Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2019 minn BP mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-838/16, BP vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

(Kawża C-669/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: BP (rappreżentant: E. Lazar, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 1, 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata; u konsegwentement

tagħti lill-appellanti kumpens adegwat għad-danni morali u materjali kkawżati;

tagħti lill-appellanti kumpens adegwat għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi tad-dikjarazzjonijiet defamatorji tal-FRA fil-konfront tagħha u għall-ħsara lir-reputazzjoni professjonali u personali tagħha;

tikkundanna lill-FRA għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-motiv il-ġdid u tal-provi prodotti skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura; ksur tad-dritt għal smigħ; nuqqas ta’ smigħ xieraq; ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; limitazzjoni tad-drittijiet; u ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta.

It-tieni aggravju ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest fl-evalwazzjoni tal-punti 112, 115 sa 117, 126, 140 sa 142 tar-rikors għal danni tal-appellanti relatati mal-allegat ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 1 , ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB u ksur tal-punti 63 sa 65 tas-sentenza Bavarian Lager 2 ; ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’rabta mal-iżvelar parzjali inizjali erga omnes u l-iżvelar sħiħ sussegwenti tad-data personali tal-appellanti; ksur tal-ekwilibriju legali stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 45/2001 3 ; u ksur tas-sentenza Bavarian Lager.

It-tielet aggravju ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 134 u 135 tar-Regoli ta’ Proċedura u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni; ksur tal-ġurisprudenza fir-rigward tal-ispejjeż; limitazzjoni tad-drittijiet; u ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta.

Ir-raba’ aggravju ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura; rifjut li tippermetti t-talba għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni sensittiva mis-sentenza T-838/16; redazzjoni eċċessiva sussegwenti ta’ sentenza; kif ukoll l-assenza ta’ kompożizzjoni legali tal-Ħames Awla mingħajr il-possibbiltà li din tisma’ l-kawża f’kompożizzjoni estiża jew li tivvota b’mod effettiv.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2     Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C-28/08 P, ECLI:EU:C:2010:378).

3     Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50).