Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-658/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Nardi, G. von Rintelen u S. Pardo Quintillán, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottax, l-iktar tard fis-6 ta’ Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 1 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63(1) tal-imsemmija direttiva;

timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, b’konformità mal-Artikolu 260(3) TFUE, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 89 548.20, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jadotta jew, fi kwalunkwe każ, li jinnotifika lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva (UE) 2016/680, li għandhom jitħallsu fuq il-kont li tindika l-Kummissjoni;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja, b’konformità mal-Artikolu 260(3) TFUE, għall-ħlas ta’ somma f’daqqa li tikkorrispondi għar-riżultat miksub billi ammont ta’ kuljum ta’ EUR 21 321 jiġi mmoltiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur, sakemm dan ir-riżultat jaqbeż is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 5 290 000, li għandha titħallas fuq il-kont li tindika l-Kummissjoni;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B’konformità mal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw rwieħhom mal-imsemmija direttiva u jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-Kummissjoni ma ġiet informata bl-adozzjoni u bid-dħul fis-seħħ ta’ ebda miżura ta’ traspożizzjoni meħtieġa u ma ġiet mgħarrfa bl-ebda element ieħor li jindika li d-direttiva ġiet trasposta.

Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja għadu ma ttrasponiex id-Direttiva (UE) 2016/690 iktar minn sena wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni.

____________

1 ĠU 2016, L 119, p. 89.