Language of document : ECLI:EU:F:2011:97

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Seduta Plenarja)

29 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-7/07

Marie-Thérèse Angioi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Sejħa għal espressjoni ta’ interess — Proċedura ta’ preselezzjoni — Rekwiżiti dwar il-konoxxenzi lingwistiċi — Diskriminazzjoni — Avvenimenti li seħħew waqt l-iżvolġiment tal-eżamijiet”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M.‑T. Angioi titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2006 tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), fil-kuntest ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess intiża sabiex tiġi stabbilita database ta’ kandidati li jkunu jistgħu jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt, li permezz tagħha dan iddeċieda li jeskludiha milli tieħu sehem fil-bqija tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni minħabba li kisbet riżultati insuffiċjenti matul l-ewwel eżamijiet maħsuba sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ raġunament verbali u numeriku tagħha.

Deċiżżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Konoxxenzi lingwistiċi — Għażla tal-lingwa prinċipali

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(3)(e))

2.      Dritt tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Konoxxenzi lingwistiċi — Rekwiżit tal-konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa speċifika — Ġustifikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(1) u (6); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(3)(e))

4.      Proċedura — Intervent — Motiv li ma jistax jiġi invokat mill-parti li tkun qiegħda tiġi sostnuta — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 116(4); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 110(3) u (4))

5.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Obbligu tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jiżguraw għall-kandidati kollha żvolġiment kalm u regolari tal-eżamijiet

6.      Uffiċjali — Rikors — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ esklużjoni minn kompetizzjoni minħabba r-riżultati insuffiċjenti miksuba fl-eżamijiet ta’ preselezzjoni

7.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Eliminazzjoni ta’ kandidat minħabba r-riżultati insuffiċjenti miksuba fl-eżamijiet b’għażla multipla — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

8.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kontenut tal-eżamijiet — Mistoqsijiet b’għażla multipla — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

9.      L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Kompetenzi — Organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni għall-membri tal-persunal bil-kuntratt u ċaħda tal-kandidati li ma jkunux għaddew — Inklużjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 82(5); Deċiżjoni 2002/620 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, Artikolu 3(2))

1.      Skont l-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jiġi rreklutat biss jekk jipproduċi evidenza, b’mod partikolari, ta’ konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni.

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-lingwa li kandidat għal funzjonijiet ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jkollu konoxxenza approfondita tagħha għandha tkun limitata biss għal-lingwa taċ-ċittadinanza tiegħu jew, fil-każ ta’ kandidat ċittadin ta’ Stat Membru li jkollu iktar minn lingwa uffiċjali waħda, għal-lingwa li fiha jkun irċieva t-taħriġ tiegħu.

(ara l-punti 67 u 68)

2.      Il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni teskludi li test jitqies b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li dan it-test jiġi interpretat fid-dawl kemm tar-rieda reali tal-awtur tiegħu u kemm fid-dawl tal-għan segwit minn dan tal-aħħar, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, verżjonijiet oħra mfassla bil-lingwi tal-Unjoni. Għaldaqstant, jekk verżjoni lingwistika tkun tinsab f’minorità meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tat-test, dawn tal-aħħar għandhom jingħataw preċedenza.

(ara l-punt 72)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Novembru 2009, Zangerl‑Posselt vs Il‑Kummissjoni, F‑83/07, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑62/10 P

3.      Ir-rekwiżiti lingwistiċi li jinsabu fl-Artikolu 82(3)(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, f’dan il-każ konoxxenza approfondita ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati, jikkostitwixxu biss kundizzjonijiet minimi għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt. Għalhekk, l-amministrazzjoni tista’ b’mod leġittimu, jekk ikun il-każ, meta l-ħtiġijiet tas-servizz jew dawk tal-pożizzjoni hekk jirrikjedu, tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi li tagħha jew tagħhom tkun meħtieġa konoxxenza approfondita jew sodisfaċenti.

Għalkemm tali rekwiżit lingwistiku speċifiku jista’ jirriżulta mill-profil partikolari tal-pożizzjoni li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ser ikun qiegħed jeżerċita, dan ir-rekwiżit jista’ jirriżulta b’mod iktar ġenerali mill-eżistenza, fi ħdan l-istituzzjoni, ta’ lingwa jew ta’ diversi lingwi ta’ komunikazzjoni interna. Fil-fatt, sa fejn istituzzjoni għandha l-possibbiltà tagħżel, u dan anki mingħajr ma tieħu deċiżjoni formali f’dan is-sens, numru limitat ta’ lingwi ta’ komunikazzjoni interna, bil-kundizzjoni li din l-għażla tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, marbuta mal-ħtiġijiet funzjonali tagħha, minn dan jirriżulta li din l-istituzzjoni tista’ b’mod leġittimu teżiġi li l-membri tal-persunal bil-kuntratt li hija jkollha l-intenzjoni tirrekluta jkollhom konoxxenzi lingwistiċi fir-rigward ta’ dawn il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna.

Madankollu, l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi espliċitament kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa u li, skont l-Artikolu 1d(6) tal-istess regolamenti, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kull limitazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tkun oġġettivament u raġonevolment ġustifikata u għandha tissodisfa għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

Sejħa għal espressjoni ta’ interess intiża sabiex ikunu jistgħu jiġu rreklutati membri tal-persunal bil-kuntratt sabiex iwettqu funzjonijiet differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej li tillimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż għandha titqies bħala li ssegwi tali għan. Fil-fatt, fid-dawl tal-pożizzjoni okkupata minn dawn il-lingwi fi ħdan l-istituzzjonijiet li fihom il-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, ir-rekwiżiti lingwistiċi meħtieġa għandhom l-għan li jiġi żgurat li dawn il-membri tal-persunal ikollhom konoxxenzi lingwistiċi fir-rigward ta’ dawn il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-uffiċjali, il-membri tal-persunal bil-kuntratt, bħala prinċipju, jibqgħu jaħdmu mal-istituzzjonijiet għal perijodu limitat u, għalhekk, eventwali nuqqasijiet fil-konoxxenza lingwistika ta’ dawn il-membri tal-persunal ma jkunux jistgħu jiġu rrimedjati permezz ta’ programmi ta’ taħriġ.

(ara l-punti 89 sa 92, 94, 95 u 97)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Marzu 1964, Lassalle vs Il‑Parlament, 15/63, p. 73 u 74; 15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiarosa Madura, punti 49 u 56; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 13 ta’ Settembru 2010, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑156/07 u T‑232/07, punti 65 u 75; 13 ta’ Settembru 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑166/07 u T‑285/07, punti 81 u 93

4.      Intervenjent ma jistax iqajjem argument li jkun inammissibbli kieku jiġi invokat mill-parti li tkun qiegħda tiġi sostnuta. Dan ikun il-każ fir-rigward ta’ motivi bbażati fuq illegalità li ma setgħux jikkawżaw preġudizzju għall-interessi tal-parti li tkun qiegħda tiġi sostnuta.

(ara l-punt 112)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑3/92, punt 53

5.      Skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jiżguraw lill-kandidati kollha f’kompetizzjoni li l-eżamijiet jiżvolġu bl-iktar mod kalm u regolari possibbli. Madankollu, il-fatt li sseħħ irregolarità matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni ma jaffettwax il-legalità tal-imsemmija eżamijiet sakemm din l-irregolarità ma tkunx ta’ natura sostanzjali u ta’ natura li tista’ tiffalsifika r-riżultati tagħhom. Meta sseħħ tali irregolarità, hija l-istituzzjoni konvenuta li għandha tipprova li din l-irregolarità ma kellhiex effett fuq ir-riżultati tal-eżamijiet.

(ara l-punt 123)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2006, Neophytou vs Il‑Kummissjoni, F‑22/05, punt 60

6.      Il-kontestazzjoni tal-affidabbiltà globali tar-riżultati għall-eżamijiet ta’ preselezzjoni kkomunikati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) lill-kandidati ma tistax tiġi utilment invokata minn kandidat insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiegħu ħlief sa fejn din il-kontestazzjoni tippermetti li jiġi pprovat li l-persuna kkonċernata kienet issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-EPSO għall-evalwazzjoni tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni, jiġifieri li kisbet minimu tar-risposti korretti fl-eżamijiet imsemmija.

(ara l-punt 128)

7.      Fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, amministrazzjoni li torganizza eżamijiet għal reklutaġġ fil-forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tikkomunika lill-kandidati li ma jkunux għaddew minn dawn l-eżamijiet il-proporzjoni, f’perċentwali, tat-tweġibiet korretti u billi tagħtihom, fil-każ ta’ talba f’dan is-sens, it-tweġiba li kellha tingħata għal kull waħda mill-mistoqsijiet magħmula. Dan japplika f’kull każ ħlief meta r-rikorrent, fl-ilment tiegħu, jikkontesta konkretament ir-rilevanza ta’ ċerti mistoqsijiet jew il-fondatezza tat-tweġiba magħżula bħala dik korretta u dan jekk id-differenza bejn ir-riżultati tiegħu u l-marka meħtieġa biex wieħed jgħaddi mill-eżami tkun tali li, jekk il-kontestazzjoni tiegħu tkun fondata (li jkun iffiser li l-qorti tiskopri ineżattezza fil-fatti), ir-rikorrent ikun jista’ jiġi inkluż fost il-kandidati li għaddew mill-eżamijiet inkwistjoni. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-amministrazzjoni tkun meħtieġa tikkomunikalu, fir-risposta għall-ilment, l-informazzjoni f’dan is-sens, b’mod partikolari t-test tad-domandi li jkunu sarulu waqt l-eżamijiet.

(ara l-punt 138)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F‑127/07, punt 32

8.      Fil-kuntest ta’ eżamijiet fil-forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jqajjem dubju dwar il-fondatezza tat-tqassim tal-mistoqsijiet skont id-diversi livelli ta’ diffikultà biss billi jagħmel eżami tal-mistoqsijiet kollha, eżami li huwa jista’ jagħmel biss jekk ikollu quddiemu diversi indizji li jindikaw li t-tqassim magħmul mill-organizzaturi kien ivvizzjat bi żbalji li jmorru lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom.

(ara l-punt 146)

9.      Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(5) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, kif ukoll mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2002/620, jirriżulta li l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) huwa kompetenti sabiex jorganizza l-eżamijiet ta’ preselezzjoni għal membri tal-persunal bil-kuntratt u sabiex jiċħad il-kandidaturi tal-kandidati li ma jkunux għaddew mill-imsemmija eżamijiet.

(ara l-punti 151 u 152)