Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Justice de paix du troisième canton de Charleroi (il-Belġju) fis-26 ta’ Novembru 2018 – IZ vs Ryanair DAC

(Kawża C-735/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Justice de paix du troisième canton de Charleroi

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IZ

Konvenuta: Ryanair DAC

Domandi preliminari

[It-]talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 [hija] fformulata kif ġej:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima attwali, jiġifieri l-istrajk tal-kontrolluri tal-ajru fit-territorju li minn fuqu għandu jtir ajruplan li jitlaq minn ajruport stabbilit barra mit-territorju affettwat mill-istrajk sabiex jasal f’ajruport li jinsab barra mit-territorju affettwat mill-istrajk, għandu jitqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li teżenta lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira operata mill-ajruplan ikkonċernat?

Jekk l-avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima attwali, jiġifieri l-istrajk tal-kontrolluri tal-ajru fit-territorju li minn fuqu għandu jtir ajruplan li jitlaq minn ajruport stabbilit barra mit-territorju affettwat mill-istrajk sabiex jasal f’ajruport li jinsab barra mit-territorju affettwat mill-istrajk, għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, minn dan għandu jiġi dedott li għat-trasportatur tal-ajru din hija “ċirkustanza straordinarja” li ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku l-miżuri raġonevoli kollha ġew meħuda?

Il-fatt li l-istrajk kien tħabbar għandu jitqies bħala li għandu bħala konsegwenza li l-avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima attwali, jiġifieri l-istrajk tal-kontrolluri tal-ajru fit-territorju li minn fuqu għandu jtir ajruplan li jitlaq minn ajruport stabbilit barra mit-territorju affettwat mill-istrajk sabiex jasal f’ajruport li jinsab barra mit-territorju affettwat mill-istrajk, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91?

Fid-dawl tal-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, għandu jitqies li l-avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima attwali, jiġifieri l-istrajk tal-kontrolluri tal-ajru fit-territorju li minn fuqu għandu jtir ajruplan li jitlaq minn ajruport stabbilit barra mit-territorju affettwat mill-istrajk sabiex jasal f’ajruport li jinsab barra mit-territorju affettwat mill-istrajk, kien jikkostitwixxi għat-trasportatur tal-ajru ċirkustanza straordinarja li ma setgħetx tiġi evitata u kien jawtorizzah, bħala miżura raġonevoli li tippermetti li jiġu evitati kanċellazzjonijiet oħra, jieħu d-deċiżjoni li jikkanċella t-titjira inkwistjoni sabiex jevita sitwazzjoni fejn l-ekwipaġġi tiegħu ma jibqgħux ikunu jistgħu jwettqu titjiriet oħra fil-ġurnata tal-istrajk, u b’hekk jimminimizza, globalment, il-perturbazzjonijiet u l-inkonvenjenzi kkawżati mill-istrajk lill-passiġġieri tiegħu kollha?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.