Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2020 minn Bruno Gollnisch mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-10 ta’ Diċembru 2019 fil-Kawża T-319/19, Bruno Gollnisch vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-122/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Bruno Gollnisch (rappreżentant: B. Bonnefoy-Claudet, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet mogħti fl-10 ta’ Diċembru 2019 mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt ir-referenza Kawża T-319/19;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex terġa’ taqtagħha mill-ġdid;

tagħtih ukoll is-somma ta’ EUR 5 000 għall-ispejjeż ta’ proċedura sostnuti għal dan l-appell;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, ir-rikorrent jitlob barra minn hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tinvoka t-tilwima fil-mertu;

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tad-Deputati tal-Parlament Ewropew;

tilqa’ t-talbiet tal-appellant fl-ewwel istanza, mingħajr preġudizzju għat-talbiet intiżi kontra d-digriet appellat;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Id-digriet huwa kkonstestat sa fejn ikkunsidra b’mod mhux xieraq li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkonċerna individwalment lill-appellant, li wara l-ilment tiegħu tas-27 ta’ Frar 2019 ma kinitx tikkostitwixxi proċedura prekontenzjuża, u li fl-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tagħha t-termini tar-rikors kontenzjuż kellhom jiġu kkunsidrati bħala li skadew.

____________