Language of document : ECLI:EU:C:2019:1013

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑26 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawża C625/19 PPU

Openbaar Ministerie

vs

XD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Domanda preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Awtorità ġudizzjarja emittenti — Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn prosekutur Svediż — Kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”






1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi kkonfrontata mill-ġdid b’rinviji għal deċiżjoni preliminari li fihom hija tkun meħtieġa tiddeċiedi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur (f’dan il-każ, tal-Isvezja) jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”), fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (2).

2.        Id-dubji tal-qorti tar-rinviju f’din il-kawża kif ukoll fil-Kawżi C‑626/19 PPU u C‑627/19 PPU jingħaqdu ma’ dawk imressqa minn qorti tal-Lussemburgu (Kawża C‑566/19 PPU) u jirreferu, b’mod partikolari, għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (3).

3.        Dawn l-istess dubji tqajmu fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Belġju (Kawża C‑627/19 PPU) u ta’ Franza (Kawżi C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU), li fuqhom ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess data.

4.        B’mod partikolari, il-kwistjoni li kienet is-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tikkoinċidi ma’ waħda minn dawk fil-Kawża C‑626/19 PPU, magħquda flimkien mal-Kawża C‑566/19 PPU, u tikkonċerna l-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur għal proċeduri kriminali.

5.        Minkejja li l-pożizzjoni tiegħi bħala prinċipju tibqa’ dik difiża fil-kawżi OG (Prosekutur ta’ Lübeck) u PI (Prosekutur ta’ Zwickau) (4), u fil-kawża PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (5), fil-bqija tal-konklużjonijiet tiegħi ta’ dan il-jum, għandi nindirizza l-eżeġesi tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) kif ukoll dik mogħtija fid‑9 ta’ Ottubru 2019 (6) f’kawża oħra simili.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Nirreferi għat-traskrizzjoni tal-ħames, is-sitt, it-tmien, l-għaxar u t-tnax-il premessa kif ukoll għall-Artikoli 1 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas, li jinsabu fil-konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau).

B.      Id-dritt nazzjonali

7.        Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Svediż, l-Artikolu 2 tal-Förordning (2003:1178) om överlämnade till Sverige enligt en europeisk arresteringsorder (ir-Regolament Nru 1178 tal‑2003 dwar il-konsenja ta’ persuna fl-Isvezja b’applikazzjoni ta’ [MAE], iktar ’il quddiem ir-“Regolament MAE”) jipprevedi li l-MAE huwa maħruġ mill-prosekutur kemm għall-proċeduri kriminali kif ukoll għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni.

8.        Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament MAE, MAE jista’ jinħareġ għal proċeduri kriminali fil-każ ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest provviżorju tal-persuna rikjesta, li tkun issuspettata li wettqet reat li jista’ jwassal għal piena ta’ priġunerija ta’ sena jew iktar.

9.        Skont il-Gvern Svediż, id-detenzjoni provviżorja hija ordnata minn qorti, fuq talba tal-prosekutur. Meta l-qorti tiddeċiedi dwar id-detenzjoni provviżorja, il-prosekutur jiddeċiedi jekk joħroġx il-MAE u jagħmel dan b’mod indipendenti billi jevalwa b’mod partikolari l-proporzjonalità tiegħu.

II.    It-tilwima u d-domanda preliminari

10.      Fis‑27 ta’ Mejju 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Svediż ħareġ MAE għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra XD (7).

11.      Wara l-arrest ta’ XD fil-Pajjiżi l-Baxxi, fit‑28 ta’ Mejju 2019, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita b’dan il-MAE, u ddeċidiet li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Prosekutur li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru ta’ ħruġ, li jaġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju ta’ dmirijiet inerenti għall-ħruġ ta’ [MAE] u li ħareġ [MAE], jista’ jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] jekk, fl-Istat emittenti, qabel id-deċiżjoni effettiva ta’ dan il-prosekutur li joħroġ [MAE] imħallef ikun evalwa l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ [MAE] u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu?”.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Il-kawża ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019. Fid-dawl taċ-ċaħda tal-libertà ta’ XD, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza, u l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-talba.

13.      XD, il-Gvern Olandiż u dak Svediż, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

14.      Is-seduta pubblika saret fl‑24 ta’ Ottubru 2019, u ġiet konkluża flimkien ma’ dawk tal-Kawżi C‑566/19 PPU, C‑626/19 PPU u C‑627/19 PPU. F’din dehru JR, YC, XD, ZB, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Lussemburgu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż, il-Gvern Olandiż, Franċiż, Svediż, Belġjan, Irlandiż, Spanjol, Taljan u Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjoni preliminari

15.      Id-domanda magħmula f’din il-kawża tikkoinċidi mal-ewwel waħda minn dawk tal-Kawża C‑626/19 PPU, li dwarha jiena nesprimi l-opinjoni tiegħi fil-konklużjonijiet li ser nippreżenta wkoll fl-istess data.

16.      Għaldaqstant jiena tal-fehma li nirreferi kompletament għal dawn il-konklużjonijiet. Huma jeżaminaw mhux biss l-istħarriġ ġudizzjarju tal-MAE mogħti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur (f’dak li jirrigwarda dan ir-rinviju), iżda wkoll il-kapaċità tal-membri ta’ din l-istituzzjoni li jiġu kklassifikati bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas.

17.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tassumi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Svediż jista’ joħroġ MAE għaliex jissodisfa l-karatteristiċi ta’ indipendenza li jiddefinixxu l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

18.      Peress li l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Svediż ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjoni f’dan il-każ, l-informazzjoni indispensabbli sabiex jiġi evalwat jekk, skont l-istatus kostituzzjonali u l-istruttura organika u funzjonali tagħha, il-membri ta’ din l-istituzzjoni joffru l-profil meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), ma ġietx ipprovduta (8). Għalhekk ma nistax niddeċiedi f’dan ir-rigward.

B.      Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tal-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur

19.      Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-MAE ġie, f’dan il-każ, maħruġ mill-prosekutur wara l-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“MAN”) ordnat minn qorti li diġà eżaminat il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-MAE u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu.

20.      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni hija simili għal dik fil-Kawża C‑626/19 PPU, li l-eżami tagħha wassalni sabiex nikkonkludi li stħarriġ ġudizzjarju applikat fil-mument tal-adozzjoni tal-MAN ma jistax, min-natura tiegħu stess, jissodisfa “ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” imsemmija fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), li hija dejjem protezzjoni mitluba mill-persuna kkonċernata u mogħtija permezz ta’ proċedura li fiha hija setgħet tintervjeni u tipparteċipa fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha (9).

21.      Konsegwentement, l-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ MAE meħuda minn prosekutur li jistħoqqlu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, jista’ jkun preċedenti għall-ħruġ tal-MAE, iżda ma jeskludix id-dritt tal-persuna rikjesta li tippreżenta rikors ġudizzjarju kontra dan il-MAE, wara l-ħruġ tiegħu (ħlief jekk dan iqiegħed il-proċedura kriminali f’periklu) jew meta din tkun ġiet innotifikata lilu.

V.      Konklużjoni

22.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

“Il-persuna rikjesta abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li jiżgura status ta’ indipendenza, għandha tkun tista’ tikkontestaha quddiem imħallef jew qorti ta’ dan l-Istat, mingħajr ma jkun neċessarju li tistenna l-konsenja tagħha (ħlief jekk dan iqiegħed il-proċedura kriminali f’periklu) jew meta din tkun ġiet innotifikata lilu”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3      Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019 (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, iktar ’il quddiem is-“sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)”).


4      Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU (EU:C:2019:337, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau)”).


5      Kawża C‑509/18 (EU:C:2019:338; iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja)”).


6      Kawża C‑489/19 PPU, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) (EU:C:2019:849; iktar ’il quddiem is-“sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna)”).


7      Skont il-prosekuzzjoni, XD kien issuspettat bit-traffikar ta’ drogi narkotiċi.


8      Kawża C‑509/18 (EU:C:2019:457, iktar ’il quddiem is-“sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja)”).


9      Konklużjonijiet C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, punt 84.