Language of document : ECLI:EU:F:2010:123

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-49/09

Eberhard Wendler

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjoni tal-irtirar — Ħlas tal-pensjoni — Obbligu li jinfetaħ kont bankarju fil-pajjiż ta’ residenza — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Motiv ta’ ordni pubbliku — Prinċipju ta’ ugwaljanza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. Wendler, ex membru tal-persunal tal-Kummissjoni, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li titolbu jikkomunika lill-Kummissjoni d-dettalji ta’ kont bankarju fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu sabiex b’hekk tkun tista’ tħallas fih il-pensjoni tal-irtirar tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali — Pensjonijiet — Pensjoni tal-irtirar — Ħlas

(Regolamenti tal-persunal, Annessi VII, Artikolu 17, u VIII, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 45)

L-uffiċjali pensjonanti u l-uffiċjali f’impjieg attiv huma ttrattati b’mod differenti għal dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ somom dovuti lilhom. Fil-fatt, filwaqt li, skont l-it-tielet paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċji kollha kemm huma jitħallsu lill-uffiċjal pensjonant li jirrisjedi fi Stat Membru obbligatorjament f’bank tal-pajjiż ta’ residenza, filwaqt li r-regola ekwivalenti għall-uffiċjali f’impjieg attiv, stabbilita fl-Artikolu 17(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li s-somom dovuti lill-uffiċjal f’impjieg attiv għandhom jitħallsu fil-post fejn jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, tippermetti, min-naħa tagħha, żewġ varjazzjonijiet. Minn naħa, l-Artikolu 17(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-possibbiltà għall-uffiċjal f’impjieg attiv li jittrasferixxi fi Stat Membru ieħor, permezz tal-istituzzjoni li magħha jaħdem, parti mir-remunerazzjoni tiegħu, jiġifieri l-ammont tal-allowance ta’ edukazzjoni effettivament riċevuta għal tifel dipendenti li jattendi stabbiliment ta’ tagħlim f’dan l-Istat Membru l-ieħor u s-somom li jikkorrispondu għall-ħlas regolari favur kull persuna oħra residenti f’dan l-Istat Membru u li fir-rigward tagħhom huwa juri li għandu obbligi bis-saħħa ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti. Min-naħa l-oħra, u irrispettivament mill-possibbiltajiet b’hekk offruti permezz tal-Artikolu 17(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 17(4) stess jagħti lill-uffiċjal f’impjieg attiv id-dritt li jitlob trasferiment regolari ta’ somom li huma dovuti lilu, mingħajr applikazzjoni ta’ ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni, fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, sa 25 % tas-salarju bażiku tiegħu.

Din id-differenza ta’ trattament bejn uffiċjali pensjonanti u uffiċjali f’impjieg attiv ma tistax, madankollu, tirriżulta f’diskriminazzjoni illegali, peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-uffiċjali pensjonanti għandhom il-libertà li jagħżlu l-pajjiż ta’ residenza tagħhom, l-uffiċjali f’impjieg attiv huma meħtieġa, minħabba l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrisjedu fil-post tal-impjieg tagħhom jew f’distanza minnu tali li tippermettilhom jeżerċitaw mingħajr tfixkil il-funzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-post tal-impjieg tagħhom jikkorrispondi għall-Istat Membru li fih huma ċittadini, l-uffiċjali f’impjieg attiv huma preżunti li għandhom rabtiet, għall-inqas, f’żewġ Stati Membri distinti, f’dan il-każ l-Istat Membru li fih huma ċittadini u l-Istat Membru tal-post tal-impjieg. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjali pensjonanti, peress li għandhom il-libertà li jagħżlu r-residenza tagħhom, ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq tali preżunzjoni, anki jekk, bis-saħħa ta’ għażla personali, huma jistgħu jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak li fih huma ċittadini u jibbenefikaw, jekk huma rtiraw qabel l-1 ta’ Mejju 2004, minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għal dan l-Istat ta’ residenza.

(ara l-punti 43 u 44)