Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Il-Belġju) fil-25 ta’ Marzu 2019 – B. O. L. vs État belge

(Kawża C-250/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: B. O. L.

Konvenut: État belge

Domandi preliminari

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Eworpea u ma tirrendix impossibbli l-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li, skont ir-rikorrenti, huwa mogħti lilha mill-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja 1 , din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li timplika li wild tal-isponsor jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja meta jsir maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li tkun irrifjutatlu dan id-dritt u li kienet ittieħdet meta dan kien għadu minuri?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li rikors għal annullament, ippreżentat kontra r-rifjut ta’ dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minuri, jiġi ddikjarat inammissibbli għar-raġuni li l-wild ikun sar maġġorenni matul il-proċedura ġudizzjarja, peress li huwa jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu kontra din id-deċiżjoni u peress li jiġi ppreġudikat id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.