Language of document : ECLI:EU:C:2020:480

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2020 (1)

Kawża C321/19

BY,

CZ

vs

IrRepubblika Federali talĠermanja

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal‑Land ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Direttiva 1999/62/KE – Direttiva 2006/38/KE – Kalkolu ta’ tariffi tat-triq – Artikolu 7(9) – Prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura – Spejjeż tal-pulizija tat-traffiku – Spejjeż tal-operat – Spejjeż esterni – Spejjeż relattivi għad-dħul fuq il-kapital – Artikolu 7a(1) sa (3) – Effett dirett – Qbiż żgħir tal-ispejjeż – Kalkolu a posteriori – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tirrigwarda d-determinazzjoni tar-rati ta’ tariffa tat-triq applikati għall-vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu tal-awtostradi Ġermaniżi.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja) taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn l-operaturi ta’ impriża ta’ trasport, BY u CZ (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”) dwar ir-rimbors ta’ tariffi tat-triq.

3.        Hija tirrigwarda prinċipalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62/KE (2), kif emendata mid-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/62 kif emendata”). Din id-dispożizzjoni tipprovdi li t-tariffi tat-triq għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura u telenka l-elementi għall-kalkolu ta’ tariffi tat-triq.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiċċara l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva għandux effett dirett u jekk il-kalkolu ta’ tariffi tat-triq jistax jinkludi elementi bħall-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk qbiż żgħir tal-ispejjeż jikkostitwixxix ksur tal-imsemmi artikolu, u fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tippermettix kalkolu a posteriori fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.

5.        Fuq il-bażi tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, li l-effett dirett tiegħu jista’ jiġi invokat minn individwu, fis-sens li ma jinkludix l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. Ser nipproponilha wkoll li tiddeċiedi li qbiż tal-ispejjeż tal-infrastruttura, anki żgħir, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u li hija, kif ukoll l-Artikolu 7a(1) u (2) ta’ din id-direttiva, jipprekludu kalkolu a posteriori intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata tat-tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘sistema tat-toroq trans-Ewropea’ tfisser is-sistema tat-toroq imfissra fit-Taqsima 2 ta’ l-Anness I għad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp ta’ sistema tat-toroq trans-Ewropea [(ĠU 1996, L 228, p. 1) – deċiżjoni emendata fl-aħħar lok bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 1)] kif muri permezz ta’ mapep. Il-mapep jirriferu għas-sezzjonijiet korrispondenti msemmija fil-parti operattiva ta’ dik id-Direttiva u/jew fl-Anness II għaliha;

aa)      ‘spejjeż ta’ kostruzzjoni’ tfisser l-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni, inkluż, fejn xieraq, l-ispejjeż ta’ finanzjament, ta’:

–        infrastruttura ġdida jew titjib infrastrutturali ġdid (inkluż tiswijiet strutturali sinjifikanti); jew

–        infrastruttura jew titjib infrastrutturali (inklużi tiswijiet strutturali sinifikanti) li tlestew mhux aktar minn 30 sena qabel 10 ta’ Ġunju 2008, fejn arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq eżistenti f’10 ta’ Ġunju 2008, jew tlestew mhux aktar tard minn 30 sena qabel l-istabbiliment ta’ kwalunkwe arranġament ġdid ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq introdott wara 10 ta’ Ġunju 2008; […] (4)

[…]

ii)      […] L-ispejjeż ta’ l-infrastruttura jew titjib infrastrutturali jistgħu jinkludu kwalunkwe spiża speċifika fuq infrastruttura iddisinjata biex jitnaqqas l-inkonvenjent relatat ma’ ħsejjes jew biex titjieb is-sigurtà fit-toroq u l-pagamenti attwali magħmula mill-operatur ta’ l-infrastruttura li jikkorrispondu ma’ elementi ambjentali oġġettivi bħal protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni tal-ħamrija.

ab)      ‘spejjeż ta’ finanzjament’ tfisser imgħax fuq self u/jew ritorn fuq kwalunkwe finanzjament permezz ta’ ishma kkontribwit mill-azzjoni;

[…]

b)      ‘ħlas għall-użu tat-triq’ tfisser ammont speċifiku li għandu jitħallas għal vettura li tivvjaġġa distanza partikolari fuq l-infrastrutturi msemmija fl-Artikolu 7(1); l-ammont għandu jkun ibbażat fuq id-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u t-tip tal-vettura;

ba)      ‘ħlas medju ppeżat għall-użu tat-triq’ tfisser id-dħul totali miġbur minn ħlasijiet għall-użu tat-triq fuq perjodu speċifiku diviż bin-numru ta’ kilometri li jkunu saru minn vetturi f’sistema tat-toroq speċifika li tkun soġġetta għal ħlasijiet għall-użu tat-triq matul dak il-perjodu, fejn kemm id-dħul kif ukoll il-kilometri li jkunu saru minn vetturi jiġu kkalkulati għall-vetturi li għalihom japplikaw in-nollijiet għall-użu tat-triq;

[…]”

7.        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi fil-paragrafi (1), (9) u (10) tiegħu:

“1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq is-sistema tat-toroq trans-Ewropea, jew fuq partijiet ta’ dik is-sistema, biss skond il-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 sa 12. […]

[…]

9.      Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ l-irkupru ta’ l-ispejjeż ta’ infrastruttura biss. B’mod speċifiku l-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq għandhom ikunu relatati ma’ l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u ma’ l-ispejjeż ta’ l-operazzjoni, tal-manutenzjoni u ta’ l-iżvilupp tas-sistema infrastrutturali kkonċernata. Il-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq jistgħu jinkludu wkoll dħul fuq il-kapital jew marġni ta’ qligħ ibbażati fuq il-kondizzjonijiet tas-suq [(5)].

10.      a)      Bla preġudizzju għall-ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq imsemmija fil-paragrafu 9, l-Istati Membri jistgħu jvarjaw ir-rati ta’ ħlas għall-użu tat-triq għal finijiet bħal ma huma l-ġlieda kontra l-ħsara ambjentali, it-trattament tal-konġestjoni, il-minimizzazzjoni tal-ħsara infrastrutturali, l-ottimizzazzjoni ta’ l-użu ta’ l-infrastruttura kkonċernata u l-promozzjoni tas-sigurtà fit-toroq, kemm-il darba tali varjazzjoni:

–        […]

–        m’hix maħsuba li tiġġenera dħul addizzjonali minn ħlasijiet għall-użu tat-triq, u kwalunkwe żieda fid-dħul li ma tkunx intenzjonata (li twassal għal ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq li m’humiex konformi mal-paragrafu 9) tkun bilanċjata b’bidliet fl-istruttura tal-varjazzjoni li għandhom jiġu implimentati fi żmien sentejn mit-tmiem tas-sena tal-kontabbiltà li fiha d-dħul addizzjonali jiġi ġenerat;

[…]”

8.        L-Artikolu 7(11) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li f’każijiet eċċezzjonali ta’ infrastrutturi li jinsabu f’reġjuni muntanjużi u wara notifika lill-Kummissjoni Ewropea, tista’ tiġi imposta żieda għat-tariffi tat-triq ta’ partijiet speċifiċi ta’ toroq f’każ ta’ konġestjoni akuta li taffettwa l-moviment liberu ta’ vetturi jew ta’ ħsara ambjentali sinjifikattiva kkawżata mill-użu ta’ vetturi, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet u b’mod partikolari l-limiti tal-qbiż massimu tat-tariffi tat-triq medji meqjusa espressi f’perċentwali ta’ dawn tal-aħħar.

9.        L-Artikolu 7a tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1. Meta jiġu biex jiddeterminaw il-livelli ta’ ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq li għandhom jiġu mitluba fis-sistema infrastrutturali kkonċernata jew f’parti tas-sistema definita b’mod ċar, l-Istati Membri għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni d-diversi spejjeż imniżżla fl-Artikolu 7(9). L-ispejjeż li jittieħdu f’kunsiderazzjoni għandhom jirrelataw mas-sistema infrastrutturali jew parti minnha li fuqha huma mposti l-ħlasijiet għall-użu tat-triq u mal-vetturi li huma soġġetti għall-ħlasijiet għall-użu tat-triq. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirkuprawx dawn l-ispejjeż permezz ta’ dħul minn ħlasijiet għall-użu tat-triq jew li jirkupraw biss perċentaġġ ta’ l-ispejjeż.

2.      Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandhom jiġu ddeterminati skond l-Artikolu 7 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.      Fir-rigward ta’ arranġamenti ġodda ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq, minbarra dawk li jinvolvu konċessjoni għall-ħlasijiet għall-użu tat-triq introdotti mill-Istati Membri wara 10 ta’ Ġunju 2008, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż bl-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ċentrali ta’ kalkolu mniżżla fl-Anness III.

[…]

Arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq li jkunu diġà fis-seħħ fl10 ta’ Ġunju 2008 jew li għalihom ġew riċevuti offerti jew risposti għal stediniet ta’ negozjar taħt il-proċedura nnegozjata b’segwitu għal proċedura ta’ akkwist pubbliku qabel 10 ta’ Ġunju 2008 m’għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi mniżżla f’dan il-paragrafu, sakemm dawn l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ u dment li ma jiġux modifikati sostanzjalment.

[…]”

10.      L-Anness III ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Prinċipju ċentrali għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż u l-kalkolu tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq”, jipprovdi fil-punti 2.1, 3 u 4 tiegħu:

“2.1 Spejjeż ta’ l-investiment

–        L-ispejjeż ta’ l-investiment għandhom jinkludu l-ispejjeż tal-kostruzzjoni (inkluż l-ispejjeż finanzjarji) u l-ispejjeż ta’ l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura biż-żieda, fejn xieraq, ta’ dħul fuq l-investiment kapitali jew marġni ta’ qligħ. Għandhom ukoll ikunu inklużi l-ispejjeż ta’ l-akkwist ta’ l-art, l-ippjanar, id-disinn, is-superviżjoni ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni u l-amministrazzjoni tal-proġett, u ta’ investigazzjonijiet arkeoloġiċi u ta’ l-art, kif ukoll spejjeż inċidentali rilevanti oħra.

–        […]

–        L-ispejjeż kollha ta’ l-imgħoddi għandhom ikunu bbażati fuq l-ammonti mħallsa. L-ispejjeż li għad iridu jsiru jkunu bbażati fuq previżjonijiet raġonevoli ta’ l-ispejjeż.

–        L-investiment tal-gvern jista’ jitqies li huwa self finanzjarju. Ir-rata ta’ imgħax li tiġi applikata lill-ispejjeż ta’ l-imgħoddi għandha tkun ir-rati li applikaw għas-self tal-gvern matul dak il-perjodu.

–        […]

–        Provvediment għal stima tad-dħul fuq il-kapital jew il-marġni ta’ qligħ għandu jkun raġonevoli fid-dawl tal-kondizzjonijiet tas-suq u jista’ jiġi varjat bl-iskop li jipprovdi inċentivi ta’ rendiment għal parti terza kontraenti fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi mogħtija. Id-dħul fuq il-kapital għandu jiġi stmat bl-użu ta’ indikaturi ekonomiċi bħall-IRR (rata ta’ dħul intern fuq l-investiment) jew il-WACC (spejjeż medji ppeżati tal-kapital).

[…]

3.      Spejjeż operattivi, ta’ ġestjoni u ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq

Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludi l-ispejjeż kollha li jsiru mill-operatur ta’ l-infrastruttura li m’humiex koperti taħt is-Sezzjoni 2 u li huma relatati ma’ l-implimentazzjoni, l-operazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-infrastruttura u tas-sistema ta’ ħlas għall-użu tat-triq.

[…]

4.      Is-sehem ta’ traffiku ta’ merkanzija l-fatturi ta’ ekwivalenza u l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni

–        Il-kalkolu tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandu jkun ibbażat fuq kwoti reali jew imbassra f’kilometri mill-HGVs aġustati, jekk mixtieq, minn fatturi ta’ ekwivalenza, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni ż-żieda fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ infrastruttura għall-użu ta’ vetturi għall-ġarr ta’ merkanzija tqila.

–        It-tabella li ġejja tagħti sett ta’ fatturi ta’ ekwivalenza indikattivi. Fejn Stat Membru juża fatturi ta’ ekwivalenza bi proporzjonijiet li huma differenti minn dawk fit-tabella, huma għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ġustifikabbli b’mod oġġettiv u għandhom isiru pubbliċi.

–        […]

–        Arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq li huma bbażati fuq livelli ta’ traffiku mbassra għandhom jipprovdu għal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni li permezz tiegħu ħlasijiet għall-użu tat-triq huma aġġustati perjodikament biex jitranġa kwalunkwe rkupru nieqes jew żejjed ta’ spejjeż minħabba żbalji ta’ tbassir.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

11.      L-ammont tat-tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi federali Ġermaniżi għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2014 huwa stabbilit, skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 14(3) tal-Bundesfernstraßenmautgesetz (il-Liġi dwar it-Tariffi tat-Triq fuq it-Toroq Prinċipali Federali) tat-12 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1378), permezz tal-Anness 4 tiegħu. Din il-liġi tistabbilixxi r-rata tat-tariffa tat-triq għal kull kilometru għall-vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li għandhom iktar minn tliet axles u dawk li għandhom erba’ axles jew iktar skont l-erba’ kategoriji li jikkorrispondu għal-livell ta’ tniġġis. Ir-rati huma bejn EUR 0.141 u EUR 0.288.

12.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-rata tat-tariffa tat-triq applikabbli għall-perijodu ta’ rimbors mitlub, bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-18 ta’ Lulju 2011, kienet ikkalkolata abbażi tal-“Aktualisierung der Wegekostenrechnung für die Bundesfernstraßen in Deutschland”, imsejjaħ ukoll “Wegekostengutachten” (ir-Rapport ta’ Espert dwar l-ispejjeż tal-infrastruttura tat-toroq fil-Ġermanja) tat-30 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem il-“WKG 2007”), li jirrigwarda perijodu ta’ kalkolu għas-snin bejn l‑2007 u l‑2012. Għal dak li jirrigwarda l-istima tal-art użata għall-kostruzzjoni ta’ awtostradi, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li huma r-riżultati tal-“Wegekostenrechnung für das Bundesfernstraßennetz unter Berücksichtigung der Vorbereitung einer streckenbezogenen Autobahnbenutzungsgebühr” (ir-Rapport ta’ Espert tal‑2002 dwar l-ispejjeż tal-infrastruttura tat-toroq) ta’ Marzu 2002, li jirrigwarda perijodu ta’ kalkolu ta’ bejn l‑2003 u l‑2010, li ttieħdu bħala bażi skont informazzjoni addizzjonali miġjuba lill-WKG 2007 fit-22 ta’ Settembru 2008.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Ir-rikorrenti operaw, sal-31 ta’ Awwissu 2015 rikorrenti fil-kawża prinċipali, taħt il-forma ġuridika ta’ kumpannija rregolata bid-dritt Pollakk (“Spółka cywilna”), impriża ta’ trasport bit-triq li għandha s-sede tagħha fil-Polonja u li twettaq vjaġġi b’mod partikolari fil-Ġermanja. F’dan il-kuntest ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħallsu somma bħala tariffi tat-triq għall-użu tal-awtostradi federali Ġermaniżi għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-18 ta’ Lulju 2011.

14.      Billi qisu li din is-somma kienet eċċessiva, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, għan-nom tal-kumpannija tagħhom, rikors intiż għar-rimbors tas-somma mħallsa (6) quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja). Peress li din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentaw essenzjalment, li l-kalkolu tal-ispejjeż tat-tariffi tat-triq applikat f’dan il-każ huwa eċċessiv u jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

15.      Sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi din il-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li preliminarjament għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata għandhomx effett dirett u jekk dawn id-dispożizzjonijiet ġewx trasposti b’mod korrett fid-dritt Ġermaniż.

16.      F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar, fl-ewwel lok, li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rieser Internationale Transporte (7), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-verżjoni inizjali tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 (8) ma setgħetx tiġi invokata minn individwi fil-konfront ta’ awtorità tal-Istat f’każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni jew ta’ traspożizzjoni inkompleta ta’ din id-direttiva. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn individwi fil-konfront ta’ awtorità tal-Istat.

17.      Madankollu, wara emendi magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata għandu effett dirett. Din il-qorti tenfasizza li d-Direttiva li temenda ġabet preċiżazzjonijiet leġiżlattivi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi”. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jinkludi, fil-fehma tagħha, projbizzjoni ta’ qbiż ta’ spejjeż li permezz tagħha r-rati tat-tariffa tat-triq eċċessivi mhux iġġustifikati mill-ispejjeż ta’ infrastruttura huma pprojbiti.

18.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, li ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-istabbiliment tar-rata tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Fil-fehma tagħha, l-attivitajiet tal-pulizija ma jservux sabiex jiżguraw il-funzjonament tal-infrastrutturi, iżda pjuttost sabiex jiżguraw li l-utenti tat-triq josservaw ir-regoli tat-traffiku u sabiex jittrattaw il-konsegwenzi tal-eventwali ksur ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, filwaqt li tirrileva li r-rati tat-tariffa tat-triq stabbiliti fid-dritt Ġermaniż huma bbażati fuq żbalji ta’ kalkolu, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tad-dħul fuq l-investiment kapitali fl-akkwist tal-art li fuqha ġew ikkostruwiti l-awtostradi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ksur tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jistax jiġi kkonstatat f’każ ta’ qbiż żgħir tal-ispejjeż tal-infrastruttura.

19.      Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt nazzjonali jippermetti li rata ta’ tariffa tat-triq eċċessiva tista’ tiġi ikkorreġuta a posteriori fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. B’riferiment għall-punt 138 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (9), hija tistaqsi madankollu, jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż reali u d-dħul mit-tariffa tat-triq effettivament miġbura fl-intier tagħhom sabiex tikkalkola l-ispejjeż a posteriori wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ kalkolu.

20.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Persuna suġġetta għat-tariffa tat-triq tista’ individwalment tinvoka quddiem il-qrati nazzjonali l-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ kalkolu tat-tariffi tat-triq previsti fl-Artikolu 7(9) u fl-Artikolu 7a(1) u (2) tad-[Direttiva 1999/62/KE kif emendata] (indipendentement mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7a(3) ikkunsidrati flimkien mal-Anness III li jinsab fiha) meta, fl-iffissar mil-liġi tar-rati tat-tariffi tat-triq, l-Istat Membru ma jkunx osserva dawn id-dispożizzjonijiet fl-intier tagħhom jew ikun implimentahom b’mod żbaljat għad-dannu tal-persuna suġġetta għat-tariffa tat-triq?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a)      L-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni inkwantu spejjeż tal-operat tan-netwerk ta’ infrastruttura fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-[Direttiva 1999/62/KE kif emendata]?

b)      Qbiż tal-ispejjeż ta’ infrastruttura li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tariffa tat-triq medja meqjusa li tvarja

[i]      sa 3.8 % b’mod partikolari meta jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż li, diġà bħala prinċipju, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni,

[ii]      sa 6 % iwassal għal ksur tal-projbizzjoni ta’ qbiż tal-ispejjeż skont l-Artikolu 7(9) tad-[Direttiva 1999/62/KE kif emendata] bil-konsegwenza li d-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward ma huwiex applikabbli?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (b) tat-tieni domanda:

a)      [Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (punt 138)], għandha tinftiehem fis-sens li qbiż kunsiderevoli tal-ispejjeż ma jistax iktar jiġi paċut minn kalkolu a posteriori tal-ispejjeż, prodott fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex jiġi pprovat li r-rata tat-tariffa tat-triq stabbilita bħala riżultat effettivament ma taqbiżx l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni?

b)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattv għall-punt (a) tat-tielet domanda:

Kalkolu tal-ispejjeż a posteriori tal-iskadenza tal-perijodu ta’ kalkolu għandu jsir skont l-ispejjeż reali u d-dħul minn tariffi tat-toroq li effettivament inġabru fl-intier tagħhom, jiġifieri mhux permezz ta’ ipoteżijiet li saru f’dan ir-rigward fil-kalkolu ta’ previżjoni inizjali?”

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni. L-istess partijiet u persuni kkonċernati kienu rrappreżentati waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fl-4 ta’ Marzu 2020.

IV.    Analiżi

22.      Nipproponi li d-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju jiġu analizzati billi nibda mit-tieni domanda preliminari li tirrigwarda, essenzjalment, jekk l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku jikkostitwixxux spejjeż tal-operat tan-netwerk ta’ infrastruttura fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, u jekk qbiż żgħir tal-ispejjez tal-infrastruttura jwassalx għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni (taqsima A). Dan l-approċċ jippermetti li jiġi ddeterminat sa liema punt kalkolu ta’ tariffa tat-triq, bħal dak imwettaq f’dan il-każ, iqajjem problema ta’ konformità mad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Dawn l-elementi ta’ analiżi jikkostitwixxu punt ta’ riferiment fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (taqsima B). Sussegwentement, ser nipproċedi bl-eżami tat-tielet u l-aħħar domanda preliminari, li tirrigwarda l-kalkolu a posteriori (taqsima C). Fl-aħħar lok, ser nittratta s-suġġett tal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (taqsima D).

A.      Fuq l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku u qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura (it-tieni domanda preliminari)

23.      Fl-ewwel lok ser neżamina jekk l-ispejjeż ta’ infrastruttura jinkludux l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku qabel neżamina, fit-tieni lok, jekk qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura jistax ikun konformi mad-Direttiva 1999/62 kif emendata.

1.      Fuq l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku (il-paragrafu (a) tat-tieni domanda preliminari)

24.      Fl-opinjoni tiegħi l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma jikkostitwixxux spejjeż ta’ infrastruttura, b’mod partikolari spejjeż tal-operat, fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.

25.      Skont metodu ta’ interpretazzjoni klassiku (10), l-analiżi tiegħi hija bbażata fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 1999/62 kif emendata u l-iskop ta’ din id-direttiva.

a)      Fuq l-interpretazzjoni letterali

26.      Għandu jsir riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, fl-intier tiegħu. Qabel kollox, nikkonstata li din id-dispożizzjoni imkien ma ssemmi l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fil-kalkolu tal-“ħlas għall-użu tat-triq” (11). Barra minn hekk, mill-analiżi letterali tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din telenka b’mod eżawrjenti l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kalkolu.

27.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva tipprovdi għalhekk li t-tariffi tat-triq, iddefiniti bħala ħlas ta’ ammont partikolari għat-twettiq, minn vettura, ta’ vjaġġ partikolari fuq l-infrastrutturi, għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura. Dan il-prinċipju huwa espress fis-sentenzi segwenti relattivi għall-“ħlasijiet medji ppeżati”, iddefiniti b’riferiment għall-ammont tad-dħul miġbur mit-tariffi tat-triq fuq perijodu partikolari u skont in-numru ta’ kilometri magħmul minn kull vettura (12). It-tieni sentenza tispeċifika li t-tariffi tat-triq medji meqjusa għandhom ikunu relatati mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u mal-ispejjeż tal-operat, tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat. It-tielet sentenza tispeċifika li t-tariffi tat-triq medji meqjusa jistgħu jinkludu wkoll dħul fuq il-kapital jew marġni ta’ qligħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

28.      Ir-rabta bejn l-ewwel sentenza, relattiva għat-tariffi tat-triq, u l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tagħhom tirriżulta mill-użu, fit-tieni sentenza, tal-kliem “b’mod speċifiku” jew minn terminoloġija komparabbli fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti (13). Din ir-rabta tirriżulta wkoll mit-tielet sentenza, li tispeċifika liema elementi oħra “jistgħu jinkludu wkoll” it-tariffi tat-triq medji meqjusa.

29.      L-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jistabbilixxi għalhekk l-uniċi elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq medji meqjusa.

30.      Fir-rigward tal-ispejjeż rilevanti, dawn huma limitati għall-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, tal-operat, tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat. L-ispejjeż ta’ kostruzzjoni huma ddefiniti fid-dettall fl-Artikolu 2(aa) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata u ma jinkludux l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. Fost l-ispejjeż l-oħra, dawk relattivi għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk żgur li ma jistgħux ikopru l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, u barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament, fuq l-ispejjeż tal-operat biss.

31.      Bħall-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma humiex spejjeż tal-operat. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-operat tal-impjant ikkonċernat. Issa, l-operat ta’ awtostrada ma jestendix għall-attivitajiet tal-pulizija.

32.      Kif enfasizzat il-Kummissjoni, dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat li jaġixxi fi kwalità differenti minn dik ta’ operatur tal-infrastruttura awtostradali, jiġifieri bħala awtorità li teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

33.      Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, li jispeċifika li dawn jirrigwardaw l-ispejjeż li jsiru mill-operatur. Dan l-Anness III żgur li ma japplikax ratione temporis għall-kalkolu tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li skont l-Artikolu 7a(3) ta’ din id-direttiva, hija ma tapplikax għas-sistemi ta’ tariffi tat-triq diġà fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2008, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda tista’ tal-inqas tkun sors ta’ interpretazzjoni tat-terminoloġija użata fil-bqija tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, nosserva li r-rabta bejn l-ispejjeż hekk previsti u l-operatur hija evidenti b’mod partikolari fil-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva 1999/62 kif emendata li titkellem dwar “Kosten für Betrieb” (spejjeż tal-operat) fl-Artikolu 7(9) tagħha u dwar “Kosten des Infrastrukturbetreibers” (spejjeż li għandhom jitħallsu mill-operatur tal-infrastruttura) fil-punt 3 tal-Anness III tagħha (14). Inżid li dan l-Anness III imkien ma jsemmi l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku.

34.      Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni nżid li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva huma intiżi sabiex jillimitaw l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffi tat-triq.

35.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu tariffi tat-triq fuq in-netwerk tat-toroq skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) sa (12) ta’ din id-direttiva biss. Skont l-Artikolu 7a(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi spejjeż stabbiliti fl-Artikolu 7(9) tal-istess direttiva fid-determinazzjoni tal-livelli tat-tariffi tat-triq medji meqjusa. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(10)(a) u b’mod partikolari t-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni (15) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(11)(b) (16) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jillimitaw iż-żieda tat-tariffi tat-triq medji meqjusa billi jirreferu għall-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva.

36.      Għaldaqstant, inqis li ma jirriżulta la espressament u lanqas b’mod impliċitu mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku huma koperti minn din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari mill-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” inkluż fl-imsemmija dispożizzjoni.

b)      Fuq ix-xogħol preparatorju

37.      Ix-xogħol preparatorju jikkonferma din l-interpretazzjoni billi jneħħi kull dubju dwar l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fl-ispejjeż ta’ infrastruttura.

38.      F’dan ir-rigward, nirrileva li sa mill-adozzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni intitolata “Lejn ħlas ġust u effikaċi fit-trasport” (17), li teżamina l-possibbiltajiet ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (18), il-Kummissjoni kienet ipprevediet li tinkludi fl-ispejjez ta’ infrastruttura l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, li, bl-istess mod bħall-ispejjeż dovuti għat-tniġġis, kienu kkunsidrati li huma spejjeż esterni. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ċaħad dan l-approċċ, fl-adozzjoni kemm tad-Direttiva 1999/62 kif ukoll tad-Direttiva 2006/38 li waslet għad-Direttiva 1999/62 kif emendata.

39.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 1999/62, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva tagħha (19) li l-ispejjeż esterni jinkludu l-ispejjeż tal-pulizija u tal-inċidenti (20), iżda f’dak l-istadju, ma kinitx ipprevediet li tinkludihom fit-test innifsu tad-Direttiva. Dan tal-aħħar kien jipprevedi biss li t-tariffi tat-triq jinkludu element intiż sabiex ikopri l-ispejjeż esterni, iddefiniti bħala “l-ispejjeż marbuta mal-konġestjoni tat-traffiku u mat-tniġġis atmosferika u akustiku” (21).

40.      Fi ħdan il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi, min-naħa tagħha, tat opinjoni (22) li d-Direttiva għandha tirreferi għal erba’ sorsi prinċipali tal-ispejjeż esterni li jirriżultaw mit-trasport, kif stabbilit fil-Green Paper, jiġifieri, it-traffiku, it-tniġġis fl-arja, it-tniġġis akustiku u l-inċidenti. Madankollu, il-Parlament ma segwiex din l-opinjoni u saħansitra ppropona li tiġi eskluża kull dispożizzjoni intiża sabiex tinkludi spejjeż esterni, filwaqt li jistenna li jkollu iktar għarfien f’dan ir-rigward (23).

41.      Peress li ma qabilx mal-perspettiva tal-Kummissjoni (24), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta pożizzjoni komuni li ssegwi l-approċċ tal-Parlament u għalhekk ma sostniex il-kunċett ta’ “spejjeż esterni”, filwaqt li osserva li għadu ma jeżistix studju dettaljat dwar dawn tal-aħħar (25). Barra minn hekk, il-Kunsill enfasizza li l-Istati Membri li japplikaw sistema ta’ tariffi tat-triq għandhom josservaw il-prinċipju bażiku li jirrigwarda r-rabta bejn l-ammont tat-tariffi tat-triq u l-ispejjeż tal-infrastruttura (26).

42.      Id-Direttiva 1999/62 adottata finalment mill-Parlament u mill-Kunsill ma tipprovdix dispożizzjoni dwar l-ispejjeż esterni (27).

43.      Fit-tieni lok, fir-rigward tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2006/38, mill-Proposta tad-Direttiva (28) jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ipprevediet, din id-darba, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-pulizija tat-triq bl-inklużjoni fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva, tal-ispejjez tal-inċidenti, sakemm dawn ma kinux meħuda inkunsiderazzjoni mill-assigurazzjonijiet (29).

44.      Il-Parlament kien ippreveda wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-inċidenti filwaqt li llimita l-portata tagħhom għall-ispejjeż li jikkorrispondu għall-ħlas effettiv imwettaq mill-ġestjonarju tal-infrastruttura għall-investimenti intiżi sabiex jipprevjenu u jnaqqsu l-inċidenti (30).

45.      Madankollu, il-Kunsill adotta pożizzjoni komuni li mkien ma ssemmi l-inċidenti. Għalhekk, din l-istituzzjoni ma adottatx il-proposta tal-Parlament f’dan ir-rigward, li madankollu ma wasslitx sal-punt ta’ dik tal-Kummissjoni (31). It-test tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, finalment adottat, ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar l-ispejjeż esterni.

46.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li x-xogħol preparatorju jsaħħaħ l-interpretazzjoni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata imkien ma tinkludi l-ispejjeż tal-pulizija tat-triq.

c)      Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

47.      L-iskop tad-Direttiva 1999/62 kif emendata ma jwassalx għal konklużjoni differenti. Mill-ewwel u t-tieni premessa tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur iddeċieda li jarmonizza, fi stadji, is-sistemi ta’ ħlasijiet u li jistabbilixxi mekkaniżmi ġusti għall-imputatazzjoni tal-ispejjeż ta’ infrastruttura għat-trasportaturi sabiex jelimina d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn impriżi ta’ trasport fl-Unjoni (32).

48.      Id-Direttiva 1999/62 kif emendata tipprovdi għalhekk regoli imposti fuq l-Istati Membri kollha filwaqt li tipprevedi emendi għall-ġejjieni.

49.      Issa, dawn l-emendi jirrigwardaw b’mod partikolari l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u b’hekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Kif jirriżulta mill-premessi 18 u 19 (33) tad-Direttiva 2006/38, dawn l-emendi huma previsti għall-ġejjieni biss. In-natura futura ta’ dan il-proġett hija kkonfermata fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 1999/62 kif emendata li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta mudell applikabbli b’mod ġenerali, trasparenti u li jinftiehem għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha, kif ukoll analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

50.      Għaldaqstant, sadanittant, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u b’mod partikolari tal-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ġiet deliberatament eskluża mil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti imposti mill-Artikolu 7(9) tagħha, dawn l-ispejjeż ma setgħux jiġu inklużi mill-Istati Membri fil-kalkolu tal-ispejjeż ta’ infrastruttura.

51.      Għalhekk, jiena ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż, li s-sigurtà tat-traffiku jew l-użu ta’ infrastrutturi, previsti mill-pulizija tat-traffiku, huma karatteristika tan-netwerk tat-toroq, li minnu jirriżulta li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tagħhom bħala spejjeż ta’ infrastruttura jikkontradixxi l-prinċipju ta’ “utent iħallas” jew ta’ “min iniġġes iħallas”. Lanqas naqbel mal-opinjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż fil-każ ta’ operatur pubbliku iwassal għal trattament differenti tal-operaturi pubbliċi u privati, peress li l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-infrastruttura mill-pattulji tal-awtostradi (34), mill-konċessjonarji Franċiżi jew mill-pulizija tal-awtostrada, jikkostitwixxu spejjeż li għandhom jitħallsu mill-ġestjonarju tal-infrastruttura privata, u għaldaqstant, spejjeż tal-operat fil-kuntest tal-kuntratti ta’ konċessjoni (35).

52.      F’dan ir-rigward, nenfasizza, l-ewwel nett, li l-ispejjeż speċifiċi ta’ infrastruttura intiżi għat-titjib tas-sigurtà tat-toroq jifformaw parti mill-ispejjeż ta’ finanzjament tal-infrastrutturi fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu (ii) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(aa) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Barra minn hekk, naqbel mal-opinjoni espressa mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma jikkostitwixxux spejjeż tal-operat għall-kuntrarju ta’ dawk ta’ missjonijiet ċivili, bħal fil-każ ta’ aġenti tat-toroq fil-Ġermanja jew pattulji tal-awtostradi fi Franza.

53.      It-tieni nett, anki d-Direttiva 1999/62 kif emendata fl-aħħar lok bid-Direttiva 2013/22/UE (36), li fl-Artikolu 2(bb) tagħha tipprovdi “tariffa għall-ispejjeż esterni”, tiddefinixxi tali tariffa bħala miġbura għall-finijiet tal-irkupru tal-ispejjeż sostnuti fi Stat Membru minħabba t-tniġġis atmosferiku kkawżat mit-traffiku u/jew it-tniġġis akustiku kkawżat mit-traffiku. L-ispejjeż tal-inċidenti li jifformaw parti mill-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku ma huma inklużi la f’din id-definizzjoni u lanqas f’dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

54.      It-tielet nett, inżid li l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2014 (37), invokata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali bħala prova li l-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku kienu jikkostitwixxu spejjeż ta’ infrastruttura, u b’mod partikolari spejjeż tal-operat, kif ukoll l-opinjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Jannar 2019 (38) jirreferu għar-Rapporti ta’ Espert dwar l-ispejjeż ta’ infrastrutturi tat-toroq fil-Ġermanja għas-snin 2013 sal‑2017 u għas-snin 2018 sal-2022. Għalhekk dawn ma jkoprux il-perijodu rilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, peress li opinjoni tal-Kummissjoni ma tipproduċix effetti legali vinkolanti (39), ma tistax temenda l-portata ġuridika ta’ direttiva adottata mill-Parlament u mill-Kunsill.

55.      Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda preliminari, fis-sens li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku bħala spejjeż ta’ infrastruttura u b’mod partikolari bħala spejjeż tal-operat.

2.      Fuq il-qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura (il-paragrafu (b) tat-tieni domanda)

56.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (40), qbiż ta’ iktar minn 150 % tal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, tal-operat u tal-iżvilupp ta’ awtostrada jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89. Din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk qbiż żgħir ta’ dawn l-ispejjeż iwassalx għall-istess konsegwenzi.

a)      Fuq il-qbiż tal-ispejjeż ta’ infrastruttura permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż li ma humiex koperti mid-Direttiva 1999/62 kif emendata

57.      Kif esponejt preċedentement (41), l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jeskludi li t-tariffi tat-triq jinkludu elementi oħra minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-qbiż tal-ispejjeż tal-infrastruttura minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi oħra jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u l-obbligu li titħallas tariffa tat-triq ibbażata fuq tali elementi għandha tiġi kkunsidrata bħala nieqsa minn bażi legali.

58.      Fir-rigward tal-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spejjeż tal-operat” jew – b’mod iktar ġenerali – ta’ spejjeż ta’ infrastruttura, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 jipprekludi qbiż ta’ 3.8 % jew kwalunkwe qbiż f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti li jiġi eżaminat jekk seħħx eventwali żball ta’ kalkolu fil-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż fis-sens li ttieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku proprja, iżda wkoll l-ispejjeż marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali (42). Peress li dawn l-ispejjeż kollha ma humiex koperti mill-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, dawn għandhom jiġu esklużi fl-intier tagħhom. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi ppreċiżat jekk l-ispejjeż ta’ madwar EUR 730 miljun għas-sena 2010 jikkostitwixxux esklużivament spejjeż relatati mal-ispiża tal-pulizija tat-traffiku, kif iddubitaw il-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

59.      Ser neżamina issa l-qbiż żgħir ta’ spejjeż li ma huma koperti mid-Direttiva 1999/62 kif emendata iżda previsti minnha, f’dan il-każ, l-ispejjeż relattivi mad-dħul fuq l-investimenti kapitali, imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 7(9) tal-imsemmija direttiva.

b)      Fuq il-qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali

60.      Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali msemmija fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

61.      F’dan il-każ, il-qbiż dovut għal żbalji ta’ kalkolu tad-dħul fuq l-investimenti kapitali huwa ta’ 2.2 % (6 % – 3.8 %).

62.      Ċertament, tali qbiż ma huwiex komparabbli ma’ dak ta’ iktar minn 150 % rrilevat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija.

63.      Madankollu, nirrileva li la l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata u lanqas dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva ma jinkludu regola de minimis. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li t-tariffi tat-triq għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, li jipprekludi qbiż, żgħir kemm hu żgħir.

64.      Għalhekk, anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.

65.      Fir-rigward tal-punt dwar jekk kienx hemm qbiż tal-ispejjeż ta’ infrastruttura relattivi għad-dħul fuq l-investimenti kapitali, nenfasizza li ma saritx mistoqsija espliċita lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Madankollu, sussidjarjament u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser nagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

66.      Nirrileva li l-qorti tar-rinviju tqis li twettqu żbalji peress li l-valur tal-patrimonju bażiku, jiġifieri tal-art li fuqha ġew ikkostruwiti l-awtostradi kkonċernati, użat għall-kalkolu tal-interessi ma kellux jiġi kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valuri attwali ta’ dan il-patrimonju. B’hekk, il-kalkolu kien ibbażat, b’mod żbaljat, fuq il-finzjoni ta’ impriża parzjalment privata u parzjalment pubblika, għaliex matul il-perijodu kkonċernat ma kienx hemm ħsieb serju għall-privatizzazzjoni tan-netwerk tal-awtostradi (43).

67.      Skont din il-qorti, jekk tintuża “finzjoni” oħra, jiġifieri dik ta’ “impriża li taqa’ taħt l-amministrazzjoni pubblika”, sabiex nuża l-kliem tagħha stess, il-valur tal-art, li abbażi tiegħu jiġu kkalkolati l-interessi, jista’ jittieħed biss mill-prezz tax-xiri. Dawn il-valuri ma jistgħux jiġu aġġustati sussegwentement kif ġara f’dan il-każ, għaliex, f’dak il-każ, mhux biss jingħata dħul fuq il-kapital investit, inkluża l-inflazzjoni, iżda jiġi ġġenerat dħul addizzjonali li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-art u dan anki jekk din tal-aħħar ma kellhiex għalfejn tiġi ssostitwita.

68.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-possibbiltà li jitħallas dħul fuq il-kapital hija prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Din id-dispożizzjoni ssemmi espressament li t-tariffi tat-triq medji meqjusa jistgħu jinkludu dħul fuq il-kapital skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, l-Artikolu 2aa ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni jinkludu, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż ta’ finanzjament, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2ab tal-imsemmija direttiva bħala interessi fuq self u/jew rendiment fuq kwalunkwe investiment tal-azzjonisti.

69.      Minkejja li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq b’mod partikolari sabiex japplikaw metodu ta’ kalkolu minflok ieħor u jiddeterminaw il-livell ta’ rendiment tal-infrastrutturi, huwa importanti madankollu, li l-għażliet magħmula jkunu realistiċi u li l-ispejjeż ikunu jikkorrispondu għar-realtà ekonomika eżistenti jew prevista. Fin-nuqqas, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jkun imċaħħad minn kull effett utli.

70.      Issa, minkejja li ma kienet prevista ebda privatizzazzjoni u ebda sostituzzjoni tal-awtostradi u tal-art li fuqha ġew ikkostruwiti, u fl-assenza ta’ argumenti ekonomiċi oħra rilevanti, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jidher li din tal-aħħar tista’ b’mod leġittimu tikkunsidra li ma kienx realistiku li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur attwali ta’ din l-art għall-kalkolu tat-tariffi tat-triq.

71.      Għaldaqstant, jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju li l-kontroll tal-osservanza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jeħtieġ li jiġi vverifikat li l-evalwazzjoni tad-dħul fuq l-investimenti kapitali ma hijiex ibbażata fuq premessi żbaljati li jibdlu r-realtà ekonomika eżistenti jew prevista.

72.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-fehma tiegħi r-risposta għall-paragrafu (b) tat-tieni domanda preliminari għandha tkun li anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, bħal dawk previsti fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

73.      Sussidjarjament, nirrileva li l-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kalkolu li jirrigwarda d-dħul fuq il-kapital, ibbażat fuq valuri li ma jieħdux inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika.

B.      Fuq l-effett dirett (l-ewwel domanda preliminari)

74.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett tal-Artikolu 7(9) u tal-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.

75.      Infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, huwa possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-direttiva, jew ukoll sa fejn huma jistgħu jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (44).

76.      Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, fl-10 ta’ Ġunju 2008 (45), l-unika kwistjoni li tqum hija jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija jistgħux jiġu kkunsidrati bħala suffiċjentement preċiżi.

77.      Kif esponejt fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jipprevedi marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-kalkolu tat-tariffi tat-triq medji meqjusa. Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fatt ma jaffettwax in-natura preċiża u inkundizzjonata ta’ dispożizzjoni, sa fejn huwa possibbli li tiġi ddeterminata l-protezzjoni minima li għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri u li stħarriġ ġudizzjarju jippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dan il-kontenut minimu (46).

78.      Barra minn hekk, marġni ta’ diskrezzjoni ma jeskludix li jista’ jsir stħarriġ ġudizzjarju sabiex jiġi vverifikat jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunux qabżu l-limiti tiegħu (47), u għalhekk, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti stabbiliti mid-dispożizzjoni Ewropea inkwistjoni (48).

79.      Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 1999/62, fis-sentenza Rieser International Transporte, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikun invokat minn individwi kontra awtorità tal-Istat, għaliex din id-dispożizzjoni hija inqas preċiża mill-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89. Minn din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 jimponi fuq l-Istati Membri linja gwida ġenerali għall-kalkolu tat-tariffi tat-triq, iżda ma jindika ebda metodu konkret u jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna f’dan ir-rigward (49). B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89 bl-eċċezzjoni tal-fatt li ma jsemmux “ir-rati ta’ tariffi tat-triq”, iżda “ħlasijiet medji ppeżati għall-użu tat-triq”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxu dan il-kunċett (50).

80.      L-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89 kien jistabbilixxi li r-rati tat-tariffi tat-triq huma relatati mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat u ta’ żvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu ma jispeċifikax in-natura ta’ din ir-rabta u ma jagħti ebda definizzjoni tat-tliet tipi ta’ spejjeż ikkonċernati, jiġifieri l-kostruzzjoni, l-operat u l-iżvilupp, jew tal-kunċett ta’ “netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat” (51).

81.      Nirrileva li t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata tipprovdi wkoll fil-formulazzjoni tagħha li t-tariffi tat-triq medji meqjusa huma relatati mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni u mal-ispejjeż tal-operat, tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tan-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernata. Madankollu, kif esponejt preċedentement (52), dan l-Artikolu 7(9) issa jispeċifika b’mod ċar li t-tariffi tat-triq għandhom ikunu bbażati biss fuq il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, li huma elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni, li b’hekk jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.

82.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-verżjonijiet preċedenti, id-Direttiva 1999/62 kif emendata tiddefinixxi fl-Artikolu 2 tagħha n-netwerk ta’ infrastruttura kkonċernat, jiġifieri s-“sistema tat-toroq trans‑Ewropea”, kif ukoll il-kunċett ta’ “ħlas medju ppeżat għall-użu tat-triq”, ta’ “spejjeż ta’ kostruzzjoni” u ta’ “spejjeż ta’ finanzjament”, u dawn tal-aħħar jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu inklużi fl-ispejjeż ta’ kostruzzjoni.

83.      Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li d-difetti prinċipali enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rieser Internationale Transporte u li kienu jipprekludu li l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 jkollu effett dirett ġew issodisfatti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 1999/62 kif emendata. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 7(9) ta’ din tal-aħħar jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ċar li jiddeterminaw it-tariffi tat-triq billi jibbażaw ruħhom biss fuq l-ispejjeż elenkati f’din id-dispożizzjoni. L-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni u n-nuqqas ta’ applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Anness III tad-Direttiva 1999/62 kif emendata (53) ma jipprekludux stħarriġ mill-qorti nazzjonali, fuq talba ta’ individwu, tal-osservanza ta’ dan l-obbligu li jikkonsisti fil-verifika, tal-inqas, li l-ispejjeż li ma humiex previsti minn din id-direttiva, bħall-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku, ma jkunux ġew inklużi fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq (54).

84.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li individwu jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali l-effett dirett tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata sabiex jivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni prevista mill-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva, meta kkunsidraw l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fid-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq.

C.      Fuq il-kalkolu a posteriori (it-tielet domanda preliminari)

85.      Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata li minnha jirriżulta, kif nipproponi, li l-kalkolu tat-tariffi tat-triq eżaminat fil-kuntest tal-kawża prinċipali huwa żbaljat. Din il-qorti tistaqsi jekk huwiex possibbli li jsir kalkolu a posteriori tal-ispejjeż tal-infrastruttura bbażat fuq l-ispejjeż reali u t-tariffi effettivament miġbura bħala tariffi tat-triq. Skont il-qorti tar-rinviju, tali kalkolu huwa permess mid-dritt Ġermaniż f’ċerti ċirkustanzi, iżda jista’ jirriżulta fl-assenza ta’ rimbors tal-ammonti mitluba mir-rikorrenti.

86.      Fil-fatt, meta dawn l-ispejjeż ikunu ogħla mit-tariffi miġbura (55), huma jistgħu jiġu paċuti mar-rati ta’ tariffa tat-triq meqjusa eċċessivi fir-rigward tad-Direttiva 1999/62. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li tali tpaċija, magħmula sussegwentement għal kalkolu a posteriori, hija permessa fid-dritt Ġermaniż, sakemm l-iżball ma jkunx serju u manifest. Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk din it-tpaċija hijiex konformi mad-Direttiva 1999/62 kif emendata, eżaminata fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija u b’mod iktar partikolari tal-punt 138 tagħha.

87.      Infakkar li f’dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-ġustifikazzjoni taż-żieda tar-rata tat-tariffi tat-triq tal-awtostrada ta’ Brenner (l-Awstrija), ibbażata fuq metodu ġdid ta’ kalkolu tal-ispejjeż ippreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija matul il-proċedura ġudizzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kienx spjega kif dan il-metodu ta’ kalkolu ġdid kien iktar xieraq għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-awtostrada kkonċernata.

88.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-Artikolu 7(h) tad-Direttiva 93/89 jimplika li l-aġġustament tar-rati ta’ tariffi tat-triq ikun konsekuttiv għall-kalkolu li jiġġustifikah u li għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika żieda ta’ dawn ir-rati permezz ta’ kalkolu magħmul a posteriori.

89.      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 1999/62 kif emendata, b’mod partikolari l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tagħha, eżaminati fid-dawl ta’ din is-sentenza, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi kalkolu a posteriori mwettaq fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata ta’ tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament, l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

90.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, infakkar li qorti għandha tieħu l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’konformità mal-Artikolu 260(1) TFUE. Għaldaqstant, minkejja li mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kalkolu tal-ispejjeż għad-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq huwa żbaljat fir-rigward tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, il-qorti nazzjonali msejħa tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali għandha, jekk issir talba f’dan is-sens, teħtieġ ir-rimbors tal-ammonti żejda miġbura.

91.      Din il-qorti ma tistax, mingħajr ma tikser dan l-Artikolu 260(1) TFUE u mingħajr ma tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 1999/62 kif emendata, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tieħu inkunsiderazzjoni kalkoli a posteriori sabiex tiddeċiedi li rimbors taż-żejjed miġbur abbażi ta’ kalkoli żbaljati ma huwiex neċessarju.

92.      Fit-tieni lok, inżid li l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata imkien ma jsemmu l-possibbiltà ta’ kalkolu a posteriori. Infakkar ukoll li l-Artikolu 7(9) ta’ din id-Direttiva jelenka l-elementi li jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi tat-triq b’mod eżawrjenti.

93.      Finalment u fit-tielet lok, nenfasizza li d-Direttiva 1999/62 kif emendata ma teskludix aġġustament tat-tariffi tat-triq ibbażat fuq l-ispejjeż reali, sakemm is-sistema ta’ kalkolu tkun stabbilita qabel dan l-aġġustament u kkomunikata lill-pubbliku. Nosserva li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ewwel u t-tielet inċiż tal-punt 4 tal-Anness III ta’ din id-Direttiva, li jipprovdi li t-tariffi tat-triq jistgħu jiġu aġġustati u kkorreġuti f’intervalli regolari sabiex jiġi rrettifikat kwalunkwe rkupru insuffiċjenti jew eċċessiv tal-ispejjeż minħabba żbalji ta’ stima. Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 138 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija li tipprovdi li l-aġġustament tar-rati ta’ tariffa tat-triq għandu jkun konsekuttiv għall-kalkolu li jiġġustifikah.

94.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 1999/62 kif emendata, b’mod partikolari l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi kalkolu a posteriori mwettaq fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata ta’ tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

D.      Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza

95.      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lit-tielet domanda preliminari r-risposta li jiena nipproponi, il-konvenuta fil-kawża prinċipali titlob li l-effetti tas-sentenza li ser tingħata jiġu limitati ratione temporis. Nenfasizza li din it-talba saret tard, jiġifieri fl-istadju tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

96.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta permezz ta’ deċiżjoni preliminari dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tikkostitwixxi miżura eċċezzjonali li tippreżupponi s-sodisfazzjoni ta’ żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (56).

97.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti, b’mod partikolari, għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet legali kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li eventwalment ikkontribwixxa għaliha l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (57).

98.      F’dan il-każ, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma pproduċietx elementi ta’ natura li jissodisfaw dawn iż-żewġ kriterji kumulattivi.

99.      Minn naħa, hija ma ġġustifikatx il-bona fide tal-persuni kkonċernati. B’mod iktar preċiż, hija ma indikatx kif l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni tal-2014 u tal-2019 (58), li permezz tagħhom il-Kummissjoni tat opinjoni favorevoli għal sistemi ġodda ta’ tariffi tat-triq li jinkludu spejjeż ta’ infrastruttura relatati mal-pulizija tat-traffiku, kienu kkontribwixxew sabiex iġibu inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva dwar il-portata tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata. Fil-fatt, ir-rata ta’ tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relattiva għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-18 ta’ Lulju 2011, kienet ikkalkolata abbażi tal-WKG 2007, li jirrigwarda perijodu ta’ kalkolu għas-snin 2007 sal‑2012 (59).

100. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dawn l-opinjonijiet ġew wara il-perijodu kkonċernat u għalhekk ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

101. Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li matul is-seduta talbet limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis, ma pprovdietx preċiżazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi serji. Jiena konxju mill-importanza ekonomika potenzjali ta’ din il-kawża. Madankollu, l-ammont ta’ EUR 200 miljun fis-sena bħala spiża tal-pulizija tat-traffiku imputabbli għall-vetturi ta’ merkanzija tqila, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju u mfakkra mill-konvenuta fil-kawża prinċipali waqt is-seduta, ma huwiex suffiċjenti waħdu u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti mid-dritt nazzjonali sabiex jiġi stabbilit riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji.

102. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li t-talba għal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza li ser tingħata għandha tiġi miċħuda.

V.      Konklużjoni

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) kif ġej:

1)      Individwu jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali l-effett dirett tal-Artikolu 7(9) u tal-Artikolu 7a(1) u (2) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, kif emendata permezz tad-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006, sabiex jivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni previst fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva meta kkunsidraw l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku fid-determinazzjoni tat-tariffi tat-triq.

2)      L-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata bid-Direttiva 2006/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix l-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku bħala spejjeż ta’ infrastruttura u b’mod partikolari bħala spejjeż tal-operat.

Anki qbiż żgħir tal-ispejjeż ta’ infrastruttura, kif previsti fl-Artikolu 7(9) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

3)      Id-Direttiva 1999/62 kif emendata mid-Direttiva 2006/38, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 7a(1) u (2) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi kalkolu a posteriori magħmul fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u intiż sabiex juri li, finalment, ir-rata ta’ tariffa tat-triq stabbilita ma taqbiżx effettivament l-ispejjeż li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372). Din id-direttiva tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 93/89/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993, dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ taxxi fuq ċerti vetturi użati għat-trasport ta’ merkanzija bl-art permezz ta’ ħlasijiet fuq l-użu u ħlasijiet fuq l-utent għal ċerti infrastrutturi (ĠU 1993, L 279, p. 32).


3      ĠU 2006, L 157, p. 8.


4      Skont dan l-Artikolu 2(6)(aa) l-ispejjeż relattivi għall-infrastrutturi jew għat-titjib infrastrutturali li tlestew qabel dawn it-termini jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala spejjeż ta’ kostruzzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet.


5      L-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kien jistabbilixxi: “Il-ħlasijiet għall-użu ta’ toroq skond it-toqol għandhom ikunu relatati ma’ l-ispejjeż tal-bini, ta’ l-operazzjoni u ta’ l-iżvilupp tas-sistema ta’ l-infrastruttura kkonċernata”. Din id-dispożizzjoni ssostitwixxiet l-Artikolu 7(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/89 li tipprovdi li “r-rati tat-tariffi tat-triq huma marbuta mal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, ta’ operat u ta’ żvilupp tan-netwerk ta’ infrastrutturi kkonċernati”.


6      Waqt is-seduta għal raġunijiet li jirrigwardaw elementi ta’ proċedura nazzjonali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li qegħdin jitolbu r-rimbors tal-ammonti kważi kollha mħallsa bħala tariffi tat-triq.


7      Sentenza tal-5 ta’ Frar 2004 (C‑157/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rieser Internationale Transporte”, EU:C:2004:76, punti 41 u 42).


8      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, (C‑205/98, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija”, EU:C:2000:493).


10      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni u tal-iskop tad-direttiva kkonċernata, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, X (Irkupru ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni) (C‑160/18, EU:C:2020:190, punt 34), u, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħol preparatorju, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 48).


11      Ara l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.


12      Ara l-Artikolu 2(ba) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.


13      Il-verżjonijiet lingwistiċi segwenti jużaw terminoloġija komparabbli: il-verżjoni Bulgara (“конструктивните”), Spanjola (“en particular”), Ċeka (“konkrétně”), Daniża (“specielt”), EN (“specifically”), Ungeriża (“to znači”), Taljana (“in particolare”), Olandiża (“meer bepaald”), Pollakka (“w szczególności”), Portugiża (“especificamente”), Rumena (“mai precis”), Slovakka (“konkrétne”), Slovena (“to pomeni”), Svediża (“särskilt”). Il-kelma “ausdrücklich” fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tfisser “espressament”. Il-verżjoni bil-lingwa Ungeriża tuża bl-istess mod il-kelma “kifejezetten”.


14      Ara fl-istess sens, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża, li tuża l-kliem “costs of operating” (spejjeż tal-operat) fl-Artikolu 7(9) u “costs incurred by the infrastructure operator” (spejjeż li għandhom jitħallsu mill-operatur tal-infrastruttura) fil-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.


15      L-Artikolu 7(10)(a) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jipprovdi għal varjazzjoni tar-rati ta’ tariffi tat-triq, iżda “[b]la preġudizzju għall-ħlasijiet medji ppeżati”. Fit-tielet inċiż tagħha, id-dispożizzjoni teħtieġ li l-varjazzjoni “m’hix maħsuba li tiġġenera dħul addizzjonali minn ħlasijiet għall-użu tat-triq”.


16      It- tieni inċiż tal-Artikolu 7(11) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata jawtorizzaw żieda tat-tariffi tat-triq f’każijiet eċċezzjonali ta’ infrastrutturi li jinsabu f’reġjuni muntanjużi, bil-kundizzjoni li din iż-żieda ma taqbiżx il-15 % tat-tariffa tat-triq medja meqjusa, ikkalkolata skont il-paragrafu 9, jew il-25 % f’każijiet partikolari. Din id-dispożizzjoni ma tipprovdix żieda oħra tat-tariffi tat-triq medji meqjusa u tenfasizza li din għandha tiġi kkalkolata skont l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.


17      COM(95) 691 final.


18      Ara s-subtitolu tal-Green Paper intitolat “Għażliet fil-qasam ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport fl-Unjoni Ewropea”.


19      Proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Lulju 1996 (COM(96) 331 final) (iktar ’il quddiem, il-“Proposta tad-Direttiva 1999/62”).


20      Ara l-Proposta tad-Direttiva 1999/62, p. 12.


21      Ara l-Proposta tad-Direttiva 1999/62 (p. 45 (definizzjoni) u p. 48 (Artikolu 7(8) u (9)).


22      Opinjoni tal-Kummissjoni tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tat-23 ta’ Mejju 1997, inkluża fir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi tal-4 ta’ Lulju 1997 (A4‑0243/97) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Parlament”, paġni 21, 23 u 33).


23      Ara r-Rapport tal-Parlament, p. 20.


24      Proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi ppreżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 189A(2) tat-Trattat KE tat-13 ta’ Lulju 1998 (COM(1998) 427 final), paġna 2.


25      Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 14/1999 adottata mill-Kunsill, tat-18 ta’ Jannar 1999 (ĠU 1999, C 58, p. 1, ara b’mod partikolari p. 12) (iktar ’il quddiem il-“Pożizzjoni Komuni”).


26      Ara l-Pożizzjoni Komuni, p. 14.


27      Din hija r-raġuni għaliex ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż li r-rifjut tal-Parlament u tal-Kunsill li jinkludu spejjeż esterni kien jirrigwarda biss l-ispejjeż esterni li fir-rigward tagħhom ma kienx għad jeżisti għarfien suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġi kkwantifikati, iżda jestendi għall-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku. Iċ-ċaħda tal-Parlament u tal-Kunsill kienet tirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha li jirrigwardaw l-ispejjeż esterni.


28      Proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi ppreżentata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Lulju 2003 (COM(2003) 448 final) (iktar ’il quddiem il-“Proposta tad-Direttiva 2006/38”).


29      Ara l-Proposta tad-Direttiva 2006/38, p. 4 et seq. L-Anness III propost mill-Kummissjoni kien ippreveda paragrafu li jirrigwarda l-ispejjeż tal-inċidenti, li, skont il-Kummissjoni, kienu jkopru wkoll l-ispejjeż amministrattivi tas-servizzi pubbliċi fil-kuntest tal-inċidenti; ara p. 33 et seq. tal-Proposta tad-Direttiva 2006/38.


30      Rapport dwar il-Proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi tat-23 ta’ Marzu 2004 (A5‑0220/2004), pp. 19‑20 (emenda 28) u 32.


31      Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 33/2005, tas-6 ta’ Settembru 2005 fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU 2005, C 275 E, p. 1, ara b’mod partikolari p. 17).


32      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 91 u 92.


33      Il-premessa 18 tad-Direttiva 2006/38 tistabbilixxi: “Sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni infurmata u objettiva fil-ġejjieni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni possibbli tal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes, iħallas’ għall-mezzi kollha ta’ trasport, permezz ta’ l-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni, għandhom jiġu żviluppati prinċipji uniformi ta’ kalkolu msejsa fuq data rikonoxxuta xjentifikament. Kwalunkwe deċiżjoni fil-ġejjieni dwar din il-kwistjoni għandha tikkunsidra bis-sħiħ il-piż fiskali li l-kumpanniji ta’ ġarr ta’ merkanzija bit-triq diġa qegħdin iġorru, inklużi taxxi fuq il-vetturi u taxxi tas-sisa fuq il-karburant.” Skont il-premessa 19 ta’ din id-Direttiva, “[i]l-Kummissjoni għandha tibda x-xogħol fuq l-iżvilupp ta’ mudell applikabbli b’mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni għall-mezzi kollha ta’ trasport sabiex iservi bħala l-bażi għall-kalkolu fil-ġejjieni ta’ ħlasijiet għall-infrastruttura”.


34      Meta ġestjonarju tal-infrastruttura privat jirrikorri, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, għas-saħħa pubblika sabiex jiżgura s-siġurtà tal-infrastruttura.


35      Ara l-punt 3, tal-Anness III tad-Direttiva 1999/62 kif emendata.


36      Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tal-politika dwar it-trasport, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 356).


37      Opinjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2014 skont l-Artikolu 7h(2) tad-Direttiva 1999/62/KE dwar l-istabbiliment ta’ sistema ġdida ta’ tariffa tat-triq fil-Ġermanja (C(2014) 9313 final).


38      Opinjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7h(2) tad-Direttiva 1999/62/KE dwar l-introduzzjoni ta’ dispożittiv ġdid ta’ tariffa tat-triq fil-Ġermanja (C(2019) 60) – mhux ippubblikata.


39      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55), kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il-Kummissjoni (C‑477/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:292, punt 52).


40      Ara punti 135 u 140 ta’ dik is-sentenza.


41      Ara l-punti 24 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkunsidra li l-ispejjeż relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali huma distinti mill-ispejjeż tal-pulizija tat-traffiku u tiddikjara li hija dejjem ħadet ħsieb li tissepara dawn it-tnejn fuq il-livell ta’ kontabbiltà.


43      Skont il-qorti tar-rinviju, dan jirriżulta mil-Liġi Fundamentali Ġermaniża u b’mod iktar preċiż mit-tieni sentenza tal-Artikolu 90(1) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il‑Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl 1949 I, p. 1)).


44      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 11); tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 25); tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 47); kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2019, Human Operator (C‑434/17, EU:C:2019:112, punt 38).


45      Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/38.


46      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 17); tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr (C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 51); tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 35); kif ukoll, f’dan is-sens, tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire (C‑17/17, EU:C:2018:674, punti 43 sa 46 u 58 sa 60).


47      Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen (51/76, EU:C:1977:12, punt 24), u tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 59); ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 45).


48      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 25); ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 45).


49      Ara s-sentenza Rieser Internationale Transporte, punti 40 et seq.


50      Ara s-sentenza Rieser Internationale Transporte, punt 41.


51      Ara s-sentenza Rieser Internationale Transporte, punt 40.


52      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-anness ma huwiex applikabbli ratione temporis.


54      Għal dak li jirrigwarda l-invokazzjoni diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ qbiż tas-setgħa diskrezzjonali, ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C‑363/05, EU:C:2007:391, punt 61).


55      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali u li l-ispejjeż effettivament irkuprati għall-perijodu bejn l‑2009 u l‑2014 jirrappreżentaw tnaqqis ta’ madwar 11 % meta mqabbla mal-ispejjeż stmati mill-esperti.


56      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punti 61 u 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.