Language of document : ECLI:EU:C:2012:815

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 1999/30/KE — Kontroll tat-tniġġis — Valuri limitu għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali”

Fil-Kawża C‑68/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Alcover San Pedro u S. Mortoni, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tiżgura li, matul bosta snin konsekuttivi, f’numru ta’ żoni u agglomerazzjonijiet fit-territorju Taljan, il-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja fl-ambjent ma jaqbżux il-valuri limitu imposti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE, tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164), li sar l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmi Artikolu 5.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 96/62/KE

2        Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar ir-rispett tal-valuri ta’ limiti li japplikaw għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10.

3        Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva:

“1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ inkwinant wieħed jew iktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza.

[...]

3. Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta’ żmien speċifikat.

Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV.

4. Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta l-livell ta’ iżjed minn inkwinant wieħed ikun ogħla mil-valuri limitu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan integrat li jkopri l-inkwinanti kollha konċernati.

[...]”

 Id-Direttiva 1999/30

4        Il-PM10 huma definiti fl-Artikolu 2, punt 11, ta’ din id-Direttiva bħala partiċelli li jgħaddu minn daħla ta’ daqs selettiv b’effiċjenza ta’ 50 % maqtugħa b’10 μm dijametru erodinamiku.

5        Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali kif stmata skond l-Artikolu 7, ma teċċedix il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III mid-dati speċifikati hemmhekk

[...]”

6        L-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva jistabilixxi:

“Fejn il-valuri ta’ limitu għall-PM10 stabbiliti f-Sezzjoni I ta’ l-Anness III huma maqbuża minħabba konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali minħabba avvenimenti naturali li jirriżultaw f’konċentrazzjonijiet notevolment b’eċċess tal-livelli normali minn sorsi naturali, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/62/KE, li tipprovdi għall-ġustifikazzjoni neċessarja biex turi li dawn l-eċċessi huma minħabba avvenimenti naturali. F’dawn il-każijiet l-Istati Membri jkunu obbligati li jimplimentaw pjan t’azzjoni skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62/KE, biss, fejn il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III huma maqbuża minħabba raġunijiet barra dawk ta’ l-avvenimenti naturali.”

7        Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-Anness III tad-Direttiva 1999/30 jistabbilixxi żewġ tipi ta’ limiti għal PM10 billi jiddistingwi żewġ fażijiet, li huma stess huma sseparati f’żewġ perijodi. Għal dak li jirrigwarda l-perijodu tal-ewwel fażi, li huwa ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2009, minn naħa waħda, il-valur ta’ ġurnata ta’ 50 μg/m3 ma jistax jinqabeż iktar minn 35 darba kull sena kalendarja u, min-naħa l-oħra, il-valur annwali ma għandux jaqbeż 40 μg/m3. Għal dak li jirrigwarda l-perijodi tat-tieni fażi, mill-1 ta’ Jannar 2010, minn naħa waħda, il-valur ta’ ġurnata li ma jridx jaqbeż iktar minn 7 darbiet kull sena kalendarja huwa ta’ 50 μg/m3 u, min-naħa l-oħra, il-valur ta’ limitu annwali huwa ta’ 20 μg/m3.

8        Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-PM10 prevista fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, għandha ssir distinzjoni bejn “żona” u “agglomerazzjoni”.

9        Skont l-Artikolu 2, punt 8 tad-Direttiva 1999/30, żona tfisser “parti mit-territorju tagħhom delimitat mill-Istati Membri”.

10      L-Artikolu 2, punt 9 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi agglomerazzjoni bħala “żona b’konċentrazzjoni ta’ popolazzjoni b’iktar minn 250 000 abitant jew, fejn il-konċentrazzjoni ta’ popolazzjoni hija 250 000 abitant jew anqas, b’densità ta’ popolazzjoni kull km2, li għall-Istati Membri jiġġustifika l-bżonn li l-kwalità t’arja ambjentali tiġi stmata u mmaniġġjata”.

11      Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mid-19 ta’ Lulju 2001.

 Id-Direttiva 2008/50

12      Id-Direttiva 2008/50, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, permezz tal-Artikolu 31 tagħha, ħassret id-Direttivi 96/62 u 1999/30, b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, mingħajr dannu għall-obbligi tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda t-termini għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn l-aħħar direttivi.

13      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

[...]

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi vvalutata skond l-Anness III.

Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skond l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).”

14      Għandu jiġi kkonstatat li l-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ma biddilx il-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 mill-Anness III tad-Direttiva 1999/30 għall-ewwel fażi.

15      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2008/50 tistabbilixxi, fl-Artikolu 22 tagħha, regoli dwar l-estensjoni tat-termini stabbiliti għall-kisba tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tal-obbligu li dawn jiġu applikati.

16      Skont l-Artikolu 22 ta’ din id-Direttiva:

“1. Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja skond l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

2. Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istat Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma l-iskadenzi.

[...]

4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2.

Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

17      Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/62, ir-Repubblika Taljana ppreżentat lill-Kummissjoni rapporti dwar il-valuri limiti li japplikaw għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10, fl-arja ambjentali għas-snin 2005 sa 2007.

18      Fl-analiżi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn il-valuri limitu, stabbiliti fil-punt I tal-Anness III tad-Direttiva 1999/30, inqabżu matul perijodu twil f’diversi żoni fit-territorju Taljan.

19      Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bl-intenzjoni tagħha li timplimenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE fil-każ li hija ma tkunx irċeviet, sal-31 ta’ Ottubru 2008, applikazzjoni għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50.

20      Permezz tal-ittri tat-3 u tas-16 ta’ Ottubru 2008, ir-Repubblika Taljana informat lill-Kummissjoni bil-miżuri pprogrammati jew deċiżi minn erbatax-il reġjun jew minn żewġ provinċji awtonomi sabiex tevita li taqbeż il-valuri limitu applikabbli għal konċentrazzjonijiet tal-PM10 fiż-żoni li jirrigwardaw il-kompetenza tagħhom.

21      Peress li sal-14 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ma kienet irċeviet l-ebda applikazzjoni għal eżenzjoni mingħand dan l-Istati Membru, hija kkunsidrat li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 ma kienx japplika.

22      Peress li l-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30, hija, fit-2 ta’ Frar 2009, indirizzat lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni. Flimkien ma’ din l-ittra kienet annessa lista ta’ 55 żona u agglomerazzjoni Taljana li fihom il-limiti ta’ ġurnata u/jew annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 kienu nqabżu matul is-snin 2006 u 2007.

23      Permezz tal-ittri tal-1 u tat-30 ta’ April, tat-22 ta’ Ottubru u tal-11 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika Taljana rrispondiet lill-Kummissjoni li hija kienet indirizzatilha, fis-27 ta’ Jannar u fil-5 ta’ Mejju 2009, żewġ applikazzjonijiet għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 li kienu jirrigwardaw, minn naħa waħda, 67 żona li kienu jinsabu fi 12-il reġjun u 2 provinċji awtonomi u, min-naħa l-oħra, 12-il żona li jinsabu fi 3 reġjuni oħra.

24      Wara li kienet analizzat dawn iż-żewġ applikazzjonijiet għall-eżenzjoni, il-Kummissjoni tat żewġ deċiżjonijiet rigward l-imsemmija applikazzjonijiet, fit-28 ta’ Settembru 2009 u fl-1 ta’ Frar 2010 rispettivament.

25      Fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni oġġezzjonat għall-applikazzjoni ppreżentata mir-Repubblika Taljana fis-27 ta’ Jannar 2009 għal dak li jirrigwarda 62 mis-67 żona identifikati mir-Repubblika Taljana u li jinsabu fir-Reġjuni tal-Lombardia, tal-Emilia Romagna, tal-Friuli-Venezia Giulia, tal-Lazio, tal-Liguria, tal-Marche, tal-Umbria, tal-Piemonte, tat-Toscana u ta’ Venezia, kif ukoll fil-provinċja awtonoma ta’ Trento.

26      Fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni oġġezzjonat għall-applikazzjoni ppreżentata mir-Repubblika Taljana fil-5 ta’ Mejju 2009 għal dak li jirrigwarda ħdax mit-tnax-il żona identifikata mir-Repubblika Taljana u li jinsabu fir-Reġjuni tal-Campania, tal-Puglia u ta’ Sicilia.

27      Sussegwentement, dan l-Istat Membru ma ppreżentax applikazzjoni ġdida għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50.

28      Meta wieħed iqis li r-Repubblika Taljana kienet qabżet il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali matul bosta snin konsekuttivi, f’diversi żoni tat-territorju Taljan, il-Kummissjoni, fis-7 ta’ Mejju 2010, ħarġet opinjoni mmotivata li fiha hija kkonkludiet li r-Repubblika Taljana kienet naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30. Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu dawk il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi l-imsemmija opinjoni.

29      Fir-risposta tagħha tas-6 ta’ Lulju 2010, ir-Repubblika Taljana invokat l-elaborazzjoni ta’ strateġija nazzjonali, li kellha tiġi tradotta fl-adozzjoni ta’ totalità ta’ liġijiet u regolamenti, fuq skala nazzjonali, kif ukoll permezz tal-linji gwida rigward is-setturi ta’ attività prinċipalment responsabbli mill-emissjonijiet tal-PM10 u mis-sustanzi li jniġġsu suxxettibbli li jinbiddlu f’PM10. Ir-Repubblika Taljana, barra minn hekk, talbet li ssir laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jiġu diskussi l-liġijiet u r-regolamenti pprogrammati. Din il-laqgħa saret fi Brussell (il-Belġju), fis-26 ta’ Lulju 2010.

30      Permezz tal-ittra tal-25 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika Taljana rrikonoxxiet li, fl-iskadenza tat-terminu li kien ingħatalha sabiex tirrispondi għall-opinjoni motivata, il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali kienu għadhom maqbuża f’diversi żoni u agglomerazzjonijiet Taljani. Dan l-Istat Membru ttrażmetta lill-Kummissjoni informazzjoni oħra dwar miżuri nazzjonali li kellhom jiġu adottati fil-ħarifa 2010 u kkomunikati qabel ix-xahar ta’ Novembru 2010, flimkien ma’ studju dwar l-impatt rigward iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom dawn il-valuri limitu jibqgħu jinqabżu, sabiex jibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50.

31      Sussegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx ġiet informata dwar l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri nazzjonali. Hija lanqas ma rċeviet l-istudju dwar l-impatt rigward iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet rilevanti u lanqas ma rċeviet l-applikazzjoni l-ġdida għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50.

32      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

33      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rapporti ppreżentati skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/62/KE mir-Repubblika Taljana għas-sena 2005 u għas-snin ta’ wara juru li l-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni tal-PM10 fl-arja ambjentali nqabżu fuq perijodu twil u f’bosta żoni tat-territorju Taljan.

34      Barra minn hekk, skont l-informazzjoni trażmessa minn dan l-Istat Membru għal dak li jirrigwarda s-sena 2009, il-qbiż tal-imsemmija valuri ta’ limitu baqa’ f’70 żona li kienu jinsabu fir-Reġjuni tal-Campania, tal-Emilia Romagna, tal-Friuli Venezia Giulia, tal-Lazio, tal-Liguria, tal-Lombardia, tal-Marche, tal-Umbria, tal-Piemonte, tal-Puglia, ta’ Sicilia, tat-Toscana u ta’ Venezia, kif ukoll fil-provinċja awtonoma ta’ Trento.

35      Issa, ir-Repubblika Taljana ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 u ma ssottomettietx applikazzjoni ġdida għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50.

36      Ir-Repubblika Taljana tinnota li l-emissjonijiet tal-PM10 joriġinaw kemm minn sorsi artifiċjali, bħal eżempju t-tisħin u minn sorsi naturali, bħal vulkani, kif ukoll minn reazzjonijiet kimiċi li huma prodotti fl-atmosfera bejn il-pollutanti magħrufa bħala “prekursuri”. Il-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali huma barra minn hekk influwenzati ħafna mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u mill-estensjoni tal-moviment tal-partiċelli ddepożitati mal-art.

37      Peress li ġie kkonstatat qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 mis-sena 2001, ir-reġjuni Taljani adottaw il-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62 sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ dawn il-partiċelli. Dawn il-pjanijiet kienu bħala regola ġenerali jirrigwardaw is-settur tat-trasport. Mis-sena 2006 ġew adottati progressivament miżuri għal dak li jirrigwarda s-settur ċivili, tal-agrikultura u tat-trobbija.

38      Fuq skala nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti kienu wkoll adottaw miżuri fis-setturi ċivili, tal-industrija, tal-agrikoltura u tat-trasport sabiex inaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali.

39      It-totalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet wasslet għal titjib nett fil-kwalità tal-arja bejn is-sena 1990 u s-sena 2009, bi tnaqqis tan-numru ta’ ġranet ta’ qbiż tal-valur limitu ta’ ġurnata għal PM10. Madankollu, dan it-titjib jidher li ma kienx biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fit-termini mogħtija.

40      Fil-fatt, skont ir-Repubblika Taljana, dan il-għan ma kienx possibbli li jintlaħaq. Sabiex jintlaħaq kien ikun hemm bżonn l-adozzjoni ta’ miżuri drastiċi fuq il-pjan ekonomiku u soċjali u ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali bħal dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni, l-inizzjattiva ekonomika privata, id-dritt taċ-ċittadini għas-servizzi ta’ użu pubbliku.

41      Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li jeżistu tal-inqas ħames raġunijiet għalfejn il-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 ma kinux ġew osservati fit-terminu mogħti jiġifieri, l-ewwel nett, il-kumplessità tal-fenomenu tal-formazzjoni tal-PM10; it-tieni nett, l-influwenza tal-meteoroloġija fuq il-konċentrazzjonijiet atmosferiċi tal-PM10; it-tielet nett, il-konoxxenza teknika insuffiċjenti tal-fenomenu tal-formazzjoni tal-PM10 li kienu wasslu għall-istabbiliment ta’ termini wisq qosra sabiex dawn il-valuri ta’ limitu jiġu osservati; ir-rabà nett, il-fatt li d-differenzi politiċi tal-Unjoni Ewropea intiżi sabiex inaqqsu il-prekursuri tal-partiċelli PM10 ma produċewx ir-riżultati mistennija, u l-ħames nett, l-assenza tal-konnessjoni bejn il-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-kwalità tal-arja u, b’mod partikolari, dik intiża sabiex tnaqqas il-gass b’effett serra.

42      Fir-risposta tagħha l-Kummissjoni nnotat li, fil-kuntest tad-Direttivi 96/62, 1999/30 u 2008/50, tista’ tibbaża ruħha biss fuq data sottomessa mill-Istat Membru rilevanti fl-istħarriġ fir-rigward tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10, li jistabbilixxi ż-żoni ta’ miżura tal-konċentrazzjonijiet tal-PM10 li jiddeterminaw iż-żoni tal-miżuri ta’ konċentrazzjonijiet tal-PM10 u l-inkarigu li jiġu eżegwiti dawn il-miżuri. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li dawn il-valuri limitu kienu nqabżu matul bosta snin konsekuttivi, f’diversi żoni, kien magħruf sewwa mir-Repubblika Taljana.

43      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-eżistenza tar-raġunijiet ta’ ordni ġenerali li ma ppermettewx lir-Repubblika Taljana tosserva l-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fit-termini mogħtija, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenzjoni mill-obbligu li tapplika dawn il-valuri limitu. Issa, ir-Repubblika Taljana ma ppreżentat l-ebda applikazzjoni għall-eżenzjoni ġdida wara l-oġġezzjonijiet esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha tat-28 ta’ Settembru 2009 u tal-1 ta’ Frar 2010.

44      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Settmebru 2009, il-Kummissjoni indikat li l-argument ibbażat fuq l-emissjoni tal-PM10 fuq skala mondjali u kontinentali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi u mhux b’mod ġenerali. Fir-rigward tal-baċir tal-Po, hija enfassizzat li “il-kontribut li ġie stmat tat-tniġġis transkonfini fil-baċir tal-Po ma jistax jitqies bħala rappreżentattiv minħabba s-sitwazzjoni ġeografika speċifika ta’ dan ir-reġjun, peress li dan huwa mdawwar bil-muntanji u bil-baħar. Il-Kummissjoni tikkonstata li l-kontribuzzjonijiet transkonfinali huma, fi kwalunkwe każ, ta’ importanza limitata f’din iż-żona.”

45      Bl-istess mod, fid-deċiżjonijiet tagħha tat-28 ta’ Settembru 2009 u tal-1 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni kienet innotat l-assenza ta’ informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/50, fir-rigward tal-kontribuzzjoni tas-sorsi naturali fil-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fiż-żoni rilevanti. Barra minn hekk, għalkemm ir-Repubblika Taljana ppreżentat xi pjanijiet reġjonali lill-Kummissjoni, hija għadha ma ppreżentatx pjan nazzjonali għall-kwalità tal-ajra.

46      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-obbligu li jiġu adottati miżuri drastiċi dwar il-pjan ekonomiku u soċjali u dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni tindika li l-ebda Stat Membru ma ppreżenta rikors għal annullament kontra d-Direttivi 1999/30 u 2008/50.

47      Il-Kummissjoni żżid li r-Repubblika Taljana tirrikonoxxi, fir-risposta tagħha, li l-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 għadhom ma humiex irrispettati u li din is-sitwazzjoni mhux ser tinbidel fi żmien qasir jew medju. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li s-sitwazzjoni tal-qbiż f’dawn il-valuri limitu hija ta’ natura kostanti u sistematika.

48      F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha sabiex tikkonstata n-nuqqas għas-snin 2005 sa 2007, tali sentenza ma jkollha l-ebda effettività. Fil-fatt, fil-każ li n-nuqqas ikompli, il-Kummissjoni tkun obbligata li tippreżenta rikors ieħor għas-snin 2008 sa 2010 u tkompli sejra hekk. Għaldaqstant, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi wkoll dwar is-sitwazzjoni preżenti peress li r-rikors jirrigwarda l-osservanza kontinwa tad-Direttivi 1999/30 u 2008/50.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, minkejja li r-Repubblika Taljana ma qajmet l-ebda eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kinux ġew sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑362/90, Ġabra p. I‑2353, punt 8; tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, C‑185/11, punt 28, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑34/11, punt 42).

50      F’din il-perspettiva, għandu jiġi vverifikat jekk l-opinjoni mmotivata u r-rikors jippreżentawx l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tkun taf eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, kundizzjoni neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑199/04, Ġabra p. I‑1221, punti 20 u 21, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

51      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat ir-rikors, u mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jagħti sunt tal-motivi u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li huwa bbażat fuqhom ir-rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew li tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma tippreċiża, la fil-konklużjonijiet tar-rikors tagħha u lanqas fir-raġunijiet tagħha, is-snin li għalihom in-nuqqas qed jiġi kkontestat. Fil-fatt, hija tillimita lilha nnifhsa li tinnota li r-Repubblika Taljana qabżet il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 “matul bosta snin konsekuttivi”. Hija tallega li dan jirrigwarda nuqqas attwali u li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrigwarda l-preżent u mhux il-passat, mingħajr ma tippreċiża l-perijodu inkwistjoni.

53      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ element indispensabbli fil-kontenut tar-rikors promotur, bħal dak tal-perijodu li matulu r-Repubblika Taljana kisret, skont l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, id-dritt tal-Unjoni, ma jissodisfax l-eżiġenzi ta’ koerenza, ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

54      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tindikax il-perijodu preċiż fir-rigward tan-nuqqas ikkritikat u tonqos, fil-fatt, milli tipprovdi provi rilevanti billi tenfasizza, fi ftit kliem, illi hija ma għandha ebda interess ġuridiku, f’din il-kawża, sabiex tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni fir-rigward ta’ fatti fil-passat ladarba hija ma tieħu ebda benefiċċju minn sentenza li tikkonstata sitwazzjoni fil-passat. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni mhux talli tinjora manifestament l-obbligi, kemm għall-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għaliha stess, li joħorġu mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, talli tonqos milli tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

55      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-verifika tar-rapporti annwali ppreżentati mir-Repubblika Taljana u li jirrigwardaw is-snin 2005 sa 2007 uriet li l-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 kienu nqabżu f’bosta żoni u agglomerazzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni qiset li r-Repubblika Taljana ma kinitx osservat l-obbligi previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 minħabba l-fatt li, f’55 żona u agglomerazzjoni Taljana, indikati fl-anness mal-ittra ta’ intimazzjoni, il-valuri limitu ta’ ġurnata u/jew annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 kienu nqabżu matul is-snin 2006 u 2007.

56      Minn dawn l-elementi wieħed jista’ jasal għal konklużjoni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30, fi kwalunkwe każ, ikopri l-perijodu 2006 u 2007 u jirrigwarda 55 żona u agglomerazzjoni Taljana.

57      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors ippreżentat għal nuqqsa ta’ twettiq ta’ obbligu, fil-limiti hekk kif iddefiniti, jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli. Min-naħa l-oħra, safejn jirrigwarda l-2005 u l-perijodu li ġie wara l-2007, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

58      Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors, għandu jitfakkar li r-Repubblika Taljana tammetti, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fil-limiti kkonstatati fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

59      Ir-Repubblika Taljana żżid li dawn il-valuri limitu ma setgħux jiġu osservati fit-termini mogħtija fid-Direttiva 1999/30 għal minn tal-inqas ħames raġunijiet, esposti fil-punt 41 ta’ din is-sentenza. F’dawn il-kundizzjonijiet, li tiġi ggarantita l-osservanza tal-imsemmija valuri ta’ limitu kien jimplika l-adozzjoni ta’ miżuri drastiċi fuq il-pjan ekonomiku u soċjali kif ukoll ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali bħal dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni, l-inizzjattiva ekonomika privata u d-dritt taċ-ċittadini għas-servizzi ta’ użu pubbliku.

60      F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li, fl-assenza ta’ tibdil ta’ direttiva mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jestendi t-termini għall-implimentazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati li josservaw it-termini stabbiliti oriġinalment.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma tallegax li kienet talbet, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 1999/30, li tirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha l-valuri ta’ limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali jinqabżu minħabba avvenimenti naturali li jirriżultaw f’konċentrazzjonijiet notevolment b’eċċess tal-livelli normali minn sorsi naturali.

62      Issa, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi li jimponi fuqu t-TFUE jew att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 301/81, Ġabra p. 467, punt 8, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑297/08, Ġabra p. I‑1749, punt 81).

63      Peress li tali konstatazzjoni kienet, fil-każ inkwistjoni, ġiet stabbilita, ma huwiex rilevanti li n-nuqqas jirriżulta minn volontà tal-Istat Membru li huwa imputabbli, għan-negliġenza tiegħu jew inkella għad-diffikultajiet tekniċi li għalihom dan tal-aħħar kellu jaffronta (sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑71/97, Ġabra p. I‑5991, punt 15, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

64      Fi kwalunkwe każ, Stat Membru li jsib ruħu f’diffikultajiet li jkunu momentarjament insormontabbli u li jfixkluh milli jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ forza maġġuri biss għall-perijodu strettament neċessarju sabiex jirrimedja għal dawn id-diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, Ġabra p. I‑9989, punt 131).

65      Madankollu, fil-każ preżenti, l-argumenti tar-Repubblika Taljana huma wisq ġenerali u neqsin mill-preċiżjoni sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri li jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tal-PM10 f’55 żona u agglomerazzjoni Taljana msemmija mill-Kummissjoni.

66      Konsegwentement, hemm lok li r-rikors jintlaqa’ fil-limiti msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ma żguratx li, għas-snin 2006 u 2007, il-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali ma jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 fil-55 żona u agglomerazzjoni Taljana msemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2009, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tal-istess regolament, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

69      F’din il-kawża, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30, li sar l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, għal dak li jirrigwarda s-sena 2005 u l-perijodu li jiġi wara s-sena 2007, kien ġie ddikjarat inammissibbli.

70      Konsegwentement, hemm lok li l-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Peress li ma żguratx li, għas-snin 2006 u 2007, il-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE, tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta' limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali, fil-55 żona u agglomerazzjoni Taljana msemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta’ Frar 2009, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmija dispożizzjoni.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.