Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 mill-Association européenne du charbon et du lignite (Euracoal) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-739/17, Association européenne du charbon et du lignite (Euracoal) et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-172/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Association européenne du charbon et du lignite (Euracoal) (rappreżentanti: W. Spieth u N. Hellermann, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Deutscher Braunkohlen-Industrie-Verein e.V., Lausitz Energie Kraftwerke AG, Mitteldeutsche Braunkohlengesellschaft mbH, eins energie in sachsen GmbH & Co. KG

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

a) tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-739/17;

b) tiddikjara l-appell inammissibbli; u

fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-kawża tinsab fi stat li tiġi deċiża, konformement mat-talbiet inklużi fir-rikors tas-7 ta’ Novembru 2017,

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal-31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni 1 , sa fejn permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-emissjonijiet assoċjati BAT (BAT-AEL) ġew aċċettati u stabbiliti għall-emissjonijiet Nox (Artikolu 1, Sezzjoni 2.1.3 tal-Anness, Tabella 3) u għall-emissjonijiet tal-merkurju (Artikolu 1, Sezzjoni 2.1.6 tal-Anness, Tabella 3) li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ faħam u/jew ta’ linjite;

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2017/1442 fl-intier tagħha; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura.

c) jekk u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-kawża ma tinsabx fi stat li tiġi deċiża skont it-talbiet inklużi fil-punt 1(b) iktar ’il fuq, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka s-segwenti żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel nett, id-digriet tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq żball proċedurali, li jippreġudika l-interessi tal-appellanti (it-tieni sitwazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja), kif ukoll jikser ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fid-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argument tal-appellanti, li kien rilevanti għad-deċiżjoni, li permezz tiegħu hija sostniet li l-interess ġuridiku tagħha huwa bbażat fuq ksur tal-pożizzjoni proċedurali tagħha fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar l-iżvilupp tal-konklużjonijiet tal-BAT, li ġew ikkontestati fir-rikors. L-appellanti ma kinitx sempliċi parti fil-proċedura, iżda kellha pożizzjoni legali speċifika u ġustifikabbli, u din kienet tiggarantilha pożizzjoni proċedurali partikolari. Dawn il-motivi huma suffiċjenti sabiex jimmotivaw l-interess ġuridiku tagħha. Id-digriet tal-Qorti Ġenerali ma jinkludi ebda eżami, analiżi jew raġunament simili dwar l-argument tal-appellanti f’dan ir-rigward. Dan jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 flimkien mal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dan jikkorrobora l-eżistenza ta’ żball proċedurali u, fl-istess waqt, ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva u tad-dritt għal smigħ xieraq.

It-tieni nett, id-digriet tal-Qorti Ġenerali jikser ukoll id-dritt tal-Unjoni fis-sens tat-tielet sitwazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bid-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellanti, bħala persuna li kellha interess ikkwalifikat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors. L-interess ikkwalifikat tagħha u konsegwentement l-interess ġuridiku tagħha jirriżultaw min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni proċedurali tagħha, li hija kellha fil-kuntest tal-proċedura għall-iżvilupp tal-konklużjonijiet dwar il-BAT, li kienu s-suġġett tar-rikors. L-appellanti ma kinitx sempliċi parti fil-proċedura ta’ żvilupp tal-BAT, iżda kellha pożizzjoni legali speċifika u ġustifikabbli, u din kienet tiggarantila pożizzjoni proċedurali partikolari. Għaldaqstant, dan kien jintitolaha għal dritt għal azzjoni, fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet proċedurali tagħha. Dawn il-garanziji proċedurali li jipproteġu lill-appellanti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta żviluppat il-konklużjonijiet dwar il-BAT, b’mod partikolari sa fejn illimitat id-dritt għal smigħ tal-appellanti u d-dritt li tkun parti f’kawża u sa fejn naqset milli tosserva l-obbligu tagħha ta’ verifika. Konsegwentement, l-inammissibbiltà tar-rikors hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni.

____________

1 ĠU 2017 L 212, p. 1