Language of document : ECLI:EU:C:2019:95

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil‑5 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C646/17

Proċeduri kriminali

kontra

Gianluca Moro

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Brindisi (il-Qorti Distrettwali ta’ Brindisi, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali — Modifika tal‑akkuża f’termini ta’ klassifikazzjoni tal-att — Ebda possibbiltà għal persuna biex titlob patteġġjament wara li tkun bdiet il-proċedura”






I.      Introduzzjoni

1.        G. Moro (iktar ’il quddiem il-“konvenut”) ġie akkużat bir-reat kriminali ta’ trattament ta’ rikavati mir-reati, jiġifieri ġojjellerija tad-deheb misruqa. Matul is-smigħ tal-kawża, il-konvenut ammetta li fil-fatt kien huwa li seraq din il-ġojjellerija. Wara din il-konfessjoni, huwa ġie informat li l-atti li bihom ġie akkużat setgħu jiġu kklassifikati mill-ġdid u l-akkuża setgħet tkun għalhekk immodifikata għar-reat kriminali ta’ serq.

2.        Sussegwentement il-konvenut talab patteġġjament (proċedura ta’ negozjar tal-piena), li fid-dritt Taljan hija magħrufa bħala “patteggiamento”. Din it-talba ġiet miċħuda minħabba li, skont il-Codice di procedura penale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), talba għall-applikazzjoni ta’ din il-proċedura għandha, fil-prinċipju, tiġi mressqa qabel ma tibda l-proċedura, għall-inqas f’każijiet fejn sempliċement isseħħ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-att, għall-kuntrarju ta’ bidla fil-fatti.

3.        It-Tribunale di Brindisi (il-Qorti Distrettwali ta’ Brindisi, l-Italja), għandha dubji dwar jekk tali dispożizzjonijiet nazzjonali jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tad-difiża tal-persuni akkużati, u b’mod partikolari ma’ numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2012/13”) (2). Apparti l-ħtieġa li tiġi vverifikata l-portata eżatta tal-obbligi speċifiċi li joħorġu mid-dritt li persuna tkun informata fil-pront bi kwalunkwe bidla fl-akkuża, kif stabbilit f’din id-direttiva, il-kwistjonijiet trażversali mqajma fil-kawża ineżami huma: x’inhu eżatt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha? Xi rwol għandha l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-interpretazzjoni ta’ tali drittijiet proċedurali?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi li “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”.

5.        Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2012/13, “[l]-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt safejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddipendi ħafna fuq numru ta’ parametri, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku”.

6.        Skont il-premessa 8, “[it]-tisħiħ ta’ fiduċja reċiproka jeħtieġ regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u garanziji proċedurali li joħorġu mill-Karta u mill-KEDB”.

7.        Skont il-premessa 10, “[r]egoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li bħala riżultat għandha twassal għal koperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka. Tali regoli minimi komuni għandhom jiġu stabbiliti fil-qasam tal-informazzjoni fi proċeduri kriminali”.

8.        Skont il-premessa 29, “[f]ejn, matul il-kors tal-proċeduri kriminali, id-dettalji tal-akkuża jinbidlu b’tali mod li l-pożizzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati tiġi sostanzjalment affettwata, dan għandu jiġi kkomunikat lilhom fejn ikun neċessarju sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u fi żmien xieraq sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża”.

9.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2012/13 “tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom”.

10.      Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2012/13 tapplika “minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”.

11.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13 huwa intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”. Dan jaqra kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

(a)      id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

(b)      kwalunkwe dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali parir;

(c)      id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

(d)      id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

(e)      id-dritt li persuna tibqa’ siekta.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli.”

12.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

B.      Id-dritt Taljan

13.      Skont l-Artikolu 444 tal-Codice di procedura penale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) (iktar ’il quddiem iċ-“CPP”), intitolat “Impożizzjoni ta’ piena li tirriżulta minn proċedura ta’ negozjar tal-piena” [imsejħa “patteggiamento”], l-akkużat u l-prosekutur pubbliku jistgħu jitolbu lill-qorti tapplika sanzjoni alternattiva (ta’ tip jew tul ta’ żmien li huma xierqa), piena finanzjarja, imnaqqsa sa massimu ta’ terz, jew sentenza ta’ ħabs li, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi u mnaqqsa sa massimu ta’ terz, ma taqbiżx ħames snin, inkluż jekk tiġi imposta piena finanzjarja flimkien ma’ din is-sentenza.

14.      L-Artikolu 552 taċ-CPP jipprovdi li t-taħrika għandu jkollha ċertu elementi sabiex din tkun valida. B’mod partikolari, għandu jkun hemm “dikjarazzjoni tar-reat, f’termini ċari u preċiżi, taċ-ċirkustanzi aggravanti u ta’ dawk li jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni, u li tiċċita d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi”. It-taħrika għandha tiġi nnotifikata lill-persuna akkużata, lill-avukat tagħha u lill-vittma mill-inqas 60 jum qabel is-smigħ fil-qorti.

15.      L-Artikolu 555 taċ-CPP, intitolat “Is-smigħ fil-qorti wara t-taħrika diretta”, jistabbilixxi li l-akkużat jew il-prosekutur pubbliku jista’ jressaq it-talba prevista mill-Artikolu 444 taċ-CPP qabel ma tibda l-proċedura.

16.      L-Artikolu 516 taċ-CPP (“Bidla fl-akkuża”) jipprovdi li “jekk matul il-proċedura l-atti jiġu pprovati li huma differenti minn kif ġew deskritti fit-taħrika, u ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ogħla, il-prosekutur pubbliku għandu jemenda l-akkuża u jkompli bil-prosekuzzjoni rilevanti […]”.

17.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) iddikjarat l-Artikolu 516 taċ-CPP bħala mhux kostituzzjonali, inkwantu l-akkużat ma kienx ikun intitolat li jitlob patteġġjament matul il-proċedura li kieku, essenzjalment, kien hemm bidliet fil-fatti tal-akkuża. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni magħmula mill-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) ma kinitx tikkonċerna s-sitwazzjoni fejn reat ġie legalment ikklassifikat mill-ġdid (3).

18.      Finalment, skont l-Artikolu 521 taċ-CPP, il-qorti tista’ tagħti lill-atti klassifikazzjoni ġuridika li ma hijiex dik fl-akkuża. Jekk, madankollu, l-atti jkunu differenti mid-deskrizzjoni mogħtija, jew jekk ikun hemm proċedura kriminali ġdida, il-qorti għandha tordna li d-dokumenti fil-kawża jintbagħtu lura lill-prosekutur pubbliku.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

19.      Permezz ta’ taħrika tal‑1 ta’ April 2016, inbdiet proċedura kriminali kontra l-konvenut. Huwa ġie akkużat bi trattament ta’ rikavati mir-reati. Ġie allegat li huwa rċieva ġojjellerija tad-deheb minn persuni mhux magħrufa. Din il-ġojjellerija ġiet misruqa mingħand is-Sur Legrottaglie (iktar ’il quddiem il-“parti ċivili fil-kawża prinċipali”). Il-konvenut, sabiex jagħmel profitt, ġie akkużat li għaddieha lil impriża li tixtri u tbigħ id-deheb.

20.      Fis-smigħ tal-kawża tat‑13 ta’ Ottubru 2017, il-konvenut ammetta li kien huwa stess li kkommetta s-serqa. B’riżultat ta’ dan, huwa ġie informat li l-atti li bihom ġie akkużat setgħu jiġu kklassifikati mill-ġdid minn “trattament ta’ rikavati mir-reati” għal “serq aggravat”, peress li ġie kkawżat telf ekonomiku maġġuri minħabba s-serqa.

21.      Fid-dawl ta’ din il-possibbiltà, l-akkużat talab li jiġi permess iressaq talba għal patteġġjament skont l-Artikolu 444 taċ-CPP, skont il-proċedura ta’ “patteggiamento”. Din il-proċedura tippermetti li jiġu nnegozjati ċerti benefiċċji għall-persuna akkużata, inkluż tnaqqis tas-sentenza sa massimu ta’ terz, eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż, u t-tħassir tar-reat jekk l-akkużat ma jikkommettix reat jew kontravenzjoni tal-istess natura f’ċertu terminu.

22.      It-talba għal patteġġjament għandha, fil-prinċipju, tiġi mressqa qabel ma tibda l-proċedura. Hija biss ammissibbli fi stadju iktar tard jekk l-akkuża tkun ġiet immodifikata, li tallega fatti ġodda jew differenti, kontra l-persuna akkużata. Għall-kuntrarju, din it-talba ma hijiex ammissibbli fl-istadju tal-proċedura meta l-istess atti jkunu qegħdin “sempliċement” jiġu legalment ikklassifikati mill-ġdid.

23.      Minħabba li l-bidla fl-akkuża mressqa kontra l-konvenut kienet ta’ natura ġuridika (u mhux fattwali) (4), il-qorti tar-rinviju tqis li t-talba tal-konvenut għal patteġġjament għandha tiġi miċħuda minħabba li tressqet barra l-perijodu applikabbli. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-prosekutur pubbliku ma kellux l-intenzjoni li jemenda l-akkuża b’mod formali f’konformità mal-Artikolu 516 taċ-CPP, u b’hekk ħalla f’idejn il-qorti biex tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Brindisi (il-Qorti Distrettwali ta’ Brindisi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1)(c) u l-Artikolu 6(1), (2) u (3) tad-Direttiva [2012/13], kif ukoll l-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet proċedurali kriminali ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom id-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-emenda tal-akkuża jiġu ggarantiti b’mod differenti fir-rigward tal-kwalità u tal-kwantità tagħhom, u dan skont jekk l-emenda tkunx tirrigwarda l-aspetti fattwali tal-akkuża jew il-klassifikazzjoni ġuridika tagħha, b’mod partikolari billi l-imputat ikun awtorizzat jitlob il-proċedura bbażata fuq sistema ta’ piena alternattiva u li tibbenefika lill-imputat, jiġifieri l-proċedura ta’ negozjar tal-piena (“patteggiamento”), fl-ewwel każ biss?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-parti ċivili fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan, Ungeriż, tal-Pajjiżi l-Baxxi, u Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta li nżammet fl‑14 ta’ Novembru 2018.

IV.    Evalwazzjoni

26.      Dawn il-konklużjonijiet jikkonsistu fi tliet partijiet. L-ewwel nett, ser nittratta l-kwisjtoni jekk id-Direttiva 2012/13 tapplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni minkejja n-nuqqas ta’ natura transkonfinali apparenti (A). Sussegwentement, ser indur għall-mertu tal-kawża. Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex twettaq l-analiżi tagħha fid-dawl tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 48 tal-Karta. Huwa dibattibbli jekk din il-qorti hijiex qiegħda tissuġġerixxi li l-analiżi għandha titwettaq separatament jew inkella jekk id-dispożizzjonijiet rispettivi tad-Direttiva 2012/13 għandhomx jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 48 tal-Karta. Għall-finijiet ta’ ċarezza, nippreferi nindirizza l-impatt taż-żewġ strumenti legali għal din il-kawża separatament. Għalhekk, it-tieni nett, ser indur għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13, b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, li nqisu li huwa d-dispożizzjoni rilevanti biex tingħata risposta għad-domanda magħmula. Ser nissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (B). It-tielet u l-aħħar nett, ser nikkonkludi li l-Artikolu 48(2) tal-Karta ma jibdilx dan ir-riżultat (C).

A.      L-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 (u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami)

27.      Il-Gvern Taljan u Pollakk qajmu żewġ oġġezzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami.

28.      Min-naħa l-waħda, il-Gvern Pollakk jafferma li d-domanda magħmula ma tikkonċernax jekk il-konvenut kienx informat fil-pront dwar bidla fl-akkuża. Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali pjuttost tikkonċerna n-nuqqas ta’ possibbiltà li persuna titlob patteġġjament f’dan l-istadju partikolari fil-proċedura. Madankollu, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedi l-ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ tali proċedura, din il-kwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni.

29.      Naturalment, naqbel mal-Gvern Pollakk li d-Direttiva 2012/13 ma fihiex dispożizzjoni intitolata “kundizzjonijiet għall-aċċess għall-patteġġjament”. Madankollu, ftit li xejn jista’ jiġi ddubitat, fuq il-bażi tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1), li d-Direttiva 2012/13 tapplika ratione materiae, b’mod ġenerali, għas-sitwazzjoni inkwistjoni. Dak li huwa kkontestat huwa jekk din id-direttiva toħloqx xi obbligi speċifiċi għall-Istati Membri fuq il-bażi tal-Artikolu 6, u għad-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża, inkluż bidliet li jsiru fl-akkuża, fil-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali. Madankollu, dan jinvolvi diskussjoni dwar il-merti tal-kawża, li ser nindirizza iktar ’l isfel fit-Taqsima B.

30.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Taljan joġġezzjona għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li jqis li ma hemm l-ebda element transkonfinali fis-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali. Il-fatti rileventi kollha jidhru li huma marbuta mal-Italja waħedha. Għal din ir-raġuni, il-Gvern Taljan jafferma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni f’dan il-qasam, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 (u għalhekk il-kompetenza interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja) huwa limitat għal kwistjonijiet b’natura transkonfinali.

31.      Dan l-argument huwa bbażat fuq l-Artikolu 82(2) TFUE, li huwa l-bażi legali tad-Direttiva 2012/13. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li “[f]ejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ direttivi […], jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. […]”. Din tistabbilixxi wkoll li dawn id-direttivi “għandhom jikkonċernaw”, “a) l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri; b) id-drittijiet ta’ l-individwi fil-proċedura kriminali; c) id-drittijiet ta’ vittmi tal-kriminalità; d) aspetti speċifiċi oħra tal-proċedura kriminali li l-Kunsill ikun identifika minn qabel b’deċiżjoni; […]” (5).

32.      Il-Gvern Taljan jispjega li l-użu tat-terminu “transkonfinali” fl-Artikolu 82(2) TFUE jfisser li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni tad-dritt sekondarju bbażata fuq din id-dispożizzjoni għandu jkun limitat għal sitwazzjonijiet b’natura transkonfinali.

33.      Ma iniex konvint minn dan l-argument.

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa interpretat id-Direttiva 2012/13 fi tliet każijiet (6). B’mod partikolari fil-kawża Kolev (7), ma deherx li kien hemm xi element transkonfinali identifikabbli. Din il-kawża kienet tikkonċerna uffiċjali doganali fil-Bulgarija li ġew imressqa quddiem qorti fil-Bulgarija peress li pparteċipaw f’komplotti kriminali billi talbu flus bħala tixħim minn sewwieqa ta’ vetturi li kienu qegħdin jaqsmu l-fruntiera mit-Turkija. Sakemm ma jiġix issuġġerit li t-teħid ta’ flus bħala tixħim fil-fruntiera (esterna) tal-Unjoni jammonta għal element transkonfinali, jidher li din il-kawża effettivament ma kellha l-ebda natura transkonfinali.

35.      Għalhekk, huwa korrett li jiġi ammess li l-mistoqsija dwar jekk l-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 għandhiex tkun dipendenti fuq in-natura transkonfinali għadha ma ġietx direttament indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Prima facie u moqri waħdu, jista’ jkun li l-Artikolu 82(2) TFUE seta’ jwassal għas-suġġeriment li att ibbażat fuq din id-dispożizzjoni għandu japplika biss għal sitwazzjonijiet b’“natura transkonfinali”. Dan ikun il-każ jekk it-terminu “transkonfinali” li jinsab fl-ewwel nofs tal-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni kellu jinftiehem bħala li jkopri l-Artikolu 82(2) TFUE kollu (jiġifieri l-aspett tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, u l-aspett tal-armonizzazzjoni, li jidher fit-tieni nofs ta’ din is-sentenza).

37.      Madankollu, kunsiderazzjoni ulterjuri tal-formulazzjoni tad-Direttiva 2012/13, iżda qabel kollox tal-għan u l-kuntest tagħha, twassal għal konklużjoni differenti.

38.      L-ewwel nett, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 huwa ta’ natura ġenerali. Ma huwiex limitat għal jew minn kwalunkwe sitwazzjoni transkonfinali (8). L-Artikolu 1 tagħha (li jiddefinixxi s-suġġett tad-Direttiva 2012/13) huwa magħmul minn żewġ sentenzi. L-ewwel waħda hija ta’ natura ġenerali. It-tieni waħda żżid li din id-direttiva tapplika wkoll għal persuni suġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew (iktar ’il quddiem “MAE”) (9). Permezz tal-għoti ta’ din il-kjarifika addizzjonali, it-tieni sentenza biss tenfasizza l-kamp ta’ applikazzjoni (mingħajr ebda dubju, ġenerali) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1. L-Artikolu 2(1), li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, għandu natura ugwalment ġenerali: ma jipprevedi l-ebda limitazzjoni fil-forma ta’ bżonn ta’ element transkonfinali (10).

39.      It-tieni nett, fir-rigward tal-għan(ijiet), mill-premessi 3, 8, 10 u 20 jirriżulta li d-Direttiva 2012/13 tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar in-natura tal-akkuża li tingħata lil persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat. Dan bl-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri (11). B’dan il-mod, il-klima ta’ fiduċja reċiproka fis-sistemi tad-dritt kriminali tal-Istati Membri hija mibnija permezz tal-armonizzazzjoni tal-istandards applikabbli għal aspetti speċifiċi tal-proċedura kriminali.

40.      Din l-armonizzazzjoni tikkontribwixxi, min-naħa tagħha, għal funzjonament aħjar ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jfittxu l-għan ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja “konkreta”: meta l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali tqum skont, pereżempju, id-Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jafda li l-proċedura fl-Istat Membru rikjedenti tissodisfa jew ser tissodisfa ċerti standards (12).

41.      Għalhekk, indipendentement mill-eżistenza ta’ kwalunkwe sitwazzjoni speċifika ta’ kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri, l-għan imfittex minn din l-armonizzazzjoni huwa li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi komuni li bihom jiġu żgurati ċerti standards proċedurali minimi. B’dan il-mod, meta tqum il-ħtieġa, f’każ speċifiku, ta’ kooperazzjoni transkonfinali, l-awtoritajiet inkwistjoni jkunu jistgħu jafdaw is-sistemi tad-dritt kriminali ta’ xulxin fir-rigward tal-eżistenza ta’ dawn il-garanziji proċedurali, sabiex il-kooperazzjoni ġudizzjarja tista’ tkun iktar effettiva (13).

42.      Għalhekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet juru li l-għan tal-istabbiliment ta’ tali standards ġenerali u minn qabel huwa differenti u, fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tiegħu indipendenti mill-eżistenza ta’ element transkonfinali sussegwenti u speċifiku fil-każ individwali. F’sens metaforiku, dan huwa simili għal meta jinbnew il-pontijiet: l-ispinta inizjali għall-kostruzzjoni ta’ tali struttura setgħet fil-fatt kienet l-interess speċifiku ta’ grupp partikolari ta’ kummerċjanti biex jivvjaġġaw bejn żewġ irħula speċifiċi li jinsabu fuq kull naħa ta’ xmara. Madankollu, ladarba dan jinfetaħ għall-użu pubbliku, il-pont qiegħed hemm biex jappoġġja t-traffiku kollu li jaqsam ix-xmara, irrispettivament minn min qiegħed jivvjaġġa u ’l fejn.

43.      It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv usa’ tad-Direttiva 2012/13, għandu jiġi enfasizzat li mistoqsija simili, jekk l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 tiddependix fuq l-eżistenza ta’ natura transkonfinali, tqum ukoll fir-rigward ta’ direttivi oħra li ġew adottati bħala parti mill-hekk imsejjaħ pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali fi ħdan il-Programm ta’ Stokkolma (14) u li għandu l-istess bażi legali bħad-Direttiva 2012/13 (15). Il-formulazzjoni ta’ dawn id-direttivi hija ġeneralment imfassla b’mod simili għal-lingwaġġ tad-Direttiva 2012/13, u la tikkonferma u lanqas teskludi l-applikabbiltà ta’ dawn l-istrumenti għal sitwazzjonijiet interni. B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat xi wħud minn dawn l-istrumenti fi kwistjonijiet li kienu jirrigwardaw sitwazzjonijiet purament nazzjonali (16).

44.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-riżultat diġà huwa pjuttost ċar għalija: l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 ma teħtieġx li jkun hemm natura transkonfinali f’każ individwali quddiem il-qorti nazzjonali.

45.      Minkejja dan, hemm argument addizzjonali wieħed (u li għandu ċertu piż) li juri għalfejn il-kundizzjoni ta’ natura transkonfinali fil-każ individwali ma tistax tiġi marbuta mal-applikabbiltà ta’ tali direttiva; dan huwa l-konsegwenza (il)loġika li din tkun tinvolvi li kieku tiġi marbuta.

46.      Kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub u kif kompla jiġi esplorat fid-diskussjonijiet matul is-seduta, hemm żewġ modi kif element transkonfinali potenzjali, li jkun meħtieġ għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13, jista’ jiġi ddefinit.

47.      L-ewwel nett, jista’ jiġi ssuġġerit li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 tista’ tiġi limitata għal proċeduri kriminali li jikkonċernaw reati rregolati minn strumenti tad-dritt tal-Unjoni adottati fuq il-bażi tal-lista li tinsab fl-Artikolu 83(1) TFUE, jew dik li kompliet tiġi estiża fl-Artikolu 83(2) TFUE permezz ta’ strumenti individwali. F’dan il-każ il-loġika tkun li, b’xi mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod awtorevoli stabbilixxa li huma dawn ir-reati li ser ikollhom natura transkonfinali, minħabba li din il-karatteristika hija msemmija wkoll fl-Artikolu 83(1) TFUE.

48.      Madankollu, tali argument ma jistax jiġi dedott mill-qari kkombinat tal-Artikolu 82(2) u tal-Artikolu 83 TFUE. Filwaqt li l-ewwel wieħed jikkostitwixxi l-bażi legali għall-armonizzazzjoni tal-aspetti proċedurali tad-dritt kriminali fil-kuntest u għall-finijiet tar-rikonoxximent reċiproku u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, tal-aħħar huwa l-bażi legali għall-armonizzazzjoni tal-elementi sostantivi tad-dritt kriminali u r-reati kriminali. Għalhekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom stess. Dawn sempliċement jikkonċernaw kwistjonijiet differenti.

49.      It-tieni nett, wieħed jista’ wkoll jissuġġerixxi li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 għandha tkun limitata għal proċeduri kriminali li jikkonċernaw reati li, għalkemm iddefiniti fuq livell nazzjonali, fihom ċerti elementi transkonfinali.

50.      Dan, min-naħa tiegħu, iwassal għall-mistoqsija dwar kif ser jiġi ddefinit tali element transkonfinali f’reat. X’ser ikun jikkostitwixxi “Ewroserq” jew “Ewroqtil”? Ikun biżżejjed li l-elementi oġġettivi tar-reat ikollhom natura transkonfinali? Għalhekk, il-vittma jew l-awtur (jew anki kwalunkwe parti oħra involuta) għandu jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru ieħor? Ikun rilevanti l-post minn fejn ġiet l-arma tal-qtil? B’ispirazzjoni mil-loġika tal-ġurisprudenza relatata mal-moviment liberu, ikun reat transkonfinali jekk kemm il-vittma kif ukoll l-awtur jirrisjedu fl-istess Stat Membru, iżda l-arma qattiela ġiet prodotta fi Stat Membru ieħor?

51.      Jekk wieħed jassumi li huwa possibbli li jkun hemm qbil dwar il-kriterju ta’ definizzjoni korrett f’dan ir-rigward (li jkun irid isir b’mod differenti fir-rigward ta’ reati differenti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet tal-elementi kostituttivi tagħhom), allura dan ikun ifisser li Stat Membru jista’ jipprovdi żewġ settijiet ta’ regoli proċedurali li għandhom jiġu applikati alternattivament skont jekk il-kwistjoni kriminali inkwistjoni hijiex “nazzjonali biss” jew “transkonfinali”? X’jiġri jekk l-element transkonfinali jiġi identifikat biss fi stadju iktar tard fil-proċedura kriminali li fiha ġew ikkunsidrati biss dispożizzjonijiet kriminali “nazzjonali”? Il-proċedura kollha jkollha tiġi rrepetuta skont is-sett l-“ieħor” tal-liġijiet proċedurali?

52.      Għalhekk, b’mod pjuttost loġiku għandu jkun hemm biss sett wieħed ta’ regoli kriminali li, fid-dawl tal-kuntest u tal-finijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jikseb billi jippromulga l-parti rispettiva tal-Programm ta’ Stokkolma (17), għandu jkun applikabbli għal kwalunkwe proċedura kriminali nazzjonali, irrispettivament mill-eżistenza ta’ kwalunkwe element transkonfinali fil-każ individwali. Madankollu, huwa wkoll minħabba l-ispjegazzjoni tal-konsegwenzi (fil-fatt) pjuttost dubjużi ta’ din il-proposta, fejn proċedura kriminali tkun tidħol fi, u toħroġ, mir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni abbażi ta’ apparenza, li bilkemm hija prevedibbli, ta’ element transkonfinali fi kwalunkwe mument matul il-proċedura (jew anki wara din), li jsir ċar ħafna għalfejn dan ma jistax ikun il-każ.

53.      Finalment, ir-raġuni għalfejn għan ġenerali transkonfinali stabbilit fid-dritt primarju ma għandux normalment jintuża biex jillimita l-applikabbiltà ta’ strumenti tad-dritt sekondarju adottati fuq din il-bażi legali, sakemm dawn l-istrumenti tad-dritt sekondarju ma jistabbilixxux, fihom innifishom u b’mod espliċitu, mod ieħor, tista’ tintwera billi wieħed iħares lejn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat. Eżempju ieħor jista’ jiġi pprovdut mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni adottati skont l-Artikolu 114 TFUE. Dawn il-miżuri għandhom jissodisfaw l-għan stabbilit fl-Artikolu 26 TFUE. Il-paragrafu 2 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jistabbilixxi li l-għan tagħha huwa l-istabbiliment tas-suq intern “bla fruntieri interni, li [fih] l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat […]”. Madankollu, huwa pjuttost ċar li l-bażi tad-dritt primarju sempliċement ma tfissirx li l-leġiżlazzjoni adottata skont l-Artikolu 114 TFUE tkun applikabbli għal sitwazzjonijiet transkonfinali biss. L-armonizzazzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi adottati fuq din il-bażi (jew il-predeċessur tagħha) tvarja minn, pereżempju d-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (18), għad-Direttiva 2009/48/KE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (19), jew għad-Direttiva 2011/7/KE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (20). Madankollu, dawn l-istrumenti b’mod ċar japplikaw għal sitwazzjonijiet ġuridiċi purament nazzjonali u għadu ma ġiex issuġġerit b’mod serju li dawn għandhom ikunu mod ieħor (21), bħal pereżempju li għandu jkun hemm protezzjoni kontra klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur biss jekk ikun hemm element transkonfinali (jew ta’ moviment liberu) fil-każ individwali.

54.      Fil-qosor, għall-kuntrarju tas-suġġerimenti tal-Gvern Taljan, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 ma hijiex limitata għal każijiet li għandhom natura “transkonfinali”.

B.      Dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/13

55.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju u d-domanda magħmula minnha, il-qorti tar-rinviju speċifikament issemmi l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1)(c), u l-Artikolu 6(1), 6(2) u 6(3) tad-Direttiva 2012/13 bħala dawk rilevanti biex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

56.      Fis-sottomissjonijiet tal-parti ċivili fil-kawża prinċipali, tal-gvernijiet imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-Kummissjoni, ġie espress, essenzjalment, li la dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2012/13 ma jista’ verament jingħad li jirregolaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

57.      Il-fehma tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll, fuq bażi sussidjarja, tal-Gvern Pollakk, hija li l-problema inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

58.      Il-Gvern Ungeriż jafferma li d-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-kundizzjonijiet li taħthom huwa possibbli li persuna titlob patteġġjament. Għandha ssir distinzjoni bejn din il-mistoqsija u l-kwistjoni dwar jekk il-persuna akkużata rċevietx l-informazzjoni meħtieġa dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-atti li allegatament hija wettqet, li taqa’ taħt l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix differenza fl-effetti ġuridiċi, bħal dik inkwistjoni.

59.      Bl-istess mod, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 ma jipprevedi l-ebda indikazzjoni dwar kif l-informazzjoni dwar modifika fl-akkuża għandha tingħata lill-persuni akkużati. Dan ma jirregolax il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-għoti ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-modifika tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-akkuża.

60.      Jien naqbel. Filwaqt li l-obbligi ddefiniti fid-Direttiva 2012/13 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe proċedura kriminali, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju ma jidhru li huma direttament rilevanti għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali. L-ebda waħda minnhom ma timponi xi obbligu fuq l-Istati Membri li jkun jipprekludi s-serje ta’ avvenimenti kif seħħew fuq il-livell nazzjonali.

61.      Huwa minnu li l-Artikolu 6(4), moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u fid-dawl tal-premessa 29 tad-Direttiva 2012/13, jikkonċerna l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu fil-pront lis-suspettati jew lill-persuni akkużati informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fl-akkuża sabiex jissalvagwardjaw il-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. Huwa minnu wkoll li s-sitwazzjoni fil-kawża ineżami tikkonċerna bidla fl-akkuża li seħħet meta l-konvenut ġie informat li l-atti li bihom kien ġie akkużat jistgħu jiġu ġuridikament ikklassifikati mill-ġdid b’riżultat tal-konfessjoni tiegħu.

62.      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma ġiex allegat li din l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta jew li ma ġietx ipprovduta fil-pront. Li qiegħda tiġi kkontestata hija l-impossibbiltà li persuna titlob patteġġjament fl-istadju partikolari tal-proċedura. Għalhekk, effettivament, is-suġġeriment jidher li huwa li teżisti ekwazzjoni bejn kapaċità, fi stadju partikolari tal-proċedura, biex persuna titlob patteġġjament u drittijiet (sħaħ) tad-difiża. Jew pjuttost jidher li hemm inklużjoni żejda tal-konsegwenzi potenzjali kollha li qegħdin iseħħu sussegwentement fil-proċedura kriminali wara l-fatt li kien hemm bidla fl-akkuża u l-klassifikazzjoni effettiva tagħhom taħt il-kunċett tad-drittijiet tad-difiża.

63.      Ma naħsibx li l-Artikolu 6(4), jew kwalunkwe parti oħra tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, għandhom jiġu ttrattati b’dan il-mod. Li kieku dan kellu jkun il-każ, mela allura kull ħaġa li tiġri fi proċedura kriminali wara bidla fl-akkuża tkun koperta mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 u għalhekk potenzjalment prevenuta, li huwa b’mod ċar żbaljat. Għalhekk, għalkemm ċertament hemm xi sovrappożizzjoni fil-“kliem muftieħ” (“bidla fl-akkuża”, “il-korretezza tal-proċeduri”) bejn l-Artikolu 6(4) u s-sitwazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali, il-fatt jibqa’ li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali sempliċement ma hijiex waħda li għaliha kienet intiża li tiġi applikata din id-direttiva.

64.      Dan naturalment iwassal għall-mistoqsija: mela x’suppost kellu jiġi rregolat mill-Artikolu 6(4)? Fi kliem ieħor: x’għandu jinftiehem bil-kunċetti ta’ “informazzjoni” u ta’ “korrettezza tal-proċeduri” li jinsabu fih?

65.      L-ewwel nett, il-kunċett ta’ informazzjoni li jinsab f’din id-dispożizzjoni jirreferi għall-komunikazzjoni ta’ bidla fl-akkuża sabiex is-suspettat jew il-persuna akkużata jkunu jistgħu jirreaġixxu konsegwentement biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom. L-informazzjoni għandha tingħata b’mod li jippermetti lill-persuna kkonċernata tirrispondi b’mod effettiv għal kwalunkwe bidla fid-deskrizzjoni tal-att li l-persuna hija akkużata bih u l-klassifikazzjoni ġuridika tiegħu.

66.      Ma naħsibx li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jammonta għal obbligu għall-qrati tal-Istati Membri li jagħtu lill-persuni kkonċernata l-informazzjoni relatata ma’ kull konsegwenza li bidla fl-akkuża tista’ tiskatta matul il-proċedura kriminali kollha (22), u wisq inqas minn hekk jagħtihom is-setgħa li jipprevjenu milli sseħħ tali konsegwenza. Id-dritt għal informazzjoni ma jistax jinftiehem bħala sostitut ta’ parir legali u lanqas bħala portal għall-istħarriġ ta’ kull element tal-proċedura kriminali wara l-komunikazzjoni tal-informazzjoni, peress li kull element li jseħħ fi proċedura kriminali partikolari x’aktarx li jkun jinvolvi xi tip ta’ informazzjoni.

67.      Il-kamp ta’ applikazzjoni proprju tal-Artikolu 6(4) għandu jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2012/13. Id-Direttiva 2012/13 tibda billi tiddefinixxi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 rispettivament jistabbilixxu li din id-direttiva tikkonċerna “[d]-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom” u li “tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri”. Sussegwentement, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13 jikkonferixxi lill-Istati Membri l-obbligu li jagħtu lill-persuni kkonċernati l-informazzjoni, minn tal-inqas, dwar id-drittijiet li għandhom li huma elenkati f’din id-direttiva. Minn din il-lista, id-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża (u dan biss) huwa sussegwentement deskritt fid-dettall fl-Artikolu 6. L-Artikolu 4 jikkonċerna l-obbligu li tingħata lill-persuna arrestata jew detenuta l-informazzjoni dwar erba’ kategoriji addizzjonali ta’ drittijiet. Minn din il-lista addizzjonali, huwa d-dritt ta’ aċċess għall-proċess (u dan biss) li jitkompla jiġi stipulat fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/13.

68.      Huwa għalhekk ċar li l-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 sempliċement ma kienx intiż li jkopri l-aspetti kollha possibbli tal-proċedura kriminali. Dan il-kunċett, użat f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jirreferi (u li huwa limitat) għall-akkuża (u l-bidla fiha), jiġifieri, dettalji dwar l-atti li l-persuna akkużata “tkun akkużata bihom u li fuqhom tkun ibbażata l-akkuża, [u] l-klassifikazzjoni ġuridika” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din l-informazzjoni għandha tingħata b’mod li jiżgura li l-akkużat ikun kapaċi jifhem, jirrispondi, u jikkontestaha, jekk ikun jixtieq hekk.

69.      It-tieni nett, il-kunċett ta’ korrettezza tal-proċeduri huwa, min-naħa tiegħu, fil-fatt wieħed wiesa’. Kif, fil-prinċipju, ġie spjegat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan jikkonċerna l-eżami tal-proċeduri kriminali meqjusa fl-intier tagħhom, fid-dawl tal-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ (24). Minn dan isegwi li mhux kull inċident fil-proċeduri kriminali jinvolvi ksur tal-korrettezza tal-proċeduri, iżda ovvjament xi wħud jistgħu, skont l-importanza tagħhom fi proċedura partikolari (25).

70.      Madankollu, għall-kawża ineżami u b’teħid inkunsiderazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-korrettezza tal-proċeduri hija inevitabbilment marbuta ma’ dawk id-drittijiet li huma rregolati b’mod espliċitu mid-Direttiva 2012/13. Fi kliem ieħor, il-korrettezza għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, u mhux b’mod ġenerali, maqtugħa mid-drittijiet iggarantiti mid-direttiva. Għandu jkun hemm korrelazzjoni normattiva bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2012/13 u l-kunċett ta’ korrettezza tal-proċeduri. Li kieku kien permess mod ieħor, allura kull aspett tal-proċeduri kriminali nazzjonali jsir, f’daqqa waħda, suġġett għall-possibbiltà li jiġi mistħarreġ fir-rigward tal-korrettezza tal-proċeduri u/jew fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża.

71.      Fi kliem ieħor, l-obbligi speċifiċi ddefiniti fid-Direttiva 2012/13 jikkostitwixxu espressjoni speċifika ta’ kif il-korrettezza tal-proċeduri għandha tiġi ggarantita fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lill-persuni akkużati u suspettati. Ċertament hemm aspetti oħra tal-proċedura kriminali rilevanti għas-salvagwardja ta’ din il-korrettezza, bħad-dritt ta’ aċċess għal avukat, għajnuna legali, id-dritt għal interpretar u għal traduzzjoni, salvagwardji proċedurali għat-tfal jew il-preżunzjoni tal-innoċenza. Dawn l-aspetti kollha jistgħu jiġu rregolati minn direttivi speċifiċi (26). Madankollu, aspetti oħra, mhux koperti minn dawn id-direttivi jew id-Direttiva 2012/13, bħall-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ta’ patteġġjament, ċertament jibqgħu rregolati mid-dritt kriminali nazzjonali.

72.      Il-fatt li dan, kif ukoll domandi oħra, jista’ fil-fatt ikun rilevanti għall-korrettezza ġenerali tal-proċeduri ma jistax jintuża biex l-Artikolu 6(4) tad-direttiva jew id-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha jiġu interpretati b’mod daqshekk wiesa’ sabiex jingħata permess għall-istħarriġ ta’ kull aspett tal-proċedura kriminali, irrispettivament minn kemm huwa ’l bogħod mill-obbligu speċifiku stabbilit fid-Direttiva 2012/13 nnifisha. Użata b’dan il-mod, id-Direttiva 2012/13 ma tibqax strument ta’ armonizzazzjoni minima tal-elementi speċifiċi tad-drittijiet tad-difiża li din tipprevedi b’mod espress, iżda ssir l-istrument li jiftaħ il-bieb għall-istħarriġ ta’ kull element tal-proċedura kriminali nazzjonali. Fil-fehma tiegħi, din ma tantx tidher li kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Ċertament ma għandhiex tkun il-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/13 u ta’ direttivi oħra li joħorġu mill-Programm ta’ Stokkolma.

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-konklużjoni interim tiegħi hija li d-Direttiva 2012/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix regoli proċedurali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jippermettu biss lill-persuna akkużata titlob patteġġjament wara li tibda l-proċedura jekk ikun hemm bidla fl-akkuża ta’ natura fattwali, u mhux meta l-bidla tkun ta’ natura ġuridika.

C.      Implikazzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tal-Karta għall-kawża ineżami

74.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda wkoll tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis l-implikazzjonijiet, għall-kawża ineżami, tal-Artikolu 48 tal-Karta. Peress li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jikkonċerna l-preżunzjoni ta’ innoċenza, jidher li l-paragrafu 2 biss huwa rilevanti. Dan l-aħħar paragrafu jistabbilixxi li “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”.

75.      Ir-rwol tal-Karta fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ strumenti legali proċedurali essenzjali, li jesprimu u jiżviluppaw id-dispożizzjonijiet tagħha stess, jista’ jwassal għal ċertu konfużjoni (2). Madankollu, qabel ma nindirizza din il-kwistjoni, l-ewwel mistoqsija li għandha tiġi ċċarata hija jekk il-kawża inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex trendi l-Karta applikabbli (1).

1.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

76.      Jista’ jiġi mfakkar li “d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet” (27).

77.      Madankollu, x’ser jiġri mill-fatt li, kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi fit-taqsima preċedenti, il-kwistjoni speċifika mqajma fil-każ fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-possibbiltà għall-persuna akkużata li titlob patteġġjament, ma hijiex speċifikament prevista mill-Artikolu 6(4) jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2012/13? Dan ikun ifisser li l-Karta ma tkunx applikabbli b’mod ġenerali għall-finijiet tal-evalwazzjoni li wasslet għal din il-konklużjoni?

78.      Ma naħsibx li tali pożizzjoni tista’ tiġi sostnuta. Kif ġie nnotat iktar ’il fuq, id-dritt sekondarju tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2012/13, jitqies bħala applikabbli, f’termini ġenerali, għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali (28). Dan, wara analiżi interpretattiva ddettaljata ta’ dan l-istrument (inkluż l-interpretazzjoni tal-kunċetti tiegħu fid-dawl tal-Karta), sempliċement ma jipprevedi l-ebda obbligu speċifiku li jkun jipprekludi r-regola nazzjonali inkwistjoni. Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2012/13 tibqa’, fuq il-bażi tal-fatti tal-każ fil-kawża prinċipali, (possibbilment) applikabbli, anki jekk l-evalwazzjoni proprja sussegwenti tal-każ tista’ twassal (kif qiegħda tagħmel hawnhekk) għall-konklużjoni li din id-direttiva (interpretata fid-dawl tal-Karta) ma tipprekludix id-dispożizzjoni nazzjonali speċifika.

79.      Jekk f’tali każ jiġi affermat mod ieħor, dan ikun jammonta għal raġunament invers ta’ ċertu konklużjoni li diġà ntlaħqet: minħabba li la d-Direttiva 2012/13, u lanqas effettivament il-Karta, ma jipprekludu ċertu dispożizzjoni nazzjonali (ir-riżultat): dawn lanqas biss huma applikabbli. Madankollu, sabiex tintlaħaq tali konklużjoni, kellhom isiru numru ta’ evalwazzjonijiet interpretattivi li fihom it-tnejn li huma, b’mod ġenerali, huma applikati (29).

80.      Barra minn hekk, jista’ jkun utli wkoll li jitfakkar li hemm numru ta’ modi li bihom il-Karta tista’ tiġi applikata għal każ partikolari. Din l-applikazzjoni ma hijiex limitata għal stħarriġ (in)dirett tal-liġijiet nazzjonali u l-kompatibbiltà tagħhom mal-Karta, iżda tista’ tikkonċerna wkoll elementi ta’ interpretazzjoni konformi kemm tad-dritt nazzjonali kif ukoll dak tal-Unjoni nnifsu. Fil-kawża ineżami, sabiex titwettaq l-analiżi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/13 u jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut materjali tagħha, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-Karta (30). Huwa f’dan is-sens li l-Karta “tapplika”.

81.      Fil-qosor, dak li jistabbilixxi d-dritt tal-Unjoni jew kull meta d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li jiġi interpretat, il-Karta timxi fuq l-istess linja. Dan huwa d-destin ta’ “dell” (31). Għalhekk, fl-eżami tal-implikazzjonijiet tad-Direttiva 2012/13 għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-Karta għandha tapplika. Din id-dikjarazzjoni ġenerali hija, madankollu, pjuttost indeterminata għad-domanda ewlenija, jiġifieri x’suppost huwa r-rwol tal-Karta f’sitwazzjonijiet bħal dik ineżami.

2.      Ir-rwol speċifiku tal-Karta fil-kawża ineżami

82.      Ir-rwol speċifiku tal-Karta fil-kawża ineżami jista’ jiġi previst permezz ta’ tliet xenarji possibbli. L-elementi varjabbli f’dawn ix-xenarji huma l-element fil-mira ta’ dispożizzjoni tal-Karta (dritt tal-Unjoni jew dritt nazzjonali) u l-funzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta (kejl għall-istħarriġ jew ta’ interpretazzjoni konformi).

83.      L-ewwel nett, il-Karta tista’ tintuża bħala kejl għall-istħarriġ tal-validità tad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. Dan dejjem ser ikun il-każ: kull fejn id-dritt tal-Unjoni (sostantiv, sekondarju) jilħaq, il-Karta ser tkun hemm biex tikkontrollah (32). Madankollu, l-illegalità ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tad-Direttiva 2012/13 ma ġietx imqajma.

84.      It-tieni nett, il-Karta għandha tintuża bħala għodda ta’ interpretazzjoni konformi sabiex jiġi identifikat is-sens ta’ kunċetti indeterminati tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti fid-dritt tal-Unjoni nnifsu jew għall-istess eżerċizzju fir-rigward tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali.

85.      It-tielet nett, meta l-Istati Membri “jimplimentaw” id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, dawn għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-Karta. F’dan ix-xenarju, id-dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni sservi bħala “portal” għall-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-Karta. Dan huwa indipendentement minn jekk strument tad-dritt tal-Unjoni speċifiku fihx riferiment espliċitu għad-drittijiet fundamentali. B’dan il-mod, id-drittijiet fundamentali japplikaw, fil-parti l-kbira, b’mod trażversali, jiġifieri, indipendentement mill-kontenut materjali preċiż tad-dispożizzjoni rispettiva tad-dritt tal-Unjoni li inizjalment skatta l-applikabbiltà tagħha.

86.      B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet “proċedurali” tal-Karta, fil-fatt, ġeneralment japplikaw b’dan il-mod b’rabta ma’ dispożizzjonijiet sostantivi (materjali) tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li fihom innifishom ma għandhom l-ebda jew għandhom ftit dispożizzjonijiet dwar kif għandhom jiġu infurzati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li anki jekk mhux irregolat b’mod espliċitu mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu drittijiet jew obbligi sostantivi, huwa meħtieġ ir-rispett tad-drittijiet fundamentali proċedurali, bħad-dritt għal smigħ. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża japplika meta l-Istati Membri jaġixxu jew jieħdu deċiżjonijiet fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni ma tipprovdix espressament għal rekwiżiti proċedurali speċifiċi (33). B’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet tal-Karta x’aktarx li jintużaw bħala kejl dirett għall-istħarriġ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Eżempji notevoli f’dan il-qasam jinkludu l-liġi dwar il-VAT u l-proċeduri tat-taxxa nazzjonali (34).

87.      Jista’ tali użu tal-Karta jiġi kkontemplat fir-rigward tad-Direttiva 2012/13 u, fil-kawża ineżami, għall-kwistjoni tad-disponibbiltà tal-patteġġjament?

88.      Sakemm l-applikazzjoni tal-Karta ma tinbidilx f’“Logħba ta’ Dellijiet”, ma naħsibx li dan jista’ jkun il-każ. Lura għall-metafora msemmija iktar ’il fuq, l-idea ta’ dispożizzjoni tal-Karta bħala dell tad-dritt tal-Unjoni tibbaża fuq is-suġġeriment li hemm kunċett sostantiv tad-dritt tal-Unjoni li qabel kollox jixħet dell (proċedurali). Madankollu, huwa diffiċli biex wieħed jara x’“dell proċedurali ta’ eżekuzzjoni” tista’ titfa’ dispożizzjoni proċedurali li fiha nnifisha tissovrappożizzjona (jew tkompli timplimenta) diżpożizzjoni tal-Karta nnifisha. Id-dellijiet ma jistgħux jixħtu dell tagħhom stess.

89.      Għalhekk, f’termini inqas dellin, f’każijiet ta’ drittijiet proċedurali li jissovrapożizzjonaw dispożizzjoni tal-Karta (u li jkomplu jiżviluppawha)(35), bħal dawk ipprovduti mid-Direttiva 2012/13, il-Karta ma tistax isservi bħala kejl indipendenti u ulterjuri għall-istħarriġ ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li b’mod ċar ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument tad-dritt sekondarju, u għalhekk tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

90.      Jekk jiġi ssuġġerit mod ieħor ikun ifisser, fil-kawża ineżami, li s-sempliċi fatt li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 isemmi d-drittijiet tad-difiża (u l-korrettezza tal-proċeduri meta jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva) ikun jippermetti li kull element tal-proċedura kriminali nazzjonali jista’ jiġi mistħarreġ fid-dawl tal-kunċett tad-drittijiet tad-difiża u għal smigħ xieraq kif iggarantiti mill-Karta. Jekk wieħed isegwi dan l-approċċ, il-portal inizjali li jkun għamel possibbli li tiġi aċċessata l-Karta jkun sempliċement minsi (36).

91.      Għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-Karta meta applikata għall-Istati Membri, hija ddefinita b’mod funzjonali. Hija marbuta mal-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni. Għandha ssir distinzjoni b’mod ċar bejn tali ġurisdizzjoni, fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-dritt tal-Unjoni, u ġurisdizzjoni tad-drittijiet fundamentali inerenti (37), tipikament mogħtija lil qrati kostituzzjonali nazzjonali u lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

92.      Għalhekk, fir-rigward tat-tielet għażla ta’ applikazzjoni tal-Karta deskritta iktar ’il fuq, jista’ jiġi konkluż li f’każijiet bħal dak ineżami, il-Karta ma tistax tintuża biex jiġu estiżi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-obbligi proċedurali ddefiniti fir-regola tad-dritt sekondarju rispettiv tal-Unjoni sabiex jinħolqu obbligi ta’ traspożizzjoni li b’mod ċar ma jeżistux fir-regola tad-dritt sekondarju speċifika.

93.      Lura għat-tieni għażla msemmija iktar ’il fuq, interpretazzjoni f’konformità mal-Karta hija, f’termini ġenerali, obbligatorja. Għalhekk, jien tal-fehma (u kif fil-prinċipju l-Kummissjoni tissuġġerixxi), li fil-kawża ineżami għandu ċertament isir riferiment għall-Karta sabiex tiġi stabbilita l-interpretazzjoni korretta tal-kunċetti mħaddna mid-Direttiva 2012/13 inkluż, fil-kawża ineżami, id-dritt li persuna tkun informata fil-pront bi kwalunkwe bidla fl-akkuża fis-sens tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva (38).

94.      Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-KEDB (li huwa l-ekwivalenti tal-Artikolu 48(2) tal-Karta (39)) u b’mod iktar speċifiku fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB (li jikkonċerna d-dritt li persuna tkun informata dwar l-akkuża), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li għandha tingħata attenzjoni speċjali għan-notifika tal-akkuża (jiġifieri l-atti allegatament kommessi li fuqhom hija bbażata l-akkuża kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom) peress li dawn l-elementi “għandhom rwol kruċjali fil-proċess kriminali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalkemm din id-dispożizzjoni tal-KEDB ma tistipula l-ebda manjiera partikolari li biha l-persuna akkużata għandha tiġi informata, hija marbuta mad-dritt tal-akkużat li jipprepara d-difiża tiegħu skont l-Artikolu 6(3)(b) u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “għandu b’mod partikolari jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt iktar ġenerali għal smigħ ġust iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (40). Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li seħħ ksur tal-KEDB f’sitwazzjonijiet fejn qorti tat-tieni istanza tkun biddlet il-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti inkwistjoni, fl-aħħar parti tal-proċedura jiġifieri fl-istadju li fih ingħatat is-sentenza. Dan ma ħalla l-ebda possibbiltà għall-akkużat biex jiddefendi lilu nnifsu (41).

95.      B’mod simili, fis-sentenza Covaci, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat (42) li għalkemm “id-Direttiva 2012/13 ma tirregolax il-metodi li jgħidu li l-informazzjoni dwar l-akkuża, prevista fl-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi kkomunikata lil din il-persuna […], dawn il-metodi ma jistgħux imorru kontra l-għan imsemmi b’mod partikolari f’dan l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 27 tad-direttiva msemmija, f’li l-persuni ssuspettati jew akkużati b’reat kriminali jkunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u jiżguraw is-smigħ xieraq tal-proċedura” (43).

96.      Għal darba oħra, fid-dawl ta’ dan il-fehim tal-kunċetti inkwistjoni, ma ġiex argumentat li kien hemm nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni fil-pront dwar il-bidla fl-akkuża, u dan ifisser li l-konvenut ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jiddefendi lilu nnifsu fil-veru sens tal-kelma. Għal din ir-raġuni, ma nistax nara kif is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi pprevenuta mill-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tad-difiża jew għal smigħ xieraq.

97.      Nixtieq nerġa’ nenfasizza li din l-osservazzjoni hija magħmula fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 u ma hijiex marbuta mal-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni inkwistjoni mad-drittijiet tad-difiża jew għal smigħ xieraq “b’mod ġenerali”. Jekk interpretazzjoni konformi għandha tibqa’ bħala “interpretazzjoni”, ma tistax timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument tad-dritt sekondarju inkwistjoni. Jekk jiġi permess li jsir hekk, mela allura interpretazzjoni konformi tista’, b’mod pjuttost malajr, tevadi l-limiti tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

98.      Tali applikazzjoni diretta moħbija tal-Karta tista’ tieħu l-forma li ġejja: l-ewwel nett, dispożizzjoni bħall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13 tirreferi għal kunċett ġuridiku indeterminat bħal “korrettezza tal-proċeduri” jew “eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża” fl-Artikolu 6(1). It-tieni nett, peress li d-direttiva nnifisha ma tiddefinixxix tali kunċetti, spjegazzjoni tal-kontenut tagħhom tiġi mfittxija, permezz ta’ interpretazzjoni konformi, fid-dispożizzjonijiet tal-Karta, jew permezz tal-konnessjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. It-tielet nett, il-kamp ta’ applikazzjoni (li huwa naturalment pjuttost wiesa’) u s-sens ta’ dawn il-kunċetti meħuda minn dawn il-kuntesti jiġu sussegwentement miġjuba lura għal-livell tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, filwaqt li sa ċertu punt jitħalla barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni speċifika tad-dritt sekondarju minn fejn kien ittieħed il-kunċett. Ir-raba’ nett, ir-regoli nazzjonali jibdew jiġu mistħarrġa b’mod ġenerali fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mal-kunċetti ta’ “korrettezza tal-proċeduri” u “d-dritt għal smigħ xieraq”, filwaqt li l-portata ta’ dawn il-kunċetti tinqata’ mill-kamp ta’ applikazzjoni proprju tal-istrument tad-dritt sekondarju inkwistjoni.

99.      Għall-istess raġunijiet li ġew deskritti iktar ’il fuq fir-rigward tat-tielet għażla (44), jista’ biss jiġi rrepetut li dan ma huwiex il-mod ta’ kif għandha tintuża l-Karta f’tali kuntest. Jekk dan kellu jkun il-każ, mela allura interpretazzjoni konformi malajr tinbidel fi stħarriġ dirett moħbi, fejn id-dritt sekondarju tal-Unjoni ma jkunx qiegħed jopera bħala kwalunkwe limitu funzjonali għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali, iżda iktar ikun qiegħed jopera ta’ portal li ma huwiex moħbi sew għall-impożizzjoni ta’ ġurisdizzjoni inerenti fi kwistjonijiet ta’ stħarriġ tad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mil-liġijiet tal-Istati Membri.

100. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-konklużjoni tiegħi hija li l-Artikolu 48(2) tal-Karta, sew meta moqri flimkien mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, u anki meta jiġi meqjus b’mod indipendenti, bl-ebda mod ma jbiddel xi element mir-riżultat li diġà ntlaħaq: Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix regoli proċedurali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jippermettu lill-persuna akkużata titlob patteġġjament wara li tibda l-proċedura jekk ikun hemm bidla fl-akkuża li hija biss ta’ natura fattwali, u mhux meta l-bidla tkun ta’ natura ġuridika.

V.      Konklużjoni

101. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunale di Brindisi (il-Qorti Distrettwali ta’ Brindisi, l-Italja) kif ġej:

Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali u l‑Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludux regoli proċedurali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jippermettu lill-persuna akkużata titlob patteġġjament wara li tibda l‑proċedura jekk ikun hemm bidla fl-akkuża li hija biss ta’ natura fattwali, u mhux meta l-bidla tkun ta’ natura ġuridika.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 142, p. 1).


3      Għalhekk qiegħed nifhem li d-dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-Artikolu 516 taċ-CPP u t-tibdiliet konsegwenti fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jidhrux li huma applikabbli għall-fatti tal-kawża ineżami.


4      Għall-finijiet ta’ kompletezza, ikolli nammetti li għalija ma huwiex daqstant ċar kif, fid-dawl tan-natura differenti tagħhom, l-elementi oġġettivi tar-reat (actus reus) tas-“serq” jistgħu jiġu kompletament stabbiliti fuq il-bażi tal-elementi oġġettivi tar-reat ta’ “trattament ta’ rikavati mir-reati”, mingħajr il-bżonn li jiġu stabbiliti fatti ulterjuri. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija espliċita dwar il-possibbiltà ta’ dan, kemm jekk skont id-dritt nazzjonali jew fil-kuntest fattwali partikolari tal-kawża ineżami. Għalhekk, ser nassumi li kien hemm “sempliċement” bidla fil-klassifikazzjoni ġuridika iżda l-ebda bidla fil-fatti stabbilita fl-akkuża.


5      Enfasi miżjuda minni.


6      Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686); tat‑22 ta’ Marzu 2017, Tranca et (C‑124/16, C‑188/16 u C‑213/16, EU:C:2017:228); u tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392).


7      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392).


8      L-uniku riferiment għal natura transkonfinali fid-Direttiva 2012/13 jinsab fil-premessa 9, li, madankollu, sempliċement terġa’ tistabbilixxi l-Artikolu 82(2) TFUE.


9      Skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).


10      Ara, f’kuntrast, pereżempju l-formulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad‑29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65) (adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 308 TKE), li tirreferi għan-natura transkonfinali, u kif jista’ jiġi dedott mit-titolu tal-Kapitolu I, “Aċċess għal Kumpens f’Sitwazzjonijiet ta’ Qsim il-Fruntieri”. Fuq il-bażi ta’ dan il-lingwaġġ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din id-direttiva ma setgħetx tapplika għal sitwazzjonijiet nazzjonali. Ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Jannar 2014, C (C‑122/13, EU:C:2014:59), li jagħmel riferiment għas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto (C‑467/05, EU:C:2007:395, punti 57 u 59).


11      Ara wkoll is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 88 sa 89), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 46).


12      Ara wkoll il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali KUMM(2010) 392 finali, punt 4 in fine u l-punt 16. Il-fehim ta’ applikabbiltà ġenerali tad-direttiva jidher ukoll fid-dokument li fih l-evalwazzjoni tal-impatt li jakkumpanja l-proposta msemmija iktar ’il fuq, SEC(2010) 907, p. 10.


13      B’din il-kooperazzjoni bħala waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif imfakkar f’kuntest differenti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 191 sa 192).


14      Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2009, C 295, p. 1) u “Il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” tal-Kunsill Ewropew, punt 2.4 (ĠU 2010, C 115, p. 1).


15      Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1); id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1); id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1); id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2016, L 297, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40); id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1); id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7).


16      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Milev (C‑439/16 PPU, EU:C:2016:818), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732), li jinterpretaw id-Direttiva 2016/343 iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.


17      Punt 43 iktar ’il fuq.


18      Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


19      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 170, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 355, p. 92).


20      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 (ĠU 2011, L 48, p. 1).


21      Fir-rigward tad-Direttiva 2011/7 ara pereżempju s-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Zarski (C‑330/16, EU:C:2017:418), jew tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:954). Fir-rigward tad-Direttiva 93/13, ara pereżempju s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Šiba (C‑537/13, EU:C:2015:14). Jew ara d-digriet tat‑3 ta’ April 2014, Pohotovosť (C‑153/13, EU:C:2014:1854).


22      B’hekk jissostitwixxi b’xi mod ir-rwol tar-rappreżentant legali li għandu jingħata l-aċċess għalih skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2012/13.


23      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punt 51).


24      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Novembru 1993, Imbrioscia vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:1993:1124JUD001397288, punt 38 in fine); sentenza tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Settembru 2009 Pishchalnikov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0924JUD000702504, punt 64); sentenza tal-Qorti EDB, tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Bracci vs L‑Italja (CE:ECHR:2005:1013JUD003682202, punt 51).


25      F’dan is-sens il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tfakkar fil-kuntest tal-Artikolu 6 KEDB (u l-aċċess għal avukat) li l-Konvenzjoni hija mfassla biex “tiżgura mhux drittijiet li huma teoretiċi jew illużorji iżda drittijiet li huma prattiċi u effettivi” u li l-assenjament ta’ avukat ma jiżgurax minnu nnifsu l-effettività tal-għajnuna li dan jista’ jagħti lil akkużat [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti EDB (Awla Manja) tas‑27 ta’ Novembru 2008 Salduz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:1127JUD003639102, punt 51).


26      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.


27      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19).


28      Punt 29 iktar ’il fuq.


29      Tali sitwazzjoni tkun bħal meta nistieden plamer f’dari biex jinstalla magna għall-ħasil tal-platti (dishwasher) li xtrajt jien għall-kċina tiegħi. Madankollu, wara li jkun kejjel bir-reqqa l-ispazju u spezzjona sew il-magna għall-ħasil tal-platti, il-plamer jiskopri li dan it-tip ta’ magna ma tistax titwaħħal mas-sistema tad-drenaġġ speċifika ta’ dari. Għalhekk, minħabba li l-plamer ma kienx kapaċi jinstalla l-magna kif xtaqt, għandi nippretendi li huwa qatt ma kien hemm u nirrifjuta li nħallsu?


30      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 80).


31      Il-metafora ġiet mislufa minn Lenaerts, K., u Gutiérrez-Fons, J.A., “The Place of the Charter in the EU Constitutional Edifice”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, C.H. Beck, Hart, Nomos, 2014, p. 1560 sa 1593, f’1568.


32      Ara pereżempju s-sentenzi tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), jew tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662).


33      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 38); tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Bħala eżempji mill-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:650, punt 35 sa 54).


35      Premessa 41 tad-Direttiva 2012/13 li tispeċifika li din id-direttiva “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din […] tfittex li tippromwovi d-dritt tal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża. Hija għandha tiġi implimentata skont dan”. Il-premessa 42 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva “li jikkorrispondu għal drittijiet garantiti mill-KEDB, għandhom jiġu interpretati u implimentati b’mod konsistenti ma’ dawk id-drittijiet, kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”.


36      B’analoġija ara wkoll l-analiżi fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2018:971, punt 71 et seq., speċ. punti 97 u 98). Fil-proċedura ta’ din il-kawża l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja inter alia biex tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga minn waħda mil-libertajiet fundamentali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod indipendenti l-Artikolu 17 tal-Karta.


37      Li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-fatt tippossjedi wkoll, iżda f’konformità mal-Artikolu 51(1) tal-Karta fir-rigward biss tal-“istituzzjonijiet, [il]-korpi u [l]-aġenziji ta’ l-Unjoni”.


38      Bil-mod kif fil-fatt diġà twettaq iktar ’il fuq fil-punti 68 sa 69.


39      Kif jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, (2007/C 303/02), “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 48 – Preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għal difiża”.


40      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Jannar 2011, Block vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0125JUD005628209, punti 20 u 21).


41      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punti 54 u 62), u s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Block vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2011:0125JUD005628209, punt 24).


42      Fir-rigward tad-domanda jekk l-Artikoli 2, 3(1)(c) u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 kinux jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-proċeduri kriminali, tagħmilha obbligatorja li persuna akkużata li ma tirrisjedix f’dan l-Istat Membru tinnomina rappreżentant għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha, bit-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni kontra dan id-digriet jibda jiddekorri min-notifika tagħha lill-imsemmi rappreżentant.


43      Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686, punti 62 u 63).


44      Punti 88 sa 90 iktar ’il fuq.