Language of document : ECLI:EU:T:2019:356

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

23 ta’ Mejju 2019 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tar-riċiklaġġ tal-batteriji tal-karozza taċ-ċomb u tal-aċtu – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet tax-xiri – Multi – Punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 – Punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑222/17,

Recylex SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Fonderie et Manufacture de Métaux SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Harz-Metall GmbH, stabbilita f’Goslar (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn M. Wellinger, S. Reinart u K. Bongs, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Rogalski, J. Szczodrowski u F. van Schaik, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 900 final tat‑8 ta’ Frar 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40018 – Riċiklaġġ tal-batteriji tal-karozza),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, M. Kancheva u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Recylex SA, Fonderie et Manufacture de Métaux SA u Harz-Metall GmbH (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti” jew “Recylex”) huma kumpanniji stabbiliti, rispettivament, fi Franza, fil-Belġju u fil-Ġermanja, attivi fil-produzzjoni taċ-ċomb irriċiklat u ta’ prodotti oħra (polipropilen, żingu u metalli speċjali).

2        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 900 final tat‑8 ta’ Frar 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40018 – Riċiklaġġ tal-batteriji tal-karozza) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE fis-settur tax-xiri tal-iskart ta’ batteriji tal-karozza taċ-ċomb u tal-aċtu użat għall-produzzjoni taċ-ċomb irriċiklat. Dan il-ksur, li fih kienu pparteċipaw erba’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi, jiġifieri, l-ewwel nett, Campine NV u Campine Recycling NV (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Campine”), it-tieni nett, Eco-Bat Technologies Ltd, Berzelius Metall GmbH u Société de traitement chimique des métaux SAS (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Eco-Bat”), it-tielet nett, Johnson Controls, Inc., Johnson Controls Tolling GmbH & Co. KG u Johnson Controls Recycling GmbH (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “JCI”), u, ir-raba’ nett, Recylex, twettaq matul il-perijodu mit‑23 ta’ Settembru 2009 sas‑26 ta’ Settembru 2012 (premessi 1 u 2, u l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Skont il-Kummissjoni, il-ksur inkwistjoni, li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, ħa l-forma ta’ ftehimiet jew ta’ prattiki miftiehma fit-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza u tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dan kien jikkonsisti, għall-erba’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, fil-koordinazzjoni tal-aġir tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet tax-xiri tal-iskart ta’ batteriji tal-karozzi taċ-ċomb u tal-aċtu użat għall-produzzjoni taċ-ċomb irriċiklat (premessi 1 u 2, u l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

4        Il-proċedura amministrattiva nfetħet wara talba għal immunità, fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006”), imressqa fit‑22 ta’ Ġunju 2012 minn JCI. Fit‑13 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil din l-impriża, skont il-punt 18 ta’ dan l-avviż (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

6        Eco-Bat, fis‑27 ta’ Settembru 2012, u Recylex, fit‑23 ta’ Ottubru 2012, ressqu talba għal immunità jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. Fl‑4 ta’ Diċembru 2012, Campine ressqet talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-istess avviż (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

10      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni informat lil Eco-Bat u lil Recylex bil-konklużjoni provviżorja tagħha li tgħid li l-provi li dawn tal-aħħar kienu kkomunikawlha kienu jikkostitwixxu valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punti 24 u 25 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 u, għaldaqstant, bl-intenzjoni tagħha li tnaqqas l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom. Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni informat ukoll lil Campine bil-konklużjoni provviżorja tagħha li tgħid li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

11      Fit‑8 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha, b’mod partikolari, tikkritika lil Recylex talli pparteċipat fil-ksur imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq mit‑23 ta’ Settembru 2009 sas‑26 ta’ Settembru 2012 u imponiet fuqha, in solidum, multa ta’ EUR 26 739 000.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball fl-applikazzjoni tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal2006 għal dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni ta’ Eco-Bat

136    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, Recylex issostni li Eco-Bat ma ssodisfatx id-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni fis-sens tal-punt 12(a) u (c) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, kif meħtieġ mill-punt 24 ta’ dan l-avviż. Fil-fehma tagħha, peress li, sabiex tkun tista’ titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-kundizzjonijiet kumulattivi tal-punt 12(a) sa (c) ta’ dan l-avviż għandhom jiġu ssodisfatti, Eco-Bat ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis tal-multa. Għalhekk għandu jiġi konkluż li, minflok ma kienet it-tieni impriża li pproduċiet provi b’valur miżjud sinjifikattiv, Recylex kienet l-ewwel impriża li pproduċiet tali provi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 billi tatha tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 % minflok ta’ bejn 30 u 50 %.

137    Recylex tallega li Eco-Bat ma ssodisfatx id-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni taħt diversi aspetti. L-ewwel nett, Eco-Bat ipprovdiet, qabel it-talba ta’ klemenza ta’ Recylex, informazzjoni inkompleta u qarrieqa fir-rigward tat-territorji kkonċernati mill-ksur. Fil-fatt, Eco-Bat sostniet li l-ksur kien limitat għall-Ġermanja, għall-Pajjiżi l-Baxxi u, xi kultant, għall-Belġju. Eco-Bat wieġbet ukoll b’mod evażiv għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar il-ksur għal dak li jirrigwarda Franza. It-tieni nett, Eco-Bat ma kinitx żvelat il-portata kollha tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tagħha fil-ksur, li juri li hija ma kinitx wettqet riċerki serji sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni b’deskrizzjoni kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha. It-tielet nett, Eco-Bat kienet ipprovdiet informazzjoni qarrieqa dwar ir-rwol ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha. B’mod iktar ġenerali, it-tweġibiet ta’ Eco-Bat għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni ma jurux kooperazzjoni ġenwina.

138    Għaldaqstant, fid-dawl tal-iskwalifika ta’ Eco-Bat, Recylex tqis li hija kellha dritt għal tnaqqis massimu ta’ 50 % fl-ewwel marġni tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. Għal dak li jirrigwarda l-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi li hija pproduċiet, Recylex tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati minnha insostenn tal-ewwel u tat-tieni motiv tagħha.

139    Matul is-seduta, Recylex ikkonfermat li, b’dan il-motiv, hija ma kellhiex l-intenzjoni ċċaħħad lil Eco-Bat mit-tnaqqis ta’ 50 % li minnu kienet tgawdi.

140    Il-Kummissjoni ssostni li huwa paċifiku bejn il-partijiet li Eco-Bat, fis‑27 ta’ Settembru 2012, kienet l-ewwel impriża li pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv. Recylex, fit‑23 ta’ Ottubru 2012, kienet it-tieni impriża li pproduċiet tali provi. Fid-dawl tal-ordni kronoloġika tal-preżentazzjoni ta’ provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv, Recylex ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kklassifikata bħala l-ewwel impriża li pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv, anki jekk Eco-Bat kellha tiġi skwalifikata minn kwalunkwe tnaqqis minħabba ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-punt 12 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. Konsegwentement, l-ilmenti ta’ Recylex dwar il-ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni ta’ Eco-Bat u l-affermazzjonijiet tagħha dwar il-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi li hija pproduċiet huma mingħajr skop.

141    L-ewwel kwistjoni li tqum hija dwar jekk, fil-każ fejn żewġ impriżi jkunu pproduċew provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv, dik li tkun ipproduċiethom fit-tieni lok tistax tieħu post l-ewwel waħda, jekk jirriżulta li l-kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-punt 12 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006.

142    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bl-adozzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, il-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi, fatt li hija rrikonoxxiet fil-punt 38 tal-imsemmi avviż. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jistgħu jisiltu minn dan l-avviż, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata li tikkonforma ruħha miegħu (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑265/12, EU:T:2016:111, punt 361 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, peress li l-proċedura ta’ klemenza tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li tgħid li impriża għandha tiġi ssanzjonata għal kull ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-regoli relatati magħha għandhom għaldaqstant jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, T‑128/11, EU:T:2014:88, punt 167).

144    Skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, huwa previst dan li ġej:

“F’kull deċiżjoni finali mogħtija fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li minnu għandha tibbenefika l-impriża, relattiv mal-multa li altrimenti tiġi imposta. Għal:

–        l-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 %,

–        it-tieni impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 %,

–        impriża oħra li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis massimu ta’ 20 %.”

145    Il-punt 24 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 jipprovdi li, sabiex tikkwalifika għal tnaqqis, impriża għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punti 12(a) sa (c) tal-imsemmi avviż. Il-punt 12 jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar id-dmir ta’ kooperazzjoni. Dan jipprovdi, essenzjalment, li l-impriża għandha, l-ewwel nett, tikkoopera b’mod ġenwin, sħiħ, u fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien matul il-proċedura amministrattiva kollha, li jeħtieġ li l-impriża tipproduċi informazzjoni preċiża, mhux qarrieqa u kompleta. It-tieni nett, hija trid ittemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-allegat akkordju u, it-tielet nett, hija ma tridx tkun qerdet, iffalsifikat jew ħbiet provi tal-allegat akkordju. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li Eco-Bat kienet tissodisfa t-tieni kundizzjoni.

146    L-aħħar paragrafu tal-punt 30 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li impriża ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 12, hija ma għandha tibbenefika mill-ebda trattament favorevoli taħt dan l-avviż. Għaldaqstant, kif wara kollox huwa paċifiku bejn il-partijiet, ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni, fis-sens tal-punt 12 tal-avviż inkwistjoni, jikkostitwixxi kriterju inerenti sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex dritt għal immunità totali jew parzjali, jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa. Jekk hija ma ssodisfatx id-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni, hija ma tistax tibbenefika mill-klemenza.

147    Għandu jiġi kkonstatat, min-naħa l-oħra, li mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 ma jirriżultax li ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni jaffettwa l-ordni tal-wasla mogħti lit-talbiet ta’ klemenza.

148    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, mil-loġika stess tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, kif ukoll dak tal‑2006, jirriżulta li l-effett mixtieq huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi titħeġġeġ id-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni. Din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed biss fosthom jista’ jibbenefika minn immunità minn multa billi jiddenunzja lill-parteċipanti l-oħra fil-ksur, sabiex b’hekk ikunu esposti għar-riskju li jiġu imposti multi fuqhom. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, u skont l-istess loġika, l-impriżi li jipprovdu l-kooperazzjoni tagħhom l-iktar malajr jibbenefikaw minn tnaqqis ikbar tal-multi li kieku kienu jeħlu minn dak mogħti lill-impriżi li jikkooperaw inqas malajr (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni, T‑380/10, EU:T:2013:449, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Settembru 2013, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, T‑496/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:464, punt 334 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    L-ordni kronoloġiku u l-ħeffa tal-kooperazzjoni offruta mill-membri tal-akkordju jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema stabbilita mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il‑Kummissjoni, T‑39/06, EU:T:2011:562, punt 380; ara, ukoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni, T‑380/10, EU:T:2013:449, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    Minn dan isegwi li la l-formulazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 u lanqas il-loġika tagħha ma jappoġġjaw interpretazzjoni li tgħid li, fil-każ fejn żewġ impriżi jkunu pproduċew provi li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv, dik li tkun ipproduċiethom fit-tieni lok tieħu post l-ewwel waħda, jekk jirriżulta li l-kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-punt 12 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006.

151    Konklużjoni kuntrarja tista’ twassal għal sitwazzjoni ipotetika fejn żewġ impriżi jibbenefikaw mit-tnaqqis previst f’kull inċiż tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. Dan jista’ jdgħajjef l-inċentiv, ta’ kull impriża li tkun qiegħda tipparteċipa f’akkordju antikompetittiv, sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun mingħajr madankollu ma jiżdied l-inċentiv sabiex tikkoopera magħha għalkollox, peress li l-inċentiv li tipprovdi kooperazzjoni ġenwina huwa diġà kompletament protett mit-theddida tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-punti 24 u 30 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006.

152    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat ukoll li Recylex ma invokat la fin-noti tagħha u lanqas fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija magħmula fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura argumenti rilevanti li jqiegħdu inkwistjoni din il-konklużjoni.

153    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ma tatx lil Recylex tnaqqis ta’ bejn 30 sa 50 %, skont l-ewwel inċiż tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. Fil-fatt, għalkemm Eco-Bat naqset mid-dmir tagħha li tikkoopera għalkollox mal-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li Recylex kienet it-tieni impriża li pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv.

154    Minn dan isegwi li l-argumenti li jifdal huma ineffettivi u li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Recylex SA, Fonderie et Manufacture de Métaux SA u Harz-Metall GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż.

Collins

Kancheva

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.