Language of document : ECLI:EU:F:2009:132

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2009

Kawżi magħquda F-20/08, F-34/08 u F-75/08

Jorge Aparicio et u Anne Simon

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Proċedura għas-selezzjoni CAST 27/Relex – Nuqqas ta’ inklużjoni fid-database – Newtralizzazzjoni ta’ mistoqsijiet – Eżami tar-raġunament verbali u numeriku – Trattament ugwali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Aparicio u 46 membru ieħor tal-persunal kuntrattwali tal-Kummissjoni jitolbu l-annullament tad‑deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal‑Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta’ Ottubru 2007, li ma jinkluduhomx fil-lista tal-kandidati li għaddew mill‑kompetizzjoni u fid-database tal-proċedura tar-reklutaġġ CAST 27/Relex.

Deċiżjoni: Ir-rikorsi F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08 huma miċħuda. M. Aparicio u r-rikorrenti li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness taħt Nri 1 sa 18 huma kkundanntati għall-ispejjeż fil-Kawża F‑20/08 u għal dsatax‑il parti minn sitta u erbgħin parti tal-ispejjeż fil-Kawża F‑75/08. A. Simon, rikorrenti fil-Kawża F‑34/08 u li kienet waħda mir‑rikorrenti fil-Kawża F‑75/08, hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża F‑34/08 u għal sitta u erbgħin parti tal-ispejjeż fil‑Kawża F‑75/08. Ir-rikorrenti li isimhom jidher fl-anness taħt in‑Nri 19 sa 40 u42 sa 46 huma kkundannati għal sitta u għoxrin parti minn sitta u erbgħin parti tal-ispejjeż fil-Kawża F‑75/08.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja – Talba għall-annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti Komunitarja sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha

(Artikolu 230 KE)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal kuntrattwali – Reklutaġġ – Organizzazzjoni tal-eżamijiet – Organizzazzjoni u kontenut tal-eżamijiet

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 82(5) u (6))

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal kuntrattwali – Reklutaġġ – Eżamijiet – Kontenut tal-eżamijiet – Miżuri meħuda sabiex jiġu rimedjati żbalji jew irregolaritajiet li seħħew fl-eżamijiet

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal kuntrattwali – Reklutaġġ – Eżamijiet – Kontenut tal-eżamijiet – Newtralizzazzjoni ta’ mistoqsijiet

1.      Jekk, fil-kuntest ta’ talba għal annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju, il-qorti Komunitarja hija effettivament kompetenti sabiex tikkonstata inċidentalment l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li fuqha jibbaża l‑att ikkontestat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhuwiex, min-naħa l-oħra, kompetenti sabiex jagħmel tali konstatazzjonijiet fid-dispożittiv tas-sentenzi tiegħu.

(ara l-punt 28)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 38

2.      Skont l-Artikolu 82(5) u (6), tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jassisti lill‑istituzzjonijiet differenti billi jiddefinixxi u jorganizza l-proċedui ta’ selezzjoni tal-membri tal-persunal kuntrattwali b’osservanza tal-metodi ġenerali deċiżi mil‑imsemmija istituzzjonijiet. Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(1)(c) u (2) tad‑dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni dwar il-proċeduri li jirregolaw ir‑reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal kuntrattwali fil-Kummissjoni jirriżulta li l‑EPSO għandu jirrispetta l-profili ta’ kompetenzi u l-kwalifika speċifiċi meħtieġa mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti. Madankollu, skont dawn id-dispożizzjonijiet u mill-Artikolu 3(2) tad‑Deċiżjoni 2002/620 li tistabbilixxi l‑EPSO, l-EPSO għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-organizzazzjoni tal‑eżamijiet ta’ selezzjoni.

B’hekk, nota u ittra tal-Kummissjoni li tinkludi ambigwità fir-rigward tal-fatt li xi testijiet tal-għażla ma kinux “eliminatorji” ma jippermettux li jiġi deċiż li l-EPSO eċċeda l-limiti stabbiliti għall-funzjonijiet tiegħu mill-Kummissjoni meta impona eżami verbali u numeriku eliminatorju, peress li dawn iż-żewġ dokumenti setgħu jiġu interpretati, skont interpretazzjoni kompatibbli mal-Artikolu 5 tad‑dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni, bħala li jfissru li l-eżamijiet ikkontestati mhumiex eliminatorji kif inhuma fil-kompetizzjonijiet, b’tali mod li ma jiġix stabbilit minn qabel numru determinat ta’ kandidati li jirnexxu, mingħajr ma jsemmu, madankollu, li dawn l-eżamijiet mhumiex eliminatorji.

(ara l-punti 57 sa 62)

3.      Il-ġurisprudenza tirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Bord tal‑Għażla, meta dan tal-aħħar huwa kkonfrontat b’irregolaritajiet jew żbalji li saru waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali b’parteċipazzjoni kbira li ma jistgħux, skont il-prinċipji ta’ proporzjonalità u amministrazzjoni tajba, jiġu kkumpensati b’repetizzjoni tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni. Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi estiża għall-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) għalkemm mhuwiex bord tal‑għażla, li jaqa’ fil-kuntest ta’ eżamijiet ta’ selezzjoni, li ma ħax il-forma ta’ kompetizzjoni, peress li l-EPSO għandha diskrezzjoni konsiderevoli fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet.

(ara l-punti 77 u 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs Il-Kummissjoni, T‑167/99 u T‑174/99, ĠabraSP p. I‑A‑93 u II‑441, punt 58

4.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jippreżumi li t-trattament ikkontestat jikkawża żvantaġġ lil ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn.

Fin-nuqqas ta’ ffissar ta’ numru limitat ta’ kandidati li jirnexxu fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess, l-eżamijiet ta’ selezzjoni ma jimplikaw ebda paragun dirett bejn il-kandidati, b’mod li t-trattament ugwali bejniethom ma jqumx bl‑istess mod bħal f’kompetizzjoni.

Madankollu, mhuwiex eskluż, anki f’dan il-kuntest, li l-għoti ta’ punt addizzjonali lill-kandidati kollha li kellhom iwieġbu għal mistoqsijiet problematiċi, sabiex dawn tal-aħħar jiġu nnewtralizzati, seta’ ffavorixxa wħud mill-kandidati billi tħallew jilħqu b’mod iktar faċli l-limiti minimi ffissati biex jirnexxu mill‑eżamijiet.

Iċ-ċirkustanza li domandi newtralizzati jkunu ddisturbaw ċerti kandidati iktar minn oħrajn, sal-punt li jaffettwaw il-kapaċità tagħhom li jirrispondu għall-eżami kollu, ma jammontax għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, meta din is‑sitwazzjoni tirriżulta mill-attitudni tagħhom fir-rigward tad-diffikultà u ssostni l-eżistenza ta’ differenza bejniethom u l-kandidati l-oħra.

(ara l-punti 82 sa 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs L‑Awtorità Għolja, 17/61 u 20/61, Ġabra p. 615, 652 ; 11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 63 ; 17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il-Kummissjoni, C‑71/07 P, Ġabra p. I‑5887, punt 50 ; 16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I-9895, punt 39

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Jannar 2001, Gerochristos vs Il-Kummissjoni, T‑189/99, ĠabraSP p. I‑A‑11 u II‑53, punt 26 ; 5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra p. II‑1047, punt 137