Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja) fis-17 ta’ Ottubru 2018 – Unitel Sp. z o. o. vs Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie

(Kawża C-653/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Unitel Sp. z o.o

Konvenut: Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 146(1)(a) u (b) u tal-Artikolu 131 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 kif ukoll tal-prinċipji ta’ tassazzjoni tal-konsum, ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità, il-prassi nazzjonali korretta għandha tikkonsisti fl-applikazzjoni eżenzjoni bid-dritt għal tnaqqis (jiġifieri, fil-Polonja, rata ta’ 0 %) f’kull każ, meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin huma kumulattivament issodisfatti:

l-esportazzjoni tal-oġġetti sseħħ favur destinatarju mhux identifikat barra mill-Unjoni Ewropea u

jeżistu provi univokali fir-rigward tal-fatt li l-oġġetti telqu mit-territorju tal-Unjoni u din iċ-ċirkustanza ma hijiex ikkontestata?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 146(1)(a) u (b) u tal-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ tassazzjoni tal-konsum, ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità jipprekludu prassi nazzjonali li tikkonsisti fil-fatt li jitqies li ma hemmx kunsinna ta’ oġġetti meta dawn jiġu inkontestabbilment esportati barra mit-territorju tal-Unjoni iżda li, sussegwentement għall-esportazzjoni, l-awtoritajiet fiskali jkunu kkonstataw, fil-kuntest tal-proċedura, li d-destinatarju effettiv tal-oġġetti ma kienx l-entità li favur tagħha l-fattura li tistabbilixxi l-kunsinna tkun inħarġet mill-persuna taxxabbli, iżda entità oħra, mhux identifikata mill-awtoritajiet, bil-konsegwenza li l-awtoritajiet jirrifjutaw li japplikaw l-eżenzjoni bid-dritt għal tnaqqis (jiġifieri, fil-Polonja, rata ta’ 0 %) għal tali tranżazzjoni?

Fid-dawl tal-Artikolu 146(1)(a) u (b) u tal-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ tassazzjoni tal-konsum, ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità, il-prassi nazzjonali korretta għandha tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ rata nazzjonali għal kunsinna ta’ oġġetti, jekk jeżistu provi univokali mill-fatt li dawn l-oġġetti telqu mit-territorju tal-Unjoni iżda li, b’kunsiderazzjoni għall-assenza ta’ destinatarju identifikat, l-awtoritajiet iqisu li ma seħħitx kunsinna ta’ oġġetti, jew għandu jitqies li, f’tali każ, ma seħħet bl-ebda mod tranżazzjoni taxxabbli, fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u li, konsegwentement, il-persuna taxxabbli ma għandhiex id-dritt li tnaqqas it-taxxa tal-input fir-rigward tal-akkwist ta’ oġġetti esportati, konformement mal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.