Language of document : ECLI:EU:F:2008:150

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

27 ta’ Novembru 2008

Kawża F-35/07

Bettina Klug

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA)

“Servizz Pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Rapport ta’ evalwazzjoni negattiv – Fastidju psikoloġiku”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Klug titlob li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tiġi ordnata ġġedded il-kuntratt ta’ impjieg konkluż fis-7 ta’ Frar 2002, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2002 għal ħames snin, kif ukoll li tiġi kkundannata tħallas lilha kumpens ta’ EUR 200 000 bħala danni morali subiti, kif ukoll li tirtira r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2006, u tifformula rapport ġdid fuq il-bażi tad-deċiżjoni li jieħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni li tfakkar d-data tal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju u li għandha tinftiehem bħala deċiżjoni li kuntratt mhux ser jiġġedded

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

3.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni – Portata – Dmir tal-amministrazzjoni li teżamina l-ilmenti fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku u li tinforma lil min jagħmel l-ilment bis-segwitu mogħti għall-ilment tiegħu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24 u 90(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 11)

1.      Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li, hija u tfakkar lil membru tal-persunal temporanju d-data tal-iskadenza tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, anki jekk jista’ jiġġedded, li tista’ biss tfisser għall-interessat rifjut li jiġġedded dan il-kuntratt, tikkostitwixxi att li jaffettwah ħażin. Fil-fatt, deċiżjoni bħal din, li għandha bħala effett it-tneħħija tar-relazzjoni ta’ xogħol fi ħdan istituzzjoni Kommunitarja, hija, fiha nfisha, att li jaffettwa direttament u immedjatament l-interessi ta’ dan il-membru, billi tibdel b’mod karatterizzat is-sitwazzjoni legali tiegħu.

(ara l-punt 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, Ġabra p. I‑ 0000, punt 23; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2007, Bianchi vs ETF, F‑38/06, Ġabra p. I‑0000, punti 92 sa 94

2.      It-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, skont l-Artikolu 47(1)(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’osservanza tal-perijodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt, kif ukoll it-terminazzjoni qabel iż-żmien ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtorità kompetenti, u b’hekk, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat, indipendentement mill-istħarriġ tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għall-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter. Dan jgħodd iktar u iktar meta ma jkunx terminazzjoni ta’ kuntratt qabel l-iskadenza, imma nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju konkluż għal żmien determinat, peress li t-tiġdid tiegħu huwa sempliċi possibbiltà, suġġett għall-kundizzjoni li huwa jkun fl-interess tas-servizz.

F’dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tiddeċiedi dwar sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan jirriżulta, fil-fatt, mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-regolament u, b’analoġija, il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati l-oħra, ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha. Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess personali tal-membru kkonċernat ma jasalx sal-punt li jżomm lill-awtorità kompetenti milli ma ġġeddidx kuntratt għal żmien determinat minkejja l-oppożizzjoni ta’ dan il-membru, jekk l-interess tas-servizz jitlob hekk.

Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu sempliċement jirrigwarda l-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz li setgħa jiġġustifika n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, ta’ abbuż ta’ poter, kif ukoll ta’ nuqqas ta’ premura, li istituzzjoni Komunitarja għandha tosserva meta tkun trid tiddeċiedi fuq it-tiġdid ta’ kuntratt li jkun rabat wieħed mill-membri tal-persunal tagħha.

(ara l-punti 65 sa 68 u 79)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Frar 1981, De Briey vs Il‑Kummissjoni, 25/80, Ġabra p. 637, punt 7; 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’ Istanza 28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il‑Parlament, T‑45/90, Ġabra p. II‑33, punti 97 u 98; 17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑51/91, ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑341, punt 36; 18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑503, punt 52; 14 ta’ Lulju 1997, B vs Il‑Parlament, T‑123/95, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑697, punt 70; 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, ĠabraSP p. I‑A‑277 u II‑1267, punti 51 u 53; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punti 50, 51 u 64; 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punt 49

3.      L-obbligu ta’ assistenza previst fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju bis-saħħa tar-referiment li jinsab fl-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir, tal-amministrazzjoni, li teżamina bir-reqqa, malajr u bil-kunfidenzjalità kollha, l-ilmenti fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku u li tinforma lil min jagħmel l-ilment bis-segwitu mogħti għall-ilment.

Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew il-membru li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni jagħmel talba bis-saħħa tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, skont l-Artikolu 90(1) tal-istess regolamenti, u li jkollu almenu bidu ta’ prova tal-eżistenza tal-attakki li jallega li qed isofri. Fil-preżenza ta’ dawn l-elementi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi tibda investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-fatti li wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tiegħu.

(ara l-punti 73, 74 u 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Ġunju 1979, V vs Il‑Kummissjoni, 18/78, Ġabra p. 2093, punt 15; 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il‑Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punti 30 u 31