Language of document : ECLI:EU:C:2019:289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ April 2019 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Fastidju sesswali – Investigazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-programm ‘Dignity at work’ – Ċaħda ta’ lment minħabba fastidju – Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI li tiċħad l-ilment – Kumpens għad-dannu”

Fil-Kawża C‑558/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2017,

OZ, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn B. Maréchal, avocat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn K. Carr u G. Faedo, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avvocato,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2018, tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, OZ titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2017, OZ vs BEI (T‑607/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:495), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tar-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tal-14 ta’ Settembru 2015 u tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI, tas-16 ta’ Ottubru 2015, li ma tilqax l-ilment tagħha għal fastidju sesswali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, għal kumpens għad-dannu li hija ġarrbet sussegwentement għal dan ir-rapport u għal din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea

2        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5, rettifiki fil-ĠU 2016, L 289, p. 21, fil-ĠU 2007, L 248, p. 27).

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126) jipprovdi:

“L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.”

 Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI

4        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, adottati fl-20 ta’ April 1960 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom irriveduta bid-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tal-4 ta’ Ġunju 2013, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013, jipprovdu, fl-Artikolu 41 tagħhom:

“Kull tilwima ta’ natura individwali bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Kull azzjoni ta’ membru tal-persunal kontra miżura tal-Bank li tista’ tikkawżalu preġudizzju għandha ssir fi żmien tliet xhur.

Barra l-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja […] u qabel l-introduzzjoni tagħha, kull tilwima, minbarra dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ miżuri previsti fl-Artikolu 38, għandhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura bonarja quddiem il-Kummissjoni ta’ Konċiljazzjoni tal-Bank.

It-talba għal konċiljazzjoni għandha ssir fi żmien tliet xhur [li jibdew] minn meta jseħħu l-fatti jew min-notifika tal-miżuri li huma s-suġġett tat-tilwima. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Politika tal-BEI fil-qasam tar-rispett tad-dinjità tal-persuna fuq ix-xogħol

5        Ir-regoli interni dwar il-“Politika fil-qasam tar-rispett tad-dinjità tal-persuna fuq ix-xogħol” (iktar ’il quddiem il-“Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol”), adottati mill-BEI fit-18 ta’ Novembru 2003, jipprovdu:

“Il-proċedura ta’ investigazzjoni

[…]

Il-proċedura ta’ investigazzjoni għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

[…]

–        għandu jitwaqqaf Bord ta’ Investigazzjoni kompost minn tliet persuni indipendenti […]

–        il-Bord ta’ Investigazzjoni għandu jorganizza numru ta’ laqgħat sabiex jisma’, separatament, liż-żewġ partijiet, lil kwalunkwe xhieda u lil kull persuna oħra li jkun jixtieq jagħmillha mistoqsijiet,

–        iż-żewġ partijiet għandhom id-dritt li jinstemgħu mill-Bord ta’ Investigazzjoni,

–        iż-żewġ partijiet għandhom id-dritt li jkunu rrappreżentati jew assistiti,

–        il-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandhom iwasslu għal rakkomandazzjoni li tiġi ppreżentata lill-President,

–        il-President għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

Il-kompiti u l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni

Il-kompitu tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandu jkun li jipprovdi struttura li tiggarantixxi investigazzjoni oġġettiva u indipendenti fir-rigward ta’ avveniment wieħed jew iktar, li għandha twassal għal rakkomandazzjoni lill-President, li għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

[…]

Il-proċedura

[…]

2.      Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-‘DP’), bi qbil mar-rappreżentanti tal-persunal, għandu jipproponi l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni lill-President u għandu jistabbilixxi data għall-bidu tal-investigazzjoni, li ma għandhiex tkun iktar tard minn 30 ġurnata tal-kalendarju wara li jasal l-ilment.

3.      Id-DP għandu jikkonferma immedjatament li rċieva l-memorandum tal-membru tal-persunal ikkonċernat u għandu jikkonferma l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni […]

4.      Malli jasal il-memorandum tal-lanjant, id-DP għandu

[…]

d)      jindika li l-investigazzjoni ser tibda fi żmien 30 ġurnata tal-kalendarju mill-preżentata uffiċjali tal-ilment quddiem id-DP u li ż-żewġ partijiet ser jiġu nnotifikati dwar id-data, il-ħin u l-post tas-smigħ individwali tagħhom, dwar id-dritt tagħhom li jkunu rrappreżentati jew assistiti u dwar il-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni.

[…]

Is-smigħ

L-iskop tas-smigħ għandu jkun li jiġi stabbilit eżattament x’ġara u li jiġbor il-fatti sabiex tkun tista’ titfassal rakkomandazzjoni motivata. Il-partijiet ma għandhomx id-dritt li jwettqu kontroeżami għaliex għandhom jinstemgħu separatament. Huma ma għandhomx ikunu obbligati jiddeskrivu dettalji mhux pjaċevoli jew imbarazzanti sa fejn dan ma jkunx assolutament meħtieġ. Il-partijiet kollha involuti fl-investigazzjoni u fis-smigħ, inklużi l-assistenti u x-xhieda, huma mfakkra li huma marbuta bi dmir ta’ kunfidenzjalità.

[…] Il-Bord ta’ Investigazzjoni jista’ jadotta kwalunkwe proċedura li fil-fehma tiegħu tkun adegwata. B’mod ġenerali, is-smigħ għandu jieħu l-forma ta’ sensiela ta’ laqgħat separati miżmuma b’dan l-ordni:

–        l-ewwel, il-lanjant,

–        kwalunkwe xhieda msemmija mil-lanjant,

–        il-persuna akkużata b’fastidju,

–        kwalunkwe xhieda msemmija mill-persuna akkużata b’fastidju,

–        jekk il-Bord ta’ Investigazzjoni jqis li dan huwa meħtieġ, iż-żewġ partijiet jistgħu jissejħu għal smigħ ġdid separat.

Jekk ikun meħtieġ, il-Bord ta’ Investigazzjoni jista’ jagħmel mill-ġdid mistoqsijiet lill-persuni involuti u jista’ anki jsejjaħ membri oħra tal-persunal jew jitlob informazzjoni jew kopji ta’ dokumenti jekk, b’mod kollettiv, iqis li dan huwa ġġustifikat u rilevanti. Fil-każ ta’ dubju, il-President għandu jiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta ma’ aċċess għal fajls u data jew dwar l-użu ta’ metodi ta’ investigazzjoni oħra, wara li jikkonsulta lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jekk dan ikun meħtieġ. Il-Bord ta’ Investigazzjoni għandu jinforma lil-lanjant fil-każ ta’ investigazzjonijiet addizzjonali.

L-eżitu tal-investigazzjoni

Meta jkunu nstemgħu l-partijiet kollha u meta jintemmu investigazzjonijiet adegwati oħra li jistgħu jitwettqu, il-Bord ta’ Investigazzjoni huwa mistenni li jkun jista’ jasal għal deċiżjoni u jagħmel rakkomandazzjoni motivata. Huwa ma għandux is-setgħa li jagħti deċiżjonijiet.

Il-Bord ta’ Investigazzjoni jista’ jirrakkomanda:

–        li l-każ għandu jitwaqqaf għaliex iż-żewġ partijiet jkun irnexxielhom jiċċaraw is-sitwazzjoni u tkun instabet soluzzjoni għall-futur li tkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet, jew

–        li l-każ ma għandux jitqies li jikkostitwixxi intimidazzjoni jew fastidju iżda tilwima fuq il-post tax-xogħol li għandha tiġi eżaminata f’iktar dettall jew li għandha tiġi ssorveljata, jew

–        li l-ilment għandu jiġi miċħud, jew

–        li l-miżuri meħtieġa għandhom jittieħdu jekk jikkonstata li l-ilment ma huwiex fondat jew huwa malizzjuż, jew

–        li għandha tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari.

Ir-rakkomandazzjoni bil-miktub tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandha ssir fi żmien ħamest’ ijiem mit-tmiem tal-investigazzjoni u għandha tintbagħat lill-President sabiex dan jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

Id-Deċiżjoni tal-President […]

Sa mhux iktar tard minn ħamest’ ijiem ta’ xogħol minn meta r-rakkomandazzjoni tintbagħat lill-President, iż-żewġ partijiet għandhom jiġu informati bil-miktub dwar id-deċiżjoni motivata tal-President. Ir-rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandha tkun inkluża ma’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fl-1 ta’ Diċembru 2008, l-appellanti, OZ, kienet ġiet irreklutata mill-BEI.

7        Fi tmiem is-sena 2009, is-Sur F. ingħaqad ma’ wieħed mid-Direttorati tal-BEI bħala koordinatur tal-persunal, li OZ kienet tagħmel parti minnu.

8        Fit-16 ta’ Settembru 2012, OZ bidlet il-pożizzjoni tagħha.

9        F’Jannar 2014, OZ indikat lill-Kap ta’ Diviżjoni tagħha li dan it-tibdil ta’ pożizzjoni kien marbut ma’ fastidju sesswali li hija kienet tqis li ġarrbet sa mis-sena 2011 min-naħa tas-Sur F.

10      Fl-20 ta’ Mejju 2015, OZ ippreżentat ilment quddiem id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal tal-BEI, li fih hija ddikjarat li kienet vittma ta’ fastidju sesswali min-naħa tas-Sur F.

11      Fit-18 ta’ Ġunju 2015, dan id-Direttur Ġenerali informa lil OZ li, wara l-ilment tagħha, kienet infetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni”) skont il-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol.

12      Fid-19 ta’ Ġunju 2015, il-President tal-BEI approva l-proposta dwar il-kompożizzjoni tal-bord responsabbli għat-twettiq tal-proċedura ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Bord ta’ Investigazzjoni”).

13      Fis-26 ta’ Ġunju 2015, ġie uffiċjalment maħtur il-Bord ta’ Investigazzjoni u OZ ġiet informata bil-fatt li s-smigħ kien ser jinżamm fl-20 ta’ Lulju ta’ wara.

14      Fis-17 ta’ Settembru 2015, il-Bord ta’ Investigazzjoni bagħat ir-rapport tiegħu lill-President tal-BEI, li fih kienu ġew ifformulati r-rakkomandazzjonijiet immotivati tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni”).

15      Fir-rapport tiegħu, il-Bord ta’ Investigazzjoni espona li l-allegazzjonijiet ta’ OZ ma setgħux jiġu kkonfermati minħabba assenza ta’ xhieda li assistew għall-atti allegati. Mill-banda l-oħra, ix-xhieda kollha qablu dwar il-fatt li kien hemm lok ta’ tħassib dwar is-saħħa ta’ OZ. Ir-relazzjoni mal-ex sieħeb tagħha kienet spiċċat b’mod trawmatiku u kienet tilfet ħafna piż wara dan. Barra minn hekk, OZ kienet impazjenti sabiex tavvanza fil-karriera tagħha u kellha aġir manipolatur, li jista’ jikkawża ħsara lil persuni oħra. Hija kellha wkoll diffikultajiet sabiex taċċetta kull forma ta’ kritika. Fl-aħħar nett, il-Bord ta’ Investigazzjoni rrakkomanda lil OZ turi spirtu ta’ tim aħjar u li terġa’ ssib attitudni pożittiva.

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-President tal-BEI ħa d-deċiżjoni kontenzjuża billi bbaża ruħu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Investigazzjoni filwaqt li annetta r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni mal-imsemmija deċiżjoni.

17      Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-President tal-BEI reġa’ talab kjarifiki mingħand il-Bord ta’ Investigazzjoni fid-dawl ta’ eventwali ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari. Dan il-bord bagħat l-osservazzjonijiet finali tiegħu fit-12 ta’ Jannar 2016. Sussegwentement, l-appellanti ressqet talba għal konċiljazzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, kif irriveduti.

18      Fid-29 ta’ Ġunju 2016, skont il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Konċiljazzjoni tat-22 ta’ April 2016, il-President tal-BEI ikkonstata li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma rnexxietx.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-22 ta’ Lulju 2016, l-appellanti ppreżentat dan ir-rikors, inizjalment irreġistrat bin-Numru F‑37/16.

20      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016 L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali hekk kif kienet fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016. Din il-kawża ġiet irreġistrata bin-Numru T‑607/16.

21      OZ kienet talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll ir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni (inkluż iċ-ċensura ta’ ċerti elementi ta’ dan ir-rapport);

–        tikkundanna lill-BEI iħallasha s-somma ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit;

–        tikkundanna lill-BEI iħallas is-somma ta’ EUR 977 (taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) inkluża) kif ukoll ammont bil-quddiem ta’ EUR 5 850 bħala ħlas tal-ispejjeż mediċi sostnuti wara l-imsemmi dannu;

–        tikkundanna lill-BEI għar-rimbors tal-ispejjeż legali sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li jammontaw għas-somma ta’ EUR 35 100 (VAT inkluża), u

–        tibgħat lura din il-kawża quddiem il-BEI bil-għan tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fir-rigward tar-rispett tad-dinjità fuq ix-xogħol u l-kisba ta’ deċiżjoni ġdida mill-President tiegħu, ifformulata f’termini preċiżi mill-appellanti.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, OZ kienet invokat, essenzjalment, żewġ motivi.

23      L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar il-proċedura ta’ investigazzjoni kif ukoll tad-drittijiet proċedurali bbażati fuq l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) minħabba l-fatt li diversi stadji tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma kinux ġew osservati.

24      It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta minħabba l-fatt li r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża kienu jinkludu, skont OZ, elementi ta’ ġustifikazzjoni relatati mal-ħajja privata tagħha, b’mod partikolari rigward is-saħħa psikoloġika tagħha, li ma kinux rilevanti fid-dawl tal-għan tal-investigazzjoni.

25      Fit-13 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet is-sentenza appellata, li ċaħdet ir-rikors ta’ OZ u kkundannatha għall-ispejjeż.

26      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għal kumpens tal-appellanti kollha kemm huma billi qieset li ebda wieħed mill-ilmenti sostnuti minnha ma kien jikkostitwixxi illegalità li setgħet tiġi attribwita lill-BEI. Sussegwentement, peress li l-appellanti sostniet li l-illegalitajiet allegati insostenn tat-talbiet għal annullament tagħha kienu jikkorrispondu mal-aġir attribwit lill-BEI fir-rigward tat-talbiet għal kumpens tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm lok ukoll li tiċħad dawn it-talbiet għal annullament, u, sussegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

27      Permezz tal-appell tagħha, OZ titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni tal-BEI;

–        tikkundanna lill-BEI iħallas is-somom ta’ EUR 977 (VAT inkluża) għal spejjeż mediċi sostnuti sa dakinhar minħabba dannu subit u EUR 5 850 għal spejjeż mediċi futuri;

–        tikkundanna lill-BEI għad-danni fir-rigward tad-dannu morali mġarrab li jammonta għal EUR 20 000;

–        tikkundanna lill-BEI għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li jammonta għal EUR 35 100 (VAT inkluża);

–        tikkundanna lill-BEI għar-rimbors tal-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura ta’ appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tordna li l-kawża tintbagħat lura bil-għan tal-ftuħ mill-ġdid, mill-BEI, tal-proċedura fir-rigward tal-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol u/jew tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-President tal-BEI f’termini speċifikati mill-appellanti.

28      Il-BEI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Għandu jiġi rrilevat li l-appellanti b’mod partikolari titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibgħat lura din il-kawża quddiem il-BEI bil-għan tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni u tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-President tal-BEI imfassla f’termini li hija tippreċiża.

30      Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma tinvoka ebda aggravju insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet. L-appell lanqas ma jista’ jagħti lok għal interpretazzjoni li tgħid li r-raġunament tiegħu jista’ jinftiehem bħala li jikkostitwixxi aggravju jew argumenti mqajma kontra s-sentenza appellata.

31      Għalhekk, dan il-kap tat-talbiet huwa inammissibbli.

32      Barra minn hekk, il-BEI jikkunsidra li l-appell huwa inammissibbli fl-intier tiegħu, sa fejn, minn naħa, ma jagħmel l-ebda riferiment għal punt preċiż tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, l-appellanti sempliċement tirriproduċi argumenti diġà esposti fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tad-deċiżjoni li l-annullament tagħha hija mitluba, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li jkunu tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑338/16 P, EU:C:2017:382, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑338/16 P, EU:C:2017:382, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-BEI, l-appell ma jikkostitwixxix sempliċi repetizzjoni tal-argumenti diġà invokati fl-ewwel istanza. Dawn fil-fatt huma indirizzati kontra l-motivazzjoni tas-sentenza appellata, peress li din hija kkontestata fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali li l-appellanti tinvoka u, konsegwentement, jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jallega l-BEI, l-appell jindika sew il-punti tas-sentenza appellata li huma kkontestati.

36      Għaldaqstant, bl-eċċezzjoni tal-kap tat-talbiet imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, l-appell huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

37      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji, ibbażati, rispettivament, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 6 tal-KEDB, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 8 tal-KEDB u, it-tielet nett, fuq ċaħda tal-ġustizzja.

38      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Unjoni ma tistax, sakemm ma tkunx parti tal-KEDB, tkun suġġetta għal responsabbiltà abbażi tagħha. Madankollu, mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li t-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet iggarantiti tal-Karta huma l-istess bħal dawk li jagħtuhom l-artikoli korrispondenti tal-KEDB.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet aggravji biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-KEDB

 L-argumenti tal-partijiet

40      Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, iddeterminat b’mod żbaljat il-portata tad-drittijiet proċedurali li hija kellha, it-tieni nett, li naqset milli tieħu azzjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini li jirregolaw il-proċedura ta’ investigazzjoni, it-tielet nett, li evalwat b’mod żbaljat il-kompożizzjoni ġusta tal-Bord ta’ Investigazzjoni, u, ir-raba’ nett, li ċaħdet l-argumenti tagħha billi kkontestat it-trattament kunfidenzjali tal-ilment tagħha.

41      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-ewwel aggravju, ibbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-portata tad-drittijiet proċedurali tagħha, l-appellanti tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret, fil-punti 52 sa 54 tas-sentenza appellata, il-prinċipju tad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, meta qieset li ma kienx illegali li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma ppermettitilhiex issir taf dwar dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u x-xhieda differenti li nstemgħu matul l-investigazzjoni u lanqas li tieħu pożizzjoni dwar dawn id-dikjarazzjonijiet, li servew bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha, filwaqt li d-dikjarazzjonijiet tal-appellanti kienu ġew ikkomunikati lil din il-persuna, fil-forma ta’ sunt, sabiex tkun tista’ tifformula l-kummenti tagħha.

42      Fit-tieni lok, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma kien bl-ebda mod marbut li jsejjaħ ix-xhieda msemmija kollha fil-kuntest tal-investigazzjoni.

43      Fit-tielet lok, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset legali l-fatt li l-imsemmi Bord kien ċaħad ir-rapporti mediċi li hija kienet ippreżentat.

44      Il-BEI jikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti billi jsostni, essenzjalment, l-ewwel nett, li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet għandu japplika biss meta l-partijiet ikunu involuti fi proċeduri ġudizzjarji. Issa, il-proċedura prevista mill-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol hija proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li l-istatus tal-lanjant u dak tal-persuna akkużata b’fastidju ma humiex paragunabbli u li, konsegwentement, id-drittijiet proċedurali rispettivi tagħhom huma differenti.

45      Il-BEI jikkunsidra, sussegwentement, li billi l-proċedura segwita quddiem il-Bord ta’ Investigazzjoni ma hijiex ta’ natura ġudizzjarja, ebda dispożizzjoni ma teżiġi li dan il-Bord isejjaħ xhieda partikolari jew jinforma lill-parti li kienet semmiethom li dawn ma humiex disponibbli.

46      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rapporti mediċi ppreżentati mill-appellanti, il-BEI jinnota l-assenza ta’ valur probatorju tagħhom, billi t-tobba ma kellhomx għarfien dirett tal-fatti, iżda sempliċement ibbażaw fuq id-dikjarazzjonijiet tal-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Hemm lok li jiġi rrilevat li huwa b’mod żbaljat li l-appellanti tqis li l-Bord ta’ Investigazzjoni, li joħroġ opinjoni li fuqha jibbaża l-President tal-BEI, kif ukoll dan tal-aħħar huma korpi li jistgħu jiġu assimilati ma’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

48      Fil-fatt, huwa manifest li la l-Bord ta’ Investigazzjoni, korp ad hoc, li l-membri tiegħu jinħatru mill-President tal-BEI u li jifformulaw rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti fit-tmiem ta’ investigazzjoni, u lanqas il-President tal-BEI ma jissodisfaw il-kriterji differenti ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, intiżi sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kunċett ta’ “qorti”, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, huma ma jistgħux jitqiesu la individwalment u lanqas kollettivament, bħala “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 47.

49      Isegwi li, f’dan il-każ, l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex applikabbli u li, konsegwentement, l-appellanti ma tistax, insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, tinvoka ksur ta’ dan l-artikolu.

50      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni, l-allegata vittma ta’ fastidju tista’ tinvoka d-dritt għal smigħ, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

51      Fil-fatt, l-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba” jipprovdi, fl-Artikolu 41(1) tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.

52      Barra minn hekk, dan l-Artikolu 41(2) jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba b’mod partikolari jinkludi d-dritt għal smigħ ta’ kull persuna, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju; kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

53      B’mod partikolari, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa negattivament l-interessi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 36).

54      Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-ebda illegalità ma kienet twettqet mill-Bord ta’ Investigazzjoni, fir-rigward tad-dritt għal smigħ skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

55      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi, peress li tiċħad l-ilment tal-appellanti, miżura individwali meħuda fir-rigward tagħha u taffettwaha negattivament, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta.

56      Isegwi li l-Bord ta’ Investigazzjoni, qabel ma jittrażmetti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-BEI u, fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar, qabel ma jieħu deċiżjoni li taffettwa negattivament lill-appellanti, kienu obbligati li jirrispettaw id-dritt għal smigħ tagħha fil-kwalità tagħha bħala lanjanta.

57      B’mod partikolari, l-appellanti kellha d-dritt, sabiex tkun tista’ tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha, li tiġi kkomunikata, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u x-xhieda mismugħa differenti, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet intużaw mill-Bord ta’ Investigazzjoni, fir-rapport tiegħu, sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet lill-President tal-BEI, li fuq il-bażi tagħhom dan tal-aħħar ibbaża d-deċiżjoni kontenzjuża, u l-komunikazzjoni ta’ dan is-sunt għandha titwettaq fl-osservanza, skont il-każ, tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità.

58      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-appellanti ġiet mismugħa biss fil-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma nstemgħetx la qabel ma l-Bord ta’ Investigazzjoni indirizza r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-BEI u lanqas qabel ma dan tal-aħħar adotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

59      Isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkonstatatx li kien kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta l-fatt li l-appellanti ma kinitx ġiet ikkomunikata, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u tad-diversi xhieda u li hija ma setgħetx tinstema’ dwar is-suġġett tagħhom, b’tali mod li hija ma kinitx tpoġġiet f’pożizzjoni li tippreżenta b’mod utli osservazzjonijiet dwar il-kontenut tagħhom qabel ma l-Bord ta’ Investigazzjoni jittrażmetti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-BEI u, fi kwalunkwe każ, qabel ma dan tal-aħħar jieħu d-deċiżjoni kontenzjuża, li kienet affettwatha negattivament.

60      Mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, u lanqas il-partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn ċaħdet it-talbiet għal kumpens tar-rikors tal-appellanti, ibbażati fuq ir-responsabbiltà tal-BEI għal allegati illegalitajiet imwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni, inkluż in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt tal-appellanti għal smigħ ġust, kif ukoll it-talbiet għal annullament ta’ dan ir-rikors.

 Fuq it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta

61      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta kkunsidrat li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma kienx kiser l-Artikolu 7 tal-Karta billi inkluda ċerti elementi tal-ħajja privata tal-appellanti fir-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll ċaħda tal-ġustizzja.

62      Peress li dawn iż-żewġ aggravji huma bbażati fuq argumenti li huma parzjalment imrikkba fuq xulxin, dawn għandhom jiġu eżaminati konġuntament.

 L-argumenti tal-partijiet

63      L-appellanti tinvoka, essenzjalment, żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, inkwantu qieset b’mod żbaljat li l-BEI ma kienx wettaq żball meta ma neħħiex, fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni u fid-deċiżjoni kontenzjuża, ir-riferimenti għal elementi li jaqgħu taħt il-ħajja privata tagħha, li huma eċċessivi, irrilevanti u esklużi mill-kamp ta’ kompetenza tal-Bord ta’ Investigazzjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti ssemmi, b’mod partikolari, il-fatt li dan ir-rapport jirreferi għar-relazzjoni kkumplikata tagħha mal-Kap ta’ Diviżjoni tagħha ta’ dak iż-żmien, id-diffikultajiet tagħha li taċċetta kull forma ta’ kritika, in-nuqqas ta’ paċenzja tagħha sabiex tavvanza fil-karriera tagħha, peress li dawn l-elementi ma humiex, fil-fehma tagħha, direttament meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk kinitx vittma ta’ fastidju sesswali. Hija ssostni li dawn il-kummenti huma, barra minn hekk, dannużi għas-saħħa tagħha, hekk kif dan jirriżulta b’mod ċar minn rapport mediku ġdid.

64      Il-BEI jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, ma huwiex assolut. Dan jista’ jinkludi restrizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni, bil-kundizzjoni li dawn effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-Unjoni u li dawn ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, indħil sproporzjonat.

66      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-proċedura kontenzjuża tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ eventwali prattiki ta’ fastidju, b’mod partikolari dak sesswali, li huma ta’ dannu għad-dinjità tal-bniedem.

67      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-inklużjoni, fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni u fid-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ elementi li jaqgħu taħt il-ħajja privata tal-appellanti, allegatament eċċessivi u irrilevanti, tikkostitwixxix, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, restrizzjoni sproporzjonata għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

68      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li dawn l-elementi differenti kienu riferimenti diretti għad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u li r-riferiment għal dawn id-dikjarazzjonijiet kien ippermetta li jiġu identifikati l-elementi li fuqhom il-Bord ta’ Investigazzjoni kien ibbaża ruħu sabiex jifformula r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

69      Sussegwentement, fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Bord ta’ Investigazzjoni ma kienx wasal għal konklużjonijiet jew għamel dikjarazzjonijiet dwar l-istat tas-saħħa tagħha, iżda llimita ruħu sabiex jirrepeti dikjarazzjonijiet ta’ xhieda. Issa, dan il-Bord ma kien wasal għal ebda konklużjoni ta’ natura medika.

70      Fl-aħħar nett, fil-punt 74 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, fi kwalunkwe każ, ir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kien dokument intern, indirizzat biss lill-President tal-BEI kif ukoll liż-żewġ partijiet ikkonċernati, u li għalhekk ma kienx maħsub li jinxtered.

71      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jidhirx li r-riferimenti għal elementi li jaqgħu taħt il-ħajja privata tal-appellanti, li ddaħħlu fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni u fid-deċiżjoni kontenzjuża, huma eċċessivi u irrilevanti.

72      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Karta, meta ddeċidiet li l-inklużjoni, f’dan ir-rapport u f’din id-deċiżjoni, tal-elementi msemmija iktar ’il fuq ma kinitx tikkostitwixxi aġir illegali min-naħa tal-BEI.

73      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna n-natura allegatament dannuża ta’ ċerti kummenti relatati mas-saħħa tal-appellanti, din tal-aħħar tirreferi għal rapport mediku ġdid ta’ psikoterapista, stabbilit f’Lulju 2016, jiġifieri wara l-abbozzar tar-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fl-appell tagħha, l-appellanti ma tallegax li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dan ir-rapport mediku.

74      Isegwi li t-tieni u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

75      Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

76      Issa, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni adottata fit-tmiem il-proċedura biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38, kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 79).

77      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkonstatatx li kien kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta, il-fatt li l-appellanti ma kinitx ġiet ikkomunikata, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u tad-diversi xhieda u li hija ma setgħetx tinstema’ dwarhom, b’tali mod li hija ma kinitx tpoġġiet f’pożizzjoni li tippreżenta b’mod utli osservazzjonijiet dwar il-kontenut tagħhom qabel ma l-Bord ta’ Investigazzjoni jkun ittrażmetta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-BEI u, fi kwalunkwe każ, qabel ma dan tal-aħħar kien adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, li affettwatha negattivament.

78      Din l-irregolarità inevitabbilment affettwat kemm il-kontenut tar-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kif ukoll dak tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’tali mod li dan ir-rapport kif ukoll din id-deċiżjoni setgħu raġonevolment iwasslu għal riżultat differenti.

79      Madankollu, peress li l-imsemmi rapport jikkostitwixxi sempliċi att preparatorju ta’ din id-deċiżjoni, dan għalhekk ma jistax jitqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat u billi għalhekk ma jistax jiġi annullat, hemm lok li tiġi annullata unikament id-deċiżjoni kontenzjuża.

80      Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens, imsemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkostitwixxi kumpens adegwat għal kull dannu morali li l-appellanti setgħet ġarrbet f’dan il-każ.

81      It-talbiet għal kumpens intiżi sabiex jinkiseb kumpens għal dan id-dannu morali huma mingħajr skop u ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan is-suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawe vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22).

82      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna t-talbiet intiżi għall-kundanna tal-BEI sabiex iħallas lill-appellanti s-somma ta’ EUR 977 (VAT inkluża) kif ukoll ammont bil-quddiem ta’ EUR 5 850 bħala ħlas tal-ispejjeż mediċi sostnuti, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ebda rabta kawżali bejn l-illegalità mwettqa mill-BEI, ikkonstatata fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, u dawn l-ispejjeż mediċi ma ġiet stabbilita u lanqas allegata. Fil-fatt, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, l-appellanti tallega li dawn l-ispejjeż mediċi huma l-“konsegwenza diretta” tal-fastidju sesswali li hija tallega li ġarrbet. Barra minn hekk, fir-rigward tal-“ammont bil-quddiem” ta’ EUR 5 850 għal spejjeż mediċi futuri mitlub mill-appellanti, dan il-kap tat-talbiet huwa, fi kwalunkwe każ, prematur, billi tali spejjeż għadhom ma ġewx sostnuti.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal kumpens, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

85      Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

86      Peress li l-BEI tilef il-parti kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn OZ, relatati, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2017, OZ vs BEI (T607/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:495), hija annullata, sa fejn ċaħdet, minn naħa, it-talbiet għal kumpens imressqa minn OZ fir-rikors tagħha, ibbażati fuq ir-responsabbiltà tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għal allegati illegalitajiet imwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni, inkluż in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt tal-appellanti għal smigħ ġust, kif ukoll, min-naħa l-oħra, it-talbiet għal annullament li jinsabu f’dan ir-rikors.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, tas-16 ta’ Ottubru 2015, li ma tilqax l-ilment għal fastidju sesswali ppreżentat minn OZ hija annullata.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn OZ, relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.