Language of document : ECLI:EU:C:2002:651

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

12 ta’ Novembru 2002(*)

Approssimazzjoni tal-liġijiet ─ Trade marks ─ Direttiva 89/104/KEE ─ Artikolu 5(1)(a) ─ Portata tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark

Fil-kawża C-206/01,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), intiża sabiex fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Arsenal Football Club plc

u

Matthew Reed,

tinkiseb deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(a) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J. P. Puissochet, M. Wathelet u C. W. A. Timmermans (Relatur), Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, P. Jann, V. Skouris, F. Macken, N. Colneric u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal Arsenal Football Club plc, minn S. Thorley, QC, u T. Mitcheson, barrister, bħala rappreżentanti ta’ Lawrence Jones, solicitors,

–        għal M. Reed, minn A. Roughton, barrister, bħala rappreżentant ta’ Stunt & Son, solicitors,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen, bħala aġent,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, minn P. Dyrberg, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ Arsenal Football Club pls, irrappreżentat minn S. Thorley u T. Mitcheson, ta’ M. Reed, irrappreżentat minn A. Roughton u S. Malynicz, barrister, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn N. B. Rasmussen u M. Shotter, bħala aġent, fis-seduta ta’ l-14 ta’ Mejju 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet ta’ l-4 ta’ Mejju 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju ta’ wara, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(a) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1998, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn Arsenal Football Club plc (iktar ’il quddiem “Arsenal FC”) u M. Reed dwar il-bejgħ u l-offerta għall-bejgħ minn dan ta’ l-aħħar ta’ xalel bil-kelma Arsenal, sinjal irreġistrat bħala trade mark minn Arsenal FC inter alia għal tali prodotti, miktuba fuqhom b’ittri kbar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva tikkonstata, fl-ewwel premessa tagħha, li l-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks għandhom disparitajiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-prodotti kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Skond din il-premessa, minn dan jirriżulta li huwa meħtieġ, għall-finijiet ta’ l-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern, li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri. It-tielet premessa tad-Direttiva tippreċiża li fil-preżent mhuwiex meħtieġ li ssir approssimazzjoni totali tal-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks.

4        Skond l-għaxar premessa tad-Direttiva:

“[...] [i]l-protezzjoni mogħtija lit-trade marks registrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, hi assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u [bejn] l-merkanzija [prodotti] jew is-servizzi [...]”

5        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija [prodotti] jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija [tal-prodotti] jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà [probabbiltà] ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà [probabbiltà] ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.”

6        L-Artikolu 5(3)(a) u (b) tad-Direttiva jipprovdi:

“Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)      li jitwaħħal is-simbolu ma’ l-merkanzija [mal-prodotti] jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

b)      li joffru l-merkanzija [l-prodotti], jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet […]”

7        Skond l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva:

“Il-paragrafi 1 sa’ 4 m’għandhomx jaffettwaw id-disposizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru dwar protezzjoni kontra l-użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija [prodotti] jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ minn, jew hu ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

8        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

a)      l-isem jew l-indirizz tiegħu [tagħha];

b)      indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija [tal-prodotti] jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija [prodotti] jew servizzi;

(ċ)       t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm jużahom [tużaħhom] skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Fir-Renju Unit, id-dritt tat-trade marks huwa rregolat bit-Trade Marks Act 1994 (Liġi dwar it-trade marks ta’ l-1994) li, sabiex timplementa d-Direttiva, issostitwixxiet it-Trade Marks Act 1938 (Liġi dwar it-trade marks ta’ l-1938).

10      L-Artikolu 10(1) tat-Trade Marks Act 1994 jipprovdi:

“Persuna tkun ħatja ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark reġistrata jekk tuża, fil-kummerċ, sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata.”

11      Skond l-Artikolu 10(2)(b) tat-Trade Marks Act 1994:

“Persuna tkun ħatja ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark reġistrata jekk tuża, fil-kummerċ, sinjal li fir-rigward tiegħu, minħabba:

[...]

b)      li jixbah it-trade mark u minħabba li jintuża fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata,

teżisti, min-naħa tal-pubbliku, probabbiltà ta’ konfużjoni li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Arsenal FC huwa club tal-football magħruf li jilgħab fl-ewwel diviżjoni Ingliża (Premier League). Magħruf ukoll bħala “l-Gunners”, dan il-club ilu għal ħafna żmien assoċjat ma’ żewġ emblemi, jiġifieri dik ta’ l-arma (the crest device) u dik tal-kanun (the canon device).

13      Fl-1989 Arsenal FC kiseb ir-reġistrazzjoni bħala trade marks, b’mod partikolari, tal-kliem Arsenal u Arsenal Gunners kif ukoll ta’ l-emblemi tal-kanun u ta’ l-arma, fir-rigward ta’ kategorija ta’ prodotti li tinkludi ħwejjeġ, ħwejjeġ ta’ l-isport u żraben. Arsenal FC jiddisinja u jipprovdi l-prodotti tiegħu stess jew jipproduċihom u jipprovdihom permezz tan-netwerk tiegħu ta’ bejjiegħa approvati.

14      Peress li fl-aħħar snin l-attivitajiet kummerċjali u promozzjonali tiegħu fil-qasam tal-bejgħ, taħt dawn it-trade marks, ta’ souvenirs u ta’ prodotti relatati għamlu qabża kbira u rriżultaw fi dħul mill-bejgħ sostanzjali, Arsenal FC ipprova jara kif jagħmel biex il-prodotti uffiċjali – jiġifieri l-prodotti mmanifatturati għal Arsenal FC jew bl-awtorizzazzjoni tiegħu – jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar u pprova jikkonvinċi lill-partitarji tiegħu biex jixtru biss tali prodotti. Barra minn hekk, huwa beda azzjonijiet ġudizzjarji, kemm ċivili u kif ukoll kriminali, kontra l-kummerċjanti li jbigħu prodotti mhux uffiċjali.

15      M. Reed ilu mill-1970 jbigħ souvenirs u prodotti oħra relatati mal-football, kważi kollha kemm huma b’sinjali li jevokaw Arsenal FC, f’diversi stands fuq barra tal-ground ta’ Arsenal FC. Huwa rnexxielu jikseb mingħand il-kumpannija KT Sport, inkarigata mill-club biex tbigħ il-prodotti tiegħu lill-bejjiegħa li jkunu madwar dan il-ground, kwantitajiet żgħar ħafna biss ta’ dawn il-prodotti uffiċjali. Fl-1991 u fl-1995 Arsenal FC ħa passi biex ikunu kkonfiskati prodotti mhux uffiċjali miżmuma minn M. Reed.

16      Il-qorti tar-rinviju tindika li fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li, fuq waħda mill-istands tiegħu, M. Reed biegħ u offra għall-bejgħ xalel b’sinjali li jevokaw Arsenal FC miktuba b’ittri kbar u li dawn ix-xalel mhumiex prodotti uffiċjali.

17      Hija tindika barra minn dan li fl-imsemmija stand kien hemm tabella kbira bit-test segwenti:

“Il-kelma u l-logo(s) li jidhru fuq il-prodotti mibjugħa huma biss ornamenti u la jimplikaw u lanqas jindikaw xi tip ta’ relazzjoni mal-produtturi jew distributuri ta’ xi prodott ieħor. Huma biss il-prodotti li għandhom tikketti li jindikaw li huma prodotti uffiċjali ta’ Arsenal li huma prodotti uffiċjali ta’ Arsenal.”

18      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, meta rnexxielu, b’mod eċċezzjonali, jikseb prodotti uffiċjali, M. Reed, fil-kuntatti tiegħu mal-klijenti tiegħu, iddistingwa b’mod ċar il-prodotti uffiċjali mill-prodotti mhux uffiċjali, b’mod partikolari billi qiegħed tikketta b’indikazzjoni li kienu uffiċjali. Barra minn hekk, il-prodotti uffiċjali kienu mibjugħa bi prezzijiet ogħla.

19      Arsenal FC ressaq azzjoni kontra M. Reed quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, peress li kkunsidra li, billi biegħ ix-xalel mhux uffiċjali in kwistjoni, dan il-kummerċjant, minn naħa, kien ta lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu minħabba passing-off – jiġifieri, skond il-qorti tar-rinviju, l-aġir qarrieqi ta’ persuna terza li jwassal biex numru kbir ta’ persuni jemmnu jew jaslu biex jemmnu li l-prodotti mibjugħa minn din il-persuna terza huma prodotti tar-rikorrent jew jinbiegħu bl-awtorizzazzjoni tiegħu jew għandhom rabta ta’ natura kummerċjali miegħu – u, min-naħa l-oħra, kien ħati ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark.

20      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-azzjoni ta’ Arsenal FC għal responsabbiltà mhux kuntrattwali (fir-rigward ta’ passing-off), minħabba li essenzjalment dan il-club ma setax jipprova l-eżistenza ta’ konfużjoni reali min-naħa tal-pubbliku kkonċernat u, b’mod iktar partikolari, ma setax juri li l-prodotti mhux uffiċjali kollha mibjugħa minn M. Reed kienu kkunsidrati mill-pubbliku bħala prodotti provenjenti minn Arsenal FC jew awtorizzati minnu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju osservat b’mod partikolari li fil-fehma tagħha s-sinjali li jevokaw Arsenal FC, li kienu jinsabu fuq il-prodotti mibjugħa minn M. Reed, ma kellhom ebda indikazzjoni fir-rigward ta’ l-oriġini ta’ dawn il-prodotti.

21      Fir-rigward ta’ l-ilment ta’ Arsenal FC dwar il-vjolazzjoni tat-trade marks tagħha u bbażat fuq l-Artikolu 10(1) u (2)(b) tat-Trade Marks Act 1994, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-argument ta’ Arsenal FC li l-użu magħmul minn M. Reed tas-sinjali rreġistrati bħala trade mark kien ipperċepit minn dawk li għalihom kien indirizzat bħala użu li jindika l-oriġini tal-prodotti (badge of origin) u għalhekk kien jikkostitwixxi użu ta’ dawn is-sinjali bħala trade marks (trademark use).

22      Fil-fatt, skond dik il-qorti, is-sinjali li kienu jinsabu fuq il-prodotti ta’ M. Reed kienu pperċepiti mill-pubbliku bħala xhieda ta’ appoġġ, ta’ lealtà jew ta’ affiljazzjoni (badge of support, loyalty or affiliation).

23      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-azzjoni ta’ Arsenal FC għal vjolazzjoni setgħet tirnexxi biss jekk il-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju ta’ trade mark mill-Artikolu 10 tat-Trade Marks Act 1994 u mill-Direttiva ttrasposta minn dik il-liġi tipprojbixxi użu minn terza persuna apparti minn użu bħala trade mark, ħaġa din li tippresupponi interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn it-testi.

24      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju jidhrilha li t-teżi li użu apparti minn użu bħala trade mark huwa pprojbit lil persuna terza għandha ċerti inkoerenzi. Madankollu, it-teżi kuntrarja, jiġifieri li huwa biss l-użu bħala trade mark li huwa kopert, twassal għal diffikultà marbuta mal-formulazzjoni tad-Direttiva u tat-Trade Marks Act 1994, li jiddefinixxu l-vjolazzjoni bħala l-użu ta’ sinjal u mhux bħala l-użu ta’ trade mark.

25      Il-qorti tar-rinviju tosserva li huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) iddeċidiet, fis-sentenza Philips Electronics vs Remington Consumer Products ([1999] RPC 809), li l-użu ta’ sinjal, irreġistrat bħala trade mark, b’mod apparti minn bħala trade mark, seta’ jikkostitwixxi ksur ta’ dritt ta’ trade mark. Il-High Court tosserva li madankollu l-istat tad-dritt dwar din il-kwistjoni għadu mhuwiex ċert.

26      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-argument ta’ M. Reed dwar l-allegata invalidità tat-trade marks ta’ Arsenal FC.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      F’sitwazzjoni fejn trade mark tkun irreġistrata b’mod legali u:

a)      persuna terza tuża, fil-kuntest ta’ l-attivitajiet kummerċjali tagħha, sinjal identiku għall-imsemmija trade mark u tqiegħdu fuq prodotti identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata l-imsemmija trade mark, u

b)      il-persuna terza ma tistax tinvoka għad-difiża tagħha d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104/KEE […],

din il-persuna terza tista’ tinvoka limitazzjonijiet għall-effetti tat-trade mark minħabba li l-użu li bih hija akkużata ma jinkludi ebda indikazzjoni ta’ oriġini (jiġifieri rabta kummerċjali bejn il-prodotti u l-proprjetarju tat-trade mark)?

2)      Fl-affermattiv, il-fatt li tali użu jiġi pperċepit bħala sinjal ta’ appoġġ għal, ta’ lealtà lejn jew ta’ affiljazzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark jista’ jikkostitwixxi rabta suffiċjenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Iż-żewġ domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-osservazzjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29      Arsenal FC isostni li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark u b’ebda mod ma jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ oppożizzjoni għall-kundizzjoni li s-sinjal jintuża bħala trade mark. Il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni testendi, għalhekk, għall-użu tas-sinjal minn terza persuna anki meta dan l-użu ma jirrikonoxxix l-eżistenza ta’ rabta bejn il-prodott u l-proprjetarju tat-trade mark. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva peress li l-limitazzjonijiet partikolari għall-eżerċizzju tad-drittijiet li joħorġu mit-trade mark previsti f’dan l-artikolu juru li tali użu jaqa’, bħala regola ġenerali, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva u li dan l-użu huwa permess biss fil-każijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

30      Sussidjarjament, Arsenal FC isostni li, f’dan il-każ, l-użu li għamel M. Reed tas-sinjal identiku għat-trade mark Arsenal għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkunsidrat bħala użu tat-trade mark bħala trade mark minħabba li dan l-użu jagħti indikazzjoni fir-rigward ta’ l-oriġini tal-prodotti u li mhuwiex rilevanti li huwa l-proprjetarju tat-trade mark li huwa identifikat b’dan il-mod.

31      M. Reed isostni li l-attivitajiet kummerċjali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva peress li Arsenal FC ma stabbilixxiex li s-sinjal kien użat bħala trade mark, jiġifieri sabiex jindika l-oriġini tal-prodotti, kif teżiġi d-Direttiva u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 5 tagħha. Jekk il-pubbliku ma jipperċepixxix is-sinjal bħala indikazzjoni ta’ oriġini, l-użu ma jikkostitwixxix użu tas-sinjal bħala trade mark. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva, ma hemm xejn f’din id-dispożizzjoni li jindika li fiha lista eżawrjenti ta’ l-attivitajiet li ma jikkostitwixxux vjolazzjoni.

32      Il-Kummissjoni ssostni li d-dritt li l-proprjetarju ta’ trade mark għandu taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva huwa indipendenti mill-fatt li l-persuna terza ma tużax is-sinjal bħala trade mark u, b’mod partikolari, mill-fatt li l-persuna terza ma tużahx bħala indikazzjoni ta’ oriġini iżda tinforma lill-pubbliku b’metodi oħra li l-prodotti mhumiex ġejjin mill-proprjetarju tat-trade mark, fi kliem ieħor, li l-użu tas-sinjal ma kienx awtorizzat minn dan ta’ l-aħħar. L-għan speċifiku tat-trade mark huwa fil-fatt li tiggarantixxi li jkun biss il-proprjetarju li jista’ jagħti lill-prodott l-identità ta’ oriġini tiegħu permezz tat-trade mark. Il-Kummissjoni ssostni barra minn dan li mill-għaxar premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tagħha hija assoluta.

33      Matul is-seduta, il-Kummissjoni żiedet li l-kunċett ta’ użu tat-trade mark bħala trade mark, jekk jiġi kkunsidrat bħala rilevanti, jirreferi għal użu li jservi sabiex jiddistingwi prodotti pjuttost milli sabiex jindika l-oriġini tagħhom. Dan il-kunċett ikopri wkoll użu minn persuni terzi li jaffettwa l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark, bħall-interess tar-reputazzjoni tal-prodotti. Fi kwalunkwe każ, il-perċezzjoni min-naħa tal-pubbliku tal-kelma Arsenal, identika għal trade mark verbali, bħala xhieda ta’ sostenn għal, ta’ lealtà lejn jew ta’ affiljazzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark ma teskludix li l-prodotti kkonċernati jkunu pperċepiti wkoll, minħabba f’hekk, bħala prodotti provenjenti mill-proprjetarju tat-trade mark. Għall-kuntrarju, tali perċezzjoni tikkonferma l-karattru distintiv tat-trade mark u tkabbar il-probabbiltà li l-prodotti jiġu pperċepiti bħala provenjenti mill-proprjetarju tat-trade mark. Għalhekk, anki li kieku l-użu tat-trade mark bħala trade mark huwa kriterju rilevanti, l-imsemmi proprjetarju għandu jkollu d-dritt jipprojbixxi l-attività kummerċjali in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

34      L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA ssostni li, sabiex l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jkun jista’ jiġi invokat mill-proprjetarju tat-trade mark, il-persuna terza għandha tuża dan is-sinjal sabiex tiddistingwi, kif inhija l-funzjoni primarja u tradizzjonali tat-trade mark, prodotti jew servizzi, jiġifieri tuża t-trade mark bħala trade mark. Jekk din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata, il-proprjetarju jkun jista’ jinvoka biss id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija fil-Artikolu 5(5) tad-Direttiva.

35      Madankollu, il-kundizzjoni ta’ użu tat-trade mark bħala trade mark fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, li għandha tinftiehem bħala kundizzjoni ta’ użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark bil-għan li jiġu distinti prodotti jew sinjali, hija kunċett tad-dritt Komunitarju li għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’, b’tali mod li tinkludi b’mod partikolari l-użu bħala xhieda ta’ sostenn għal, ta’ lealtà lejn jew ta’ affiljazzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark.

36      Skond l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, il-fatt li l-persuna terza li tqiegħed it-trade mark fuq prodotti tindika li dawn il-prodotti mhumiex ġejjin mill-proprjetarju tat-trade mark ma jeskludix probabbiltà ta’ konfużjoni għal grupp ikbar ta’ konsumaturi. Jekk il-proprjetarju ma jkollux id-dritt li jopponi li persuna terza taġixxi b’dan il-mod, dan jista’ jwassal għal użu b’mod ġenerali tas-sinjali li, fl-aħħar mill-aħħar, iċaħħad lit-trade mark mill-karattru distintiv tagħha, b’mod li jhedded il-funzjoni primarja u tradizzjonali tagħha.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva jiddefinixxi d-“[d]rittijiet mogħtija minn trade mark” u li fl-Artikolu 6 tagħha hemm regoli dwar il-“[l]imitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”.

38      Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, it-trade mark reġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv. Skond l-Artikolu 5(1)(a), dan id-dritt esklużiv jawtorizza lill-proprjetarju jipprojbixxi lil kull persuna terza milli tuża fil-kummerċ, mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva jelenka b’mod mhuż eżawrjenti t-tipi ta’ użu li l-proprjetarju jista’ jipprojbixxi taħt l-Artikolu 5(1). Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, bħall-Artikolu 6, jiddefinixxu ċerti limitazzjonijiet għall-effetti tat-trade mark.

39      Fir-rigward tas-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 19 u mill-Anness V tad-digriet tar-rinviju, il-kelma Arsenal tidher b’ittri kbar fuq ix-xalel mibjugħa minn M. Reed u hija akkumpanjata minn espressjonijiet oħra li huma inqas viżibbli, b’mod partikolari “the Gunners”, u li jirreferu kollha kemm huma għall-proprjetarju tat-trade mark, jiġifieri Arsenal FC. Dawn ix-xalel huma intiżi, inter alia, għall-partitarji ta’ Arsenal FC, li jilbsuhom b’mod partikolari matul il-kompetizzjonijiet li fihom jieħu sehem il-club.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, l-użu tas-sinjal identiku għat-trade mark iseħħ mingħajr dubju fil-kummerċ peress li jinsab fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex jinkiseb profitt u mhux fil-qasam privat. Barra minn hekk, hawnhekk hija involuta s-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata.

41      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat b’mod partikolari li l-użu in kwistjoni fil-kawża prinċipali jsir fir-rigward ta’ prodotti fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva peress li jinvolvi t-tqegħid tas-sinjal identiku għat-trade mark fuq prodotti kif ukoll l-offerta, u l-kummerċjalizzazzjoni jew iż-żamma għal dan il-għan ta’ prodotti, fis-sens ta’ l-Artikolu 5(3)(a) u (b) tad-Direttiva.

42      Sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva jawtorizzax lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi kull użu fil-kummerċ minn persuna terza ta’ sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata din it-trade mark jew jekk dan id-dritt ta’ oppożizzjoni jeħtieġx il-preżenza ta’ interess speċifiku tal-proprjetarju bħala proprjetarju tat-trade mark, fis-sens li l-użu tas-sinjal in kwistjoni minn terza persuna għandu jaffettwa jew għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark.

43      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jwettaq armonizzazzjoni sħiħa u jiddefinixxi d-dritt esklużiv li minnu jgawdu l-proprjetarji ta’ trade marks fil-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C-414/99 sa C-416/99, Ġabra p. I-8691, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Id-disa’ premessa tad-Direttiva tindika li din id-direttiva hija intiża sabiex tassigura lill-proprjetarju tat-trade mark l-istess protezzjoni fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri kollha u tikkwalifika dan il-għan bħala wieħed fundamentali.

45      Sabiex jiġi evitat li l-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark tvarja minn Stat għall-ieħor, huwa għalhekk kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti interpretazzjoni uniformi ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva u b’mod partikolari tal-kunċett ta’ użu li jinsab f’dan l-artikolu, kunċett li huwa s-suġġett tad-domandi preliminari f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 sa 43).

46      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-għan tad-Direttiva, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, huwa li tabolixxi d-disparitajiet bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade mark li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-prodotti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

47      Id-dritt ta’ trade mark jikkostitwixxi fil-fatt element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ. F’tali sistema, l-impriżi għandhom ikunu jistgħu jżommu l-klijenti tagħhom permezz tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom, ħaġa din li hija possibbli biss jekk ikun hemm sinjali distintivi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu identifikati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, Hag GF, C-10/89, Ġabra p. I-3711, punt 13, u ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell, C-517/99, Ġabra p. I-6959, punt 21).

48      F’dan id-dawl, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz identifikat mit-trade mark, billi permezz tagħha jkun jista’ jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew servizz minn dawk bi provenjenza differenti. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha bħala element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, hija għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha identifikati minnha jkunu ġew prodotti jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann La Roche, 102/77, Ġabra p. 1139, punt 7, u tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

49      Il-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa din il-funzjoni essenzjali tat-trade mark meta ppreveda, fl-Artikolu 2 tad-Direttiva, li s-sinjali li jistgħu jkunu rrappreżentati b’mod grafiku jistgħu jikkostitwixxu trade mark biss jekk ikunu ta’ natura li jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Merz & Krell, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

50      Sabiex din il-garanzija ta’ provenjenza, li tikkostitwixxi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, tkun tista’ tiġi assigurata, il-proprjetarju tat-trade mark għandu jkun protett kontra l-kompetituri li jipprovaw jabbużaw mill-pożizzjoni u mir-reputazzjoni tat-trade mark billi jbigħu prodotti indebitament muniti b’din it-trade mark (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Hoffmann La Roche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, u tal-11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot, C-349/95, Ġabra p. I-6227, punt 22). F’dan ir-rigward, l-għaxar premessa tad-Direttiva tenfasizza n-natura assoluta tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark fil-każ ta’ identiċità bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew servizzi in kwistjoni u dawk li fir-rigward tagħhom kienet irreġistrata t-trade mark. L-għaxar premessa tindika li din il-protezzjoni għandha l-għan b’mod partikolari li tiggarantixxi l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark.

51      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva ngħata sabiex il-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprejtarju tat-trade mark, jiġifieri sabiex jassigura li t-trade mark tista’ tissodisfa l-funzjonijiet tagħha. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu għalhekk jiġi rriżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal minn terza persuna jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-provenjenza tal-prodott.

52      Fil-fatt, in-natura esklużiva tad-dritt mogħti mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha taħt l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

53      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jipprevedi li l-Artikolu 5(1) sa (4) ta’ din l-istess direttiva huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet applikabbli fi Stat Membru dwar il-protezzjoni kontra l-użu ta’ sinjal għal finijiet oħra apparti milli għall-finijiet li jiġu distinti l-prodotti jew servizzi.

54      Fil-fatt, il-proprjetarju ma jistax jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark jekk dan l-użu ma jistax jippreġudika l-interess tiegħu stess bħala proprjetarju tat-trade mark fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha. B’hekk, ċerti użijiet għal finijiet purament deskrittivi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva peress li ma jippreġudikaw ebda wieħed mill-interessi li din id-dispożizzjoni hija intiża li tipproteġi u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ użu fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija (ara, in konnessjoni ma’ użu għal finijiet purament deskrittivi fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott offrut, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Hölterhoff, C-2/00, Ġabra p. I-4187, punt 16).

55      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija fundamentalment differenti minn dik fil-kawża li wasslet għas-sentenza Hölterhoff, iċċitata iktar ’il fuq. F’din il-kawża s-sinjal effettivament jintuża fil-kuntest ta’ bejgħ lill-konsumaturi u mhuwiex intiż, b’mod evidenti, għal finijiet purament deskrittivi.

56      Fid-dawl tal-preżentezzjoni tal-kelma Arsenal fuq il-prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll ta’ l-espressjonijiet sekondarji l-oħra li jidhru fuq dawn il-prodotti (ara l-punt 39 ta’ din is-sentenza), l-użu ta’ dan is-sinjal huwa ta’ natura li jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ rabta materjali fil-kummerċ bejn il-prodotti kkonċernati u l-proprjetarju tat-trade mark.

57      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi megħluba bit-twissija, li tidher fuq l-istand ta’ M. Reed, li l-prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex prodotti uffiċjali ta’ Arsenal FC (ara l-punt 17 ta’ din is-sentenza). Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali twissija tista’ tiġi invokata minn persuna terza sabiex tiddefendi ruħha fi proċeduri għal vjolazzjoni ta’ trade mark, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi eskluż li ċerti konsumaturi, b’mod partikolari jekk il-prodotti jiġu ppreżentati quddiemhom wara li jkunu nbiegħu minn M. Reed u jkunu nħarġu mill-istand fejn tinsab it-twissija, jinterpretaw is-sinjal bħala li jindika Arsenal FC bħala l-impriża ta’ provenjenza tal-prodotti.

58      Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li, fil-kawża prinċipali, lanqas ma huwa ggarantit, kif teżiġi madankollu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-prodotti kollha identifikati mit-trade mark kienu prodotti jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom.

59      Fil-fatt, il-prodotti in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma pprovduti mingħajr il-kontroll ta’ Arsenal FC bħala proprjetarju tat-trade mark peress li huwa paċifiku li l-imsemmija prodotti mhumiex ġejjin minn Arsenal FC u lanqas minn bejjiegħa approvati.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jhedded il-garanzija ta’ provenjenza li tikkostitwixxi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, dan huwa użu li għalih il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.

61      La darba ġie kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, l-użu tas-sinjal ikkonċernat minn terza persuna jista’ jaffettwa l-garanzija ta’ provenjenza tal-prodott u li l-proprjetarju tat-trade mark għandu jkun jista’ jopponi għal dan l-użu, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-fatt li l-imsemmi sinjal jiġi pperċepit, fil-kuntest ta’ dan l-użu, bħala xhieda ta’ appoġġ għal, ta’ lealtà lejn jew ta’ affiljazzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li, f’sitwazzjoni li ma taqax taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva fejn persuna terza tuża fil-kummerċ sinjal identiku għal trade mark irreġistrata b’mod legali fuq prodotti identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, il-proprjetarju tat-trade mark jista’, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, jopponi għal dan l-użu skond l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-fatt li dan is-sinjal jiġi pperċepit, fil-kuntest ta’ dan l-użu, bħala xhieda ta’ l-appoġġ għal, ta’ lealtà lejn jew ta’ affiljazzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark.

 Fuq l-ispejjeż

63      L-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, li għamlu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’deċiżjoni għad-domandi magħmula lilha mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, permezz ta’ digriet ta’ l-4 ta’ Mejju 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

F’sitwazzjoni li ma taqax taħt l-Artikolu 6(1) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, fejn persuna terza tuża fil-kummerċ sinjal identiku għal trade mark irreġistrata b’mod legali fuq prodotti identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, il-proprjetarju tat-trade mark jista’, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, jopponi għal dan l-użu skond l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-fatt li dan is-sinjal jiġi pperċepit, fil-kuntest ta’ dan l-użu, bħala xhieda ta’ l-appoġġ għal, ta’ lealtà lejn jew ta’ affiljazzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Timmermans

Gulmann

Edward

Jann

Skouris

Macken

Colneric

 

      von Bahr

Sentenza mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Novembru 2002

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.