Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék [li qabel kienet Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija)] fis-7 ta’ April 2020 – Pharma Expressz Szolgáltató és Kereskedelmi Kft vs Országos Gyógyszerészeti és Élelmezés-egészségügyi Intézet

(Kawża C-178/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék [li qabel kienet Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság]

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pharma Expressz Szolgáltató és Kereskedelmi Kft

Konvenuta: Országos Gyógyszerészeti és Élelmezés-egészségügyi Intézet

Domandi preliminari

L-Artikoli 70 sa 73 tad-Direttiva 2001/83 1 jimponu li prodott mediċinali li jista’ jiġi pprovdut mingħajr riċetta medika fi Stat Membru għandu wkoll jiġi kkunsidrat bħala prodott mediċinali li jista’ jiġi pprovdut mingħajr riċetta medika fi Stat Membru ieħor, inkluż meta f’dan l-Istat Membru l-prodott mediċinali inkwistjoni ma għandux awtorizzazzjoni għat-tqegħid fil-kummerċ u ma ġiex ikklassifikat?

Fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 36 TFUE, hija ġġustifikata restrizzjoni kwantitattiva li tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi ordnat u pprovdut lill-pazjent prodott mediċinali li ma għandux awtorizzazzjoni għat-tqegħid fil-kummerċ fi [Stat Membru taż-ŻEE], għall-eżistenza ta’ riċetta medika u ta’ dikjarazzjoni tal-awtorità farmaċewtika, inkluż fil-każ fejn il-prodott mediku jkun irreġistrat fl-Istat Membru l-ieħor bħala prodott mediku mhux suġġett għal riċetta medika?

____________

1 Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).