Language of document : ECLI:EU:F:2011:4

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

20 ta’ Jannar 2011

Kawża F-132/07

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Artikoli 17, 17a u 19 tar-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal awtorizzazzjoni sabiex jiġu żvelati dokumenti — Talba għal awtorizzazzjoni sabiex jiġi ppubblikat test — Talba għal awtorizzazzjoni sabiex jintużaw konstatazzjonijiet quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali — Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu G. Strack jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju, tad-9 ta’ Awwissu, tal-11 ta’ Settembru u tad-9 ta’ Novembru 2007, li jiċħdu talbiet intiżi sabiex huwa jiġi awtorizzat jippubblika u juża għal skopijiet ta’ natura kriminali diversi dokumenti fil-konfront ta’ xi membri u uffiċjali tal-Kummissjoni u l-kundanna tal-Kummissjoni tħallaslu mill-inqas EUR 10 000 bħala danni għad-dannu subit b’riżultat ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura — Preżentata tar-risposta — Terminu — Proroga

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 39(2))

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Proċedura — Limiti

(Artikolu 6(3) TUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 17a)

3.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Pubblikazzjoni ta’ testi marbuta mal-attivitajiet tal-Unjoni — Assenza ta’ obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ex uffiċjali — Żvelar ta’ informazzjoni marbuta mas-servizz — Obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-ex uffiċjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 17 u 17a)

4.      Uffiċjali — Rikorsi — Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

5.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Żvelar ta’ informazzjoni marbuta mas-servizz — Obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel — Raġuni

(Artikolu 339 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 17)

6.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Żvelar ta’ informazzjoni marbuta mas-servizz — Obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel — Neċessità li titressaq lill-amministrazzjoni talba li tkun suffiċjentement preċiża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 17)

7.      Uffiċjali — Prinċipji — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata

8.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Żvelar ta’ informazzjoni marbuta mas-servizz — Xhieda quddiem qorti nazzjonali — Obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11, Artikoli 17 u 19)

1.      L-Artikolu 39(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippermetti lill-President jagħti proroga tat-terminu mogħti lill-konvenut għall-preżentata tar-risposta. F’dan ir-rigward, il-fatt li diversi prorogi ngħataw fl-assenza ta’ dibattitu kontradittorju ma jiksirx id-dritt tar-rikorrent għal smigħ xieraq, jekk is-sitwazzjoni tal-partijiet ma tkunx ġiet sostanzjalment mibdula. Issa, l-ekwità ta’ proċeduri għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din kollha.

(ara l-punt 31)

2.      L-obbligu li l-Awtorità tal-Ħatra tiġi informata bl-intenzjoni li jiġi ppubblikat kull test b’suġġett marbut mal-attivitajiet tal-Unjoni jikkostitwixxi interferenza fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni tal-uffiċjal. Għaldaqstant, din l-interferenza għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tiggarantixxi drittijiet fundamentali li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, skont l-Artikolu 6(3) TUE. Madankollu, skont l-Artikolu 10(2) ta’ din il-konvenzjoni, l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni “billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali”, sakemm dawn ikunu previsti mill-liġi. Barra minn hekk, regola ma tistax validament timponi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni jekk din ma tkunx ifformulata bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti liċ-ċittadin jirregola l-kondotta tiegħu, fatt li huwa wkoll barra minn hekk impost mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

(ara l-punt 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, punti 40 sa 42; 3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, punt 69

3.      Billi l-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex applikabbli għall-ex uffiċjali, dawn jistgħu jippubblikaw testi marbuta mal-attivitajiet tal-Unjoni mingħajr ma javżaw minn qabel lill-Awtorità tal-Ħatra, iżda minflok huma meħtieġa li jfittxu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal mhux biss qabel ma jiżvelaw informazzjoni li huma kisbu fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, iżda wkoll qabel ma jippubblikaw tali testi, redatti minnhom jew li huma kkollaboraw fihom, li jkun fihom tali informazzjoni, sakemm dawn ma jkunux diġà saru aċċessibbli għall-pubbliku.

(ara l-punti 62 sa 64)

4.      Talba bbażata fuq l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha tippreċiża s-suġġett tagħha b’mod ċar biżżejjed sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti u, fin-nuqqas ta’ stedina preċiża sabiex tiddeċiedi, ma jista’ jkun hemm ebda talba fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, talba ma tistax tilħaq l-għan tagħha jekk l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx tista’ tifhem biżżejjed l-għan tagħha.

(ara l-punt 69)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Marzu 1975, Küster vs Il‑Parlament, 23/74, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Ġunju 1996, Sánchez Mateo vs Il‑Kummissjoni, T‑110/94, punt 26; 11 ta’ Ġunju 1996, Ouzounoff Popoff vs Il‑Kummissjoni, T‑111/94, punt 28

5.      L-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi, bħala prinċipju, lill-uffiċjali jiżvelaw informazzjoni li jirċevu fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom u jissuġġetta tali żvelar għal awtorizzazzjoni minn qabel. Din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tiżgura li dan l-iżvelar ma jippreġudikax l-interessi tal-Unjoni, billi jaffettwa b’mod partikolari l-funzjonament u r-reputazzjoni tagħha. Din għandha wkoll l-għan li tqiegħdha f’pożizzjoni li tiżgura, fil-ħin, li l-uffiċjali jirregolaw l-aġir tagħhom mal-interessi tal-istituzzjonijiet u mal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 339 TFUE. Is-sistema stabbilita mill-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal hija għalhekk b’mod partikolari intiża sabiex tiġi ppreservata r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-membri tal-persunal tagħhom.

(ara l-punt 71)

6.      Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita mill-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi li l-uffiċjal, li jixtieq jiżvela informazzjoni li huwa kiseb fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu jew juża quddiem qrati nazzjonali konstatazzjonijiet magħmula f’dan il-kuntest, huwa meħtieġa li jressaq talba li tkun preċiża biżżejjed lill-Awtorità tal-Ħatra.

L-implementazzjoni ta’ din is-sistema tassumi li l-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi awtorizzat l-iżvelar ta’ informazzjoni hija evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha fattwali tal-każ u tal-implikazzjonijiet tagħhom fuq l-istituzzjoni u fuq l-eżerċizzju tas-servizz pubbliku. Din l-implementazzjoni teħtieġ ukoll ibbilanċjar tal-interessi differenti sabiex jiġi stabbilit liema minn fost l-interessi tal-Unjoni jew l-interess tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni għandu jipprevali. Barra minn hekk, ma jistax ikun mod ieħor minħabba li l-libertà ta’ espressjoni tinkludi dik tat-tixrid tal-informazzjoni u r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ tali tixrid fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali u astratta ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet li fihom interferenza f’din il-libertà hija ammissibbli.

Barra minn hekk, id-dritt ta’ kull individwu li jkollu aċċess għal qorti, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, jista’ jiġi essenzjalment affettwat anki jekk l-Awtorità tal-Ħatra kellha tiddeċiedi b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma tkun wettqet minn qabel eżami komplet u ddettaljat.

(ara l-punti 72 sa 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Frar 1992, Weddel vs Il‑Kummissjoni, C‑54/90, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Ġunju 2002, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑74/01, punt 58

7.      Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma jeħlisx lill-uffiċjal pubbliku mill-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ lealtà lejn l-istituzzjonijiet impost fuqu meta jressaq talba q uddiemhom.

(ara l-punt 79)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il‑Parlament, T‑386/00, punt 74; 17 ta’ Ottubru 2002, Astipesca vs Il‑Kummissjoni, T‑180/00, punt 93; 11 ta’ Marzu 2003, Conserve Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑186/00, punt 50

8.      L-Artikoli 17 u 19 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jobbligawx, naturalment, lill-uffiċjal jillimita n-numru u l-volum tad-dokumenti li qed jitlob l-awtorizzazzjoni għall-iżvelar tagħhom jew għall-produzzjoni tagħhom fil-qorti meta jikkunsidra li l-iżvelar u l-produzzjoni fil-qorti ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti hija ġġustifikata. Madankollu, b’mod konformi mad-dmir ta’ dan l-uffiċjal ta’ kooperazzjoni leali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa għandu jiffaċilita l-kompitu tal-amministrazzjoni. F’din il-perspettiva, l-obbligu tiegħu li jipprovdi informazzjoni preċiża biżżejjed, speċjalment dwar is-suġġett tad-dokumenti inkwistjoni u dwar l-interess rispettiv tagħhom fir-rigward tal-għan ġenerali tiegħu, huwa iktar importanti. L-uffiċjal jista’ għalhekk ikollu jikklassifika d-dokumenti skont kriterji xierqa u konsistenti sabiex jiffaċilità l-eżami u jipprovdi, fejn xieraq, sommarju tagħhom.

(ara l-punti 78 u 81)