Language of document : ECLI:EU:F:2014:212

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

10 ta’ Settembru 2014

Kawża F-27/09 DEP

Ingo Hanschmann

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett :      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, imressqa skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, minn I. Hanschmann wara s-sentenza mogħtija fil-kawża Hanschmann vs Europol (F-27/09, EU:F:2010:58).

Deċiżjoni :      L-ammont sħiħ tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija lil I. Hanschmann huwa stabbilit għal EUR 1 343.18, flimkien mal-interessi moratorji mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas, bir-rata kif stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq, miżjuda b’żewġ punti.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Ftehim dwar l-onorarji konkluż bejn parti u l-avukat tagħha – Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex awtorizzata tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati rispettivi tagħhom, iżda tiddetermina l-ammont minn dawn l-onorarji li jista’ jiġi rkuprat mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Isegwi li l-prova tal-ħlas tal-ispejjeż li fir-rigward tagħhom jintalab l-irkupru ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-intaxxar mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru.

Fil-fatt, meta tagħti deċiżjoni dwar talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni ebda ftehim li jkun ġie konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Konsegwentement, il-fatt li jkun ġie deċiż, fi ftehim bejn ir-rikorrenti u l-avukati tagħha, li tal-ewwel ma għandha tħallas ebda onorarji lill-avukati, ma jaffettwax id-dritt tar-rikorrenti li tirkupra l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 14, 19 u 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digrieti Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 318/82, EU:C:1985:468, punt 2; C. A. S. vs Il-Kummissjoni, C-204/07 P-DEP, EU:C:2009:526, punt 13; u Kronofrance vs Il-Ġermanja et, C-75/05 P-DEP u C-80/05 P-DEP, EU:C:2013:458, punt 30