Language of document : ECLI:EU:T:2018:943

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Ftehimiet konklużi mill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan ma’ Ryanair u s-sussidjarja tagħha Airport Marketing Services – Servizzi tal-ajruport – Servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajununa mill-Istat – Imputabbiltà lill-Istat – Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija – Vantaġġ – Kriterju ta’ investitur privat – Irkupru – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża T‑53/16,

Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

Airport Marketing Services Ltd, stabbilita f’Dublin,

irrappreżentati minn G. Berrisch, E. Vahida, I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati, u M. B. Byrne, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert, S. Petrova u J. Kneale, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/633, tat-23 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33961 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan, ta’ Veolia Transport Aéroport de Nîmes, ta’ Ryanair Ltd u Airport Marketing Services Ltd (ĠU 2016, L 113, p. 32),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

kmposta minn G. Berardis, Preident, S. Papasavvas, D. Spielmann (Relatur), Z. Csehi u O. Spineanu–Matei, Imħallfin;

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

 A.      Il-miżuri inkwistjoni

1        Ir-rikorrenti, jiġifieri Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd u Airport Marketing Services Ltd (iktar ’il quddiem “AMS”) huma, l-ewwel waħda, kumpannija tal-ajru stabbilita fl-Irlanda, li topera iktar minn 1 800 titjira kuljum li tgħaqqad 200 destinazzjoni f’31 pajjiż madwar l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, u, it-tieni waħda, sussidjarja ta’ Ryanair li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-parti l-kbira tal-attività tagħha hija li tbigħ spazji ta’ reklamar fuq is-sit internet ta’ Ryanair.

2        L-ajruport ta’ Nîmes-Garons (iktar ’il quddiem l-“ajruport ta’ Nîmes”), li r-Repubblika Franċiża hija l-proprjetarja tiegħu, jinsab fid-dipartiment ta’ Gard fi Franza. L-imsemmi ajruport ġie operat inizjalment mix- chambre de commerce et d’industrie (CCI) de Nîmes-Uzès-Le Vigan. (il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija (CCI) ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan). Mill‑1 ta’ Frar 2006, ir-responsabbiltà għall-iżvilupp, il-manutenzjoni, l-operat u l-iżvilupp taż-żona ċivili ta’ dan l-ajruport ġiet fdata lis-Syndicat mixte pour l’aménagement et le développement de l’aéroport de Nîmes – Alès – Camargue – Cévennes (l-Assoċjazzjoni Konġunta tal-Ajruport ta’ Nîmes – Alès – Camargue – Cévennes (iktar ’il quddiem is-“SMAN”), li tikkostitwixxi stabbiliment pubbliku li huwa grupp li fih il-conseil départemental du Gard (il-Kunsill tad-Dipartiment tal-Gard), il-communauté d’agglomération Nîmes Métropole (il-Komunità ta’ Agglomerazzjoni ta’ Nîmes Métropole) u l-communauté d’agglomération du Grand Alès en Cévennes (il-Komunità ta’ Agglomerazzjoni ta’ Alès Cévennes). Is-SMAN għaddiet, b’mod tranżitorju, bejn l-1 ta’ Frar 2006 u l‑31 ta’ Diċembru 2006, l-operat tal-ajruport inkwistjoni lill-imsemmija KKI permezz ta’ delega ta’ servizz pubbliku. Wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, is-SMAN għażlet li tissottokuntratta, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2007, l-operat tal-istess ajruport lil Veolia Transport li kienet issostitwita 100 % bis-sussidjarja tagħha, Veolia Transport de l’Aéroport de Nîmes (iktar ’il quddiem “VTAN”) għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

3        L-attività ta’ Ryanair fl-ajruport ta’ Pau bdiet f’Ġunju 2000. L-operat inizjali ta’ rotta waħda bejn l-imsemmi ajruport u dak ta’ Londra Stansted ġie estiż għal erba’ rotot tal-ajru.

4        F’dan ir-rigward, fil-11 ta’ April 2000, iċ-CCI ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan ikkonkludiet kuntratt tas-servizzi tal-ajruport ma’ Ryanair, għal tul ta’ 10 snin, li permezz tiegħu din tal-aħħar impenjat ruħha li tniedi titjiriet ta’ kuljum bejn l-ajruport ta’ Londra Stansted u dak ta’ Nîmes (iktar ’il quddiem il-“KSA tal-2000”).

5        Il-KSA tal-2000 ġie emendat wara l-iskambju ta’ ittri fl-aħħar tal-2001 u f’Marzu 2004, u ppreveda żieda fil-pagamenti taċ-CCI ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan lil Ryanair għall-iżvilupp tar-rotot addizzjonali. Fl‑10 ta’ Ottubru 2005, kuntratt ġdid ta’ servizzi tal-ajruport ġie konkluż bejn l-imsemmija CCI u Ryanair, għal tul inizjali ta’ ħames snin, li permezz tiegħu din tal-aħħar impenjat ruħha li topera ċerti rotot tal-ajru għall-ajruport ta’ Nîmes. Fl-istess jum, kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ġie konkluż bejn iċ-CCI u AMS li ppreveda x-xiri mill-istess CCI ta’ servizzi differenti ta’ reklamar fuq is-sit internet ta’ Ryanair u permezz tal-posta elettronika, għal korrispettiv ta’ ħlasijiet annwali miċ-CCI inkwistjoni.

6        Fit‑2 ta’ Jannar 2007, VTAN ikkonkludiet kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport ma’ Ryanair li jagħtiha kontribuzzjoni għal kull passiġġier bħala parti minn skema ta’ inċentiv għall-iżvilupp tat-traffiku u kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma’ AMS għax-xiri ta’ servizzi għal korrispettiv ta’ ammont speċifiku. Dawn il-kuntratti kienu validi mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Ottubru 2007. Fl-1 ta’ Awwissu 2007, VTAN u AMS iffirmaw klawżola supplimentari għal dak il-kuntratt, li ppreveda kontribuzzjoni addizzjonali minn VTAN. Fl‑1 ta’ Novembru 2007, żewġ kuntratti ħodda ġew konklużi bejn l-istess partijiet sabiex ikomplu jeżegwixxu l-kuntratti msemmija iktar ’il fuq, li kienu wasli li jisakadu. Il-ħlasijiet lil Ryanair u AMS kienu żdiedu. Bl-istess mod, fis‑27 ta’ Awwissu 2008, żewġ kuntratti ġodda konklużi mill-istess partijiet issostitwew il-kuntest kuntrattwali preċedenti mill‑1 ta’ Novembru 2008, għal tul ta’ sena li jista’ jiġġedded darbtejn. L-ewwel wieħed minn dawn il-kuntratti kien jinkludi b’mod partikolari l-impenn ta’ Ryanair li topera ċerti rotot tal-ajru għall-ajruport ta’ Nîmes u skema ta’ inċentivi għall-iżvilupp tat-traffiku. Żewġ klawżoli supplkimetnari tal‑25 ta’ Awwissu 2009 estendew l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti sal‑31 ta’ Diċembru2011. Fl-aħħar nett, fit‑18 ta’ Awwissu 2010 u fit‑30 ta’ Novembru 2010, l-istess partijiet iffirmaw klawżoli supplimentari għat-tieni kuntratt inkwistjoni li ipprevedi żieda fil-kontribuzzjoni ta’ VTAN.

[omissis]

 II.      Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ppreżetnaw dan ir-rikors.

25      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Marzu 2016 ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li biha talbu lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti.

26      Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu preskritt.

27      B’att ippreżentat fis‑26 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-kawża inostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2017, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibgħat il-kawża lis-Sitt Awla Estiża.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura, talbet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar li eventwalment il-kawża tingħaqad mal-Kawżi T‑111/15 u T‑165/15 għall-finijiet tal-fażi orali u sabiex tistieden, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, lill-partijiet sabiex iwieġbu għal ċerti mistoqsijiiet.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Awwissu 2017, wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawżi T‑111/15 T, T‑165/15 u T‑53/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

31      It-trattazzjonijiet tal-partijiet instemgħu fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2017.

32      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 u 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 III.      Id-dritt

[omissis]

 B.      Fuq it-tieni motiv, dwar l-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lir-Repubblika Franċiża

[omissis]

 1.      Fuq l-ilment dwar l-imputabbiltà lir-Repubblika Franċiża tad-deċiżjonijiet taċ-CCI ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan

[omissis]

 b)      Fuq l-allegata motivazzjoni kontradittorja

[omissis]

110    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 2.      Fuq l-ilment dwar l-imputabbiltà lir-Repubblika Franċiża tad-deċiżjonijiet tas-SMAN

111    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta imputat lill-Istat id-deċiżjonijiet tas-SMAN. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li s-SMAN hija grupp ta’ entitajiet pubbliċi u tipprovdi servizzi tal-ajruport bħala waħda mill-operaturi tal-ajruport. Peress li s-SMAN kienet impriża pubblika, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), li tivverifika jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni tal-miżuri meħuda mis-SMAN favur tagħhom. Issa, il-Kummissjoni kienet, bi ksur tal-imsemmija sentenza bbażat, fil-premessa 573 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni tagħha dwar l-imputabbiltà tal-Istat fuq kriterju organiku wieħed ibbażat fuq il-proprjetà, jiġifieri l-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ assoċjazzjoni tas-SMAN. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ din is-sentenza, naqset milli tagħmel eżami fuq diversi kriterji tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fid-deċiżjonijiet tas-SMAN.

112    Ir-rikorrenti jqisu li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandha bħala konsegwenza li l-kriterji tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), ma jistgħux japplikaw għal ebda impriża miżmuma minn entitajiet statali, kemm jekk ikunu ċentrali jew lokali. Issa, dawn l-awtoritajiet jistgħu jikkostitwixxu impriża u jkunu l-azzjonist uniku tagħha mingħajr mal-imsemmija impriża ma ssir b’hekk awtorità pubblika. Dan l-approċċ ikun ifisser li hemm deroga sistematika tal-awtonomija tal-personalità ġuridika tal-persuna ġuridika, daqslikieku ma kinux jeżistu kumpaniji pubbliċi.

113    Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fl-analiżi tagħha tal-imputabbiltà lill-Istat tal-kuntratt inkwistjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, f’dak li jikkonċerna l-imsemmija kuntratti konklużi maċ-CCI ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan, biss fuq in-natura ta’ awtorità pubblika ta’ din tal-aħħar mingħajr ma tattribwixxi ebda rwol lis-SMAN. Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti huwa ineffettiv sa fejn huwa intiż sabiex jikkritika l-analiżi ta’ imputabbiltà lill-Istat ta’ dawn l-aħħar kuntratti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kuntratti konklużi ma’ VTAN, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-politika kummerċjali ta’ VTAN fil-konfront tar-rikorrenti kienet fil-parti l-kbira influwenzata minn qafas stabbilit mis-SMAN, li wassal lil VTAN sabiex titbiegħed mill-aġir normali ta’ operatur ta’ ajruport liberu fil-politika kummerċjali tiegħu u ggwidat minn prospetti ta’ profittabbiltà. Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 299 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-kuntratti konklużi ma’ VTAN kellhom jitqiesu imputabbli lis-SMAN, u għalhekk lir-Repubblika Franċiża fis-sens wiesa’.

114    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi eżaminat sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset b’mod żbaljat li tistabbilixxi li l-miżuri meħuda mis-SMAN, peress li l-influwenza tal-politika kummerċjali ta’ VTAN kienet faverevoli għalihom, kinux imputabbli lir-Repubblika Franċiża fis-sens wiesa’.

115    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar qabel kollox il-ġurisprudenza li tgħid li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet territorjali jew minn entitajiet infra-statali oħra jaqgħu, bl-istess mod bħall-miżuri meħuda mill-gvern ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 (1) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet ta’ dik id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 85 iktar ’il fuq).

116    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessi 26 u 572 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-SMAN kienet stabbiliment pubbliku li jinkludi tliet awtoritajiet lokali, jiġifieri l-Kunsill tad-Dipartiment ta’ Gard, il-Komunità ta’ Agglomerazzjoni ta’ Nîmes Métropole u l-Komunità ta’ Agglomerazzjoni tal-Grand Alès en Cévennes.

117    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 572 u 573 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet territorjali u reġjonali kellhom jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat fis-sens wiesa’ u li din il-konklużjoni tgħodd b’estensjoni għal grupp ta’ awtoritajiet territorjali bħas-SMAN.

118    Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 573 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-SMAN kienet amministrata minn kumitat ta’ assoċjazzjoni kkostitwit biss minn delegati li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet territorjali li huma membri tagħhom.

119    Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan, fil-premessa 573 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjonijiet kollha tas-SMAN kienu imputabbli lill-Istat.

120    Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq, hemm lok li din il-konklużjoni tiġi approvata.

121    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-SMAN hija impriża li tipprovdi servizzi tal-ajruport u li, għalhekk, il-Kummissjoni kienet obbligata li tevalwa l-imputazzjoni lill-Istat tad-deċiżjonijiet tas-SMAN fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294).

122    Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata li l-aġir ta’ VTAN fil-konfront tar-rikorrenti ma għandux jitqies b’mod iżolat minn dik tas-SMAN, grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu bħala l-awtorità ta’ konċessjoni fil-kuntest tal-għoti u tal-implimentazzjoni tad-delega ta’ servizz pubbliku u li, b’mod partikolari, il-politika kummerċjali ta’ VTAN fil-konfront tar-rikorrenti kienet influwenzat ħafna mill-kuntest stabbilit mis-SMAN.

123    Għalkemm is-SMAN tista’ twettaq attivitajiet ta’ impriża, bħalma jistgħu jagħmlu korpi oħrajn tal-Istat, hemm lok li jiġi kkonstatat li hija tikkostitwixxi grupp ta’ awtoritajiet territorjali, li taġixxi barra minn hekk, f’dan il-każ, bħala awtorità ta’ konċessjoni fid-delega ta’ servizz pubbliku u li, għaldaqstant, ma kienx hemm lok, sa fejn jirrigwardaw il-miżuri meħuda minnha, li tiġi stabbilita l-imputabbiltà lill-Istat abbażi tal-approċċ previst permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294).

124    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 3.      Fuq l-ilment dwar l-imputabbiltà lill-Istat tad-deċiżjonijiet ta’ VTAN

125    Ir-rikorrenti jesponu li d-deċiżjonijiet ta’ impriża privata, bħalma hija VTAN, ġeneralment ma humiex imputabbli lill-Istat, b’mod partikolari fl-assenza ta’ kwalunkwe proprjetà tal-Istat fl-impriża kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma stabbilietx li d-deċiżjonijiet adottati mill-VTAN huma imputabbli għall-Istat. B’hekk, sempliċi influwenza tas-SMAN, permezz tal-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku, dwar l-aġir ta’ VTAN ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, is-SMAN sistematikament astjeniet milli teżerċita s-setgħa tagħha li tinfluenza lil VTAN fin-negozjati tagħha ma’ Ryanair. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, VTAN setgħet liberament tfittex li tissostitwixxi lil Ryanair u kellha marġni wiesa’ sabiex tinnegozja l-kuntratti magħhom.

126    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

127    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma għandhiex issir distinzjoni bejn każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn tingħata minn korpi pubbliċi jew privati li l-Istat jistabbilixxi jew jaħtar sabiex jamministraw l-għajnuna. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Bl-istess mod, l-indikazzjoni minn Stat ta’ entità privata sabiex tagħti għajnuna ma tistax fiha nnifsha tevita l-miżuri adottati minn din l-entità mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

129    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà tal-miżura, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex id-dritt tikkunsidra, fi tmiem l-analiżi tagħha tal-imputabbiltà tal-Istat, li s-SMAN kienet involuta fil-konklużjoni tal-kuntratti konklużi minn VTAN mar-rikorrenti.

130    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni identifikat fil-premessi 278 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata sensiela ta’ indikaturi insostenn ta’ tali involviment min-naħa tas-SMAN.

131    L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku konkluz bejn is-SMAN u Veolia Transport, u li l-eżekuzzjoni tiegħu ġie fdat lil VTAN, ma kienx limitat li jagħti lil din tal-aħħar l-operat kummerċjali tal-ajruport ta’ Nîmes, iżda kien jagħtiha wkoll missjoni ta’ żvilupp tat-traffiku. B’hekk, skontha, dan il-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku illimita u influwenza l-politika kummerċjali ta’ VTAN fir-rigward tal-kumpanniji tal-ajru, u dan iktar u iktar meta l-iżvilupp tat-traffiku ma huwiex fih innifsu l-għan ewlieni segwit minn operatur ta’ ajurport privat għal kollox liberu fil-politika kummerċjali tiegħu. L-għan segwit minn tali operatur privat ikun il-massimizzazzjoni tal-profittabbiltà tiegħu, li ma jkunx kompatibbli fi kwalunkwe ċirkustanza mal-iżvilupp tat-traffiku (premessi 278 sa 281 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija kkonstatat li t-tweġiba ta’ Veolia Transport għas-sejħa għall-offerti kienet influwenzata mill-għan ta’ żvilupp tat-traffiku stabbilit mis-SMAN, u b’mod iktar ġenerali, mill-għanijiet ta’ żvilupp ekonomiku lokali segwiti mis-SMAN (premessi 282 sa 285 tal-imsemmija deċiżjoni). It-tieni nett, hija kkonstatat li d-diversi dikjarazzjonijiet ta’ Veolia Transport, waqt il-proċess tas-sejħa għall-offerti, ikkonfermaw li kienet taf li r-relazzjonijiet kummerċjali ma’ Ryanair setgħu jippenalizzaw il-profittabilità tal-operat tal-ajruport ta’ Nîmes u li hija ma kinitx lesta li tkompli din ir-relazzjoni, f’kundizzjonijiet simili għal dawk diġà stabbiliti miċ-CCI ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan, ħlief fir-rigward tal-għanijiet tas-SMAN dwar l-iżvilupp tat-traffiku, l-impenji mingħand din tal-aħħar sabiex tingħata l-operat ta’ dan l-ajruport u l-kontribuzzjoni b’rata fissa offerta mis-SMAN u li tiżgura l-bilanċ finanzjarju tal-konċessjoni (premessa 287 ta’ din id-deċiżjoni). It-tielet nett, fir-rigward ta’ dan is-sussidju operattiv b’rata fissa, hija kkonstatat li l-profittabbiltà tal-konċessjoni ta’ VTAN kienet ibbażata fuq din il-kontribuzzjoni, li l-ammont tagħha ġie kkalkulat abbażi ta’ baġit stmat li kien jinkludi l-ispejjeż u d-dħul assoċjati mal-kuntratti fis-seħħ mar-rikorrenti u li għaldaqstant is-SMAN tat kontribuzzjoni lil VTAN maħsuba sabiex tkun tista’ tkompli l-attività ta’ Ryanair f’kundizzjonijiet simili għal dawk li fihom din il-kumpanija kienet toffri s-servizzi tagħha mill-ajruport inkwistjoni meta ċ-CCI ta’ Nîmes Uzès-Le Viga kienet topera l-ajruport. Barra minn hekk, hija enfasizzat li modulazzjoni tal-kontribuzzjoni b’rata fissa skont l-attività ta’ Ryanair naqset l-inċentivi ta’ VTAN sabiex tieħu deċiżjonijiet li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tat-traffiku ta’ Ryanair (premessi 288, 289 u 291 tal-istess deċiżjoni).

132    Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li, kif hija indikat fil-premessi 292 u 293 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kuntest stabbilit mis-SMAN permezz tal-proċess tas-sejħa għall-offerti, ta’ għanijiet stabbiliti fil-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku konkluż bejn is-SMAN u Veolia Transport u l-kontribuzzjoni b’rata fissa kellu influwenza biżżejjed determinanti fuq l-aġir ta’ VTAN fil-konfront tar-rikorrenti sabiex il-kuntratti inkwistjoni jistgħu jitqiesu imputabbli lill-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li r-rabta kawżali bejn it-termini tal-imsemmi ftehim, il-proċess tas-seja għall-offerti, u l-kontribuzzjoni b’rata fissa, minn naħa, u l-kuntratti konklużi minn VTAN mar-rikorrenti min-naħa l-oħra, kienet b’saħħitha biżżejjed sabiex turi involviment ċar tas-SMAN fil-miżuri inkwistjoni, u dawn il-miżuri għandhom ikunu imputabbli lis-SMAN.

133    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa tali li jikkonfuta din il-konklużjoni.

134    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li sempliċi influwenza tal-aġir tas-SMAN fuq l-aġir ta’ VTAN permezz ta’ ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku konkluż bejn is-SMAN u Veolia Transport ma hijiex ekwivalenti għal kontroll tal-Istat u imputazzjoni għal dan tal-aħħar. Issa, din l-allegazzjoni tinterpreta b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq serje ta’ indikaturi sabiex jiġi kkonstatat li s-SMAN kellha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet li ħadet VTAN dwar ir-rikorrenti. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma llimitatx ruħha, fl-imsemmija deċiżjoni, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sempliċi influwenza tal-Istat fuq l-aġir ta’ impriża sabiex tikkonkludi li hemm l-imputabbiltà tal-Istat.

135    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-SMAN kienet naqset b’mod sistematiku astjeniet milli teżerċita s-setgħa tagħha li tinfluwenza l-aġir ta’ VTAN fin-negozjati ma’ Ryanair. Madankollu dan l-argument ma huwiex validu. Fil-fatt, mill-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sempliċi fatt li s-SMAN kellha l-possibbiltà li tinvolvi ruħha f’dawn in-negozjati dan attribwielha ċerta influwenza u setgħet tintervjeni kieku VTAN kienet ippruvat timponi fuq Ryanair kundizzjonijiet li setgħu jwasslu lil din tal-aħħar tnaqqas it-traffiku tagħha fl-ajruport ta’ Nîmes. Kif tindika l-Kummissjoni, VTAN kienet taf li s-SMAN setgħet tintervjeni u kellha r-raġunijiet kollha sabiex tieħu dan l-element inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet tagħha, li barra minn hekk kienu diġà jaqgħu fil-kuntest stabbilit mis-SMAN.

136    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li VTAN kellha marġni wiesa’ ta manuvra sabiex tinnegozja kuntratti magħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku bejn is-SMAN u Veolia Transport isemmi “l-flessibbiltà sħiħa” favur VTAN sabiex tinnegozja l-kuntratti mal-utenti tal-avjazzjoni, hija tispjega sussegwentement li din il-flessibbiltà setgħet tiġi eżerċitata biss fil-kuntest ġenerali stabbilit mill-imsemmi ftehim u l-impenji ta’ Veolia Transport bi tweġiba għas-sejħa għall-offerti, li kienu tali li jobbligaw u jinfluwenzaw b’mod konsiderevoli l-aġir ta’ VTAN. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minkejja l-eżistenza ta’ ċerta flessibbiltà kummerċjali lil VTAN sabiex tinnegozja ftehim (premessi 292 u 299 tal-imsemmija deċiżjoni), il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fuq il-bażi tal-indikaturi konverġenti elenkati fil-punt 131 iktar ’il fuq, li dan il-kuntest ġenerali kien wassal sabiex is-SMAN teżerċita influwenza biżżejjed fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali ta’ VTAN mar-rikorrenti sabiex tikkonkludi li hemm l-imputabbiltà tal-Istat. Ir-rikorrenti ma ressqu ebda element li juri li l-eżistenza ta’ marġni ta’ manuvra kummerċjali favur VTAN li kkontesta din l-analiżi ta’ imputabbiltà tal-Kummissjoni.

137    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jqisu li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw l-awtonomija kuntrattwali ta’ VTAN. Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni, ġustament, il-premessa 92 tal-imsemmija deċiżjoni li fuqha r-rikorrenti jibbażaw tipprovdi biss l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru rigward il-proċedura segwita fi ħdan VTAN stess għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, u, f’din il-premessa, hija ma ddeċidietx dwar l-influwenza tas-SMAN fuq il-kontenut tal-kuntratti konklużi minn VTAN.

138    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li VTAN setgħet liberament tfittex li tissostitwixx lil Ryanair u li l-ebda sanzjoni ma kienet tapplika għal din it-tip ta’ deċiżjoni. Madankollu, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha effett fuq il-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-Istat tal-kuntratti inkwistjoni. Fil-fatt, is-SMAN tista’ wkoll tiġi ssodisfatta permezz ta’ trasportatur ieħor magħżul minn VTAN. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest ġenerali stabbilit permezz tal-proċess tas-sejħa għall-offerti, l-għanijiet ta’ żvilupp tat-traffiku stabbiliti fil-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku bejn is-SMAN u Veolia Transport u l-kontribuzzjoni b’rata fissa, is-SMAN kellha influwenza determinanti fuq il-kundizzjonijiet proposti minn VTAN lill-kumpanniji tal-ajru. Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-attività ta’ Ryanair imsemmija fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata kienet prevista biss fit-tul, u mhux matul il-perijodu li għalih tirreferi l-imsemmija deċiżjoni.

139    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jallegaw li ma ġiet prevista l-ebda sanzjoni f’każ li VTAN ma ssodisfatx l-impenji tagħha fir-rigward tas-SMAN, jekk mhux ir-riskju li tikkomprometti r-reputazzjoni tagħha. Madankollu, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq qari żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-premessa 286 ta’ din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tirreferi għas-sanzjonijiet, iżda tikkonstata li l-aġir ta’ VTAN lejn ir-rikorrenti kien essenzjalment influwenzat mill-għan ta’ żvilupp tat-traffiku stabbilit mis-SMAN. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni osservat, fl-imsemmija premessa, li l-offerta tal-fornitur finalment magħżula rabtet neċessarjament dan tal-aħħar għat-tul kollu tal-konċessjoni kemm minn perspettiva ġuridika iżda wkoll minn perspettivi oħrajn, u qieset li kumpannija li tkun ifformulat għanijiet u impenji bi tweġiba għal sejħa għal offerti organizzata minn awtorità lokali, u li wara aġixxiet kontra dawn l-għanijiet u impenji tkun f’riskju li tikkomprometti r-reputazzjoni tagħha mal-awtoritajiet lokali. Minn dan iddeduċiet li Veolia Transport, li, fl-2007 kienet qiegħda tfittex li tistabbilixxi ruħha fis-suq tal-operat tal-ajruporti, ma kellhiex dan ir-riskju.

140    Fis-seba’ u fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-SMAN l-iktar li tat lil VTAN huma biss assigurazzjonijiet sabiex tkopri xi telf f’każ li VTAN kienet iddeċidiet li tkompli magħha “sitwazzjoni li ntirtet”, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ddeduċiet, fil-premessi 278 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imputabbiltà lill-Istat tal-kuntratti inkwistjoni mhux biss tal-għoti tal-kontribuzzjoni b’rata fissa sabiex jiġi żgurat il-bilanċ tal-ajruport ta’ Nîmes, iżda wkoll minn numru ta’ elementi, inklużi l-impenji ta’ żvilupp tat-traffiku li setgħu jippenalizzaw il-profittabbiltà tal-imsemmi ajruport u kienu jkunu aċċettabbli biss jekk ingħata kumpens finanzjarju.

141    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq hemm lok li jiġi miċħud dan l-ilment u, għaldaqstant, it-tieni motiv.

 C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li r-riżorsi ta’ VTAN kienu riżorsi tal-Istat

142    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni stabbilixxiet biss li l-kundizzjoni tal-użu ta’ riżorsi tal-Istat kienet issodisfatta. Fil-fatt, il-kontribuzzjoni b’rata fissa mis-SMAN lil VTAN taqa’ taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, li kellha d-dritt li tiddeċiedu liberament l-użu tagħha u li ma tiġix ittrasferita lir-rikorrenti. Ir-riżorsi ta’ VTAN għalhekk ma jibqgħux kontinwament taħt kontroll pubbliku fis-sens tal-ġurisprudenza.

143    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom, fost kundizzjonijiet oħra, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24, u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 16).

144    F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat huwa intiż li jinkludi, barra l-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat sabiex tiġi ġestita l-għajnuna (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex jgħinu lil impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jagħmlu parti, kontinwament, mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anki jekk is-somom korrispondenti għall-miżura inkwistjoni ma jkunux miżmuma b’mod permanenti mit-Teżor, il-fatt li jibqgħu kontinwament taħt il-kontroll pubbliku, u għalhekk huma disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex dawn jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Il-fatt li r-riżorsi kkonċernati huma amministrati minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika huwa irrilevanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 35).

147    Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li riżorsi tal-Istat ġew ittrasferiti mis-SMAN, fil-forma ta’ kontribuzzjoni b’rata fissa, lil VTAN, li hija impriża privata li topera l-ajruport.

148    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, bili rreferiet għall-premessa 298 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-bilanċ finanzjarju tal-operat tal-ajruport de Nîmes kien ibbażat fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mis-SMAN, li l-ammont tagħha kien ġie ddeterminat, fost l-oħrajn, skont il-parametri tar-relazzjoni kummerċjali bejn iċ-CCI ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan u r-rikorrenti fl-2006 u għalhekk, b’mod li tippermetti li tkompli l-attività ta’ Ryanair f’kundizzjonijiet simili għal dawk li fihom din il-kumpannija tal-ajru kienet toffri s-servizzi tagħha mill-imsemmi ajruport meta l-imsemmija CCI kienet topera dan l-ajruport. Minn dan hija ddeduċiet, fl-istess premessa, li l-vantaġġi mogħtija lir-rikorrenti minn dawn il-kuntratti kienu għalhekk iffinanzjati permezz ta’ din il-kontribuzzjoni b’rata fissa, u għalhekk, permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

149    B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-profittabbiltà tal-konċessjoni għal VTAN kienet ibbażata fuq is-sussidju fiss mogħti mis-SMAN li għalhekk kienet involuta b’mod dirett fil-finanzjament tal-operat tal-ajruport ta’ Nîmes. Hija spjegat li l-eżistenza ta’ dan is-sussidju mogħti mis-SMAN uriet l-influwenza ta’ din tal-aħħar fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali ta’ VTAN mar-rikorrenti peress li, mingħajr dan is-sussidju, aktarx li ebda operatur ma kien jaċċetta li jopera l-imsemmi ajruport fil-kuntest ta’ konċessjoni li l-mudell ekonomiku tagħha kien ibbażat fuq għan ta’ żvilupp tat-traffiku u ta’ relazzjonijiet ma’ kumpannija tal-ajru li jistgħu joħolqu marġni negattiva fil-livell tal-operat tal-ajruport. Hija kkunsidrat li l-għoti tas-sussidju inkwistjoni kien jagħmel parti għalhekk mill-elementi li kienu għamlu possibbli l-konklużjoni tal-kuntratti mar-rikorrenti.

150    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq huma ssodisfatti. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SMAN tat kontribuzzjoni lil VTAN maħsuba sabiex tkun tista’ tkompli l-attività ta’ Ryanair f’kundizzjonijiet simili għal dawk fis-seħħ meta ċ-CCI ta’ Nîmes-Uzès-Le Vigan inkwistjoni kienet topera l-ajruport (ara wkoll il-premessa 289 tal-imsemmija deċiżjoni) u li, mingħajr din il-kontribuzzjoni, VTAN kellha ssostnli l-vantaġġi kollha mogħtija lir-rikorrenti skont il-kuntratti miftiehma.

151    Il-fatt li VTAN kellha ċerta flessibbiltà li tinnegozja dawn il-kuntratti mar-rikorrenti u li ma kien hemm l-ebda rabta awtomatika bejn l-ammont tal-kontribuzzjoni b’rata fissa u l-parametri tal-kuntratti nnegozjati mar-rikorrenti, ma għandux l-effett li jelimina r-rabta li hemm bejn dik il-kontribuzzjoni u l-vantaġġ li jibbenefikaw minnu r-rikorrenti. Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’termini ekonomiċi, il-kontribuzzjoni b’rata fissa lil VTAN għamlet possibbli l-konklużjoni tal-kuntratti mar-rikorrenti u ppermettiet lil VTAN li ma ssostnix l-ispiża tal-vantaġġi mogħtija lir-rikorrenti skont dawn il-kuntratti. B’hekk, dawn il-vantaġġi huma r-riżultat tal-għoti tal-kontribuzzjoni b’rata fissa lil VTAN (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 26 u 27).

152    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 D.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

[omissis]

 2.      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u nuqqasijiet ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li twarrab, f’din il-kawża, l-analiżi komparattiva

[omissis]

 b)      Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw il-motivi fid-deċiżjoni kkontestata li titbiegħed, f’din il-kawża, mill-analiżi komparattiva

[omissis]

 2)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-analiżi komparattiva għandha tkun ibbażata fuq tqabbil tal-kuntratti inkwistjoni meħuda flimkien ma’ tranżazzjonijiet oħra simili


 3)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kuntratti inkwistjoni kienu joħolqu spejjeż inkrementali li jaqbżu d-dħul inkrementali


 4)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-provi ppreżentati mir-Ryanair ma jurux li l-ajruporti magħżula fl-istudju tat28 ta’ Settembru 2012 kienu biżżejjed komparabbli mal-ajruport ta’ Nîmes u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

226    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddikjarat b’mod żbaljat li Ryanair ma wrietx li l-ħames ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 kienu suffiċjentement komparabbli mal-ajruport ta’ Nîmes. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, minn naħa, li l-Kummissjoni ma rrifjutatx l-”għażla speċifiku” tal-ajruporti ta’ riferiment u lanqas l-argumenti ddettaljati fl-imsemmi studju, ikkompletat minn studji supplimentari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-kriterji ta’ għażla invokati f’dan l-istudju kienet tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni. Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi kkontestata l-għażla tal-ajruporti ta’ riferiment magħmula fl-istess studju ma jinsabux fid-deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jirrimedjaw a posteriori għall-iżball imwettaq jew għan-nuqqas ta’ motivazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-Kummissjoni qatt ma indirizzat lil ajruport privat jew operat privatament sabiex tingħata informazzjoni dwar il-prezzijiet u, konsegwentement, ma għamlet l-ebda sforz sabiex issib ajruport ta’ riferiment, minkejja l-eżistenza manifesta tagħhom.

227    F’dan ir-rigward, dwar l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-provi prodotti minn Ryanair ma jurux li l-ajruporti magħżula fl-istudju tal‑28 ta’ Settembru 2012 kienu suffiċjentement simili għal dak ta’ Nîmes, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif tindika l-Kummissjoni, il-fatt li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni l-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni diġà kien biżżejjed sabiex jeskludi l-metodu użat fl-imsemmi studju (premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’dan il-każ kienet tirrkjedi li l-kombinazzjonijiet kollha tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport u tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li jikkorrispondu, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjoni waħda, ikunu analizzati b’mod konġunt (ara l-punti 207 sa 212 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

228    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax, għal kull wieħed mill-ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012, ir-raġunijiet li għalihom ma jistgħux jitqiesu bħala element ta’ tqabbil ma jippermettix li jiġi konkluż, bħala tali, li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

229    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, għandu jidher b’mod ċar u inekwivoku f’din il-motivazzjoni, b’tali mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħdua u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata)

230    F’dan il-każ, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dubji tagħha, kif espressi fil-paragrafu 59 tal-Linji gwida tal-2014 li huwa fil-fatt possibbli li wieħed jiddefinixxi element ta’ tqabbil xieraq għall-finijiet tal-iffissar ta’ prezz tas-suq ġust għas-servizzi pprovduti mill-ajruporti. Barra minn hekk, meta rreferiet għall-parametri elenkati fil-paragrafu 60 tal-imsemmija Linji gwida, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 384 tal-imsemmija deċiżjoni, li Ryanair ma wrietx kif l-ajruporti li hija semmiet huma suffiċjentement komparabbli f’termini ta’ volum ta’ traffiku, tat-tip ta’ traffiku, tat-tip u l-livell tas-servizzi tal-ajruport, tal-preżenza ta’ belt kbira qrib l-ajruport, tal-għadd ta’ abitanti fiż-żona ta’ attrazzjoni, tal-prosperità fiż-żona tal-madwar, u tal-eżistenza ta’ żoni ġeografiċi differenti li jistgħu jattiraw lill-passiġġieri.

231    Huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tippreċiżax b’mod iktar iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom hija ma aċċettatx il-kampjun ta’ ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 bħala element validu ta’ tqabbil.

232    Madankollu, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ajruporti ta’ riferiment, ma jistax jiġi kkontestat li din taqa’ f’evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Peress li d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni sabiex tippermetti li tikkontesta ulterjorment l-fondatezza quddiem il-qorti kompetenti, ikun eċċessiv li tkun rikjesta motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi jew kull wieħed mill-elementi kkwantifikati li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 108, u tas‑27 ta’ April 2017, Germanwings vs Il-Kummissjoni, T‑375/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:289, punt 45, ara wkoll b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 134).

233    B’hekk, spjegazzjoni, għal kull wieħed mill-ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012, tar-raġunijiet għaliex dawn ma setgħux ikunu aċċettati ma tidhirx meħtieġa fid-deċiżjoni kkontestata sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jifhmu r-raġunament segwit mill-Kummissjoni.

234    B’hekk, ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali iċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-kampjun ta’ ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012.

235    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

236    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma waslux li juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-metodu ta’ għażla tal-ajruporti ta’ tqabbil. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li Ryanair ma kinitx ipproponiet kampjun ta’ ajruporti ta’ riferiment li jinkludi l-ajruporti suffiċjentement komparabbli mal-ajruport ta’ Nîmes. Huma jiddikjaraw li l-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 ippreżentat minn Ryan Air fih tqabbil sistematiku bejn il-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport iffirmati ma’ ajruporti oħra li l-maġġoranza tagħhom kienu privati, operati b’mod privat jew li joperaw bħala investitur f’ekonomija tas-suq, u li kellhom jippreżentaw diversi karatteristiċi komuni li kienu simili għal dawk tal-ajruport ta’ Nîmes.

237    Il-Kummissjoni tirrispondi li din id-dikjarazzjoni hija miċħuda minn eżami bir-reqqa tal-ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012.

238    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment affidabbli, l-ewwel nett, l-ajruport ta’ Bournemouth kien jappartjeni lil entità li hija fil-maġġoranza tagħha hija proprjetà ta’ Stat u kellha profittabbiltà negattiva fl-2012, it-tieni nett, l-ajruport ta’ Prestwick kien qed jagħmel telf qabel mal-proprjetarju privat tiegħu ittrasferixxieh lill-Gvern Skoċċiż f’Novembru 2013, li, it-tielet nett, l-ajruport ta’ Maastricht kien ibbenefika minn sussidji sostanzjali mill-2004 u kien, huwa wkoll, għadda għal azzjonisti pubbliċi fl-2013 wara li apparentement kellu jiġi salvat mill-Istat Olandiż u li, fl-aħħar nett, l-ajruport ta’ Knock, għalkemm ta’ proprjetà privata, kien irċieva fondi pubbliċi konsiderevoli, jiġifieri sussisdji kapitali f’dan il-każ ta’ EUR 13 miljun bejn l-1997 u l-2012.

239    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 fis-sens tal-paragrafu 60 tal-Linji gwida tal-2014, il-Kummissjoni spjegat li, fi kwalunkwe każ, huma kienu ferm differenti minn dawk tal-ajruport ta’ Nîmes:

–        mill-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 jirriżulta li l-volum tat-traffiku totali tal-passiġġieri fl-ajruport kien ivarja b’mod sinjifikattiv minn ajruport għal ieħor u b’mod iktar qawwi f’dak li għandu x’jaqsam mal-volum ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw ma’ Ryanair f’dawn l-ajruporti;

–        l-attivitajiet tal-ajruport ta’ Grenoble jkunu kkonċentrati ħafna fuq l-istaġun tax-xitwa;

–        l-ajruport ta’ Maastricht kien eżerċita attivitajiet sinjifikattivi ta’ trasport ta’ merkanzija;

–        l-eqreb bliet ta’ kull ajruport huma ta’ daqs differenti ħafna; b’hekk, dwar il-parametru tal-viċinanza ta’ belt kbira, l-imsemmi studju jsemmi il-belt ta’ Nîmes u, għall-ajruport ta’ Knock, il-belt ta’ Sligo (l-Irlanda), iżda d-distanzi jvarjaw ħafna;

–        fir-rigward tal-parametru tan-numru ta’ residenti fiż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport, dan l-istudju jirreferi biss għall-popolazzjoni tal-ikbar belt f’raġġ ta’ 150 kilometru, u mhux għan-numru ta’ abitanti fiż-żona ta’ attrazzjoni tal-ajruport;

–        fir-rigward tal-parametru ta’ prosperità taż-żona tal-madwar, il-punti ta’ riferiment ta’ reġjuni magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 ma jirriflettux eżattament iż-żoni fl-inħawi tal-ajruporti inkwistjoni u l-prosperità li tvarja sostanzjalment minn reġjun għal ieħor; u

–        il-parametru tal-art ’il ġewwa mill-ajruport ma deherx fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012, kemm għal passiġġieri li jitilqu jew il-passiġġieri li jaslu, jew, fir-rigward tal-attrazzjoni turistika tal-kosta Mediterranja, l-ajruport ta’ Nîmes huwa prinċipalment orjentat lejn il-passiġġieri li jaslu, filwaqt li l-ajruporti ta’ Prestwick u ta’ Bournemouth joffru suq potenzjali għall-passiġġieri li jitilqu.

240    Minn dan isegwi li, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 ma kinux suffċijetement komparabbli mal-ajruport ta’ Nîmes.

241    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konklużjoni.

242    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-ajruport ta’ Bournemouth għamlet profitt bejn l-2001 u l-2011 mingħajr ma rċieva sussidji, għandu jiġi enfasizzat li jekk, ċertament, dawn l-elementi huma rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat l-aġir tal-ajruport bħala operatur f’ekonomija tas-suq, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-ajruport japaprtjeni lil entità pubblika.

243    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ajruport ta’ Prestwick kien mhux biss proprjetà privata, iżda wkoll profittabbli bejn l-2000 u 2008, hemm lok li jiġi kkonstatat li għalkemm dawn iċ-ċirkustanzi jimmilitaw favur aġir ta’ operatur f’ekonomija tas-suq, huma ma jikkontestawx dak speċifikat mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, li jgħid li dan l-ajruport kien qiegħed jagħmel it-telf u kellu jiġi ttrasferit lill-Gvern Skoċċiż fl-2013 u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix element ta’ tqabbil xieraq għall-finijiet ta’ prezz eżatt tas-suq għas-servizzi tal-ajruport (ara l-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata).

244    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, minn naħa. Ryanair operat diversi rotot tas-sajf lejn u mill-ajruport ta’ Grenoble bejn l-2006 u l-2009 u li, barra minn hekk, dan l-ajruport kien operat minn operatur privat li impona l-ogħla tariffi tal-ajruport mill-ajruporti ta’ riferiment, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minkejja li Ryanair kienet operat rotot barra mill-istaġun tax-xitwa, dawn l-attivitajiet ma dehrux li waslu għaż-żamma ta’ dawn is-servizzi matul is-sena. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti ma jikkontradixxix il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-attività tal-ajruport ta’ Grenoble kienet ikkonċentrata ħafna fuq l-istaġun tax-xitwa, u dan kien jiddistingwiha mis-sitwazzjoni tal-ajruport ta’ Nîmes fejn Ryanair kienet tipprovdi, minn tal-inqas, ċertu għadd ta’ rotot kuljum matul is-sena kollha, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

245    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, l-investiment ta’ kapital fl-ajruport ta’ Knock kienu jammontaw biss għal 6 % tal-attiv tal-ajruport għall-perijodu bejn l-2002 u l-2012, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li investiment ta’ fondi pubbliċi ta’ tali skala kien jikkostitwixxi element rilevanti fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura xierqa ta’ dan l-ajruport bħala element ta’ riferiment.

246    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fost l-ajruporti ta’ riferiment, erba’ ajruporti kienu simili għall-ajruport ta’ Nîmes fir-rigward tal-parametru tat-traffiku totali jew tat-traffiku ta’ Ryanair, hemm lok li jitqies, kif tirrileva l-Kummissjoni, li ċ-ċifri msemmija fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 juru li t-traffiku totali ta’ passiġġieri ta’ ajruporti u t-traffiku ta’ Ryanair f’dawn ajruporti kienu jvarjaw b’mod sinjifikattiv bejn ajruport u ieħor fir-rigward tal-ajruport ta’ Nîmes. B’hekk, mill-imsemmi studju jirriżulta li hemm b’mod partikolari differenzi sinjifikattivi bejn l-ajruport ta’ Nîmes u t-traffiku għall-ajruporti ta’ Prestwick (għall-perijodu kollu kkonċernat), ta’ Bournemouth u ta’ Knock (għall-aħħar parti tal-perijodu kkonċernat).

247    Bl-istess mod, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 ippreżenta, fir-rigward tal-parametru ta’ prosperità taż-żona tal-madwar, id-data għall-ajruport ta’ Knock fil-livell reġjonali għal tqabbil tal-prodott domestiku gross annwali għal kull abitant anke jekk l-istima dwar id-dħul fix-xahar ġiet ippreżentata għall-Irlanda kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward ċerti parametri oħra.

248    Konsegwentement, minkejja l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 242 u 243 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl tal-elementi kollha meħuda flimkien, jiġifieri l-eżistenza ta’ elementi ta’ riferiment affidabbli u l-parametri differenti msemmija fil-premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet il-kampjun ta’ ajruporti ta’ tqabbil propost fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012.

249    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ibbażat fuq in-nuqqas tal-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tinforma ruħha mingħand ajruporti privati jew operati privatament sabiex issib kriterji ta’ tqabbil, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment jirrigwarda il-portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni li għandha l-Kummissjoni meta din tintalab tapplika l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq għall-kuntratti inkwistjoni.

250    Konformement mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ miżura, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, EU:T:2008:585, punt 59).

251    F’dan ir-rigward, għandha titqies li hija rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ operatur f’ekonomija privata normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 60).

252    F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha għad-dispożizzjoni meta hija adottatha (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 70).

253    Issa, l-informazzjoni li l-Kummissjoni “setgħet kellha għad-dispożizzjoni” tinkludi dik li tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 251 iktar ’il fuq u li tagħha hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71).

254    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dubji tagħha, kif espressi fil-Linji gwida tal-2014, dwar kemm huwa fil-fatt possibbli li wieħed jiddefinixxi element ta’ tqabbil xieraq għall-finijiet tal-iffissar ta’ prezz tas-suq ġust għas-servizzi pprovduti mill-ajruporti. Issa, il-Kummissjoni ssemmi b’mod partikolari, fil-paragrafi 56 sa 58 tal-imsemmija linji gwida, il-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-ajruporti tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn fondi pubbliċi, li l-ajruporti pubbliċi huma tradizzjonalment meqjusa mill-awtoritajiet pubbliċi bħala infrastruttura sabiex tiffaċilita l-iżvilupp lokali, u mhux bħala impriżi li joperaw konformement mar-regoli tas-suq, li t-tariffi tal-ajruporti pubbliċi għaldaqstant ma jiġux ġeneralment iddefiniti abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mas-suq, iżda b’kont meħud ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali jew ta’ politika reġjonali, u li anki t-tariffi tal-ajruporti privati jistgħu jiġu influwenzati bis-sħiħ minn dawk li għandhom il-maġġoranza tal-ajruporti li jibbenefikaw minn sussidji pubbliċi. Għalhekk, anki jekk ma huwiex eskluż li jista’ jkun hemm numru suffiċjenti ta’ ajruporti ta’ tqabbil xierqa, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, hija qieset li, konformement mal-paragrafu 61 tal-Linji gwida tal-2014, l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali kienet tikkostitwixxi l-iktar kriterju rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

255    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, id-differenza fl-istrutturi tal-ispejjeż u tad-dħul tal-ajruporti u l-komparabbiltà baxxa ta’ tranżazzjonijiet bejn l-ajruporti bħala kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw li titbiegħed mill-analiżi komparattiva (premessi 362 u 363).

256    Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom filwaqt li indikat iktar qabel fl-imsemmija deċiżjoni li l-awtoritajiet Franċiżi ma kienu pprovdew l-ebda tqabbil sabiex jiġi evalwat jekk il-prezz imħallas minn Ryanair kienx jikkorrispondi mal-prezz normali tas-suq.

257    B’hekk, matul il-proċedura amministrattiva, Ryanair ippreżentat l-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 b’kampjun ta’ ajruporti ta’ tqabbil.

258    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li, anki jekk il-Linji gwida tal-2014 kienu jipprevedu l-possibbiltà li titwettaq analiżi komparattiva, elementi preżenti fil-fajl ma kinux jippermettu li tagħmel tali analiżi b’mod utli fil-każ inkwistjoni.

259    Fir-raba’ lok, kif tindika l-Kummissjoni, sabiex jiġu evalwati t-tariffi tas-servizzi tal-ajruport, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-tariffi ppubblikati, iżda wkoll id-diversi skontijiet fuq miżura maqbula ma’ kull linja tal-ajru kif ukoll kull kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni. B’mod ġenerali, din l-aħħar informazzjoni hija kunfidenzjali u l-Kummissjoni ma jistax ikollha aċċess liberu għaliha.

260    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni setgħet tagħżel, f’dan il-każ, li twettaq l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali pjuttost milli l-analiżi komparattiva, mingħajr ma tkun qorbot, waqt l-investigazzjoni tagħha, lejn ajruporti privati jew operati b’mod privat bil-għan li jiġu identifikati eventwali ajruporti li huma suffiċjentement komparabbli mal-ajruport ta’ Nîmes u ssib, f’dawn l-istess ajruporti, kampjun ta’ tranżazzjonijiet komparabbli.

261    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-provi prodotti mir-Ryanair ma jurux li l-ajruporti magħżula fl-istudju tat‑28 ta’ Settembru 2012 kienu biżżejjed komparabbli mal-ajruport ta’ Nîmes u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

 5)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli twettaq analiżi komparattiva “komuni”

262    Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jiġi preżunt li l-pagamenti lil AMS għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kellhom jitnaqqsu mir-tariffi tal-ajruport imħallsa minn Ryanair għall-finijiet tal-analiżi komparattiva, il-Kummissjoni madankollu wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma wettqitx tali analiżi “komuni”. Huma pproduċew studju tat‑2 ta’ Frar 2016 li għandu analiżi simili, imħejji mill-konsulent ekonomiku tagħhom, li jgħid li t-tariffi netti mħallsa minn Ryanair lill-ajruport ta’ Nîmes b’kont meħud tal-ħlasijiet irċevuti minn AMS, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, kienu ogħla mill-medja ta’ tariffi netti mħallsa fl-ajruporti ta’ tqabbil, kemm għal kull passiġġier kemm fir-rigward ta’ rotazzjonijiet.

263    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt jew ta’ liġi eventwali li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li fil-fatt ma kinux, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u bi spekulazzjoni l-elementi li kienu setgħu jitressqu quddiemha (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 60, u tal‑14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra, EU:T:2004:4, punt 49). Barra minn hekk, skont il-ġuriprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (ara l-punt 252 iktar ’il fuq).

264    Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-informazzjoni l-iktar kompluta u affidabbli possibbli għal dan il-għan (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90, u tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 141).

265    F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li tikkunsidra, f’dan l-istadju, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, jiġu evalwati flimkien il-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

266    Madankollu, ir-rikorrenti jinvokaw analiżi komparattiva komuni ta’ tariffi tal-ajruporti netti ta’ pagamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, imwettqa mill-konsulent ekonomiku tagħhom fl-istudju tat‑2 ta’ Frar 2016, li ġie prodott biss għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditux inkunsiderazzjoni.

267    Barra minn hekk, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 254 sa 260 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex, fil-każ inkwistjoni, obbligu li tieħu miżuri oħra sabiex tikseb data bil-għan li twettaq analiżi komparattiva komuni.

268    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli twettaq analiżi komparattiva “komuni” għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 3.      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali

[omissis]

 b)      Fuq l-ilment dwar ir-raġunijiet li huma l-bażi tad-deċiżjoni tal-operaturi tal-ajruport ta’ Nîmes li jixtru servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni


 c)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ir-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħet nxtrat għal finijiet ta’ interess ġenerali


 d)      Fuq l-ilment ibbażat fuq id-dikjarazzjoni żbaljata li tgħid li SMAN u VTAN jikkostitwixxu entità waħda

372    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li VTAN u s-SMAN kienu jikkostitwixxu entità waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq. Meta ddeċidiet li r-rabta ta’ proprjetà ma kinitx kundizzjoni neċessarja u li rabtiet ekonomiċi oħra bejn dawn iż-żewġ entitajiet kienu suffiċjenti, il-Kummissjoni għamlet għaldaqstant interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

373    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ġie deċiż li kien neċessarju, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, li t-tranżazzjoni kummerċjali tiġi kkunsidrata kollha kemm hi sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità tal-Istat u l-entità kkontrollata minn din tal-aħħar, meħuda flimkien, aġixxewx bħal operaturi razzjonali f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri kontenzjużi, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom, inklużi dawk relattivi għas-sitwazzjoni tal-awtorità jew awtoritajiet li jipprovdu l-miżuri kontenzjużi (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, EU:T:2008:585, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

374    F’dan il-każ, għalkemm ma kien hemm l-ebda relazzjoni ta’ proprjetà bejn is-SMAN u VTAN, il-Kummissjoni madankollu kkonstatat, fil-premessi 277 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-SMAN kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet meħuda minn VTAN fir-rigward tar-rikorrenti.

375    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset li kienu jeżistu bejn is-SMAN u VTAN rabtiet ekonomiċi mill-qrib biżżejjed sabiex l-aġir tagħhom ikun evalwat b’mod konġunt fir-relazzjoni tagħhom mar-rikorrenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq (premessi 307 sa 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

376    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq id-dikjarazzjoni żbaljata li tgħid li s-SMAN u VTAN jikkostitwixxu entità waħda għandu jiġi miċħud.

 f)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ir-rifjut li jitieħdu inkunsiderazzjoni l-ikbar vantaġġi li jirriżultaw mir-relazzjonijiet tal-ajruport ta’ Nîmes ma’ Ryanair

[omissis]

 g)      Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ verifika ta’ tad-data kkomunikata mill-ajruport ta’ Nîmes u n-nuqqas ta’ tqabbil ma’ ajruport operat tajjeb

415    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ma vverifikatx id-data tal-ispejjeż mogħtija mill-ajruport ta’ Nîmes u ma qabblithiex mad-data tipika ta’ ajruport operat tajjeb. Fil-każ inkwistjoni, l-ispejjeż operattivi inkrementali sostnuti mill-ajruport ta’ Nîmes, kif irrapportati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huma kunsiderevolment ogħla minn dawk stabbiliti mill-imsemmija istituzzjoni f’kawżi oħra, hekk li dan l-aħħar ajruport ikun operat b’mod ineffikaċi ħafna. Konsegwentement, dawn l-ispejjeż ma jikkorrispondux għall-ispejjeż tas-suq li ajruport operat b’mod effikaċi jsostni, u ma jistgħux għaldaqstant iservu bħala referiment sabiex tevalwa jekk Ryanair kinitx ibbenefikat minn vantaġġ li ma kinitx tirċievi minn operatur f’ekonomija tas-suq.

416    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk operatur f’ekonomija tas-suq razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-entità pubblika kkonċernata kienx seta’ jasal li jieħu l-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 84). Għaldaqstant, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tal-ispejjeż u d-dħul attwali ta’ entità pubblika li l-aġir tagħha huwa mqabbla ma’ dak ta’ operatur f’ekonomija tas-suq.

417    Fil-każ inkwistjoni, isegwi li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ma kinitx, f’dan il-każ, il-Kummissjoni li kellha tivverifika, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, jekk l-ispejjeż operattivi inkrementali u d-dħul mhux mill-avjazzjoni tal-ajruport ta’ Nîmes kinux jikkorrispondu għal dawk li jistgħu jkunu mistennija minn ajruport medju jew minn ajruport operat tajjeb u b’mod effikaċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball tikkunsidra l-ispejjeż u d-dħul previst reali tal-ajruport ta’ Nîmes sabiex tevalwa jekk ir-rikorrenti kinux kisbu vantaġġ ekonomiku.

418    Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ikkonstatati f’ajruporti oħra barra minn dak ta’ Nîmes.

419    Barra minn hekk, peress li r-reviżjoni tat lok għaċ-ċifri reali tal-ispejjeż u d-dħul ta’ impriża pubblika tmur kontra d-dispożizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 77).

420    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma vverifikatx jekk l-ispejjeż u dħul minn l-ajruport ta’ Nîmes kinux jikkorrispondu għal dawk ġeneralment assoċjati ma’ ajruport operat tajjeb jew effikaċi.

421    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

422    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, miingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti sa fejn tirrigwarda miżuri oħra għajr dawk diġà ordnati.

 IV.      Fuq l-ispejjeż

423    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

424    Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC u Airport Marketing Services Ltd huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Berardis

Papasavvas

Spielmann

Csehi

 

      Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


[omissis]


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.