Language of document : ECLI:EU:F:2013:196

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Qorti Plenarja)

11 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjonijiet — Trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni akkwistati taħt reġim tal-pensjoni nazzjonali — Regolament li jadatta r-rata tal-kontribuzzjoni għar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni — Adattament tal-valuri attwarjali — Ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi Applikazzjoni fiż-żmien ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ġodda implimentattivi”

Fil-Kawża F‑117/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Catherine Teughels, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Eppegem (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Vogel, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Martin u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja),

kompost minn S. Van Raepenbusch, President, M. I. Rofes i Pujol, President ta’ Awla, E. Perillo (Relatur), R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: M. J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2013,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ippreżentat fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-8 ta’ Novembru 2011, Teughels ressqet azzjoni li essenzjalment titlob, minn naħa waħda, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Mejju 2011, li tiffissa n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni f’każ ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni nazzjonali tagħha, u min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tagħha kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 1278, tat-3 ta’ Marzu 2011, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplementaw l-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2011”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 83a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“1. L-iskema għandha tinżamm ibbilanċata skont ir-regoli dettaljati stipulati fl-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal].

[…]

3. Meta ssir l-evalwazzjoni attwarjali ta’ kull ħames snin skont l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal], u sabiex jiġi żgurat il-bilanċ tar-reġim [tal-pensjoni], il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] għandu jiddeċiedi dwar ir-rata tal-kontribuzzjoni u dwar il-bidla li tista’ ssir fl-età tal-irtirar.

4. Kull sena l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill verżjoni aġġornata tal-istima attwarjali, skont l-Artikolu 1(2) tal-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal]. Fejn jintwera li hemm qabża ta’ mill-anqas 0,25 punti bejn ir-rata tal-kontribuzzjoni applikata attwalment u r-rata meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ attwarjali, il-Kunsill għandu jikkunsidra jekk ir-rata għandhiex tkun applikata, skont l-arranġamenti mniżżla fl-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal].

[…]”

3        L-Artikolu 84 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Il-modalitajiet tar-reġim tal-pensjoni previsti hawn fuq huma ffissati fl-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal].”

4        L-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ġenerali biex idaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu adottati minn kull istituzzjoni, wara li jkunu kkonsultati l-Kumitat tal-Persunal u l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. […]”

5        L-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1324/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jaġġusta mill-1 ta’ Lulju 2008 r-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 345, p. 17), kien jipprovdi skont kif ġej:

“Ekwivalenza attwarjali tal-pensjoni tal-irtirar tfisser il-valur kapitali tal-benefiċċji dovuti lill-uffiċjal b’riferenza għat-tabella tal-mortalità, riferuta fl-Artikolu 9 tal-Anness XII u suġġett għal imgħax ta’ 3,5 % fis-sena, liema rata tista’ tkun riveduta skont ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 10 tal-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal].”

6        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 jistabbilixxi f’dan ir-rigward:

“B’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, ir-rata indikata fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal […] hija ffissata għal 3,1 %.”

7        Skont l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li jieqaf mill-funzjonijiet tiegħu biex:

–        jidħol fis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali li kkonkludiet ftehim mal-Unjoni,

[…]

għandu d-dritt li jitlob it-trasferiment tal-ekwivalent attwarjali, aġġornat fid-data tat-trasferiment effettiv, tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħu tal-irtirar, li huwa jkun akkwista mingħand l-Unjoni, lejn il-fond tal-pensjoni ta’ dik l-amministrazzjoni [jew] ta’ dik l-organizzazzjoni […].”

8        Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara:

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali

[…]

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni tal-irtirar […] li jħallas lill-Komunitajiet il-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati abbażi tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku tal-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data tal-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali tal-implimentazzjoni n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li bih huwa jkun akkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data tal-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

Dik il-fakultà tal-uffiċjal tista’ tintuża darba biss għal kull Stat Membru u għal kull fond tal-pensjoni.”

9        L-Artikolu 26(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Fil-każijiet ipprovduti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjoni fejn jaħdem l-uffiċjal tista’ tistabbilixxi n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandu jkun ikkunsidrat taħt l-iskema tiegħu stess skont id-disposizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni adottati dwar l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal], li għandha tikkunsidra d-disposizzjonijiet ta’ dan l-Anness […]”

10      Permezz tad-Deċiżjoni C(2004) 1588 tat-28 ta’ April 2004, ippubblikata fl-Informations administratives Nru 60 tad-9 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni adottat id-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplementaw l-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2004”). Id-DĠI 2004 jirreferu għal żewġ tabelli ta’ valuri attwarjali li huma s-suġġett ta’ żewġ annessi, l-Anness 1 li jirrigwarda l-valuri attwarjali (V1) għall-kalkolu tal-ammont tal-ekwivalenza attwarjali trasferibbli skont l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-Anness 2, li jirrigwarda l-valuri attwarjali (V2) għall-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati skont l-Artikolu 11(2) u (3) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

11      Il-valuri attwarjali V1 u V2, ikkalkolati skont l-età fid-data tat-talba u fuq il-bażi tal-parametri previsti fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, huma identiċi.

12      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni rrevokat id-DĠI 2004 u adottat id-DĠI 2011, ippubblikati fl-Informations administratives Nru 17 tat-28 ta’ Marzu 2011.

13      Id-DĠI 2011 daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2011 u jippreċiżaw fl-Artikolu 9 tagħhom skont kif ġej:

“Dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi […] jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data meta jiġu ppubblikati fl-[Informations administratives].

Dawn jirrevokaw u jissostitwixxu d-[DĠI 2004].

Madankollu [id-DĠI 2004] jibqgħu applikabbli għat-trasferimenti abbażi tal-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal f’każijiet fejn il-waqfien tal-funzjonijiet ikun seħħ qabel l-[1 ta’ Jannar] 2009. Dawn jibqgħu wkoll applikabbli għall-fajls tal-membri tal-persunal li t-talba tagħhom għal trasferiment abbażi tal-Artikolu 11(2) u (3) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ġiet irreġistrata qabel l-[1 ta’ Jannar] 2009.

Il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni […] previsti fl-Anness 1 japplikaw b’effett mill-[1 ta’ Jannar] 2009. Dawn il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni jiġu mmodifikati għall-finijiet kollha tal-liġi permezz tad-dħul fis-seħħ ta’ adattament għar-rata ta’ imgħax indikata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.”

14      B’differenza mid-DĠI 2004, l-Anness 1 tad-DĠI 2011 jinkludi tabella waħda biss li fiha jinsabu valuri attwarjali, issa msejħa “koeffiċjenti ta’ konverżjoni”, li huma validi kemm għall-kalkolu tal-ammont tal-ekwivalenza attwarjali trasferibbli kif ukoll għall-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati. Dawn il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni, li huma kkalkolati wkoll skont l-età fid-data tat-talba u fuq il-bażi tal-parametri previsti fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, huma superjuri għall-valuri attwarjali V1 u V2 li jinsabu fl-Annessi 1 u 2 tad-DĠI 2004.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrenti, li hija uffiċjal tal-Kummissjoni, talbet fit-3 ta’ Novembru 2009 it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni li hija kisbet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pensjonijiet Belġjan (Office national des pensions) qabel ma daħlet taħdem mal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem it-“talba għal trasferiment”).

16      B’nota tad-29 ta’ Ġunju 2010 indirizzata lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli”), is-servizz kompetenti tal-Kummissjoni, f’dan il-każ is-settur “Trasferimenti” tal-unità “Pensjonijiet” tal-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni tad-drittijiet individwali” (PMO) (iktar ’il quddiem il-“PMO 4”) iffissa għal 22 sena, xahar u 6 ijiem in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-pensjoni tal-Unjoni u li jirriżultaw mit-trasferiment tad-drittijiet miksuba mir-rikorrenti fil-Belġju. Il-bilanċ tal-kapital, li jirrappreżenta s-somma ta’ EUR 12 531.41, peress li ma setax jissarraf fi snin ta’ servizz pensjonabbli għall-pensjoni statutorja, kellu jitħallas lir-rikorrenti f’każ ta’ trasferiment definittiv tad-drittijiet tal-pensjoni tagħha. L-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli kienet tippreċiża wkoll li, f’każ ta’ emenda tad-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli ma setax jinbidel. Ir-rikorrenti kellha terminu ta’ xahrejn biex taċċetta jew tirrifjuta l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli.

17      Ir-rikorrenti talbet kjarifiki dwar l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli. Wara dan kien hemm xi skambji ta’ posta elettronika.

18      Fil-frattemp, permezz ta’ Komunikazzjoni lill-persunal tal-5 ta’ Mejju 2010 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-5 ta’ Mejju 2010”), is-servizzi tal-Kummissjoni ppreċiżaw li “d-[dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi] aġġornati kellhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar [wara] il-pubblikazzjoni tagħhom fl-Informations administratives” u li “t-talbiet kollha għal trasferiment irreġistrati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ [tad-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi ġodda ] kellhom jiġu pproċessati taħt id-[DĠI 2004]”.

19      Barra minn hekk, id-direttur ġenerali tad-direttorat ġenerali “Riżorsi umani u sigurtà” tal-Kummissjoni, b’nota tal-25 ta’ Mejju 2010 indirizzata lis-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni kif ukoll lit-tliet diretturi ġenerali tal-istituzzjoni, kien indika li “sabiex tiġi żgurata trasparenza aħjar tas-sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni kif ukoll ċertezza ġuridika akbar, huwa kien iddeċieda li jaċċetta verżjoni emendata tad-[dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi] li ma tipprevedix effett retroattiv”.

20      Bl-istess mod, f’nota lill-persunal ippubblikata fl-Informations administratives tat-30 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tat-30 ta’ Lulju 2010”), il-Kummissjoni indikat li “d-[dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi] aġġornati jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar [wara] l-pubblikazzjoni tagħhom fl-Informations administratives” u li “kull talba għal trasferiment irreġistrata qabel id-data tad-dħul fis-seħħ [tad-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi futuri] għandhom jiġu ttrattati taħt id-[DĠI 2004]”. Il-Komunikazzjoni tat-30 ta’ Lulju 2010 tippreċiża li l-modifika tad-DĠI 2004 tikkonċerna t-trasferiment tad-drittijiet miksuba mingħand l-Unjoni lejn reġim nazzjonali ta’ pensjoni u t-trasferiment lejn ir-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni ta’ drittijiet miksuba mingħand Stat Membru.

21      B’posta elettronika tal-20 ta’ Awwissu 2010 u fuq talba tar-rikorrenti, il-PMO 4 estendiet sat-30 ta’ Settembru 2010 t-terminu sabiex ir-rikorrenti tieħu pożizzjoni dwar l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli. Ir-rikorrenti la aċċettat u lanqas irrifjutat formalment l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli.

22      F’nota lill-persunal tas-17 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2010”), il-Kummissjoni kkonstatat li, “b’antiċipazzjoni tal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi ġodda […] tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persuna”, “għadd kbir” ta’ uffiċjali kienu ppreżentaw it-talbiet tagħhom għat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom u li “aktar minn 10 000 talba” b’hekk kienu ġew irreġistrati mill-PMO 4 wara l-1 ta’ Jannar 2010. Il-Komunikazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2010 madankollu kienet tippreċiża li, “minkejja komunikazzjoni mhux mixtieqa minn, inter alia, l-amministrazzjoni f’Mejju 2010, l-implimentazzjoni tad-[dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi] l-ġodda, u b’mod partikolari l-valuri attwarjali ġodda, kellha ssegwi r-regoli preskritti mir-Regolamenti tal-Persunal u b’mod partikolari r-Regolament […] nru 1324/2008 […]. Konsegwentement, [id-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi] l-ġodda kellhom neċessarjament japplikaw għat-trasferimenti kollha [ta’ drittijiet akkwistati minn Stat Membru mir-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni] li t-talba tiegħu kienet ġiet ippreżentata mill-1 ta’ Jannar 2009 u għat-trasferimenti kollha [lejn reġim nazzjonali tal-pensjoni tal-kapital tad-drittijiet tal-pensjoni akkwistat minn uffiċjal fi ħdan tal-Unjoni] għat-tluq sa minn dik id-data”. Finalment, skont il-Komunikazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2010, “[i]n-numru żgħir ta’ trasferimenti li diġà kien is-suġġett ta’ proposta ta’ trasferiment jew ta’ ħlas ta’ kapital mill-fond ta’ oriġini kienu soġġetti għal trattament xieraq. Il-kollegi kkonċernati kienu jiġu avżati personalment li jkun sar it-trasferiment tagħhom b’ittra fl-iqsar żmien possibbli”.

23      Wara l-Komunikazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2010, il-PMO 4 informa lir-rikorrenti, b’posta elettronika tat-28 ta’ Settembru 2010, li l-Kummissjoni “[kienet] obbligata li tirrevedi l-proposta li kienet għamletilha” sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi futuri “li kienu ser jidħlu fis-seħħ b’mod retroattiv fl-1 ta’ Jannar 2009”.

24      Fis-27 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra l-Komunikazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2010. Dak l-ilment ġie miċħud fit-12 ta’ April 2011 fuq il-bażi li l-Komunikazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2010 ma kinitx tinkludi att li jikkawża preġudizzju.

25      Wara l-adozzjoni tad-DĠI 2011, il-PMO 4 bagħtet lir-rikorrenti, fl-24 ta’ Mejju 2011, it-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, akkumpanjata b’nota li tispjega li l-proposta l-ġdida kienet “tannulla u tissostitwixxi” l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli (iktar ’il quddiem it-“tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli”). Skont it-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni adottati fl-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli kienu “skaduti” u “ma kellhomx bażi legali sa mill-1 ta’ Jannar 2009” minħabba d-dħul fis-seħħ, f’dik l-istess data, tar-rati tal-imgħax iddefiniti fir-Regolament Nru 1324/2008. Dawn ir-rati tal-interessi kienu wieħed mill-elementi li jitqiesu fil-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni li għandhom jintużaw meta ssir il-konverżjoni tad-drittijiet tal-pensjoni akkwistati qabel f’numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li jiġu akkreditati għall-finijiet tal-pensjoni statutorja. Għaldaqstant, l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli kellha “titqies bħala skaduta u li qatt ma saret”. Skont il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ffissati mid-DĠI 2011, in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li kellhom jiġu akkreditati, hekk kif ikkalkolat mill-ġdid, kien ta’ 17-il sena u 7 xhur.

26      Fit-3 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-DĠI 2011 u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħhom, billi kienet tal-fehma li dik id-dispożizzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività.

27      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011, ikkomunikata lill-konsulent legali tar-rikorrenti fid-29 ta’ Lulju 2011, l-Awtorità tal-Ħatra, wara li ppreċiżat li “[i]ndipendentement mill-kwistjoni jekk id-DĠI [2011] s[etgħux] jiġu kkwalifikati bħala att li jikkawża preġudizzju, it-[tieni] proposta biex [jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli] […] [kienet] analizzata bħala att li jikkawża preġudizzju” u li, għaldaqstant, kienet it-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli li “kienet is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni”, ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-4 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u talbet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi mingħajr ma jidħol fil-mertu.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-27 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

30      B’ittra tal-25 ta’ Mejju 2012, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien iddeċieda li jgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

31      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        sa fejn ikun neċessarju, jannulla t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli;

–        “jekk hemm bżonn bl-applikazzjoni tal-Artikolu 277 [TFUE]”, jannulla d-DĠI 2011, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 9 tagħhom;

–        jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors inammissibbli u fi kwalunkwe każ infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      B’ittra tat-28 ta’ Jannar 2013, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-partijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar ċerti punti tan-noti tagħhom u li jipproduċu diversi dokumenti. Il-partijiet aderixxew ma’ dawn il-miżuri b’mod konformi mal-istruzzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

34      Il-kawża, li inizjalment kienet assenjata lit-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ġiet irrinvjata lill-Assemblea Plenarja tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u l-partijiet ġew informati dwar dan b’ittra tar-Reġistru tas-7 ta’ Frar 2013, li sejħet seduta u kkomunikat ir-rapport preparatorju tas-seduta.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

35      Bl-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talbiet għal annullament indirizzati formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li jikkawża preġudizzju li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8).

37      F’dan il-każ, l-ilment tat-3 ta’ Ġunju 2011, għalkemm indirizzat kontra d-DĠI 2011, ġie interpretat mill-Awtorità tal-Ħatra bħala li huwa indirizzat unikament kontra t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, li r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

38      Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli. Għaldaqstant, it-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandhom jitqiesu li huma indirizzati kontra t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, li hija s-suġġett tat-tieni kap tat-talbiet.

39      Permezz tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob l-annullament, “sa fejn ikun neċessarju, […] jekk hemm bżonn bl-applikazzjoni tal-Artikolu 277 [TFUE]”, tad-DĠI 2011 u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 9 tagħhom.

40      Jirriżulta mir-riferiment għall-Artikolu 277 TFUE u l-argumenti fir-rikors li r-rikorrenti, permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, fir-realtà ssollevat l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, li huma att ta’ portata ġenerali. Din l-eċċezzjoni, anki jekk nassumu li hija fondata, ma tistax tiġi aċċettata f’dan il-każ, ħlief jekk tiġi annullata t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, li hija preċiżament is-suġġett tat-tieni kap tat-talbiet.

41      Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandhom jiġu eżaminati biss it-talbiet għall-annullament tat-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

42      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress li huwa indirizzat kontra t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, li ma huwiex att li jikkawża preġudizzju.

43      Skont il-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-ipproċessar ta’ talbiet għat-trasferiment ta’ drittijiet tal-pensjoni miksuba taħt reġim tal-pensjoni nazzjonali tikkonsisti f’diversi stadji. Il-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli hija biss stadju wieħed f’din il-proċedura.

44      L-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz pensjonabbli skont il-proposta indirizzata lill-persuna kkonċernata ssir definittiva biss wara li s-somom korrispondenti għall-kapital aġġornat tad-drittijiet tal-pensjoni jkunu effettivament tħallsu fil-kont bankarju tal-Kummissjoni mill-fondi tal-irtirar nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati, b’mod li d-deċiżjoni ta’ akkreditazzjoni nnotifikata lill-uffiċjal wara d-dħul tal-kapital ittrasferit hija l-uniku att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal li ressaq talba għal trasferiment.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli hija att preparatorju, li l-għan tiegħu huwa biss li titħejja d-deċiżjoni finali tal-akkreditazzjoni.

46      Matul is-seduta, il-Kummissjoni argumentat ukoll li d-drittijiet tal-pensjoni tal-uffiċjal ma humiex ikkristalizzati bil-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, a fortiori meta din ma tkunx ġiet aċċettata mill-persuna kkonċernata, u li, bejn l-adozzjoni ta’ dik il-proposta u dik tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura, l-ammont ta’ kapital ittrasferit u, bħala konsegwenza, in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jkunu jistgħu jevolvu. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-istituzzjoni kkonċernata tiddetermina “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit” in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li hija tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni abbażi tal-perijodu ta’ servizz preċedenti.

47      Ir-rikorrenti hija tal-fehma, min-naħa l-oħra, li skont il-ġurisprudenza, proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli hija att li tikkawża preġudizzju, indipendentement minn jekk tiġix aċċettata jew le mill-uffiċjal ikkonċernat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

48      Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li s-sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni, kif prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi tippermetti koordinazzjoni bejn ir-reġimi nazzjonali u r-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni, hija intiża biex tiffaċilita l-mogħdija minn impjiegi nazzjonali, pubbliċi jew privati, kif ukoll internazzjonali lejn l-amministrazzjoni tal-Unjoni u li b’hekk jiġi ggarantit li l-Unjoni jkollha l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal ikkwalifikat li diġà jkollu esperjenza professjonali xierqa (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci, C‑286/09 u C‑287/09, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija inklinata li tikkunsidra b’mod partikolari li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz pensjonabbli mibgħuta għall-kunsens tal-uffiċjal huma “deċiżjonijiet” b’effett doppju: minn naħa waħda, biex jinżamm, għall-benefiċċju tal-uffiċjal ikkonċernat u fl-ordinament ġuridiku tal-oriġini, l-ammont tad-drittijiet tal-pensjoni li huwa jkun kiseb fir-reġim tal-pensjoni korrispondenti u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u suġġett għat-twettiq ta’ ċerti kundizzjonijiet supplimentari, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fir-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u l-Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku min-naħa tiegħu kien diġà ddeċieda li l-proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli jikkostitwixxu atti ta’ natura unilaterali, li ma jitolbu ebda miżura oħra min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti u li huma aggravanti għall-uffiċjal ikkonċernat. F’każ kuntrarju, tali atti ma jistgħux jiġu kkontestati per se jew, ta’ mill-inqas, ma jistgħux ikunu suġġetti għal ilment u rikors ħlief wara li tiġi adottata data posterjuri, f’data indefinita u minn awtorità oħra apparti l-Awtorità tal-Ħatra. Din l-analiżi la tirrispetta d-dritt tal-uffiċjali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali li huma inerenti għar-regoli dwar it-termini ta’ żmien stabbiliti permezz tar-Regolamenti tal-Persunal (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Ottubru 2007, Pouzol vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑17/07, punti 52 u 53).

51      Finalment, din il-linja ta’ ġurisprudenza ġiet ikkonfermata wkoll bis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Diċembru 2012, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑122/10, li hija suġġetta għal appell li bħalissa jinsab pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑103/13 P, punti 37 sa 39), li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli kienet att li jikkawża preġudizzju għall-uffiċjal ikkonċernat.

52      Jirriżulta b’mod definittiv mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 49 sa 51 ta’ din is-sentenza li l-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli li s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jissottomettu għall-kunsens tal-uffiċjal, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni f’diversi stadji kif deskritt hawn fuq, huwa att unilaterali, li jista’ jinfired mill-qafas proċedurali li fih isir, adottat bis-saħħa ta’ kompetenza limitata, attribwita ex lege lill-istituzzjoni, peress li din tirriżulta direttament mid-dritt individwali li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti espressament lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal meta jidħlu jaħdmu mal-Unjoni.

53      Effettivament, l-eżerċitar ta’ din il-kompetenza limitata jobbliga lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli li tkun ibbażata fuq l-informazzjoni kollha rilevanti li hija obbligata tikseb mingħand l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati, preċiżament fil-qafas ta’ koordinazzjoni stretta u kooperazzjoni leali bejn dawn tal-aħħar u s-servizzi tagħha. Għaldaqstant, tali proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli ma tistax titqies li hija “sempliċi intenzjoni” tas-servizzi tal-istituzzjoni li jinformaw lill-uffiċjal ikkonċernat, fl-istennija li jirċievu effettivament il-kunsens tiegħu biex b’hekk, sussegwentement, jiġbdu l-kapital sabiex ikunu jistgħu jipproċedu bl-akkreditazzjoni. Għall-kuntrarju, tali proposta tikkostitwixxi l-impenn meħtieġ min-naħa tal-istituzzjoni biex jipproċedu b’mod korrett għall-implementazzjoni effettiva tad-dritt għat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tal-uffiċjal li huwa jkun eżerċita meta jissottometti t-talba tiegħu għal trasferiment. It-trasferiment tal-kapital aġġornat għar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni jikkostitwixxi, min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu distint li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali u li huwa neċessarju sabiex titlesta l-proċedura sħiħa ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni lejn il-fondi tar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni.

54      B’hekk, l-eżerċitar tal-kompetenza limitata għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jobbliga lill-Kummissjoni biex tuża d-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-uffiċjal li jkun għamel talba għall-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal biex ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli bl-għarfien kollu inkwistjoni, kemm fir-rigward tal-elementi meħtieġa għall-kalkolu fir-rigward tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-pensjoni statutorja kif ukoll fir-rigward tar-regoli li jirregolaw, “fid-data tat-talba għal trasferiment”, il-modalitajiet tal-kalkolu, kif jippreċiża t-test tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni effettivament tipprovdi li l-istituzzjoni fejn ikun jaħdem l-uffiċjal għandha “tiddetermina”, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi, waqt li jitqies it-trattament bażiku, l-età u r-rata tal-bidla bid-data tat-talba għal trasferiment, “in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli” li hija tieħu inkunsiderazzjoni.

55      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli hija att li tikkawża preġudizzju għall-uffiċjal li jkun għamel talba għal trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħu.

56      Dik il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il quddiem.

57      Fl-ewwel lok, waqt li kkonfermaw prattika preċedenti li kienu jesprimu l-klawżoli li jinsabu fil-proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli, id-DĠI 2011 issa jipprovdu espressament fl-Artikolu 8 tagħhom li l-kunsens li l-uffiċjal huwa mitlub jagħti għall-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, ladarba jingħata, huwa “irrevokabbli”. In-natura irrevokabbli tal-kunsens tal-uffiċjal ladarba jingħata hija ġġustifikata biss jekk il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tkun ipprovdiet lill-persuna kkonċernata bi proposta li l-kontenut tagħha jkun ġie kkalkolat u ppreżentat bid-diliġenza kollha meħtieġa u li tkun torbot lill-Kummissjoni, fis-sens li tobbligaha biex issegwi, fuq dik il-bażi, il-proċedura ta’ trasferiment, f’każ li l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha.

58      Fit-tieni lok, il-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli ssir, fil-prinċipju, fuq il-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu li huwa l-istess bħal dak li jiġi applikat fil-mument meta r-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni jirċievi l-kapital kollu ttrasferit b’mod definittiv mill-fondi tal-irtirar nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini.

59      Bħala massimu, dak li jista’ jinbidel, jekk ikun il-każ, bejn id-data tal-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli u dik meta jittieħed b’mod definittiv il-kapital huwa l-ammont tas-somma li fih jikkonsisti, waqt li l-ammont tal-kapital trasferibbli aġġornat fid-data tat-talba għal trasferiment jista’ jkun differenti mill-ammont tal-kapital fid-data meta jiġi effettivament ittrasferit, pereżempju minħabba varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju. Anki f’dan l-aħħar każ, li barra minn hekk jista’ jikkonċerna biss it-trasferimenti ta’ kapital iddenominati f’muniti oħrajn minbarra l-euro, il-metodu ta’ kalkolu applikat għal dawk iż-żewġ valuri huwa effettivament l-istess.

60      Fit-tielet lok, l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li hija biss id-deċiżjoni ta’ akkreditazzjoni adottata wara d-dħul definittiv tal-kapital inkwistjoni li tista’ tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat, tmur b’mod ċar kontra l-għan tal-proċedura amministrattiva ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni. L-għan ta’ din il-proċedura huwa preċiżament li tippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat biex jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti u qabel ma jsir it-trasferiment definittiv tal-kapital li jikkorrispondi għat-total tal-kontribuzzjonijiet tiegħu lejn ir-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni, jekk huwiex iktar vantaġġuż għalih li jakkumula d-drittijiet tal-pensjoni preċedenti tiegħu ma’ dawk li huwa jakkwista bħala uffiċjal tal-Unjoni jew, għall-kuntrarju, li jżomm dawk id-drittijiet fis-sistema legali nazzjonali (ara s-sentenza Il-Belġju u l-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91). Effettivament, it-teżi tal-Kummissjoni tobbliga lill-uffiċjal ikkonċernat biex jikkontesta l-metodu li permezz tiegħu s-servizzi tal-Kummissjoni jkunu kkalkolaw in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li kellhom jiġu akkreditati li għalihom huwa jkollu dritt biss wara li l-fondi tal-irtirar nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini jkunu ttrasferixxew b’mod definittiv il-kapital tal-Kummissjoni, li fil-prattika jġib fix-xejn is-sustanza proprja tad-dritt mogħti lill-uffiċjal mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jagħżel li jipproċedi għat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħu jew li jżommhom fil-fondi tal-irtirar nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini.

61      Finalment, fir-raba’ lok, ma jistax jiġi argumentat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin għall-finijiet tal-pensjoni huma biss atti preparatorji fuq il-bażi li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi li n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli huwa kkalkolat “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar fl-ewwel lok li jirriżulta mid-diċitura tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li l-istituzzjoni kkonċernata “tiddetermina” n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli fl-ewwel lok “permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi, waqt li jitqies it-trattament tal-bażi, tal-età u r-rata tal-kambju fid-data tat-talba għal trasferiment”, u li hija sussegwentement tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli, iddeterminat b’dan il-mod, skont ir-reġim ta’ pensjoni tal-Unjoni “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”.

63      Din id-diċitura hija kkonfermata b’dik tal-Artikolu 7 tad-DĠI 2004 u tal-Artikolu 7 tad-DĠI 2011. Effettivament, dawn iż-żewġ artikoli jipprovdu, fil-paragrafu 1 tagħhom, li n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li jittieħed inkunsiderazzjoni huwa kkalkolat “fuq il-bażi tal-ammont trasferibbli li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba […], waqt li jsir tnaqqis mill-ammont li jirrappreżenta r-rivalutazzjoni tal-kapital bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tat-talba għal trasferiment u d-data ta’ trasferiment effettiv”.

64      Il-paragrafu 2 tal-Artikoli 7 tad-DĠI 2004 u 2011 jippreċiża min-naħa l-oħra li n-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni “jiġi sussegwentement ikkalkolat […] fuq il-bażi tal-ammont ittrasferit”, b’mod konformi mal-formola matematika li tinsab fl-ewwel inċiż tal-istess paragrafu.

65      B’hekk jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq li l-proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli huma kkalkolati fuq il-bażi tal-ammont trasferibbli fid-data ta’ reġistrazzjoni tat-talba, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti lis-servizzi tal-Kummissjoni, waqt li jitnaqqas, jekk ikun il-każ, mill-ammont li tirrappreżenta r-rivalutazzjoni tal-kapital bejn id-data tar-reġistrazzjoni tat-talba u dik tat-trasferiment effettiv, peress li r-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni ma għandux iġarrab din id-differenza finanzjarja.

66      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli hija att li jikkawża preġudizzju u li t-talbiet għall-annullament b’hekk huma ammissibbli. B’hekk, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

 Fuq il-mertu

67      Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament indirizzati kontra t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, ir-rikorrenti tissolleva motiv wieħed, li jallega “ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal [u] tal-Artikolu 26(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, nuqqas ta’ ħarsien tad-drittijiet miksuba kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza ġuridika u ta’ nuqqas ta’ retroattività u ksur manifest ta’ evalwazzjoni”.

 L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi obbligu fuq il-Kummissjoni, jekk hija tkun tixtieq tbiddel il-valuri attwarjali applikabbli għat-talbiet għal trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba mingħand Stat Membru lejn ir-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“trasferiment ‘in’”), li jiġu adottati fuq bażi preliminari dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi ġodda. Il-Kummissjoni adottat dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi ġodda biss fit-3 ta’ Marzu 2011. B’hekk, id-DĠI 2004 biss, li kienu fis-seħħ f’dik id-data, huma applikabbli għat-talba għal trasferiment.

69      Id-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009 tar-Regolament Nru 1324/2008 b’hekk ma għandu ebda effett fuq ir-rati li għandhom jiġu applikati għall-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati. Effettivament, dak ir-Regolament emenda r-rata tal-imgħax prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tintuża esklużivament f’każ ta’ trasferiment lejn reġim nazzjonali tal-pensjoni tal-ekwivalent attwarjali, jiġifieri l-kapital tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba minn uffiċjal fi ħdan l-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“trasferiment ‘out’”), u b’hekk ma tkunx applikabbli f’każ ta’ trasferiment “in”.

70      Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni, la tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas tar-Regolament Nru 1324/2008 ma timponi l-applikazzjoni immedjata, ipso jure, tar-rata tal-imgħax iffissata permezz tar-Regolament Nru 1324/2008 fir-rigward tal-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati f’każ ta’ trasferiment “in”.

71      Skont ir-rikorrenti, b’applikazzjoni tal-evalwazzjoni attwarjali ta’ kull ħames snin abbażi tal-Artikolu 83a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regolament Nru 1324/2008 seta’ jadatta biss, b’mod limitattiv, ir-rata tal-kontribuzzjoni għar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni u r-rata tal-interessi prevista permezz tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-istess regolament. Permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Kunsill b’hekk “eżawrixxa” il-prerogattivi kollha li l-Artikolu 83a tar-Regolamenti tal-Persunal jagħtih. Il-Kunsill ma kien awtorizzat li jieħu ebda deċiżjoni li tinfluwixxi fuq il-kalkolu msemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

72      Barra minn hekk, il-modifika tar-rata tal-interessi deċiża mill-Kunsill ma tistax tkun applikabbli b’mod obbligatorju fl-istess ħin għall-kalkoli attwarjali kollha.

73      Ir-rikorrenti targumenta wkoll li d-drittijiet tagħha ġew ikkristalizzati fid-data tat-talba għal trasferiment, jiġifieri fit-3 ta’ Novembru 2009, u b’hekk kellhom jiġu ddefiniti b’applikazzjoni tad-DĠI 2004, li kienu l-uniċi fis-seħħ f’dik id-data.

74      Finalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-applikazzjoni retroattiva tad-DĠI 2011 “ma kinitx mistennija”. In-nota tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Riżorsi umani u sigurtà” tal-25 ta’ Mejju 2010 u l-Komunikazzjoni tat-30 ta’ Lulju 2010 kienu jħabbru li r-regoli l-ġodda ma kinux ser ikunu applikati b’mod retroattiv.

75      Il-Kummissjoni tirribatti, min-naħa tagħha, li għalkemm ir-Regolament Nru 1324/2008 ma setax jemenda l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li din id-dispożizzjoni ma kinitx issemmi r-rata tal-interessi biex tiġi kkalkolata l-ekwivalenza attwarjali, id-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jużaw, min-naħa l-oħra, koeffiċjenti ta’ konverżjoni li huma “relatati direttament mar-rata li tinsab fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal]”.

76      Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-modifika tar-rata tal-interessi prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iddeterminata fl-1 ta’ Jannar 2009 permezz tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, b’hekk “neċessarjament” wasslet, f’dik l-istess data, għall-modifika tal-imsemmija koeffiċjenti ta’ konverżjoni. Il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni previsti fid-DĠI 2004 b’hekk saru “nulli” u mingħajr ebda bażi legali fl-1 ta’ Jannar 2009, u dan indipendentement minn kwalunkwe revoka formali u kuntestwali tad-DĠI 2004.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

77      Fuq bażi preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni lanqas ma huwa stabbilit, peress li ebda argument ma ġie invokat insostenn tiegħu. B’hekk dan għandu jiġi miċħud fuq il-bażi tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura.

78      Fil-kuntest tal-uniku motiv tagħha, ir-rikorrenti tissolleva l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9, kif ukoll tal-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011. Skont ir-rikorrenti, dawn id-dispożizzjonijiet tad-DĠI 2011 jipprovdu li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni li jinsabu fl-Anness 1 tad-DĠI 2011, stabbiliti skont ir-Regolament Nru 1324/2008, japplikaw sa mill-1 ta’ Jannar 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, waqt li f’dik id-data l-Anness 2 tad-DĠI 2004, li kien jipprovdi koeffiċjenti ta’ konverżjoni differenti u applikabbli sa mill-1 ta’ Mejju 2004, ma kien suġġett għal ebda modifika formali. Ir-rikorrenti ssostni li tali modifika kienet meħtieġa, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u li l-applikazzjoni b’effett retroattiv għall-1 ta’ Jannar 2009 tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ġodda previsti fl-Anness 1 tad-DĠI 2011, inkluż fil-fajls tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal li t-talba tagħhom għal trasferiment “in” kienet ġiet ippreżentata qabel din id-data, kienet tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività.

79      Sabiex tiġġustifika legalment it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 rrenda d-DĠI 2004 skaduti u awtomatikament mingħajr bażi legali fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni.

–       Fuq l-effett tar-Regolament Nru 1324/2008 fuq id-DĠI 2004

80      Jirriżulta mid-diċitura tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 li din għandha biss żewġ skopijiet fir-rigward tal-uffiċjali u membri tal-persunal oħrajn tal-Unjoni.

81      L-ewwel wieħed jikkonċerna d-determinazzjoni, permezz tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tar-rata applikabbli għall-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ uffiċjal li jerġa’ jidħol jaħdem mal-Unjoni wara li jkun għamel perijodu qabel. Dan l-iskop jidher li huwa irrilevanti f’dan il-każ.

82      It-tieni wieħed jirrigwarda l-iffissar tar-rata li għandha tintuża għad-definizzjoni tal-“ekwivalenza attwarjali” tal-pensjoni tal-irtirar. Għandu jiġi kkonstatat li dan il-kunċett jintuża fl-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għat-trasferimenti “out” u mhux fl-Artikolu 11(2) tal-istess anness għat-trasferimenti “in”.

83      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, minn naħa waħda, fil-paragrafu 1 it-trasferiment “out” u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2 it-trasferiment “in”.

84      F’każ ta’ trasferiment “out”, l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal ikkonċernat għandu dritt li jittrasferixxi “l-ekwivalent attwarjali, aġġornat fid-data tat-trasferiment effettiv, tad-drittijiet tal-pensjoni tal-irtirar li jkun akkwista mill-Unjoni”. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ trasferiment “in”, il-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li l-uffiċjal ikkonċernat għandu l-fakultà li jħallas lill-Unjoni “il-kapital, aġġornat sad-data tat-trasferiment effettiv, li jirrappreżenta d-drittijiet tal-pensjoni li huwa jkun akkwista [mingħand ir-reġim nazzjonali jew internazzjonali li miegħu kien affiljat sa dak il-punt]”. Fl-ipoteżi ta’ trasferiment “out”, is-somma ta’ flus ittrasferita hija l-“ekwivalenza attwarjali” tad-drittijiet akkwistati mill-Unjoni; fl-ipoteżi ta’ trasferiment “in”, is-somma tal-flus ittrasferita hija l-“kapital aġġornat”, jiġifieri somma ta’ flus li tirrappreżenta materjalment id-drittijiet tal-pensjoni miksuba abbażi tal-attivitajiet preċedenti tal-uffiċjal ikkonċernat mar-reġim nazzjonali jew internazzjonali tal-pensjoni rilevanti, kif aġġornat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-data tat-trasferiment effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 2013, Časta, C‑166/12, punt 26).

85      L-“ekwivalenza attwarjali” msemmija fl-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-“kapital aġġornat” imsemmi fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu huma żewġ kunċetti ġuridiċi distinti, li kull wieħed minnhom jaqa’ taħt reġimi indipendenti minn xulxin.

86      L-“ekwivalenza attwarjali” effettivament tieħu l-forma, fid-dritt tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ kunċett awtonomu partikolari għas-sistema tar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni. Dan huwa ddefinit, fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala “il-valur kapitali tal-benefiċċji [tal-pensjoni tal-irtirar] dovuti lill-uffiċjal b’riferenza għat-tabella tal-mortalità, riferuta fl-Artikolu 9 ta’ l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal] u suġġett għal imgħax ta’ 3.1 % fis-sena, liema rata tista’ tiġi riveduta skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 10 ta’ l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal]”. L-aħħar reviżjoni tar-rata tal-interessi msemmija fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal saret, skont l-Artikolu 10 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, preċiżament permezz tar-Regolament Nru 1324/2008, li baxxa r-rata tal-imgħax minn 3.5 % għal 3.1 %.

87      Il-“kapital aġġornat”, min-naħa l-oħra, ma huwiex iddefinit fir-Regolamenti tal-Persunal, li lanqas ma jindikaw il-metodu tal-kalkolu tiegħu, u dan minħabba l-fatt li l-kalkolu u l-modalitajiet ta’ kontroll ta’ dan il-kalkolu jaqgħu, kif tippreċiża b’mod kostanti l-ġurisprudenza, esklużivament taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati (sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Il-Kummissjoni madankollu ssostni li l-ekwivalenza attwarjali hija wkoll “metodu ta’ kalkolu” li, bħala tali, għandu jintuża mhux biss f’każ ta’ trasferiment “out”, meta joħorġu somom mill-fond tar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni biex jidħlu f’dak ta’ reġim tal-pensjoni ta’ Stat Membru jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, iżda wkoll f’każ ta’ trasferiment “in”, meta għall-kuntrarju, somom ta’ flus jidħlu fil-fondi tar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni.

89      Bħala metodu ta’ kalkolu, l-ekwivalenza attwarjali b’hekk tapplika, skont il-Kummissjoni, għaż-żewġ każijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni tal-irtirar. Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, wara r-riforma statutorja tal-2004, kundizzjoni ġdida għall-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, jiġifieri li l-kapital li jikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa mill-uffiċjal li jidħol jaħdem mal-Unjoni jiġi “aġġornat sad-data tat-trasferiment effettiv”. Skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni ġdida, inkwantu tinsab fir-Regolamenti tal-Persunal, timponi l-obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati li jaġġornaw il-kapital skont il-parametri indikati fir-Regolamenti tal-Persunal, fosthom ir-rata tal-interessi, kif emendata fl-aħħar lok permezz tar-Regolament Nru 1324/2008.

90      Iżda l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex iġġustifikat legalment.

91      Effettivament, jirriżulta mill-ġurisprudenza li s-sistema ta’ trasferiment “in” tikkonsisti f’żewġ fażijiet amministrattivi distinti. L-ewwel fażi tikkonsisti fl-istabbiliment tal-kapital aġġornat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali li jamministraw ir-reġim tal-pensjoni li miegħu tkun affiljata l-persuna kkonċernata sakemm tidħol taħdem mal-Unjoni. Din il-fażi kollha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti. It-tieni fażi, min-naħa l-oħra, tikkonsisti fil-konverżjoni mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, tal-kapital aġġornat, kif iddeterminat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini, fi snin ta’ servizz pensjonabbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-pensjoni tal-Unjoni, u dan fuq il-bażi tar-regoli li japplikaw għar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni, inklużi r-regoli li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi li kull istituzzjoni hija obbligata li tadotta għat-trasferimenti “in” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57).

92      Iż-żewġ deċiżjonijiet, li l-ewwel waħda minnhom hija relatata mad-determinazzjoni tal-kapital aġġornat u t-tieni waħda mal-konverżjoni ta’ dawn l-assi fi snin ta’ servizz pensjonabbli b’hekk jaqgħu taħt żewġ sistemi ġuridiċi distinti u kull waħda minnhom taqa’ taħt il-mekkaniżmi ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jappartjeni għal kull waħda minn dawn iż-żewġ sistemi ġuridiċi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2004, Lindorfer vs Il-Kunsill, T‑204/01, punti 28 sa 31).

93      Il-fatt li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, wara r-riforma statutorja tal-2004, li l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali għandhom jaġġornaw, sad-data tat-trasferiment effettiv, il-kapital li jikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa mill-uffiċjal jew membru tal-persunal li jkun għadu kif daħal jaħdem mal-Unjoni ċertament joħloq obbligu għall-imsemmija awtoritajiet, iżda ma jimplikax li fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, li dan l-aġġornament għandu jsir skont il-metodu ffissat għat-trasferimenti “out”. Min-naħa l-oħra, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Časta, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 26, l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw jew l-hekk imsejjaħ metodu “tal-ekwivalenza attwarjali”, jew inkella l-hekk imsejjaħ metodu ta’ “tal-valur tar-rimbors”, jew inkella metodi oħrajn.

94      Għaldaqstant, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kalkolu mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti, fid-dawl tat-trasferiment “in”, tal-kapital aġġornat, dan il-kapital huwa ddeterminat fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali applikabbli u skont il-metodi ddefiniti minn dan id-dritt jew, fir-rigward ta’ organizzazzjoni internazzjonali, permezz tar-regoli tagħha stess, u mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u skont ir-rata tal-interessi ffissata f’dik id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, dan huwa dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, meta hija ppreċiżat li f’każ ta’ trasferiment “in”, id-deċiżjoni dwar il-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet tal-pensjoni li għandu jiġi ttrasferit jinsab fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kompetenti u jaqa’ taħt il-kontroll esklużiv tal-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Časta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

95      Minn dan isegwi li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss bħala element tal-metodu ta’ kalkolu tal-kapital korrispondenti għad-drittijiet tal-pensjoni miksuba mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal qabel ma beda jaħdem mal-Unjoni u li mhux bilfors għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati meta jipproċedu għall-aġġornament tal-imsemmi kapital li huma obbligati jittrasferixxu.

96      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kalkolu mis-servizzi tal-istituzzjoni kkonċernata tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni, li huwa kalkolu distint minn dak tal-kapital aġġornat, kif jirriżulta mill-punti 91 sa 93 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar it-trasferimenti “in” u lanqas xi dispożizzjoni statutorja oħra ma jipprovdu espressament għall-obbligu li tiġi applikata għall-kalkolu tan-numru ta’ snin akkumulati fir-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni r-rata tal-interessi msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan l-istess anness. Minn dan isegwi li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni, f’każ ta’ trasferiment “in”, “tiddependi direttament” fuq ir-rata tal-interessi li tinsab fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma hija bbażata fuq ebda dispożizzjoni statutorja.

97      Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax, permezz ta’ Regolament implimentattiv adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 83a tar-Regolamenti tal-Persunal, inaqqas il-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal billi jpoġġi f’dubju l-awtonomija li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa, f’din id-dispożizzjoni, lill-istituzzjonijiet billi għaddielhom is-setgħa li jiddeterminaw, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi, in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati, f’każ ta’ trasferiment “in”. 

98      Ċertament, l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 2004 jirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fuq il-bażi tal-kapital li ġie effettivament ittrasferit għar-reġim tal-pensjoni tal-Unjoni, għall-valuri attwarjali V2 previsti fit-tabella tal-Anness 2 tad-DĠI 2004, li min-naħa tagħhom, skont l-imsemmi Anness 2, huma “kkalkolati fuq il-bażi tal-parametri previsti fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal”. Fost dawn il-parametri, insibu r-rata ffissata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

99      Madankollu, l-Anness 2 tad-DĠI 2004 jiddikjara l-valuri attwarjali kif huma kkalkolati fuq il-bażi, b’mod partikolari, tar-rata ta’ 3.5 % prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma ġie emendat permezz tar-Regolament Nru 1324/2008. Huma preċiżament dawn il-valuri li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta hija għamlet l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, waqt li l-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien ġie emendat fil-frattemp permezz tar-Regolament Nru 1324/2008.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-aġġornament tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni f’każ ta’ trasferiment “in”, fir-rigward tar-rata l-ġdida ta’ 3.1 % prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, kien il-kompitu tal-Kummissjoni, b’mod konformi mal-imsemmi Artikolu 11(2) li jirreferi għal dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi għall-implementazzjoni tiegħu, kif ukoll b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, biex temenda d-DĠI 2004 u tistabbilixxi tabella ġdida tal-valuri attwarjali. Dan kien preċiżament dak li għamlet il-Kummissjoni meta adottat id-DĠI 2011 li kienu jinkludu fl-anness tagħhom valuri attwarjali ġodda, imsejħa f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi “koeffiċjenti ta’ konverżjoni” għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati.

101    Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, jista’ jsir applikabbli għat-trasferimenti “in” biss permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali implimentattivi li għandhom jiġu adottati mill-istituzzjonijiet b’mod konformi mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 8, f’dan il-każ, tirriżulta mir-riferiment għall-“parametri previsti fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal”, li jinsabu fit-titolu tal-Anness 2 tad-DĠI 2004, u dan inkwantu l-imsemmi Anness XII stess jirreferi, fl-Artikoli 1(2), 10(2) u 12 tiegħu għar-rata indikata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. It-titolu tal-Anness 2 tad-DĠI 2004 għandu valur spjegattiv tal-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni abbażi tal-kompetenzi implimentattivi tagħha, mogħtija mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistgħu jservu biss għall-interpretazzjoni tad-dispożittiv regolatorju li jinsab fit-tabella tal-valuri attwarjali (ara, fir-rigward tal-valur regolatorju ta’ titolu ta’ artikolu ta’ direttiva, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2003, Hoffmann, C‑144/00, punti 37 sa 40). Barra minn hekk, tali riferimenti b’effett kaskata, li barra minn hekk huma sostanzjalment ermetiċi, ma jistgħux jipprevalu fuq informazzjoni espliċita li tinsab fit-tabella tal-valuri attwarjali inkwistjoni mingħajr ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

102    Bħala konklużjoni, l-argument tal-Kummissjoni li l-metodu ta’ kalkolu tal-ekwivalenza attwarjali, previst fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu neċessarjament jintuża wkoll meta jiġi ddeterminat il-kapital aġġornat, jew in-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati, kif previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, imur kontra d-diċitura ta’ din l-aħħar dispożizzjoni kif ukoll kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li effettivament ried iżomm, fir-Regolamenti tal-Persunal, distinzjoni netta bejn iż-żewġ każijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni “in” u “out”, u b’hekk ukoll bejn il-kunċetti ta’ kapital aġġornat u ta’ ekwivalenza attwarjali.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tal-Kummissjoni li r-Regolament Nru 1324/2008 rrenda d-DĠI 2004 skaduti u awtomatikament nieqsa minn bażi legali fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli li għandhom jiġu akkreditati huwa żbaljat legalment, peress li l-ġustifikazzjoni ta’ dan l-argument tmur kontra kemm il-portata tal-imsemmi regolament kif ukoll l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

104    Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt li tapplika l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ġodda li jinsabu fl-Anness 1 tad-DĠI 2011 għat-talbiet għal trasferiment ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011 fl-1 ta’ April 2011.

–       Fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni li jinsabu fl-Anness 1 tad-DĠI 2011

105    Għandu jitfakkar, fuq bażi preliminari, li skont prinċipju rrikonoxxut b’mod ġenerali, u mingħajr deroga, regola ġdida tapplika immedjatament għas-sitwazzjonijiet li għad iridu jitwieldu, kif ukoll għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li twieldu, mingħajr ma huma kkostitwiti għal kollox, taħt ir-regola l-qadima (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Ġunju 2012, Guittet vs Il-Kummissjoni, F‑31/10, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk, fil-mument meta saru applikabbli l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ġodda previsti fid-DĠI 2011, jew l-1 ta’ April 2011, ir-rikorrenti kinitx tinsab f’sitwazzjoni li twieldet u kienet ikkostitwita għalkollox taħt id-DĠI 2004. Huwa biss f’dan il-każ li jista’ jiġi rrikonoxxut b’mod effettiv li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni previsti fid-DĠI 2011 kienu applikati b’mod retroattiv għar-rikorrenti. F’dan il-każ, hemm lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità ssollevata mir-rikorrenti u, b’mod iktar partikolari, il-legalità tal-applikazzjoni retroattiva tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni previsti fid-DĠI 2011 fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ rispett tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Guittet vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

107    F’dan il-każ, sabiex is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jkun għamel talba għal trasferiment “in” tkun ikkostitwita għal kollox taħt il-valuri attwarjali V2 annessi mad-DĠI 2004, irid jiġi stabbilit li, sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-jum ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ġodda previsti mid-DĠI 2011, jew il-31 ta’ Marzu 2011, il-parti kkonċernata kienet aċċettat il-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli li kienet saritilha skont id-DĠI 2004.

108    F’dan il-każ, kif huwa mfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti la aċċettat u lanqas irrifjutat formalment l-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli. Is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tad-dritt ta’ trasferiment “in”, għalkemm twieldet taħt id-DĠI 2004, ma kinitx għalhekk ikkostitwita għal kollox taħt id-DĠI 2004 fil-mument meta daħlu fis-seħħ id-DĠI 2011, li ma kinux applikati b’mod retroattiv f’dan il-każ.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka dritt miksub jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tal-irtirar ta’ atti amministrattivi (ara s-sentenza Cocchi u Falcione, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

110    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li għandhom jiġu miċħuda bħala infondati t-talbiet għall-annullament tat-tieni proposta ta’ akkreditazzjoni.

111    Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 88(2) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata tbati parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

113    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tilfet il-kawża tagħha. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-attitudni tal-Kummissjoni setgħet toħloq għar-rikorrenti mistoqsijiet u eżitazzjonijiet leġittimi. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, il-Kummissjoni ammettiet, min-naħa tagħha stess, li t-tieni proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli kienet analizzata bħala att li jikkawża preġudizzju. Għalkemm fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni kellha dritt li tissolleva eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tistieden lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex ma jibdiex id-dibattitu fil-mertu, xorta jibqa’ l-fatt li hija sostniet, min-naħa l-oħra, li l-proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli ma kinitx “manifestament” att li jikkawża preġudizzju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat fi tliet okkażjonijiet, jiġifieri fl-ewwel proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli kif ukoll fil-Komunikazzjonijiet tal-5 ta’ Mejju u tat-30 ta’ Lulju 2010, li d-DĠI 2004 kienu applikabbli għat-talbiet għal trasferiment irreġistrati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011. Barra minn hekk, f’dawn il-komunikazzjonijiet ma jsir ebda riferiment għall-importanza li jista’ jkollha, f’dan il-kuntest, l-aċċettazzjoni tal-proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz pensjonabbli mill-uffiċjali u l-membri tal-persunal kkonċernati. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm għaldaqstant lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn C. Teughels.

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Perillo

Barents

 

       Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2013.

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.