Language of document : ECLI:EU:F:2011:151

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

26 ta’ Settembru 2011


Kawża F-31/06


Marco Pino

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Kompetizzjoni interna għal mogħdija fil-kategorija ppubblikata qabel l-1 ta’ Mejju 2004 — Kandidat inkluż fil-lista ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Mejju 2006 — Klassifikazzjoni fi grad — Applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni inqas minn 1 — Telf ta’ punti ta’ promozzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu M. Pino jitlob prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet li jaħtruh fil-kategorija superjuri, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jikklassifikawh fi grad inferjuri minn dak li huwa kien ħaqqu skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.



Sommarju


1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Ħatra fil-grad tal-grupp ta’ funzjonijiet indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31; Anness XIII, Artikolu 5(2))

2.      Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ regoli tranżitorji għall-bidla mis-sistema antika ta’ karrieri tal-uffiċjal għas-sistema l-ġdida — Regoli dwar il-klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2(1) u 5(2))

3.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

5.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Kompetenza limitata tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

6.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Regoli tranżitorji applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 — Determinazzjoni tal-grad u tal-fattur ta’ multiplikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45a; Anness XIII, Artikoli 2, 5(2), 7 u 8)

7.      Uffiċjali — Promozzjoni — Bidla fil-kategorija wara kompetizzjoni interna — Dritt għaż-żamma tal-punti ta’ promozzjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Anness XIII, Artikolu 5)

1.      L-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni għandhom jinħatru fil-grad tal-grupp ta’ funzjonijiet indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li huma jkunu għaddew minnha.

Għalkemm huwa neċessarjament dedott minn din id-dispożizzjoni li l-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni għandhom jinħatru fil-grad indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li warajha huma jkunu ġew irreklutati, xorta jibqa’ l-fatt li d-determinazzjoni tal-livell tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u tal-kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-kandidati li għaddew għal dawn il-pożizzjonijiet, determinazzjoni li l-istituzzjoni kkonċernata kienet wettqet fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma meta kitbet l-avviżi ta’ kompetizzjoni, ma setgħetx testendi l-effetti tagħha lil hinn mid-data tal-1 ta’ Mejju 2004 kkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni għad-dħul fis-seħħ tal-istruttura l-ġdida tal-karrieri tal-uffiċjali.

Id-dritt tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jingħataw il-grad indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni, jista’ japplika biss kemm-il darba l-liġi ma tinbidilx, peress li l-legalità ta’ deċiżjoni hija evalwata abbażi tal-punti ta’ ligi fis-seħħ fil-mument li fih din hija adottata u din id-dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, tobbliga lill-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni li hija inkompatibbli mar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati mil-leġiżlatur u, għaldaqstant, illegali.

F’dan il-kuntest, ikkaratterizzat mit-tħassir, mill-1 ta’ Mejju 2004, fil-kuntest tal-istruttura l-ġdida tal-karrieri, tal-gradi indikati fl-avviżi ta’ kompetizzjoni li kienu ġew ippubblikati qabel din id-data, il-leġiżlatur seta’ jadotta l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex isolvi d-diffikultajiet inerenti għal din is-sitwazzjoni u jiddetermina l-klassifikazzjoni fi grad tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni għal mogħdija fil-kategorija inklużi f’listi ta’ riżerva ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u maħtura fil-kategorija l-ġdida abbażi ta’ dawn il-kompetizzjonijiet wara l-1 ta’ Mejju 2004.

Huwa veru li l-klassifikazzjonijiet fi grad iddeterminati permezz tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jikkorrispondux għall-gradi mħabbra fl-avviżi ta’ kompetizzjonijiet interni ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li din id-dispożizzjoni tidderoga mir-regola li tinsab fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal u riprodotta mill-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki. Madankollu, fid-dawl tal-għan tiegħu, l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali li tista’, bħala tali, tidderoga, għal kategorija speċifika ta’ uffiċjali, mir-regola ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt hemm lok li jitfakkar li l-limiti inerenti għall-mogħdija minn metodu ta’ tmexxija għal ieħor, fir-rigward tal-karriera tal-uffiċjali, jistgħu jġiegħlu lill-amministrazzjoni titbiegħed temporanjament, u f’ċerti limiti, mill-applikazzjoni stretta tar-regoli u tal-prinċipji permanenti li normalment japplikaw għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni.

(ara l-punti 66 sa 70)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punti 100 u 109

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, De Luca vs Il‑Kummissjoni, F‑20/06, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑563/10 P

2.      L-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi ekwivalenza iktar vantaġġuża bejn il-gradi l-qodma u dawk ġodda meta mqabbel mal-klassifikazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tal-istess anness għall-uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni għal mogħdija fil-kategorija. Madankollu, dan l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien intiż biss sabiex jagħti isem ġdid, fl-1 ta’ Mejju 2004, lill-gradi li kellhom dawk li kienu uffiċjali fit-30 ta’ April 2004, sabiex issir applikabbli fir-rigward tagħhom l-istruttura l-ġdida tal-karrieri prevista li tidħol kompletament fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2006, u ma tistax tingħata portata li testendi lil hinn mill-istabbiliment ta’ din ir-relazzjoni intermedja. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma kinitx intiża li tiġi applikata sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni fi grad ta’ uffiċjal li l-ħatra tiegħu fil-kategorija superjuri saret biss fis-27 ta’ April 2005, fid-dawl tal-kwalità tiegħu ta’ kandidat li għadda minn kompetizzjoni interna għal mogħdija fil-kategorija li l-avviż tagħha kien ġie ppubblikat qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u l-lista tagħha ta’ kandidati xierqa kienet ġiet stabbilita qabel l-1 ta’ Mejju 2006.

(ara l-punt 75)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 112 sa 115

3.      Id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi tatu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti, li tirriżulta minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

Min-naħa l-oħra, persuna ma tistax tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju sakemm ma tkunx ingħatat garanziji preċiżi mill-amministrazzjoni.

(ara l-punti 80 u 81)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il‑Kummissjoni, T‑273/01, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96


4.      Hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati bl-istess mod jew, għall-kuntrarju, meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi tagħhom ma għandhomx differenzi essenzjali, jingħataw trattament differenti.

F’dan ir-rigward, il-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali inklużi fil-lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2004, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, imma li nħatru uffiċjali biss wara din id-data, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-istess kategorija ta’ persuni bħal kandidati oħra li għaddew mill-istess kompetizzjoni u li ġew irreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

Għaldaqstant, il-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni għal mogħdija fil-kategorija ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 li ġew inklużi f’lista ta’ riżerva wara l-1 ta’ Mejju 2004 u li għaldaqstant jistgħu jinħatru fil-kategorija superjuri biss wara din id-data, ma jaqawx taħt l-istess kategorija ta’ persuni bħal kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet oħra għal mogħdija fil-kategorija maħtura fil-kategorija superjuri qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 96, 98 u 99)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il‑Kunsill, T‑368/03, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80

5.      Uffiċjal ma għandu ebda interess leġittimu jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba vizzju proċedurali, u b’mod partikolari minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-każ li l-amministrazzjoni ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni u hija obbligata taġixxi kif hija għamlet, peress li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ biss jagħti lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni identika, fir-rigward tal-mertu, għad-deċiżjoni annullata.

(ara l-punt 112)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il‑Kummissjoni, T‑372/00, punt 62

6.      L-Artikolu 7(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li s-salarju bażiku ta’ kull xahar tal-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2003 ma kienx emendat minħabba l-bidla fl-isem tal-gradi li saret f’din id-data skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-anness. Għal dan il-għan, l-Artikolu 7(2) imsemmi iktar ’il fuq jipprovdi li, għal kull uffiċjal, għandu jiġi kkalkolat fl-1 ta’ Mejju 2004 fattur ta’ multiplikazzjoni li huwa ugwali għar-ratio eżistenti bejn is-salarju bażiku ta’ kull xahar imħallas lil kull wieħed minn dawn l-uffiċjali qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u l-ammont applikabbli ddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 2(3) tal-Anness XIII jipprovdi li s-salarji relatati mal-gradi intermedji l-ġodda għandhom jintużaw bħala l-ammonti applikabbli fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant dan l-Artikolu huwa intiż sabiex jevita li l-fatt li l-gradi ngħataw isem ġdid iwassal għal xi bidla fis-salarji bażiċi ta’ kull xahar tal-uffiċjali rreklutati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u, b’mod partikolari, għal arrikkiment indebitu min naħa tagħhom.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddetermina s-salarju bażiku ta’ kull xahar għal kull grad u għal kull skala tal-gradi intermedji l-ġodda. Skont din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregola l-isem il-ġdid tal-gradi intermedji fi gradi ġodda taż-żewġ gruppi ta’ funzjonijiet maħluqa mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, is-salarji relatati mal-gradi u mal-iskali differenti tal-grupp ta’ funzjonijiet AST huma ugwali għal dawk tal-grupp ta’ funzjonijiet AD li għalihom dawn jikkorrispondu.

Barra minn hekk, l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi sistema li biha, mill-1 ta’ Mejju 2006, il-mogħdija mill-grupp ta’ funzjonijiet AST (li jissostitwixxi l-kategoriji B, C u D il-qodma) għall-grupp ta’ funzjonijiet AD (li jissostitwixxi l-kategorija A l-qadima) ma ssirx iktar permezz ta’ kompetizzjoni interna, iżda permezz ta’ proċedura msejħa ta’ ċertifikazzjoni, li hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni, b’suċċess, fi programm ta’ taħriġ. L-Artikolu 45a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal espressament jipprovdi li l-ħatra f’pożizzjoni tal-grupp ta’ funzjonijiet AD la tbiddel il-grad u lanqas l-iskala milħuqa mill-uffiċjal fil-mument tal-ħatra tiegħu.

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-mogħdija fil-grupp ta’ funzjonijiet superjuri tinvolvi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ amministratur u perspettiva ta’ karriera iktar vantaġġuża, iżda mhux żieda fis-salarju immedjata.

Għaldaqstant, ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma jipprovdu għal ebda bidla fis-salarju bażiku tal-uffiċjal la minħabba d-dħul fis-seħħ tagħhom u lanqas minħabba l-mogħdija ta’ dan l-uffiċjal fil-grupp ta’ funzjonijiet superjuri.

Għalkemm, billi adotta l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur ried jagħti vantaġġ lill-uffiċjali li, fit-tmiem ta’ kompetizzjoni interna ta’ mogħdija fil-kategorija, taw prova tal-abbiltà tagħhom li jokkupaw impjiegi ta’ kategorija superjuri, huwa madankollu ma xtaqx li dan il-vantaġġ jeċċedi dak tal-uffiċjali li, mill-1 ta’ Mejju 2006, għaddew minn proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti f’sens kuntrarju f’dan l-anness, is-salarju tal-uffiċjali maħtura abbażi tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi kkalkolat, l-istess bħal dak tal-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, b’applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni.

(ara l-punti 131 sa 139)


Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Mejju 2011, Caminiti vs Il‑Kummissjoni, F‑71/09, punt 46

7.      L-Artikolu 5 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirreferix, għall-każijiet ta’ mogħdija fil-kategorija, għall-punti ta’ promozzjoni akkumulati fil-kategorija l-qadima. Fil-fatt, dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiddetermina, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni fil-grad u fl-iskala meta kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni ta’ mogħdija fil-kategorija, inklużi f’lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006, huma maħtura f’kategorija superjuri taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

Barra minn hekk, il-ħatra fi grad superjuri, wara kompetizzjoni interna, hija assimilata ma’ promozzjoni u, għaldaqstant, ir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal li jikkonċernaw il-promozzjoni fiha nnifisha huma applikabbli.

Għaldaqstant, sa fejn il-ħatra fi grad superjuri wara kompetizzjoni interna hija assimilata ma’ promozzjoni, l-istess għandu, a fortiori, japplika għal ħatra fil-kategorija superjuri wara kompetizzjoni interna ta’ mogħdija fil-kategorija: il-mogħdija fil-kategorija superjuri, li timplika l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet differenti, tikkostitwixxi promozzjoni u r-regoli relatati mal-promozzjoni huma applikabbli.

In-nuqqas ta’ tħassir tal-punti akkumulati minn uffiċjal maħtur f’kategorija superjuri abbażi tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ikollu bħala effett li tiġi ffaċilitata l-promozzjoni ta’ dan tal-aħħar, prinċipalment abbażi ta’ punti akkwistati fil-kategorija l-qadima tiegħu, fatt li jkun f’kontradizzjoni mal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal li skontu l-paragun tal-merti ta’ uffiċjal bil-għan tal-promozzjoni tiegħu għandu jsir fir-rigward tal-kollegi tiegħu fl-istess grad. Minn dan l-artikolu tar-Regolamenti tal-Persunal effettivament jirriżulta li, waqt l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali tal-istess grad li jistgħu jiġu promossi, l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ promozzjoni li dawn tal-aħħar akkumulaw fil-grad ikkonċernat. Issa, il-punti akkumulati minn uffiċjal qabel il-mogħdija tiegħu f’kategorija, jikkorrispondu għal merti murija f’impjieg ta’ kategorija inferjuri u fl-eżerċizzju ta’ tip ta’ funzjonijiet differenti. Għaldaqstant dawn il-punti kienu jservu għal promozzjoni lejn il-grad sussegwenti fil-kategorija inferjuri u ma jistgħux iservu għal promozzjoni lejn il-grad sussegwenti fil-kategorija superjuri, li fiha l-persuna kkonċernata tkun għadha ma tatx prova tal-merti tagħha.

F’tali każ, iż-żamma tal-punti akkumulati jkollha bħala konsegwenza li tippermetti lill-uffiċjal ikklassifikat, skont l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal wara mogħdija fil-kategorija, jibbenefika minn possibbiltà ta’ promozzjoni malajr iktar għolja minn tal-kollegi tiegħu tal-istess grad, li kienu promossi għall-kategorija superjuri abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, fatt li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jimplika li l-uffiċjali kollha tal-istess grad għandhom jibbenefikaw, meta l-merti tagħhom huma ugwali, mill-istess possibbiltajiet li jiġu promossi għall-grad superjuri.

(ara l-punti 155 sa 157, 159 u 160)


Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 1984, Vlachos vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 20/83 u 21/83, punti 22 sa 24

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2007, Da Silva vs Il‑Kummissjoni, F‑21/06, punt 75