Language of document : ECLI:EU:F:2011:11

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

15 ta’ Frar 2011

Kawża F-68/09

Florence Barbin

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura ta’ promozzjoni 2006 — Eżekuzzjoni ta’ sentenza tat-Tribunal — Eżami komparattiv tal-merti — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Leave parentali għal nofs il-ħin”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Barbin titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li ma tiġix promossa għall-grad AD 12 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2006.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Obbligu li tiġi motivata kull deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni ta’ uffiċjali li laħqu l-livell ta’ referenza — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu u ffissar ta’ livell ta’ referenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Kunċett — Limiti

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Deċiżjoni ta’ promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

6.      Uffiċjali — Rikors — Motivi — Motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali rilevanti kollu

1.      Skont il-punt I.3.4 tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2006, dwar il-politika ta’ promozzjoni u ta’ ppjanar tal-karrieri, riprodotta, essenzjalment, fit-tieni subparagrafu tal-punt 11.2(b) tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-10 ta’ Mejju 2006 li tadotta miżuri ta’ applikazzjoni li jirrigwardaw l-għoti ta’ punti ta’ mertu u l-promozzjoni, l-amministrazzjoni għandha tiġġustifika kull deċiżjoni ta’ promozzjoni ta’ uffiċjali li ma laħqux il-livell ta’ referenza. Għalkemm l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx fir-rigward ta’ min l-Awtorità tal-Ħatra għandha tiġġustifika d-deċiżjonijiet tagħha, li jiġi aċċettat li kull uffiċjal mhux promoss li laħaq il-livell ta’ referenza jibbenefika minn dan l-obbligu ta’ motivazzjoni mhux biss jimponi ħafna xogħol inutli fuq l-amministrazzjoni, iżda jkun ukoll kuntrarju għall-ġurisprudenza li tipprovdi li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni għandha tirrigwarda s-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal mhux promoss. Għaldaqstant, dan l-uffiċjal jiżbalja meta jsostni li huwa d-destinatarju ta’ obbligu min-naħa tal-amministrazzjoni li tiġġustifika l-promozzjoni ta’ dawk mill-kollegi tiegħu li ma kinux laħqu l-livell ta’ referenza.

L-obbligu, li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jitqies bħala sodisfatt peress li l-amministrazzjoni indirizzat lill-Kumitat tal-promozzjoni, korp konġunt li fi ħdanu l-uffiċjali huma rrappreżentati, ġustifikazzjoni rigward il-promozzjoni tal-uffiċjali li ma laħqux il-livell ta’ referenza.

(ara l-punti 59 u 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 4 ta’ Lulju 2007, Lopparelli vs Il‑Kummissjoni, T‑502/04, punt 75

2.      Taħt id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Frar 2006, dwar il-politika ta’ promozzjoni u ta’ ppjanar tal-karrieri, il-punti ta’ mertu ma jingħatawx wara eżami komparattiv bejn l-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, kull uffiċjal ta’ direttorat jew ta’ dipartiment li huwa eliġibbli għall-promozzjoni jikkompeti biss mal-uffiċjali l-oħrajn tad-direttorat tiegħu jew tad-dipartiment tiegħu għal numru limitat ta’ punti ta’ mertu. Peress li l-livell ta’ referenza ma huwiex iffissat bħala valur relattiv, jiġifieri fuq il-bażi tal-medja tal-punti ta’ mertu tal-uffiċjali kkonċernati, iżda fuq il-bażi tal-valur assolut li jikkorrispondi għal darbtejn it-tul medju fil-grad, li huwa, għall-grad AD 11, erba’ snin, il-fatt li jintlaħaq dan il-livell ma jistax jitqabbel ma’ paragun dirett jew indirett tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni ma tistax tippromwovi uffiċjal biss minħabba l-fatt li huwa laħaq il-livell ta referenza, peress li, b’dan il-mod, fl-ebda stadju tal-proċedura ta’ promozzjoni, il-merti ta’ dan tal-aħħar ma jitqabblu ma’ dawk ta’ kull uffiċjal li jista’ jiġi promoss.

(ara l-punt 83)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il‑Parlament, F‑44/07, punt 44

3.      Skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tillimita ruħha li teżamina s-sitwazzjoni individwali ta’ kull uffiċjal, iżda għandha tqabbel il-merti ta’ dawn tal-aħħar kollha sabiex tiddeċiedi fuq il-promozzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-anzjanità tista’ titqies bħala kriterju ta’ promozzjoni biss b’mod sussidjarju. Għaldaqstant, deċiżjoni li tagħti promozzjoni lil uffiċjal minħabba l-fatt biss li dan tal-aħħar ma tilifx mertu jew li huwa għandu ċerta anzjanità fil-grad, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-uffiċjali l-oħrajn, tikser il-prinċipju ta’ eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi pprovdut mill-imsemmi artikolu. Konsegwentement, anki jekk id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2006, dwar il-politika ta’ promozzjoni u ta’ ppjanar tal-karrieri, tipprovdi livell ta’ referenza li jiddependi fuq tul medju, espress fi snin, fil-grad, minn dan ma jistax jiġi dedott prinċipju li jipprovdi li uffiċjal għandu jiġi promoss peress li huwa ma tilifx mertu jew prinċipju ta’ avvanzar ta’ karriera regolari li jobbliga lill-amministrazzjoni sabiex tippromwovi awtomatikament uffiċjal minħabba l-fatt biss li huwa laħaq ċerta anzjanità fil-grad.

(ara l-punti 90 u 91)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Lopparelli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il‑Parlament, F‑124/07, punt 106

4.      Sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-amministrazzjoni għandha tiżgura li ma tittrattax b’mod differenti sitwazzjonijiet identiċi u li ma tapplikax trattament identiku għal sitwazzjonijiet differenti, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Konsegwentement, meta uffiċjal jeżerċita dritt li ġie rrikonoxxut lilu mir-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni ma tistax, mingħajr ma tqiegħed inkwistjoni l-effettività ta’ dan id-dritt, tqis li s-sitwazzjoni tiegħu hija differenti minn dik ta’ uffiċjal li ma eżerċitax dan id-dritt, u, minħabba dan il-fatt, tapplikalu trattament differenti, sakemm din id-differenza fit-trattament ma tkunx, minn naħa, oġġettivament iġġustifikata, b’mod partikolari sa fejn hija tillimita ruħha li tislet il-konsegwenzi, matul il-perijodu kkunsidrat, min-nuqqas ta’ twettiq ta’ xogħol tal-membru tal-persunal ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, strettament proporzjonata għall-ġustifikazzjoni mogħtija.

(ara l-punt 100)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, punt 7; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il‑Kunsill, T‑368/03, punt 69

5.      Għalkemm deċiżjoni li tirrigwarda promozzjonijiet kienet ġiet formalment adottata fuq il-bażi ta’ numru ta’ punti ta’ merti mogħtija lill-uffiċjal ikkonċernat, dan il-fatt ma jippermettix li tiġi eskluża l-ipoteżi li d-deċiżjoni kienet adottata għal motivi inqas aċċettabbli, bħat-teħid inkunsiderazzjoni tal-leave parentali tal-imsemmi uffiċjal, bil-kundizzjoni, madankollu, li jeżistu indizji li jippermettu li tiġi ddubitata l-veraċità tal-motiv iċċitat iktar ’il fuq.

(ara l-punti 102 u 103)

6.      Sabiex jiġi evalwat motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali rilevanti kollu, li jinkludi l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjonijiet preċedenti li saru definittivi. Minn dan isegwi, mingħajr ma jsir eżami mill-ġdid tal-legalità tagħha, li deċiżjoni li saret definittiva tista’ tikkostitwixxi indizju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fost oħra sabiex jiġi stabbilit aġir, b’mod partikolari diskriminatorju, tal-amministrazzjoni. Dan huwa partikolarment minnu fejn huwa possibbli li diskriminazzjoni tiġi żvelata biss wara li jiskadu t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li tinkludi din id-diskriminazzjoni.

(ara l-punt 109)