-“awtoritajiet doganali [tal-Istat] ta’ esportazzjoni”.

50      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20(1)(a) u 21(1) tal-Protokoll KE-PLO jirriżulta li d-dikjarazzjoni fuq il-fattura neċessarja għall-esportazzjoni bi trattament preferenzjali hija stabbilita minn esportatur approvat mill-“awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(4) tal-Protokoll KE-PLO jimplika li huma biss l-“awtoritajiet doganali tax-Xatt tal-Punent u tal-medda ta’ Gaża” li huma awtorizzati joħorġu ċertifikat tal-moviment EUR 1 jekk il-prodotti kkonċernati jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u mill-medda ta’ Gaża.

51      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-“awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni”, fis-sens taż-żewġ protokolli msemmija iktar ’il fuq, għandhom, kull waħda minnhom, fil-kamp ta’ intervent territorjali rispettiv, kompetenza esklużiva sabiex joħorġu ċ-ċertifikati tal-moviment EUR 1 jew sabiex japprovaw l-esportaturi stabbiliti fuq it-territorju taħt l-amministrazzjoni tagħhom.

52      Għaldaqstant, li l-Artikolu 83 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael jiġi interpretat b’mod li l-awtoritajiet Iżraeljani għandhom kompetenzi doganali fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent ifisser li l-awtoritajiet doganali Palestinjani ma jkunux jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom li madankollu ngħatatilhom permezz tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Protokoll KE-PLO. Tali interpretazzjoni, li għandha l-effett li toħloq obbligu għal parti terza mingħajr il-kunsens tagħha, tmur kontra l-prinċipju tad-dritt internazzjonali “pacta tertiis nec nocent nec prosunt”, kif stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

53      Minn dan isegwi li l-Artikolu 83 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim u għalhekk ma jistax jibbenefika mit-trattament preferenzjali stabbilit minnu.

54      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-benefiċċji tat-trattament preferenzjali previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael lill-prodotti kkonċernati minħabba li joriġinaw fix-Xatt tal-Punent.

55      Ukoll fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jistgħux jagħtu l-benefiċċju ta’ trattament preferenzjali meta tali trattament huwa previst fiż-żewġ ftehim inkwistjoni, jiġifieri l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO, meta huwa stabbilit li l-prodotti kkonċernati joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u li ġie prodott biss ċertifikat formali tal-oriġini Iżraeljana. Hija tistaqsi iktar preċiżament dwar sa fejn klassifikazzjonijiet konkorrenti jistgħu jiġu aċċettati filwaqt li tħalli miftuħa d-domanda dwar liema minn dawn iż-żewġ ftehim japplika u jekk il-prova tal-oriġini għandhiex tinħareġ mill-awtoritajiet Iżraeljani jew dawk Palestinjani.

56      Li jiġi aċċettat li tali klassifikazzjonijiet konkorrenti, ibbażati biss fuq il-konstatazzjonijiet li ż-żewġ ftehim ikkonċernati jipprevedu trattament preferenzjali u li l-post ta’ oriġini tal-prodotti huwa stabbilit permezz ta’ provi oħra minbarra dawk previsti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni effettivament applikabbli, iwassal sabiex tiġi miċħuda, b’mod ġenerali, in-neċessità, sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn trattament preferenzjali, li jkun hemm prova valida tal-oriġini li toħroġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni.

57      Issa, mill-Artikolu 17 tal-Protokoll KE-Iżrael kif ukoll mill-Artikolu 15 tal-Protokoll KE-PLO jirriżulta li l-prodotti li joriġinaw mill-partijiet kontraenti jeħtieġu prova tal-oriġini tagħhom sabiex jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali. Din il-ħtieġa ta’ prova valida tal-oriġini li toħroġ mill-awtorità kompetenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi formalità li tista’ tibqa’ inosservata sakemm il-post tal-oriġini jiġi stabbilit permezz ta’ provi oħrajn. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa’ ddeċidiet li ma tistax tiġi aċċettata l-validità taċ-ċertifikati maħruġa minn awtoritajiet li mhumiex fost dawk indikati b’mod partikolari fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et, C-432/92, Ġabra p. I‑3087, punti 37 sa 41).

58      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jippreċedu, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domandi magħmula għandha tkun li l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-benefiċċju ta’ trattament preferenzjali stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael peress li l-prodotti kkonċernati joriġinaw mix-Xatt tal-Punent. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni ma jistgħux jgħaddu għal klassifikazzjonijiet konkorrenti filwaqt li jħallu miftuħa l-kwistjoni dwar liema mill-ftehim inkwistjoni, jiġifieri l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael jew il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-PLO, japplika fil-każ inkwistjoni u jekk il-prova tal-oriġini għandhiex tinħareġ mill-awtoritajiet Iżraeljani jew mill-awtoritajiet Palestinjani.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

59      Bit-tieni u t-tielet domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll KE-Iżrael, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni humiex marbuta bil-prova tal-oriġini prodotta u bir-risposta tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni. Hija tfittex ukoll li ssir taf jekk, sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni li qamet meta sar il-kontroll tad-dikjarazzjonijiet fuq il-fattura inkwistjoni, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni għandhomx, skont l-Artikolu 33 ta’ dan il-protokoll, jissottomettu din il-kwistjoni lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali qabel ma jieħdu miżuri unilaterali.

 Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni humiex marbuta bir-risposta tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni

60      Mill-Artikolu 32 tal-Protokoll KE-Iżrael jirriżulta li l-verifika a posteriori tad-dikjarazzjonijiet fuq il-fattura ssir kull darba li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jkollhom dubji fondati fir-rigward tal-awtentiċità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet jew il-karattru oriġinarju tal-prodotti kkonċernati. Il-verifika ssir mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni. L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika għandhom jiġu informati bir-riżultati tal-verifika sa mhux iktar tard minn għaxar xhur wara. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw b’mod ċar jekk l-imsemmija dikjarazzjonijiet humiex awtentiċi u jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux jiġu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw. F’każ ta’ dubji fondati u fin-nuqqas ta’ risposta meta jiskadi t-terminu ta’ għaxar xhur jew jekk ir-risposta ma tkunx tinkludi biżżejjed informazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni inkwistjoni jew l-oriġini reali tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali.

61      F’kuntest ġuridiku simili, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn tali dispożizzjonijiet jirriżulta li d-determinazzjoni tal-oriġini tal-prodotti hija bbażata fuq tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet doganali tal-partijiet għall-ftehim ta’ skambju liberu kkonċernat, fis-sens li l-oriġini hija stabbilita mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni. Din is-sistema hija ġġustifikata mill-fatt li dawn tal-aħħar huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jivverifikaw direttament il-fatti li jikkondizzjonaw l-oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Les Rapides Savoyards et, 218/83, Ġabra p. 3105, punt 26).

62      Għaldaqstant, tali mekkaniżmu jista’ jaħdem biss jekk l-amministrazzjoni doganali tal-Istat ta’ importazzjoni tirrikonoxxi l-evalwazzjonijiet li jsiru legalment mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Les Rapides Savoyards et, iċċitati iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll tad-9 ta’ Frar 2006, Sfakianakis, C‑23/04 sa C‑25/04, Ġabra p. I‑1265, punt 23).

63      Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni ma jistgħux, b’mod unilaterali, jiddikkjaraw invalida dikjarazzjoni fuq il-fattura stabbilita minn esportatur legalment approvat mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni. Bl-istess mod, f’każ ta’ verifika a posteriori l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni huma, bħala regola, marbuta bir-riżultati ta’ tali verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sfakianakis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

64      Madankollu, fil-kawża prinċipali, il-verifika a posteriori skont l-Artikolu 32 tal-Protokoll KE-Iżrael mhijiex dwar il-punt dwar jekk il-prodotti importati kinux kompletament miksuba minn ċerta lokalità jew jekk għaddewx minn xogħol jew ipproċessar suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati li joriġinaw f’din il-lokalità skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll KE-Iżrael. L-għan tal-verfika a posteriori jikkonċerna l-post tal-produzzjoni stess tal-prodotti importati sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-prodotti jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael. L-Unjoni tikkunsidra fil-fatt li l-prodotti miksuba f’lokalitajiet li sa mill-1967 huma taħt l-amministrazzjoni Iżraeljana ma jibbenefikawx mit-trattament preferenzjali stabbilit f’dan il-ftehim.

65      Skont l-Artikolu 32(6) tal-Protokoll KE-Iżrael, jekk ir-risposta tal-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni ma tkunx tinkludi informazzjoni biżżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini reali tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali ta’ verifika għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tat-trattament preferenzjali fir-rigward tal-imsemmija prodotti.

66      Issa, mill-fatti tal-kawża prinċipali jirriżulta li, fil-kuntest tal-verifika a posteriori, l-awtoritajiet doganali Iżraeljani ma taw l-ebda risposta preċiża għall-ittri tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi intiżi sabiex jivverifikaw jekk il-prodotti kkonċernati kinux ġew prodotti fil-kolonji ta’ popolament Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, fil-medda ta’ Gaża, f’Ġerusalem tal-Lvant jew fuq l-għoljiet tal-Golan. Saħansitra, l-ittra tas-6 ta’ Frar 2003 tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi baqgħet mingħajr risposta.

67      F’tali kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li risposta bħal dik tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni ma tinkludix informazzjoni biżżejjed skont l-Artikolu 32(6) tal-Protokoll KE-Iżrael, sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini reali tal-prodotti, b’mod li, f’tali kuntest, l-affermazzjoni tal-imsemmija awtoritajiet li l-prodotti kkonċernati jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael ma jorbotx lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni.

 Fuq l-obbligu li l-kwistjoni tiġi sottomessa lill-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali

68      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tal-Protokoll KE-Iżrael jipprovdi li, meta jqumu disputi meta jsiru l-verifiki msemmija fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll jew meta dawn iqajjmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar, dawn il-kwistjonijiet għandhom jintbagħtu quddiem il-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali.

69      Skont l-Artikolu 39 tal-Protokoll KE-Iżrael, il-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali huwa organu amministrattiv magħmul minn esperti doganali u uffiċjali tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-Istat tal-Iżrael. Huwa inkarigat, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll, li jwettaq kwalunkwe xogħol ta’ natura teknika fil-qasam doganali. Konsegwentement, ma jistax jitqies li għandu l-kompetenza sabiex isolvi l-każijiet dwar kwistjonijiet ta’ liġi bħal dawk dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael huwa stess. Tali kwistjonijiet jistgħu, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 75(1) ta’ dan il-ftehim jitressqu quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

70      F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, ir-risposta tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika a posteriori prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll KE-Iżrael ma tistax tiġi kkunsidrata li hija l-oriġini ta’ kawża bejn il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan il-protokoll. Fil-fatt, minn naħa, din ir-risposta tonqos milli tagħti l-informazzjoni mitluba. Min-naħa l-oħra, jekk, fil-kawża prinċipali, kawża tibda wara proċedura ta’ verifika a posteriori mibdija mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni, dan ma jikkonċernax l-interpretazzjoni tal-imsemmi protokoll, imma d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael.

71      Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, kull waħda mill-partijiet kontraenti għandha l-possibbiltà li tressaq il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali ma jistax jiddeċiedi meta din il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni ma tkunx taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu.

72      Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni seta’ jintalab jiddeċiedi peress li din hija kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bħala tali, għandu jiġi mfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-fatt li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma ntalbax jiddeċiedi, ma jistax jintuża bħala ġustifikazzjoni għal deroga mis-sistema ta’ kooperazzjoni u tal-osservanza tal-kompetenzi li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Sfakianakis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

73      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jippreċedu, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula għandha tkun li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll KE-Iżrael, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mhumiex marbuta bil-prova tal-oriġini prodotta u bir-risposta tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni meta l-imsemmija risposta ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti skont l-Artikolu 32(6) ta’ dan il-protokoll, sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini reali tal-prodotti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni ma għandhomx l-obbligu li jressqu quddiem il-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali stabbilit bl-Artikolu 39 tal-imsemmi protokoll kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Iżrael.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-benefiċċju ta’ trattament preferenzjali stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, iffirmat fi Brussell fl-20 ta’ Novembru 1995, peress li l-prodotti kkonċernati joriġinaw mix-Xatt tal-Punent. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni ma jistgħux jgħaddu għal klassifikazzjonijiet konkorrenti filwaqt li jħallu miftuħa l-kwistjoni dwar liema fost il-ftehim inkwistjoni, jiġifieri l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, mill-parti l-oħra, u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organiżazzjoni għall-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fl-24 ta’ Frar 1997, japplika fil-każ inkwistjoni u jekk il-prova tal-oriġini għandhiex tinħareġ mill-awtoritajiet Iżraeljani jew mill-awtoritajiet Palestinjani.

2)      Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 anness mal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mhumiex marbuta bil-prova tal-oriġini prodotta u bir-risposta tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni meta l-imsemmija risposta ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti skont l-Artikolu 32(6) ta’ dan il-protokoll, sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini reali tal-prodotti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni ma għandhomx l-obbligu li jressqu quddiem il-Kumitat ta’ Koperazzjoni Doganali stabbilit bl-Artikolu 39 tal-imsemmi protokoll kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi ftehim.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.