Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-278/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Martínez del Peral, J. Baquero Cruz, P.J.O. Van Nuffel, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi adotta u żamm fis-seħħ l-Artikoli 32(3) sa (6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Ley 40/2015 kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Ley 39/2015, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza bħala limiti għall-awtonomija li jgawdu minnha l-Istati Membri fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet fil-mertu u l-forma li jirregolaw ir-responsabbiltà tagħhom għad-danni kkawżati lill-individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din ir-rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, jirrigwarda l-Artikolu 32(3) sa (6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Ley 40/2015, de 1 de octubre de 2015, de Régimen Jurídico del Sector Público (il-Liġi 40/2015 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar ir-Reġim Legali tas-Settur Pubbliku), kif ukoll dwar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 671(1) tal-Ley 39/2015, de 1 de octubre de 2015, del Procedimiento Administrativo Común de las Administraciones Públicas (il-Liġi 39/2015 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-Proċedura Amministrattiva Komuni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi).

Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni allinjaw ir-reġim tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad-dritt tal-Unjoni mar-reġim stabbilit għall-ksur tal-Kostituzzjoni Spanjola permezz ta’ atti tal-leġiżlatur, u żiedu ċerti kundizzjonijiet fil-mertu.

Ix-xebh bejn iż-żewġ reġimi u r-rekwiżiti proċedurali li jipprevedu jfissru li l-kisba ta’ kumpens għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mil-leġiżlatur Spanjol saret impossibbli jew eċċessivament diffiċli, bi ksur tal-prinċipju ta’ effettività.

Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet fil-mertu miżjuda għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni jiksru l-prinċipju ta’ ekwivalenza, billi jissuġġettaw il-kumpens għad-danni kkawżat mil-leġiżlatur Spanjol bi ksur ta’ dan id-dritt għal kundizzjonijiet inqas favorevoli. minn dawk li huma applikabbli fil-każ ta’ danni minħabba ksur tal-Kostituzzjoni Spanjola.

____________