Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Awwissu 2018 – IL et vs Land Nordrhein-Westfalen

(Kawża C-535/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: IL, JK, KJ, LI, NG, MH, OF, PE, werrieta konġunti ta’ QD (RC u SB), TA, UZ, VY, WX

Konvenut: Land Nordrhein-Westfalen

Domandi preliminari

L-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent 1 – iktar ’il quddiem id-Direttiva SEA – għandu jiġi interpretat fis-sens li hija kompatibbli ma’ dan l-artikolu dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha rikorrent li ma għandux l-istatus ta’ assoċjazzjoni ambjentali awtorizzata huwa biss intitolat jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba difett proċedurali meta l-imsemmi difett ikun ċaħħad lil dan l-istess rikorrent mid-dritt – previst mil-liġi – li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali?

a)    L-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li jistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma 2 , kif emendat l-aħħar permezz tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/101/UE tat-30 ta’ Ottubru 2014 3 – iktar ’il quddiem id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (DQI) – għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi mhux biss kriterji ta’ monitoraġġ skont id-dritt sostantiv iżda wkoll, barra minn hekk, rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva?

b)    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a):

Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA għandha dejjem tirrigwarda d-dokumenti relatati mal-monitoraġġ iċċitat iktar ’il fuq imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma jew huwa permess li ssir distinzjoni skont id-data tal-ħolqien tad-dokument u skont il-kumplessità tiegħu?

Il-kunċett ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma taħt l-art, imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-DQI, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm deterjorazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma taħt l-art meta jkun inqabeż minn tal-inqas standard ta’ kwalità ambjentali wieħed għal parametru wieħed minħabba l-proġett u – irrispettivament minn dan – ladarba l-valur tal-limitu stabbilit għal kontaminant ikun diġà inqabeż, kwalunkwe żieda ulterjuri (li tista’ titkejjel) tal-konċentrazzjoni tikkostitwixxi deterjorazzjoni?

a)    L-Artikolu 4 tad-DQI – fid-dawl tal-effett vinkolanti tiegħu (Artikolu 288 TFUE) u tal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 19 TUE) – għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri kollha tal-pubbliku kkonċernat minn proġett, li jsostnu li l-awtorizzazzjoni tal-proġett tikser id-drittijiet tagħhom, għandhom locus standi in judicio, inter alia, għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u tal-obbligu ta’ titjib imposti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?

b)    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (a):

L-Artikolu 4 tad-DQI – fid-dawl tal-għan tiegħu – għandu jiġi interpretat fis-sens li mill-inqas ir-rikorrenti, għall-finijiet tal-provvista individwali tagħhom ta’ ilma minn bjar domestiċi li jinsabu ħdejn ir-rotta proposta tat-triq, għandhom locus standi in judicio fir-rigward tal-ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni u tal-obbligu ta’ titjib imposti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?

____________

1     ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.

3     ĠU 2014, L 311, p. 32.