Language of document : ECLI:EU:C:2004:639

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

19 ta' Ottubru 2004 (*)

"Dritt ta' residenza – Tifel/Tifla bin-nazzjonalità ta' Stat Membru iżda residenti fi Stat Membru ieħor – Ġenituri ċittadini ta' Stat terz – Dritt ta' residenza ta' l-omm fl-Istat Membru l-ieħor"

Fil-kawża C-200/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa taħt l-Artikolu 234 KE mill-Immigration Appellate Authority (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Mejju 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta' Mejju 2002, fil-proċedura

Kunqian Catherine Zhu,

Man Lavette Chen

vs

Secretary of State for the Home Department,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr u J.N. Cunha Rodrigues (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Novembru 2003,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sinjura Man Lavette Chen, minn R. de Mello u A. Berry, barristers, assistiti minn M. Barry, solicitor,

–       għall-Gvern Irlandiż, minn D. J. O'Hagan, bħala aġent, assistit minn P. Callagher, SC, u P. McGarry, BL,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, R. Plender, QC, u R. Caudwell, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. O'Reilly, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta' Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta' Stati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14), tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta' Ġunju 1990, dwar id-dritt ta' residenza (ĠU L 180, p. 26), u l-Artikolu 18 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq minn Kunqian Catherine Zhu (aktar 'il quddiem "Catherine"), ta' nazzjonalità Irlandiża, u ommha, Man Lavette Chen (aktar 'il quddiem is-"Sinjura Chen"), ta' nazzjonalità Ċiniża kontra s-Secretary of State for the Home Department minħabba li dan ta' l-aħħar ċaħad it-talbiet tagħhom sabiex jiksbu permess ta' residenza għal perijodu twil fir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/148 jipprovdi li:

"1.      L-Istati Membri għandhom, waqt li jaġixxu kif previst f'din id-Direttiva, jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza ta':

a)      ċittadini ta' Stat Membru li stabbilixxew ruħhom jew li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, jew li jixtiequ jipprovdu servizzi f'dak l-Istat;

b)      persuni ta' ċittadinanza ta' Stati Membri li jixtiequ jmorru fi Stat Membru ieħor bħala riċevituri ta' servizzi;

c)      il-konjuġi u t-tfal taħt il-wieħed u għoxrin sena ta' dawn iċ-ċittadini, mingħajr distinzjoni [fir-rigward] taċ-ċittadinanza tagħhom;

d)      il-qraba anzjani u dixxendenti ta' dawn il-persuni ċittadini u tal-konjuġi ta' dawn iċ-ċittadini, li huma dipendenti fuqhom, mingħajr distinzjoni [fir-rigward] taċ-ċittadinanza.

2.      L-Istati Membri għandhom jiffavorixxu d-dħul ta' kull membru ieħor tal-familja ta' ċittadin imsemmi fil-paragrafu 1(a) jew (b) jew tal-konjuġi ta' dak iċ-ċittadin, liema membru jkun jiddependi fuq dak iċ-ċittadin jew fuq il-konjuġi taċ-ċittadin jew li fil-pajjiż ta' l-oriġini kien qed joqgħod taħt l-istess saqaf."

4       L-Artikolu 4(2) ta' l-istess direttiva jipprovdi li:

"Id-dritt ta' residenza għal persuni li jipprovdu jew li jirċievu servizzi għandu jkun ta' tul ugwali għall-perjodu li matulu s-servizzi jkunu pprovduti.

[Jekk] dan il-perjodu jaqbeż it-tliet xhur, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu qed jitwettqu s-servizzi għandu joħroġ dritt ta' alloġġ bħala prova tad-dritt ta' residenza.

[Jekk dan i]l-perjodu ma jaqbiżx it-tliet xhur, il-karta ta' l-identità jew il-passaport li bihom il-persuna kkonċernata tkun daħlet fit-territorju għandhom ikunu biżżejjed sabiex ikopru s-soġġorn tagħha. L-Istati Membri, jistgħu, madanakollu, jeħtieġu lill-persuna kkonċernata li tirraporta l-preżenza tagħha fit-territorju."

5       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/364:

"1.      L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza liċ-ċittadini ta' Stati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità u lill-membri tal-familji tagħhom kif definit fil-paragrafu 2, basta li huma nfushom u l-membri tal-familji tagħhom ikunu koperti b'assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta' residenza tagħhom.

Ir-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu biżżejjed [meta] dawn ikunu ogħla mill-livell ta' riżorsi li minnu ľ isfel l-Istat Membru ospitanti jista' jagħti assistenza soċjali liċ-ċittadini tiegħu, b'konsiderazzjoni taċ-ċirk[u]stanzi personali ta' l-applikant u, fejn ikun xieraq, iċ-ċirkostanzi personali tal-persuni ammessi skond il-paragrafu 2.

Fejn it-tieni subparagrafu ma jkunx jista' jiġi applikat fi Stat Membru, ir-riżorsi ta' l-applikant għandhom jitqiesu biżżejjed jekk dawn ikunu ogħla mil-livell tal-pensjoni minima tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.

2.      Is-segwenti għandhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ikollhom id-dritt li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor mad-detentur tad-dritt ta' residenza:

a)      il-mara jew ir-raġel tiegħu/tagħha u d-dixxendenti tagħhom li huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja ta' l-axxendenti tad-detentur tad-dritt ta' residenza u l-mara jew ir-ragel tiegħu/tagħha."

 Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit

6       Skond ir-Regolament 5 ta' l-Immigration (European Economic Area) Regulations 2000 (Regolamenti ta' l-2000 dwar l-Immigrazzjoni miż-Żona Ekonomika Ewropea, aktar 'il quddiem ir-"Regolamenti ŻEE"):

"1.      Għall-finijiet ta' dawn ir-Regolamenti, l-espressjoni "persuna li tikkwalifika" [għal residenza fir-Renju Unit] tfisser kull ċittadin taż-ŻEE li jinsab fir-Renju Unit bħala: a) impjegat; b) persuna li taħdem għal rasha; c) persuna li tipprovdi servizzi; d) persuna li tirċievi servizzi; e) persuna li kapaċi tmantni lilha nnifisha; f) persuna rtirata; g) student jew, h) persuna li kienet taħdem għal rasha u li rtirat mill-attivitajiet tagħha; jew kull persuna li għaliha japplika il-paragrafu (4).

[…]."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7       Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Sinjura Chen u r-raġel tagħha, ta' nazzjonalità Ċiniża, jaħdmu ma' impriża Ċiniża stabbilita fiċ-Ċina. Ir-raġel tas-Sinjura Chen huwa wieħed mid-diretturi ta' din l-impriża u għandu l-maġġoranza ta' l-ishma fiha. Fil-kuntest ta' l-attività professjonali tiegħu, huwa jivvjaġġa diversi drabi fuq xogħol lejn Stat Membri differenti, b'mod partikolari, lejn ir-Renju Unit.

8       L-ewwel tarbija tal-koppja twieldet fiċ-Ċina matul is-sena 1998. Peress li xtaqet li jkollha tarbija oħra, is-Sinjura Chen daħlet fit-territorju tar-Renju Unit f'Mejju 2000 meta hija kienet madwar sitt xhur tqila. F'Lulju ta' l-istess sena hija marret Belfast fejn, fis-16 ta' Settembru ta' wara, twieldet Catherine. Illum il-ġurnata l-omm u l-bint jgħixu f'Cardiff, Wales (Ir-Renju Unit).

9       Skond l-Artikolu 6(1) ta' l-Irish Nationality and Citizenship Act ta' l-1956 (liġi ta' l-1956 dwar in-nazzjonalità u ċ-ċittadinanza Irlandiża), li kienet emendata matul l-2001 u li tapplika b'effett retroattiv mit-2 ta' Diċembru 1999, l-Irlanda tippermetti lil kull persuna li titwieled fil-gżira ta' l-Irlanda li tikseb in-nazzjonalità Irlandiża. Skond l-Artikolu 6(3), persuna li titwieled fuq il-gżira ta' l-Irlanda hija ċittadina Irlandiża mit-twelid jekk ma tkunx intitolata għaċ-ċittadinanza ta' pajjiż ieħor.

10     Taħt din il-leġiżlazzjoni, Catherine nħarġilha passaport Irlandiż f'Settembru 2000. Mill-banda l-oħra, skond id-deċiżjoni ta' rinviju, Catherine m'għandhiex id-dritt li tikseb in-nazzjonalità Brittanika safejn, permezz tal-British Nationality Act 1981 (Liġi ta' l-1981 dwar in-Nazzjonalità Brittanika), ir-Renju Unit ma baqax japplika l-jus soli, b'tali mod li t-twelid fit-territorju ta' dan l-Istat Membru m'għadux jikkonferixxi n-nazzjonalità Brittanika b'mod awtomatiku.

11     Huwa stabbilit li r-residenza fil-gżira ta' l-Irlanda kienet intiża sabiex it-tarbija li kienet se titwieled tkun tista' takkwista n-nazzjonalità Irlandiża u, konsegwentament, sabiex l-omm tkun tista' tikseb id-dritt li, jekk ikun il-każ, tirrisjedi mat-tarbija tagħha fit-territorju tar-Renju Unit.

12     Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Irlanda tagħmel parti mill-Common Travel Area (żona ta' moviment komuni) fis-sens ta' l-Immigration Acts (leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni), b'tali mod li, safejn iċ-ċittadini Irlandiżi, bħala regola ġenerali, m'għandhomx għalfejn jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jidħlu u jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju tar-Renju Unit, Catherine, kuntrarjament għas-Sinjura Chen, tista' tiċċaqlaq b'mod liberu fit-territorju tar-Renju Unit u dak ta' l-Irlanda. Apparti d-dritt ta' Catherine għall-moviment liberu limitat għal dawn iż-żewġ Stati Membri, l-ebda waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali m'għandha d-dritt għal residenza fir-Renju Unit bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

13     Id-deċiżjoni ta' rinviju tippreċiża wkoll li Catherine tiddependi fuq ommha kemm emozzjonalment kif ukoll finanzjarjament, li ommha hija l-persuna li prinċipalment tieħu ħsiebha, li Catherine hija persuna li tirċievi, bi ħlas, servizzi mediċi privati u servizzi ta' kura tat-tfal fir-Renju Unit, li hija tilfet id-dritt li tikseb in-nazzjonalità Ċiniża minħabba li twieldet fl-Irlanda ta' Fuq u minħabba l-akkwist sussegwenti tan-nazzjonalità Irlandiża u li, minħabba dan, hija tista' biss tidħol fit-territorju Ċiniż permezz ta' viża ta' mhux aktar minn 30 jum għal kull soġġorn, li ż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali jmantnu lilhom infushom permezz ta' l-attività professjonali tas-Sinjura Chen, ma jiddependux fuq il-fondi pubbliċi tar-Renju Unit u ma teżisti l-ebda possibbiltà raġonevoli li huma jsiru dipendenti fuq dawn il-fondi u, fl-aħħar nett, li huma għandhom assigurazzjoni kontra l-mard.

14     Iċ-ċaħda tas-Secretary of State for the Home Department li joħroġ permess ta' residenza għal perijodu twil liż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali hija mmotivata mill-fatt li Catherine, li għandha tmien xhur, ma teżerċita l-ebda dritt li jirriżulta mit-Trattat KE bħalma huwa previst fir-Regolament 5(1) tar-Regolamenti ŻEE u li s-Sinjura Chen mhijiex persuna li tikkwalifika għal residenza fir-Renju Unit għall-finijiet ta' din il-leġiżlazzjoni.

15     Id-deċiżjoni ta' ċaħda in kwistjoni kienet is-suġġett ta' appell quddiem l-Immigration Appellate Authority li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Fid-dawl tal-fatti ta' din il-kawża, l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE jew, fl-alternattiv, l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE:

a)      jikkonferixxu lill-ewwel rikorrenti, li hija minorenni u ċittadina ta' l-Unjoni, id-dritt li tidħol u li tirrisjedi fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti?

b)      Fl-affermattiv, jikkonferixxu, bħala konsegwenza, lit-tieni rikorrenti, ċittadina ta' Stat terz, li hija omm l-ewwel rikorrenti u li hija l-persuna li prinċipalment tieħu ħsiebha, id-dritt li tirrisjedi ma' l-ewwel rikorrenti, i) bħala membru tal-familja tagħha li tiddependi fuqha jew ii) minħabba li kienet tgħix ma' l-ewwel rikorrenti fil-pajjiż ta' oriġini tagħha jew, iii) minħabba xi raġuni speċjali oħra?

2)      Jekk u safejn l-ewwel rikorrenti mhijiex 'ċittadina ta' Stat Membru' għall-finijiet ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mis-sistema ġuridika Komunitarja bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE jew ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tifel/tifla biċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni hijiex ċittadin/a ta' Stat Membru għall-finijiet ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja?

3)      Fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, is-servizzi ta' kura tat-tfal li tirċievi l-ewwel rikorrenti jammontaw għal servizzi għall-finijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE?

4)      Fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, l-ewwel rikorrenti għandha tiġi mċaħħda mid-dritt ta' residenza fl-Istat ospitanti taħt l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE minħabba l-fatt li r-riżorsi tagħha joriġinaw esklużivament minn ommha li takkumpanjaha u li hija ċittadina ta' Stat terz?

5)      Fid-dawl tal-fatti partikolari ta' din il-kawża, l-Artikolu 18(1) KE jikkonferixxi lill-ewwel rikorrenti d-dritt li tidħol u li tirrisjedi fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti minkejja li hija m'għandhiex id-dritt għal residenza f'dan l-Istat taħt xi dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju?

6)      Fl-affermattiv, it-tieni rikorrenti għandha, bħala konsegwenza, id-dritt li tgħix ma' l-ewwel rikorrenti meta din tirrisjedi fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti?

7)      F'dan il-kuntest, x'inhu l-effett tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fid-dritt Komunitarju, invokat mir-rikorrenti, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-fatt li dawn qegħdin jinvokaw l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħha, tal-familja tagħha u ta' darha, moqri flimkien ma' l-Artikolu 14 ta' l-istess konvenzjoni, u tal-fatt li l-ewwel rikorrenti ma tistax tgħix fiċ-Ċina flimkien mat-tieni rikorrenti, missierha u ħuha?"

 Fuq id-domandi preliminari

16     Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 73/148, id-Direttiva 90/364 jew l-Artikolu 18 KE, skond il-każ, moqrija flimkien ma' l-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), jikkonferixxux, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, liċ-ċittadin minorenni ta' età żgħira ta' Stat Membru, li huwa fil-kura ta' ġenitur, li, min-naħa tiegħu, huwa ċittadin ta' Stat terz, id-dritt ta' residenza fi Stat Membru ieħor fejn dan il-minorenni jirċievi servizzi ta' kura tat-tfal. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet jikkonferixxux, bħala konsegwenza, dritt ta' residenza favur il-ġenitur in kwistjoni.

17     Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar id-dritt ta' residenza fir-rigward, l-ewwel, tas-sitwazzjoni ta' ċittadin minorenni bħalma hija Catherine u, imbagħad, fir-rigward ta' dik tal-ġenitur, ċittadin ta' Stat terz, li jieħu ħsieb il-minorenni.

 Fuq id-dritt ta' residenza ta' persuna fis-sitwazzjoni ta' Catherine

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

18     Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda t-teżi mressqa mill-Gvern Irlandiż u mill-Gvern tar-Renju Unit li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta' Catherine ma tistax tinvoka l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-moviment liberu u dwar ir-residenza tal-persuni minħabba l-fatt waħdieni li l-persuna kkonċernata qatt ma ċċaqalqet minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor.

19     Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta' ċittadin ta' Stat Membru li twieled fl-Istat Membru ospitanti u li ma użax id-dritt għall-moviment liberu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi assimilata ma' sitwazzjoni purament interna li ċċaħħad lill-imsemmi ċittadin mill-benefiċċju fl-Istat Membru ospitanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-moviment liberu u r-residenza ta' persuni (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta' Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punti 13 u 27).

20     Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Irlandiż, minorenni ta' età żgħira jista' jinvoka d-drittijiet ta' moviment liberu u ta' residenza ggarantiti mid-dritt Komunitarju. Il-kapaċità ta' ċittadin ta' Stat Membru li jkun intitolat għad-drittijiet iggarantiti mit-Trattat u mil-leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-moviment liberu ta' persuni ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun kisbet l-età meħtieġa sabiex ikollha l-kapaċità ġuridika li teżerċita hija stess l-imsemmija drittijiet [ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), is-sentenzi tal-15 ta' Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punt 21, u tas-17 ta' Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punti 52 sa 63, u, fir-rigward ta' l-Artikolu 17 KE, is-sentenza Garcia Avello, iċċitata aktar 'il fuq, punt 21]. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 sa 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, la mill-kliem u lanqas mill-għanijiet ta' l-Artikoli 18 u 49 KE, kif ukoll tad-Direttivi 73/148 u 90/364, ma jirriżulta li t-tgawdija stess tad-drittijiet li huma s-suġġett ta' dawn id-dispożizzjonijiet għandha tkun suġġetta għal kundizzjoni ta' età minima.

 Id-Direttiva 73/148

21     Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta' Catherine tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 73/148 sabiex tirrisjedi għal perijodu twil fir-Renju Unit bħala persuna li tirċievi servizzi ta' kura tat-tfal pprovduti bi ħlas.

22     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet dwar il-provvista libera tas-servizzi ma jkoprux is-sitwazzjoni ta' ċittadin ta' Stat Membru li jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor sabiex jirċievi hemm servizzi għal żmien indeterminat f'dan l-Istat (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta' Ottubru 1988, Steymann, 196/87, Ġabra p. 6159). Dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża prinċipali fir-rigward tas-servizzi ta' kura tat-tfal imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

23     Fir-rigward tas-servizzi mediċi li huma pprovduti temporanjament lil Catherine, għandu jiġi osservat li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 73/148, id-dritt ta' residenza li tgawdi l-persuna li tirċievi servizzi taħt id-dritt tal-provvista libera tas-servizzi jikkorrispondi għal kemm idum is-servizz in kwistjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva ma tistax, f'kull każ, isservi bħala bażi għal dritt ta' residenza għal żmien indeterminat bħalma huwa d-dritt li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali.

 L-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364

24     Peress li Catherine ma tistax tibbaża ruħha fuq id-Direttiva 73/148 sabiex tirrisjedi għal perijodu twil fir-Renju Unit, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dritt ta' residenza għal perijodu twil favur Catherine jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 18 KE u fuq id-Direttiva 90/364 li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiggarantixxu dritt bħal dan għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom.

25     Skond l-Artikolu 17(1) KE, kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta' Stat Membru hija ċittadina ta' l-Unjoni. L-istat ta' ċittadin ta' l-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Baumbast u R, iċċitata aktar 'il fuq, punt 82).

26     Fir-rigward tad-dritt ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 18(1) KE, għandu jiġi osservat li dan huwa rikonoxxut direttament għal kull ċittadin ta' l-Unjoni permezz ta' dispożizzjoni ċara u preċiża tat-Trattat. Sempliċement bħala ċittadina ta' Stat Membru, u għaldaqstant ċittadina ta' l-Unjoni, Catherine għandha d-dritt li tinvoka l-Artikolu 18(1) KE. Dan id-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fit-territorju ta' Stat Membru ieħor huwa rikonoxxut bla ħsara għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jagħtuh effett (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Baumbast u R, iċċitata aktar 'il fuq, punti 84 u 85).

27     Fir-rigward ta' l-imsemmija limitazzjonijiet u kundizzjonijiet, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li ċ-ċittadini ta' Stat Membru li jixtiequ jgawdu mid-dritt ta' residenza fit-territorju tagħhom ikollhom, għalihom infushom u għall-membri tal-familji tagħhom, assigurazzjoni kontra l-mard li tkopri r-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u riżorsi biżżejjed sabiex jiġi evitat li jsiru piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta' residenza tagħhom.

28     Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li Catherine għandha kemm assigurazzjoni kontra l-mard kif ukoll riżorsi biżżejjed, ipprovduti minn ommha, sabiex ma ssirx piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti.

29     L-oġġezzjoni tal-Gvern Irlandiż u tal-Gvern tar-Renju Unit li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta' riżorsi biżżejjed tfisser li, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ ta' Catherine, il-persuna kkonċernata għandu jkollha hija stess riżorsi bħal dawn mingħajr ma tkun tista' tinvoka f'dan ir-rigward ir-riżorsi ta' membru tal-familja li, bħas-Sinjura Chen, jkun qiegħed jakkumpanjaha, mhijiex fondata.

30     Skond it-termini stess ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364, huwa biżżejjed li ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri "jkollhom" ir-riżorsi meħtieġa mingħajr ma din id-dispożizzjoni ma tinkludi l-iċken rekwiżit fir-rigward ta' l-oriġini ta' dawn ir-riżorsi.

31     Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-fatt li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu prinċipju fundamentali bħal dak tal-moviment liberu tal-persuni għandhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa.

32     Barra minn hekk, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18 KE u previsti mid-Direttiva 90/634 huma ispirati mill-idea li l-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni jista' jkun suġġett għall-interessi leġittimi ta' l-Istati Membri. Għalhekk, minkejja li mir-raba' premessa ta' l-imsemmija direttiva jirriżulta li l-benefiċċjarji tad-dritt ta' residenza m'għandhomx isiru piż "irraġjonevoli" fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, osservat li l-applikazzjoni ta' l-imsemmija limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għandha ssir b'konformità mal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u skond il-prinċipju ta' proporzjonalità (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Baumbast u R, iċċitata aktar 'il fuq, punti 90 u 91).

33     Interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-karattru suffiċjenti tar-riżorsi, fis-sens tad-Direttiva 90/364, bħal dik issuġġerita mill-Gvern Irlandiż u mill-Gvern tar-Renju Unit, iżżid ma' din il-kundizzjoni, kif inhi fformulata f'din id-direttiva, rekwiżit dwar l-oriġini tar-riżorsi li jammonta għal interferenza sproporzjonata fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal moviment liberu u għal residenza ggarantit mill-Artikolu 18 KE, fis-sens li dan ir-rekwiżit mhuwiex meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi ta' l-Istati Membri.

34     Fl-aħħar nett, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw id-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni safejn il-fatt li s-Sinjura Chen marret fl-Irlanda ta' Fuq bil-għan li t-tarbija tagħha takkwista n-nazzjonalità ta' Stat Membru ieħor jikkostitwixxi attentat sabiex in-normi tad-dritt Komunitarju jintużaw b'mod abbużiv. L-għanijiet ta' dawn id-dispożizzjonijiet Komunitarji ma jiġux milħuqa meta ċittadin ta' Stat terz li jixtieq jistabbilixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru, mingħajr, madankollu, ma jiċċaqlaq jew mingħajr ma jkun jixtieq li jiċċaqlaq minn Stat Membru għall-ieħor, jorganizza ruħu b'tali mod li jwelled tarbija f'parti mit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti fejn Stat Membru ieħor japplika r-regoli tiegħu dwar l-akkwist tan-nazzjonalità abbażi tal-jus soli. Skond ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom dritt jieħdu miżuri intiżi sabiex ma jħallux li individwi jieħdu vantaġġ b'mod abbużiv mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u li jipprovaw, permezz tal-faċilitajiet ipprovduti mit-Trattat, li b'mod illegali jiskansaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din ir-regola, skond il-prinċipju li dritt m'għandux jiġi abbużat, ġiet affermata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-9 ta' Marzu 1999, Centros C-212/97, Ġabra p. I-1459).

35     Dan ir-raġunament għandu wkoll jiġi miċħud.

36     Huwa veru li s-Sinjura Chen tammetti li r-residenza tagħha fir-Renju Unit kienet intiża sabiex toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa ħalli t-tarbija tagħha li kellha titwieled takkwista n-nazzjonalità ta' Stat Membru ieħor bil-għan li sussegwentement tkun tista' takkwista dritt ta' residenza għal perijodu twil fir-Renju Unit għat-tarbija tagħha u għaliha stess.

37     Madankollu, id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-akkwist u għat-telf tan-nazzjonalità taqa', skond id-dritt internazzjonali, fil-kompetenza ta' kull Stat Membru, kompetenza li għandha tiġi eżerċitata skond id-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta' Lulju 1992, Micheletti et, C-369/90, Ġabra p. I-4239, punt 10, u ta' l-20 ta' Frar 2001, Kaur, C-192/99, Ġabra p. I-1237, punt 19).

38     L-ebda waħda mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestat la l-legalità ta' l-akkwist minn Catherine tan-nazzjonalità Irlandiża u lanqas tal-karattru effettiv ta' dan l-akkwist.

39     Barra minn hekk, Stat Membru ma jistax jillimita l-effetti ta' l-għoti tan-nazzjonalità ta' Stat Membru ieħor billi jeżiġi kundizzjoni addizzjonali għar-rikonoxximent ta' din in-nazzjonalità fir-rigward ta' l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Micheletti et, punt 10, u Garcia Avello, punt 28).

40     Dan ikun preċiżament il-każ kieku r-Renju Unit kellu d-dritt li jċaħħad liċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra, bħalma hija Catherine, milli jgawdu libertà fundamentali ggarantita mid-dritt Komunitarju sempliċement minħabba li n-nazzjonalità ta' Stat Membru kienet fil-fatt akkwistata bil-għan li jinkiseb dritt ta' residenza bis-saħħa tad-dritt Komunitarju għal ċittadin ta' Stat terz.

41     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għandha tkun li l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364 jikkonferixxu, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, liċ-ċittadin minorenni ta' età żgħira ta' Stat Membru li huwa kopert minn assigurazzjoni kontra l-mard adegwata u li huwa fil-kura ta' ġenitur, li, min-naħa tiegħu, ikun ċittadin ta' Stat terz u għandu riżorsi biżżejjed biex ta' l-ewwel ma jsirx piż fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru ospitanti, dritt ta' residenza għal perijodu indeterminat fit-territorju ta' dan l-aħħar Stat.

 Fuq id-dritt ta' residenza ta' persuna fis-sitwazzjoni tas-Sinjura Chen

42     L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 90/364, li jiggarantixxi lill-axxendenti tad-detentur tad-dritt ta' residenza li huma "dipendenti", irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, id-dritt li jistabbilixxu rwieħhom ma' l-imsemmi detentur, ma jistax jikkonferixxi dritt ta' residenza lil ċittadin ta' Stat terz li jinsab fis-sitwazzjoni tas-Sinjura Chen la minħabba r-rabtiet emozzjonali bejn l-omm u t-tarbija tagħha u lanqas minħabba li d-dritt ta' dħul u ta' residenza fir-Renju Unit ta' l-omm jiddependi mid-dritt ta' residenza ta' din it-tarbija.

43     Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwalità ta' membru tal-familja "dipendenti" fuq id-detentur tirriżulta minn sitwazzjoni fattwali kkaratterizzata mill-fatt li l-manteniment materjali tal-membru tal-familja huwa assigurat mid-detentur tad-dritt ta' residenza (ara f'dan is-sens, fir-rigward ta' l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, is-sentenza tat-18 ta' Ġunju 1987, Lebon, 316/85, Ġabra p. 2811, punti 20 sa 22).

44     F'każ bħal dak fil-kawża prinċipali tirriżulta sitwazzjoni li hija preċiżament bil-maqlub minħabba li d-detentriċi tad-dritt ta' residenza hija dipendenti fuq ċittadina ta' Stat terz li għandha effettivament il-kura tagħha u li tixtieq takkumpanja lil ta' l-ewwel. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sinjura Chen ma tistax tinvoka l-kwalità ta' axxendenti "dipendenti" ta' Catherine, fis-sens tad-Direttiva 90/364, sabiex tibbenefika minn dritt ta' residenza fir-Renju Unit.

45     Mill-banda l-oħra, jekk ġenitur, ċittadin ta' Stat Membru jew ta' Stat terz, li għandu effettivament il-kura ta' minorenni li, fir-rigward tiegħu l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364 jirrikonoxxu dritt ta' residenza, jiġi mċaħħad milli jgħix ma' dan il-minorenni fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt ta' residenza ta' dan ta' l-aħħar jiċċaħħad mill-effettività kollha tiegħu. Fil-fatt, huwa ċar li t-tgawdija tad-dritt ta' residenza minn minorenni ta' età żgħira neċessarjament timplika li dan il-minorenni jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li attwalment għandha l-kura tiegħu u, għaldaqstant, li din il-persuna tkun tista' tgħix miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza (ara, mutatis mutandis, fir-rigward ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, is-sentenza Baumbast u R, iċċitata aktar 'il fuq, punti 71 sa 75).

46     Għal din ir-raġuni biss ir-risposta għandha tkun li meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364 jikkonferixxu dritt ta' residenza għal perijodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti lil ċittadin minorenni ta' età żgħira ta' Stat Membru ieħor, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta' dan iċ-ċittadin li jgħix miegħu fl-Istat Membru ospitanti.

47     Għaldaqstant, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364 jikkonferixxu, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fuq ċittadin minorenni ta' età żgħira ta' Stat Membru, li huwa kopert minn assigurazzjoni adegwata kontra l-mard u li huwa fil-kura ta' ġenitur, li, min-naħa tiegħu, huwa ċittadin ta' Stat terz u li għandu riżorsi biżżejjed sabiex ta' l-ewwel ma jsirx piż fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru ospitanti, dritt ta' residenza għal perijodu indeterminat fit-territorju ta' dan l-aħħar Stat. F'każ bħal dan, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta' dan iċ-ċittadin li jgħix miegħu fl-Istat Membru ospitanti.

 Fuq l-ispejjeż

48     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja), taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 18 KE u d-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta' Ġunju 1990, dwar id-dritt ta' residenza, jikkonferixxu, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, liċ-ċittadin minorenni ta' età żgħira ta' Stat Membru, li huwa kopert minn assigurazzjoni adegwata kontra l-mard u li huwa fil-kura ta' ġenitur, li, min-naħa tiegħu, ikun ċittadin ta' Stat terz u li għandu riżorsi biżżejjed sabiex ta' l-ewwel ma jsirx piż fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru ospitanti, dritt ta' residenza għal perijodu indeterminat fit-territorju ta' dan l-Istat ta' l-aħħar. F'każ bħal dan, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta' dan iċ-ċittadin li jgħix miegħu fl-Istat Membru ospitanti.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż