Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederladen (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-26 ta’ Frar 2019 – Supreme Site Service GmbH, Supreme Fuels GmbH & Co KG, Supreme Fuels Trading Fze vs Supreme Headquarters Allied Powers Europe

(Kawża C-186/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hooge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Supreme Site Services GmbH, Supreme Fuels GmbH & Co KG, Supreme Fuels Trading Fze

Konvenuta: Supreme Headquarters Allied Powers Europe

Domandi preliminari

(a) Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) għandu jiġi interpretat fis-sens li kawża bħal dik ineżami, li fiha organizzazzjoni internazzjonali titlob (i) ir-revoka ta’ mandat ta’ qbid kawtelatorju impost fi Stat Membru ieħor mill-parti avversarja u (ii) li l-parti avversarja tiġi pprojbita milli timponi mandat ta’ qbid kawtelatorju ġdid, abbażi tal-istess fatti, u tinvoka insostenn tat-talbiet tagħha l-immunità minn eżekuzzjoni, għandha titqies, totalment jew parzjalment, bħala kwistjoni ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012?

(b) Il-fatt li qorti ta’ Stat Membru awtorizzat il-qbid fuq il-bażi ta’ kreditu li l-parti avversarja tiddikjara li għandha fil-konfront tal-organizzazzjoni internazzjonali, kreditu li huwa s-suġġett ta’ proċedura pendenti fuq il-mertu f’dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ tilwima kuntrattwali dwar il-ħlas ta’ karburanti pprovduti għall-finijiet ta’ operazzjoni għaż-żamma tal-paċi mwettqa minn organizzazzjoni internazzjonali konnessa ma’ dik tal-ewwel, għandu effett fuq ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda, u, jekk iva, liema effett?

(a) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-punt (a) tal-ewwel domanda, il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-qorti ta’ Stat Membru tagħti awtorizzazzjoni li jiġi impost mandat ta’ qbid kawtelatorju u meta dan il-mandat jiġi sussegwentement impost fi Stat Membru ieħor, il-qrati tal-Istat Membru fejn jiġi impost il-mandat ta’ qbid kawtelatorju għandhom il-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba għar-revoka ta’ dan il-mandat?

(b) Il-fatt li l-organizzazzjoni internazzjonali invokat l-immunità minn eżekuzzjoni insostenn tat-talba tagħha għar-revoka tal-mandat ta’ qbid kawtelatorju għandu effett fuq ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda, u, jekk iva, liema effett?

Jekk il-fatt li l-organizzazzjoni internazzjonali invokat l-immunità minn eżekuzzjoni insostenn tat-talbiet tagħha għandu effett fuq ir-risposti, minn naħa, għall-kwistjoni dwar jekk hijiex kwistjoni ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u, min-naħa l-oħra, għall-kwistjoni dwar jekk hijiex talba li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, sa liema punt il-qorti adita hija obbligata tevalwa jekk l-invokazzjoni tal-immunità minn eżekuzzjoni hijiex fondata u, f’dan ir-rigward, għandha tiġi applikata r-regola li tgħid li hija għandha tevalwa l-elementi kollha disponibbli għaliha, inklużi, f’dan il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenuta, jew kwalunkwe regola oħra?

____________