Language of document : ECLI:EU:F:2010:10

DIGRIET TAL-PRESIDENT

TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

23 ta’ Frar 2010

Kawża F-99/09 R

Elisavet Papathanasiou

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien indeterminat li jinkludi klawżola ta’ rexissjoni — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Urġenza — Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA, kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l‑Artikolu 106a, li permezz tiegħu E. Papathanasiou titlob is‑sospensjoni, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-UASI, tat-12 ta’ Marzu 2009, li tirrexxindi l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju, b’effett mill-15 ta’ Novembru 2009, u, min-naħa l‑oħra, tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2009 li tipproroga sal-15 ta’ Frar 2010 l-avviż preliminari ta’ rexissjoni inizjalment stabbilit fil‑15 ta’ Novembru 2009 bid-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — “Fumus boni juris” — Natura kumulattiva — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 39 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

3.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Protezzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1)

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-mezzi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-għoti tal-miżuri mitluba minnhom.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-fumus boni juris huma kumulattivi, b’mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tinċaħad jekk waħda minn dawn il‑kundizzjonijiet tkun nieqsa. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu xorta jissokta, skont il-każ, bl-ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ liberu li jiddetermina, fir-rigward tal‑ispeċifikazzjonijiet inkwistjoni, il-mod kif għandhom jiġu vverifikati dawn il‑kundizzjonijiet differenti kif ukoll it-twettiq ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola ta’ dritt ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex tevalwa n-neċessità li tingħata deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 33 sa 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑811, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑783, punti 12 u 13; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑93, punti 20 u 22

2.      Il-finalità tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma hijiex li tiżgura l-kumpens ta’ dannu, iżda li tiggarantixxi l-effiċjenza sħiħa tas-sentenza li tittieħed fuq il‑mertu. Sabiex tilħaq dan l-għan tal-aħħar, il-miżuri mitluba għandhom ikunu urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li jkunu mogħtija u li jipproduċu l-effetti dovuti tagħhom qabel id-deċiżjoni prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob l-għoti tal-miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-provi li ma tistax tistenna tmiem il‑proċedura prinċipali, mingħajr ma tkun sofriet dannu ta’ dan it-tip.

Is-sempliċi neċessità li jinstab impjieg barra mill-pajjiż ma jistax, bħala prinċipju, jikkostitwixxi fih innifsu preġudizzju gravi u irreparabbli.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, C‑65/99 P(R), Ġabra p. I‑1857, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch‑Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1555, punt 27; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ April 2008, Bennett et vs UASI, F‑19/08 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑131 u II‑A‑1‑713, punt 28

3.      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, membru tal‑Kumitat tal-Persunal ma jista’ jsofri ebda dannu minħabba l-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-imsemmi kumitat.

Sa fejn l-eżerċizzju tal-funzjonijiet fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal huwa marbut mal-kwalità tal-membru tal-persunal, u ma jeżistix indipendentement mill-kuntratt li jorbot lill-membru tal-persunal ma’ istituzzjoni jew ma’ aġenzija, meta jintemm il-kuntratt ta’ membru tal-persunal li huwa membru tal-Kumitat tal-Persunal, konsegwentement, il-mandat tiegħu ta’ rappreżentant tal-persunal fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal jintemm ukoll ipso iure. Huwa biss meta l-membru tal-persunal isofri dannu, pereżempju tkeċċija, “minħabba” l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal li jkun hemm ksur tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 50 sa 52)