Language of document : ECLI:EU:F:2010:165

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-80/09

Erika Lenz

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż marbuta ma’ kura mogħtija minn ‘Heilpraktiker’ — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. Lenz titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li tirrifjuta li tirrimborsaha l-ispejjeż marbuta ma’ kura mogħtija minn Heilpraktiker (min ifejjaq jew professjonista li ma huwiex tabib) stabbilit fil-Ġermanja u li ma għandux diploma fil-mediċina.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Spejjeż mediċi — Rimbors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1))

3.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Limiti — Vantaġġ mogħti illegalment

1.      L-amministrazzjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rimbors ta’ spejjeż mediċi meta timmotiva d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li l-motivazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni hija kkunsidrata li hija l-istess bħall-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment.

(ara l-punt 29)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑133 u II‑B‑1‑807, punti 55 u 56

2.      Id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Il-fatt li l-uffiċjali u l-ex uffiċjali ta’ Stat Membru jgawdu, min-naħa tal-iskema tas-sigurtà soċjali tagħhom u tal-fondi ta’ assigurazzjoni privata għall-mard, minn possibbiltà ta’ rimbors għal spejjeż ta’ kura mogħtija minn “Heilpraktiker” (min ifejjaq jew professjonista li ma huwiex tabib) b’ebda mod ma jista, minnu nnifisu, jimplika li l-uffiċjali u l-ex uffiċjali Ewropej għandhom jingħataw l-istess possibbiltà, speċjalment meta l-esklużjoni tar-rimbors tal-ispejjeż marbuta ma’ kura mogħtija minn “Heilpraktiker” li ma għandux diploma fil-mediċina ma tidhirx manifestament inadegwata, fil-prinċipju jew fl-applikazzjoni tagħha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kopertura ta’ sigurtà soċjali li fuqu huwa bbażat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-uffiċjali u l-ex uffiċjali Ewropej stabbiliti f’dan l-Istat Membru u l-uffiċjali u l-ex uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat jaqgħu taħt skemi ta’ sigurtà soċjali differenti u, għaldaqstant, ma humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli.

(ara l-punt 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ April 1997, Kuchlenz‑Winter vs Il‑Kummissjoni, T‑66/95, Ġabra p. II‑637, punt 64

3.      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor, peress li tali approċċ ifissser li jkun stabbilit il-prinċipju ta’ “ugwaljanza fit-trattament fl-illegalità”. Fil-fatt, kwalunkwe illegalità mwettqa għall-benefiċċju ta’ persuna oħra rreġistrata mal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma tistax twassal lill-qorti tal-Unjoni sabiex tikkonstata diskriminazzjoni u, għaldaqstant, illegalità fir-rigward ta’ uffiċjal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li persuna tkun gawdiet, minkejja r-regoli stabbiliti mid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, minn rimbors mill-imsemmija skema ta’ assigurazzjoni għall-mard, tal-ispejjeż ta’ kura mogħtija minn “Heilpraktiker” (min ifejjaq jew professjonista li ma huwiex tabib) ma jistax jagħti l-istess dritt lill-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 45)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il‑Kummissjoni, F‑4/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑47 u II‑A‑1‑229, punt 81