Language of document : ECLI:EU:C:2014:2475

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT

ippreżentata fit-13 ta’ Ġunju 2014 (1)

Proċedura għal opinjoni 2/13

imressqa mill-Kummissjoni Ewropea

“Konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni — Adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) — Żamma tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni — Żamma tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet tagħha — Parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi stabbiliti mill-ftehim internazzjonali — Rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB) — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-politika barranija u ta’ sigurtà komuni”






Werrej


I –   Introduzzjoni

II – L-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adeżjoni

III – Talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni

IV – Il-kuntest ġuridiku

V –   Ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

VI – Fuq il-mertu

Kumment preliminari

A –   Iż-żamma tal-kompetenzi tal-Unjoni

1.     L-adeżjoni ma hijiex ser tillimita l-kompetenzi tal-Unjoni

2.     L-adeżjoni ma hijiex ser testendi l-kompetenzi tal-Unjoni

3.     L-Unjoni ma huwiex ser ikollha bżonn ta’ kompetenzi ġodda minħabba l-adeżjoni tagħha

a)     Il-proċedura ta’ involviment minn qabel

b)     L-obbligu li jiġu trasposti ċerti sentenzi tal-Qorti EDB

c)     Il-protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-PBSK

4.     Konklużjoni intermedjarja

B –   Iż-żamma tal-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni

1.     Il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

a)     Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni (Artikolu 344 TFUE)

b)     Il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-istħarriġ tal-validità tal-atti legali tal-Unjoni

c)     L-effetti tal-Protokoll addizzjonali Nru 16 għall-KEDB fuq il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja

d)     Konklużjoni intermedjarja

2.     Il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni

a)     Punti ġenerali

b)     Is-sistema istituzzjonali tal-Unjoni għas-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

i)     Ir-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni bħala awtorità tal-kompetizzjoni

ii)   Il-prinċipju ta’ ne bis in idem

iii) Il-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċeduri

iv)   Konklużjoni

C –   Iż-żamma tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni I 

1.     Ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB

a)     Kunsiderazzjonijiet ġenerali

b)     Dispożizzjonijiet partikolari tal-abbozz ta’ ftehim intiżi li tiġi żgurata l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

i)     Fuq id-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet fir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha [Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim]

ii)   Fuq l-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk huwiex meħtieġ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

iii) Fuq id-differenza fil-portata bejn il-kompetenzi tal-Qorti EDB u l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-PBSK

c)     Konklużjoni intermedjarja

2.     Il-prinċipji ta’ effett dirett u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

3.     Il-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-konvenut it-tajjeb fil-proċeduri quddiem il-Qorti EDB

a)     Garanzija ta’ sorveljanza effikaċi fis-sistema ta’ kontroll tal-KEDB

b)     Garanzija ta’ difiża effikaċi tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-Qorti EDB

i)     L-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti EDB

ii)   Is-setgħa tal-Qorti EDB li teżerċita stħarriġ ta’ plawżibbiltŕ meta ssirilha talba għal intervent bħala konvenut konġunt

c)     Konklużjoni

4.     Konklużjoni intermedjarja

D –   Id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB

1.     Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Qorti EDB

2.     Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa

3.     Konklużjoni intermedjarja

E –   It-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB

1.     Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-Protokolli addizzjonali għall-KEDB

2.     Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 15 KEDB

3.     Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tar-riżervi taħt id-dritt internazzjonali li jistgħu jagħmlu fir-rigward tal-KEDB

a)     Il-prinċipju ta’ responsabbiltà konġunta tal-konvenut u tal-konvenut konġunt

b)     Il-KEDB bħala parti integrali mid-dritt tal-Unjoni li tibbenefika mis-supremazija ta’ dan id-dritt

4.     Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta

5.     Konklużjoni intermedjarja

Kumment finali

VII – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.      L-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (2) (KEDB) għandha l-għan li tintroduċi iktar effikaċja u omoġenità fl-implementazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa. Fuq kollox, iżda, din l-adeżjoni ser ikollha l-effett li, fir-rigward tal-osservanza ta’ normi bażiċi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-Unjoni stess tkun qiegħda tissuġġetta ruħha għal stħarriġ estern, li hija x-xewqa li diversi partijiet ilhom jesprimu għal żmien twil. B’dan il-mod, l-Unjoni tkun fl-aħħar qiegħda tissuġġetta ruħha għall-istess regoli bħal dawk li fir-rigward tagħhom hija kontinwament teżiġi r-rikonoxximent min-naħa tal-Istati Membri tagħha, kemm dawk preżenti kif ukoll dawk futuri.

2.      Dan il-proġett ta’ adeżjoni tal-KEDB huwa ta’ importanza eċċezzjonali mhux biss minħabba l-messaġġ politiku enormi tiegħu iżda wkoll minħabba d-dimensjoni kostituzzjonali tiegħu. Dan il-proġett ilu għal diversi għexieren ta’ snin jokkupa lill-istituzzjonijiet Ewropej b’mod kostanti u din hija t-tieni darba li l-Qorti tal-Ġustizzja stess għandha quddiemha kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aspetti legali li jimplika dan il-proġett (3).

3.      B’effett mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, mill-Artikolu 6(2) TUE (4) jirriżulta li l-Unjoni mhux biss għandha l-kompetenza li taderixxi għall-KEDB, iżda jirriżulta wkoll li l-Istati Membri tagħha imponewlha l-obbligu li timxi f’din id-direzzjoni. Għalhekk, minn dak iż-żmien, l-għan ta’ adeżjoni għall-KEDB kiseb dimensjoni kostituzzjonali fid-dritt tal-Unjoni.

4.      Madankollu, bħalma jkun ħafna drabi l-każ, id-diffikultajiet jinsabu fid-dettall. Taħt liema kundizzjonijiet tista’ l-Unjoni taderixxi għall-KEDB u kif jista’ jiġi ggarantit li tali adeżjoni ma hijiex ser tippreġudika l-karatteristiċi partikolari tad-dritt tal-Unjoni, il-kompetenzi tal-Unjoni u l-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet tagħha? Dawn huma essenzjalment il-kwistjonijiet legali li għandhom jiġu indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, f’din il-proċedura għal opinjoni. Għaldaqstant, ser ikun meħtieġ li jiġu analizzati fil-fond id-dettalji, jew l-hekk imsejħa “fine print”, tal-adeżjoni maħsuba sabiex tiġi mistħarrġa l-kompatibbiltà ta’ din l-adeżjoni mat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Dan l-eżami għandu jkun ibbażat fuq l-“abbozz irrevedut ta’ ftehim ta’ adeżjoni” li n-negozjaturi ssottomettew f’Ġunju 2013 lill-Kumitat ta’ ġestjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg, fil-kwalità tiegħu bħala korp kompetenti tal-Kunsill tal-Ewropa.

II – L-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adeżjoni

5.      Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl-4 ta’ Ġunju 2010, adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar il-ftehim ta’ adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, innomina lill-Kummissjoni bħala negozjatur u indika l-linji gwida għat-tmexxija tan-negozjati.

6.      In-negozjati dwar l-adeżjoni seħħew fil-qafas istituzzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, b’mod iktar preċiż fi ħdan żewġ gruppi ta’ ħidma suċċessivi mqabbda mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Minbarra l-Kummissjoni, fin-negozjati pparteċipaw ukoll Stati oħra interessati li huma Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li wħud minnhom huma Stati Membri tal-Unjoni u oħrajn le.

7.      F’Ġunju 2013, ir-rapport finali dwar in-negozjati ġie ppreżentat lill-Kumitat ta’ Ġestjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (5); minbarra l-abbozz irrivedut ta’ ftehim ta’ adeżjoni (6), ma’ dan ir-rapport kienu annessi wkoll numru ta’ abbozzi ta’ strumenti, jiġifieri, abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha ssir meta jiġi ffirmat il-ftehim ta’ adeżjoni, abbozz ta’ regola li għandha tiġi inkluża mar-Regoli tal-Kumitat tal-Ministri, abbozz ta’ memorandum ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-parti kontraenti X, kif ukoll abbozz ta’ rapport ta’ spjega tal-ftehim ta’ adeżjoni (7). In-negozjaturi qablu li dawn it-testi jikkostitwixxu unità waħda u li huma kollha neċessarji għall-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB (8).

III – Talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni

8.      Peress li l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB għandha dimensjoni kostituzzjonali, il-Kummissjoni, xewqana li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali, staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ talba tal-4 ta’ Lulju 2013 u skont l-Artikolu 218(11) TFUE, tagħti opinjoni dwar id-domanda segwenti:

“L-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali huwa kompatibbli mat-Trattati?”

9.      Minbarra l-abbozz ta’ ftehim, mat-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni huma annessi wkoll l-abbozzi l-oħra kollha ta’ strumenti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq. Sfortunatament, iżda, dawn it-testi huma disponibbli biss bil-Franċiż u bl-Ingliż.

10.    Osservazzjonijiet bil-miktub dwar it-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li semgħet lill-partijiet f’seduta li nżammet fil-5 u fis-6 ta’ Mejju 2014. Minbarra l-Kummissjoni, li ressqet it-talba, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mill-Estonja, mill-Irlanda, mill-Greċja, minn Spanja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Ungerija, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Awstrija, mill-Polonja, mill-Portugall, mir-Rumanija, mis-Slovakkja, mill-Finlandja, mill-Isvezja u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Ħlief għall-Bulgarija u għall-Polonja, dawn il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet matul is-seduta, li fiha kienu rrappreżentati wkoll il-Belġju u l-Italja.

IV – Il-kuntest ġuridiku

11.    Il-kuntest ġuridiku tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB huwa kkostitwit mill-Artikolu 6 TUE, mill-Protokoll Nru 8 anness mat-TUE u mat-TFUE (Protokoll Nru 8) (9) u minn dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6(2) TUE (10) (Dikjarazzjoni Nru 2).

12.    L-Artikolu 6 TUE jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud ta’ l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.      L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Din l-adeżjoni m’għandhiex taffettwa l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

3.      Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.”

13.    Il-Protokoll Nru 8 huwa fformulat b’dan il-mod:

“Artikolu 1

Il-ftehim dwar l-adeżjoni ta’ l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-‘Konvenzjoni Ewropea’), previst fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandu jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-Unjoni u tad-dritt ta’ l-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)      l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta’ l-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-Konvenzjoni Ewropea;

b)      l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-proċedimenti minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jkunu indirizzati b’mod korrett lill-Istati Membri u/jew l-Unjoni skond il-każ.

Artikolu 2

Il-ftehim previst fl-Artikolu 1 għandu jassigura li l-adeżjoni ta’ l-Unjoni ma tolqotx il-kompetenzi tagħha u s-setgħat ta’ l-istituzzonijiet tagħha. Għandu jassigura li xejn fih ma jolqot is-sitwazzjoni partikolari ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea, b’mod partikulari fir-rigward tal-Protokolli tagħha, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri li jidderogaw mill-Konvenzjoni Ewropea, skond l-Artikolu 15 tagħha, u r-riservi għall-Konvenzjoni Ewropea magħmula minn Stati Membri skond l-Artikolu 57 tagħha.

Artikolu 3

Xejn fil-ftehim previst fl-Artikolu 1 m’għandu jolqot l-Artikolu 344 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.”

14.    Barra minn hekk, fid-Dikjarazzjoni Nru 2, il-Konferenza Intergovernamentali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona speċifikat dan li ġej:

“Il-Konferenza taqbel li l-adeżjoni ta’ l-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali għandha ssir b’mod li jiġu ppreservati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-ordni ġuridiku ta’ l-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Konferenza tinnota l-eżistenza ta’ djalogu regolari bejn il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tali djalogu jista’ jiġi msaħħaħ meta l-Unjoni Ewropea taderixxi ma’ din il-Konvenzjoni.”

15.    Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

V –    Ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

16.    Uħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet esprimew dubji speċifiċi fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni. Il-kritika tagħhom tikkonċerna l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri interni ta’ implementazzjoni fl-Unjoni maħsuba fid-dawl tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB. Filwaqt li wħud mill-partijiet jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma kienx imissha esprimiet ruħha dwar dan il-punt, oħrajn jikkunsidraw li esprimiet ruħha b’mod superfiċjali wisq.

17.    Skont l-Artikolu 218(11) TFUE, Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim internazzjonali maħsub (jiġifieri konvenzjoni skont id-dritt internazzjonali) huwiex kompatibbli mat-Trattati. L-għan tal-proċedura għal opinjoni huwa li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni (11).

18.    Skont l-Artikolu 218(11) TFUE, talba għal opinjoni hija ammissibbli meta tkun tikkonċerna “ftehim maħsub”, li jippreżumi li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni suffiċjenti dwar il-kontenut stess ta’ dan il-ftehim (12).

19.    Mat-talba li ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni annettiet it-test sħiħ tal-abbozz ta’ ftehim u d-dokumenti annessi miegħu. Minn dan l-inkartament sħiħ jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar u inekwivoku l-kundizzjonijiet li fihom l-Unjoni ser taderixxi għall-KEDB, b’mod partikolari l-modalitajiet li bihom l-Unjoni qiegħda taħseb li tissuġġetta ruħha għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ ġudizzjarju stabbilit permezz tal-KEDB (13). Din l-informazzjoni hija biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà mat-Trattati tal-adeżjoni maħsuba għall-KEDB.

20.    Il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja abbozzi tal-miżuri interni ta’ implementazzjoni tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub b’ebda mod ma jipprekludi l-ammissibbiltà tat-talba tagħha għal opinjoni. Fil-fatt, is-suġġett ta’ din it-talba huwa biss il-ftehim ta’ adeżjoni maħsub bħala tali u mhux il-miżuri interni ta’ implementazzjoni li jistgħu jkunu neċessarji. Ma huwiex indispensabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni dwar dawn il-miżuri sabiex tkun tista’ tifhem il-kontenut u l-portata tal-abbozz ta’ ftehim u tad-dokumenti annessi miegħu.

21.    Lanqas il-fatt li attwalment il-partijiet fil-proċedura la għadhom qablu dwar il-forma legali u lanqas dwar il-kontenut li għandu jkollhom il-miżuri interni ta’ implementazzjoni ma jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tistħarreġ il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-Trattati. Fil-fatt, sa fejn fil-passat il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżiġietx li l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu kkonkludew ftehim definittiv fir-rigward tal-kontenut konkret tal-ftehim internazzjonali maħsub (14), hija lanqas ma tista’, a fortiori, tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal opinjoni għall-kundizzjoni li dawn l-istituzzjonijiet ikunu qablu dwar il-konfigurazzjoni preċiża ta’ eventwali miżuri interni ta’ implementazzjoni fl-Unjoni.

22.    Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali li jeżiġi li kull waħda mill-istituzzjonijiet teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet l-oħra (15) [ara wkoll l-Artikolu 13(2) TUE], il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax ikollha l-kompitu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni, li tagħti, f’dan l-istadju, lill-istituzzjonijiet kompetenti, indikazzjonijiet kompleti u ddettaljati dwar il-kontenut tal-miżuri interni li ser ikun meħtieġ li jittieħdu sabiex jiġi implementat il-ftehim ta’ adeżjoni maħsub.

23.    Jekk fil-kuntest tal-eżami tal-kontenut tal-abbozz ta’ ftehim il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li huwa assolutament meħtieġ li jiġu adottati ċerti miżuri interni ta’ implementazzjoni fl-Unjoni fid-dawl tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, hija tista’ tiddikjara dan fir-risposta li ser tagħti għat-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni u tista’ tagħmel tali adozzjoni kundizzjoni li għaliha tkun suġġetta l-kompatibbiltà mat-Trattati tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub.

24.    Kollox ma’ kollox, it-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni hija ammissibbli, mingħajr ma huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diverġenzi ta’ opinjonijiet li jista’ jkun hemm bejn il-partijiet fil-proċedura fir-rigward tal-kontenut konkret tal-miżuri interni ta’ implementazzjoni fl-Unjoni li jista’ jkun għadu meħtieġ li jiġu adottati.

VI – Fuq il-mertu

 A –      Kumment preliminari

25.    L-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB ser toħloq sitwazzjoni partikolari, jekk mhux ukoll unika, peress li organizzazzjoni internazzjonali u supranazzjonali, jiġifieri l-Unjoni Ewropea, ser tissuġġetta ruħha għal stħarriġ minn organizzazzjoni internazzjonali oħra, jiġifieri l-Kunsill tal-Ewropa, fir-rigward tal-osservanza ta’ normi bażiċi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-konsegwenza ta’ dan ser tkun li, fl-oqsma rregolati mid-dritt tal-Unjoni, ma humiex ser jibqgħu l-qrati nazzjonali u l-qrati tal-Unjoni biss li ser ikunu meħtieġa jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, iżda wkoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB).

26.    Sabiex l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB titwettaq b’mod konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni applikabbli, id-delegazzjonijiet li ħadu sehem fin-negozjati integraw sensiela sħiħa ta’ regoli fl-abbozz ta’ ftehim. Għall-kuntrarju tal-kummenti li saru f’numru ta’ okkażjonijiet, il-kwistjoni ma hijiex li l-Unjoni tingħata trattament preferenzjali meta mqabbla mal-Partijiet Kontraenti l-oħra tal-KEDB iżda li tittieħed inkunsiderazzjoni, permezz tar-regoli kkunsidrati, is-sitwazzjoni speċifika tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Il-karatteristika speċjali ta’ din is-sitwazzjoni hija li l-kawżi li jqumu fil-kuntest tal-Unjoni ħafna drabi jkunu jinvolvu sett kumpless ta’ atti u ta’ kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li ġeneralment ikunu marbuta, b’mod partikolari, mal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

27.    Huwa evidenti li din is-sitwazzjoni partikolari u kumplessa għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u li huwa meħtieġ li jiġu adottati dispożizzjonijiet adattati sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali. Għandhom jiġu enfasizzati, b’mod partikolari, tliet innovazzjonijiet previsti fl-abbozz ta’ ftehim li jikkonċernaw id-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-Unjoni, il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta u l-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28.    Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba eventwali ksur tal-KEDB, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim tispeċifika li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB timponilha obbligi biss fir-rigward tal-atti, tal-miżuri jew tal-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-organi jew tal-aġenziji tagħha, jew tal-persuni li jaġixxu f’isimhom. It-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim tipprovdi li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-KEDB jew tal-protokolli tagħha ma tista’ timponi fuq l-Unjoni l-obbligu li twettaq att jew li tadotta miżura li fir-rigward tagħhom ma jkollhiex kompetenza bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim tipprovdi li att, miżura jew ommissjoni tal-korpi ta’ Stat Membru jew ta’ persuni li jaġixxu f’ismu għandhom jiġu imputati lil dan l-Istat anki meta dan l-att, din il-miżura jew din l-ommissjoni jseħħu meta dan l-Istat ikun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, inklużi d-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi tat-Trattat UE jew tat-Trattat FUE. Madankollu, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim, dan ma jeskludix li, f’tali każ, l-Unjoni tista’ tkun responsabbli għal ksur tal-KEDB bħala konvenuta konġunta flimkien mal-Istat Membru kkonċernat jew mal-Istati Membri kkonċernati.

29.    Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ difiża konġunta stabbilit fl-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ ftehim, mekkaniżmu li xi drabi jissejjaħ ukoll il-mekkaniżmu tal-“konvenut addizzjonali”, jippermetti, f’ċerti każijiet, li kemm l-Unjoni kif ukoll wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jistgħu jkunu konvenuti konġunti u għalhekk partijiet bl-istess drittijiet fi proċedura quddiem il-Qorti EDB, u dan anki meta l-ilment imressaq quddiem dik il-qorti jkun indirizzat kontra l-Unjoni biss jew kontra wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha biss. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim, dan ikun b’mod partikolari l-każ meta l-att, il-miżura jew l-ommissjoni li jkunu s-suġġett tal-ilment kontra korp ta’ Stat Membru jirriżultaw mill-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

30.    Il-proċedura ta’ involviment minn qabel prevista fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim hija marbuta mill-qrib mal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta. Din il-proċedura, li xi drabi tissejjaħ ukoll il-“proċedura ta’ stħarriġ intern minn qabel”, għandha, f’tilwima li tqum quddiem qorti nazzjonali qabel ma tasal quddiem il-Qorti EDB u li qatt ma kienet is-suġġett ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE (16), tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB qabel ma l-Qorti EDB tadotta deċiżjoni fil-kawża ineżami.

31.    Il-kwistjoni ta’ jekk din l-innovazzjoni u l-oħrajn li jinsabu fl-abbozz ta’ ftehim humiex ta’ natura li jiggarantixxu adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB li tkun kompatibbli mat-Trattati għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni. Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati fid-dettall, waħda wara l-oħra u skont l-istruttura tat-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni, id-diversi rekwiżiti legali li għalihom id-dritt primarju tal-Unjoni jissuġġetta l-ftehim ta’ adeżjoni. Kemm ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta u l-proċedura ta’ involviment minn qabel għandhom jiġu indirizzati f’kuntesti diversi ħafna. B’mod partikolari, għandhom jiġu eżaminati:

–        il-kwistjoni ta’ jekk humiex qegħdin jinżammu l-kompetenzi tal-Unjoni (Parti A) (17),

–        il-kwistjoni ta’ jekk humiex qegħdin jibqgħu intatti l-kompetenzi attribwiti lill-korpi tal-Unjoni (Parti B) (18),

–        il-kwistjoni ta’ jekk humiex qegħdin jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni (Parti C) (19),

–        il-kwistjoni ta’ jekk ittieħdux id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB (Parti D) (20), u

–        il-kwistjoni ta’ jekk ittieħditx debitament inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB (Parti E) (21).

32.    F’dan il-kuntest, jistħoqqilhom attenzjoni partikolari l-kwistjoni ta’ jekk ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-KEDB huwiex kompatibbli mal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni (22) u l-kwistjoni ta’ jekk l-istħarriġ ġudizzjarju li teżerċita l-Unjoni fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tagħha huwiex konformi mar-rekwiżiti li l-Artikoli 6 u 13 KEDB jeżiġu fil-qasam tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (23).

B –    Iż-żamma tal-kompetenzi tal-Unjoni

33.    Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma tistax taffettwa l-kompetenzi tal-Unjoni kif huma ddefiniti fit-Trattati.

34.    Din id-dispożizzjoni tesprimi tħassib fundamentali tal-Istati Membri li jidher bħala linja ta’ ħsieb tul it-Trattat ta’ Lisbona kollu: it-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fuq il-livell Ewropew, kemm jekk permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew permezz tal-adeżjoni għall-KEDB, ma għandu jimplika ebda distorsjoni fis-sistema ta’ kompetenzi b’bilanċ delikat li fuqha hija bbażata l-Unjoni Ewropea u li tikkaratterizza r-relazzjoni tagħha mal-Istati Membri (24).

35.    Fl-aħħar nett, l-għan tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE huwa li jiġi ggarantit li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma twassalx sabiex jiġu evitati l-proċeduri ta’ emenda tat-Trattati (Artikolu 48 TUE) u, b’hekk, sabiex ikun hemm ksur tal-“karta kostituzzjonali” tal-Unjoni (25).

36.    Il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni jirratifikaw il-ftehim ta’ adeżjoni maħsub [l-aħħar parti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE] b’ebda mod ma tfisser li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu ma jkunux konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali bħall-ftehim ta’ adeżjoni maħsub biss jekk u sa fejn dan ikun kompatibbli mat-Trattati. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Unjoni ma tistax tikkonkludi dan il-ftehim sakemm ma tkunx saret emenda espliċita tat-Trattati fuq il-livell tal-Unjoni (26). L-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-ebda każ ma jistgħu jiksru taċitament id-dritt primarju (“treaty override”) (27), u dan lanqas meta l-Istati Membri jagħtuha mandat estensiv fil-kuntest tan-negozjati u tar-ratifika tal-ftehim internazzjonali.

37.    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, qabel ma tagħti l-opinjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk il-ftehim ta’ adeżjoni maħsub jimplikax limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni (ara l-parti 1) jew estensjoni tagħhom (ara l-parti 2) u jekk għalhekk jiksirx it-Trattat UE jew it-Trattat FUE; il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza wkoll il-kwistjoni ta’ jekk l-obbligi li tassumi l-Unjoni meta tikkonkludi l-ftehim ta’ adeżjoni jeħtiġux li l-Unjoni tingħata kompetenzi ġodda (ara l-parti 3).

1.      L-adeżjoni ma hijiex ser tillimita l-kompetenzi tal-Unjoni

38.    It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE teħtieġ li jiġi ggarantit li l-adeżjoni għall-KEDB ma tillimitax il-kompetenzi tal-Unjoni. Dan huwa enfasizzat ukoll fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8, li tipprovdi li l-ftehim għandu jiggarantixxi li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB “ma tolqotx” il-kompetenzi tagħha.

39.    La fl-abbozz ta’ ftehim u lanqas fid-dokumenti annessi li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni ma hemm indizji li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ser tillimita l-kompetenzi tagħha. Min-naħa tagħhom, lanqas il-partijiet f’din il-proċedura ma għamlu dikjarazzjoni f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet tagħhom.

40.    Ma hemm ebda dubju li l-obbligi taħt id-dritt internazzjonali li timplika l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ser iwasslu għal restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha. Fil-fatt, bħala ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, il-KEDB ser ikollha effetti obbligatorji għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni mill-mument li din taderixxi għaliha [Artikolu 216(2) TFUE].

41.    Tali restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ kompetenzi jirriżultaw min-natura stess ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, l-iktar funzjoni kwintessenzjali tad-drittijiet fundamentali hija li jimponu limiti fuq l-azzjoni ta’ istituzzjonijiet, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali, sabiex jiġu protetti l-individwi. L-obbligu impost fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE fuq l-Unjoni li taderixxi għall-KEDB jitlef is-sens kollu tiegħu jekk l-Unjoni ma jkollhiex id-dritt li taċċetta r-restrizzjonijiet li din il-KEDB timponi fuq l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

42.    Fi kwalunkwe każ, l-Unjoni diġà tapplika, jiġifieri qabel l-adeżjoni uffiċjali tagħha, il-kriterji li jirriżultaw mill-KEDB għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’tali mod li, jekk wieħed jikkunsidra strettament il-kontenut tagħhom, ir-restrizzjonijiet li l-adeżjoni ser timponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom ilhom diġà fis-seħħ għal żmien twil [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(3) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali] (28).

43.    Għaldaqstant, bħala konklużjoni, ma hemm ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jibża’ li l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB ser timplika limitazzjoni tal-kompetenzi tagħha fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8.

2.      L-adeżjoni ma hijiex ser testendi l-kompetenzi tal-Unjoni

44.    Għandu jiġi eżaminat sussegwentement jekk, bħala tali, l-adeżjoni maħsuba għall-KEDB tistax timplika, f’xi forma jew oħra, estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, li hija wkoll prekluża mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE.

45.    Il-projbizzjoni fir-rigward tal-estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni li tirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE għandha l-għan, fl-aħħar mill-aħħar, li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti. Kif jaf kulħadd, dan il-prinċipju jeżiġi li l-Unjoni taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti minnhom [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE] u li l-kompetenzi kollha li ma humiex attribwiti lill-Unjoni fit-Trattati jappartjenu lill-Istati Membri [Artikolu 4(1) TUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE].

46.    Fl-ewwel opinjoni li tat dwar l-adeżjoni għall-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li ebda dispożizzjoni ta’ dak li dak iż-żmien kien it-Trattat KE ma kienet tagħti lill-istituzzjonijiet Komunitarji, b’mod ġenerali, is-setgħa li jistabbilixxu regoli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jew li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali f’dan il-qasam (29). F’dan ir-rigward, xejn ma nbidel permezz tal-emendi introdotti sussegwentement fid-dritt primarju tal-Unjoni sat-Trattat ta’ Lisbona inkluż. L-Unjoni għad ma għandhiex kompetenza ġenerali fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem. Għaldaqstant, l-Unjoni lanqas ma tista’ tikseb tali kompetenzi billi taderixxi għall-KEDB (30).

47.    Madankollu, kwalunkwe biża’ li l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB tista’ timplika tali estensjoni tal-kompetenzi tagħha hija fi kwalunkwe każ infondata. Għall-kuntrarju, diversi formulazzjonijiet fl-abbozz ta’ ftehim u fid-dokumenti annessi miegħu jindikaw li l-awturi ta’ dawn it-testi qagħdu attenti li jindirizzaw dawn ir-riżervi mill-ewwel.

48.    B’mod partikolari, kemm it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) kif ukoll l-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim jiggarantixxu li, fil-każ tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, id-delimitazzjoni tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri ser tibqa’ kif hija stabbilita fid-dritt primarju.

49.    Minn naħa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim tenfasizza li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-KEDB jew tal-protokolli tagħha ma tista’ timponi fuq l-Unjoni Ewropea l-obbligu li twettaq att jew li tadotta miżura li fir-rigward tagħhom ma jkollhiex kompetenza bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi li permezz tal-adeżjoni tagħha għall-KEDB, l-Unjoni ma hijiex obbligata tagħmel xi ħaġa jew oħra li ma taqax taħt kompetenza li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni.

50.    Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim jirriżulta li ebda att, miżura jew ommissjoni tal-Istati Membri ma jistgħu jiġu imputati lill-Unjoni, lanqas meta dawn iseħħu fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri.

51.    Xi drabi titqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB bħal dik prevista mill-abbozz ta’ ftehim tistax timplika estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ. Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB ma għandhiex il-konsegwenza li l-Unjoni ser ikollha taġixxi b’xi mod jew ieħor lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE. Għall-kuntrarju, id-dritt primarju tal-Unjoni jipprevedi espliċitament li l-Unjoni għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-korpi taħt il-KEDB, kemm jekk din tinvolvi l-parteċipazzjoni f’ċerti deċiżjonijiet tal-Assemblea Parlamentari jew tal-Kumitat tal-Ministri kif ukoll jekk tinvolvi n-nomina ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ Mħallef fi ħdan il-Qorti EDB [ara l-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8].

52.    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontroll, mill-Kumitat tal-Ministri, tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi finali tal-Qorti EDB [Artikolu 46(2) sa (5) KEDB] u tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bonarji [Artikolu 39(4) KEDB], il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dan il-kumitat ma tistax tkun limitata għall-kawżi li jikkonċernaw lilha stess jew lill-Istati Membri tagħha meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, kontroll estern, bħal dak stabbilit mill-KEDB, għandu preċiżament l-għan li kull Parti Kontraenti tal-KEDB tkun inkarigata tikkontrolla l-kawżi li jaqgħu fil-qasam tar-responsabbiltà ta’ Parti Kontraenti oħra jew ta’ diversi Partijiet Kontraenti oħra. Kooperazzjoni globali min-naħa tal-Unjoni ma’ din is-sistema ta’ sorveljanza reċiproka tikkorrispondi mal-ispirtu ta’ kontroll estern li fuqu hija bbażata l-KEDB u għalhekk toħroġ direttament mill-obbligu ta’ adeżjoni għall-KEDB impost fuq l-Unjoni permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE.

53.    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-ftehim ta’ adeżjoni maħsub lanqas ma jantiċipa soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ jekk u f’liema ċirkustanzi l-Unjoni għandha l-kompetenza taderixxi ma’ ftehimiet internazzjonali oħra li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-protokolli eżistenti jew futuri tal-KEDB. Fil-fatt, jekk is-sitwazzjoni titqies biss mill-perspettiva tal-Kunsill tal-Ewropa, l-emenda tal-Artikolu 59(2) KEDB (31) prevista fl-abbozz ta’ ftehim tagħti lill-Unjoni, taħt id-dritt internazzjonali, il-possibbiltà li taderixxi ma’ protokolli addizzjonali oħra tal-KEDB minbarra l-ewwel u s-sitt protokolli, li magħhom hija diġà meħtieġa taderixxi. Madankollu, tali adeżjoni teħtieġ l-adozzjoni ta’ strumenti ta’ adeżjoni distinti (32), li għar-ratifika tagħhom, fuq il-livell intern tal-Unjoni, tapplika għal darba oħra l-proċedura prevista fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE.

54.    Huwa minnu li tista’ tqum il-kwistjoni ta’ jekk, konformement ma’ dik li tissejjaħ id-“duttrina AETR” (33), l-Unjoni hijiex ser issir esklużivament kompetenti sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem ladarba tkun aderixxiet għall-KEDB. Fi kwalunkwe każ, permezz tal-adeżjoni, il-KEDB ser issir parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (34). Teoretikament, ikun jista’ jingħad li permezz tal-adeżjoni tagħha għall-KEDB, l-Unjoni ser tkun kisbet kompetenza esterna esklużiva ġdida konformement mal-aħħar possibbiltà prevista fl-Artikolu 216(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) TFUE, kompetenza esterna li tippermettilha tikkonkludi iktar ’il quddiem ftehimiet internazzjonali biss sa fejn tali ftehimiet ikunu jistgħu jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tal-KEDB bħala parti mir-“regoli komuni” fis-seħħ fi ħdan l-Unjoni jew ikunu jistgħu jibdlu l-portata tagħhom. Madankollu, bħala lex specialis, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE, li tipprovdi li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma għandhiex taffettwa l-kompetenzi tagħha kif dawn huma ddefiniti fit-Trattati, jiġifieri l-kompetenzi li l-Unjoni jkollha qabel l-adeżjoni, tipprekludi, fil-fehma tiegħi, li jkun hemm tali “effett AETR”.

55.    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha nikkonkludi li l-adeżjoni maħsuba għall-KEDB b’ebda mod ma tista’ timplika xi tip ta’ estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni.

3.      L-Unjoni ma huwiex ser ikollha bżonn ta’ kompetenzi ġodda minħabba l-adeżjoni tagħha

56.    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ddeterminat jekk l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB teħtieġx li l-Istati Membri jittrasferixxulha kompetenzi supplimentari.

57.    Fl-istat ta’ kif jinsabu l-affarijiet, huwa ċert li wieħed ma jistax jagħti lil din id-domanda risposta definittiva u vinkolanti li tista’ tapplika dejjem u għal kull każ. Fil-fatt, ma hemm xejn li jippermetti li wieħed jeskludi li fil-futur il-Qorti EDB tinterpreta dispożizzjoni tal-KEDB b’mod li jeżiġi emenda tad-dritt primarju tal-Unjoni.

58.    Madankollu, tali sitwazzjoni ftit li xejn hija verosimili peress li, minn naħa, l-Unjoni diġà tibbaża ruħha fuq il-kriterji ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-KEDB [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(3) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali]. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim tispeċifika li l-KEDB ma tistax timponi fuq l-Unjoni obbligi li d-dritt tal-Unjoni ma jagħtihiex is-setgħa li tonera.

59.    Lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma tista’ tiggarantixxi, fl-opinjoni li qiegħda tintalab tagħti, li, permezz tal-adeżjoni maħsuba għall-KEDB, l-Unjoni ma hijiex ser tassumi xjentement l-obbligi taħt id-dritt internazzjonali li f’dan l-istadju huwa diġà evidenti li ma hijiex ser tkun tista’ tonera minħabba l-istruttura istituzzjonali eżistenti tagħha.

60.    F’dan il-kuntest, tliet aspetti tal-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB jistħoqqilhom analiżi iktar dettaljata: l-ewwel nett, il-proċedura ta’ involviment minn qabel [parti (a)]; it-tieni nett, l-obbligu li tiġi trasposta l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tikkonstata ksur tal-KEDB [parti (b)] u, it-tielet nett, il-kwistjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-PBSK [parti (c)].

a)      Il-proċedura ta’ involviment minn qabel

61.    Il-proċedura ta’ involviment minn qabel hija prevista fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim. Dan l-artikolu jipprovdi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-kuntest ta’ applikazzjoni pendenti quddiemha, il-Qorti EDB għandha tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tiddeċiedi minn qabel dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB.

62.    Mill-aspett intern, dan ifisser li l-Unjoni għandu jkollha l-kompetenzi neċessarji sabiex tiġi implementata tali proċedura ta’ involviment minn qabel. Jekk jiġi stabbilit li, fuq il-livell intern, l-Unjoni ma għandhiex bażijiet legali li jippermettulha tagħmel dan, hija tkun prekluża milli tikkonkludi l-ftehim ta’ adeżjoni.

63.    Fid-diskussjoni pubblika dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, tqajmu dubji dwar il-possibbiltà li l-proċedura ta’ involviment minn qabel tiġi introdotta mingħajr ma jkunu emendati minn qabel it-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea. F’din il-proċedura għal opinjoni, il-Polonja, b’mod partikolari, esprimiet l-opinjoni li fl-istat attwali tad-dritt, il-ħolqien ta’ proċedura ta’ involviment minn qabel ma hijiex kompatibbli mat-Trattati.

64.    Huwa veru li l-proċedura ta’ involviment minn qabel ma tagħmilx parti mill-proċeduri ġudizzjarji li l-implementazzjoni tagħhom hija fdata espliċitament mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE f’idejn l-istituzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) TFUE]. Madankollu, dan il-fatt biss ma jippermettix li jiġi konkluż li, fl-istat attwali tiegħu, id-dritt primarju jipprekludi l-ħolqien ta’ proċedura ta’ involviment minn qabel.

65.    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ftehim internazzjonali konkluż ma’ Stati terzi jista’ jattribwixxilha kompetenzi ġudizzjarji ġodda sakemm din l-attribuzzjoni ma tiżnaturax il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif stabbilita fit-Trattati UE u FUE (35).

66.    F’dan l-istadju wieħed jista’ jistaqsi jekk l-involviment minn qabel previst fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim huwiex kompetenza ġdida tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, huwa perfettament possibbli li l-involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura pendenti quddiem il-Qorti EDB ikun sempliċi modalità ġdida tal-eżerċizzju tal-kompetenzi ġudizzjarji li t-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 19(3) diġà jagħti lill-qorti tal-Unjoni.

67.    Anki jekk wieħed jikkunsidra li l-proċedura ta’ involviment minn qabel toħloq kompetenza ġdida għall-Qorti tal-Ġustizzja, tali kompetenza ġdida ma tkunx, fi kwalunkwe każ, kompetenza li tista’ tiżnatura l-essenza tal-funzjoni fdata lilha mit-Trattati. Anzi, għall-kuntrarju, il-proċedura ta’ involviment minn qabel tikkontribwixxi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ taqdi aħjar il-funzjoni li kellha minn dejjem u sabiex, barra minn hekk, iżżomm il-monopolju tagħha fuq l-istħarriġ tal-legalità tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni (36).

68.    Essenzjalment, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati [it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE]. Fit-twettiq ta’ din il-funzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, b’mod partikolari, tinterpreta d-dritt tal-Unjoni [il-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE] u tistħarreġ il-validità tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE].

69.    Il-proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim kienet essenzjalment maħsuba fid-dawl tal-istess funzjoni, jiġifieri l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-istħarriġ tal-legalità tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni.

70.    Huwa veru li huwa possibbli li l-qafas proċedurali li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ser teżerċita din il-funzjoni fil-każ ta’ involviment minn qabel ser ikun differenti minn dak li fih topera fil-każ ta’ rikors għal annullament jew ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (Artikoli 263 TFUE u 267 TFUE). Jista’ jkun hemm, b’mod partikolari, differenzi fir-rigward tal-locus standi, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura, fir-rigward tal-eventwali termini li jkollhom jiġu rrispettati u fir-rigward tal-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

71.    Tali differenzi, waħedhom, ma jistgħux jiżnaturaw l-essenza tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas dawk tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni li jistgħu jkunu implikati fil-proċedura ta’ involviment minn qabel; fi kwalunkwe każ, din l-essenza ma hijiex ser tintlaqat b’tali mod li jkun iġġustifikat li l-abbozz ta’ ftehim jiġi miċħud minħabba inkompatibbiltà mat-Trattati (37).

72.    Għall-kuntrarju, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja stess, proċedura ta’ involviment minn qabel tagħmel parti mill-kundizzjonijiet indispensabbli ta’ adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB (38). L-introduzzjoni ta’ tali proċedura tikkontribwixxi sabiex jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (Artikolu 1 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8) (39).

73.    Għaldaqstant, tali proċedura hija element neċessarju tal-miżuri meħtieġa mill-adeżjoni u li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE u l-Protokoll Nru 8 mhux biss jawtorizzaw lill-Unjoni timplementa iżda saħansitra jobbligawha timplementahom. L-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 saħansitra jipprevedi espliċitament l-adozzjoni tal-“arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta’ l-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll” tal-KEDB.

74.    L-integrazzjoni konkreta tal-proċedura ta’ involviment minn qabel fil-livell intern tal-Unjoni ser teħtieġ li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi kkompletat iżda dan ma huwiex ser jimplika “emenda tal-Kostituzzjoni” u għalhekk tista’ titwettaq konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 TFUE) mingħajr ma jkun meħtieġ li tinfetaħ proċedura ta’ reviżjoni formali tat-Trattati (Artikolu 48 TUE) (40).

75.    Sempliċi introduzzjoni tar-regoli proċedurali rilevanti fid-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftehim ta’ adeżjoni maħsub ma tkunx suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, peress li b’hekk tkun qiegħda tiġi evitata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 TFUE u peress li, barra minn hekk, ir-regoli proċedurali li jkollhom jiġu adottati ma jkollhomx l-istess effetti u ma jkollhomx l-istess grad bħad-dispożizzjonijiet tal-Istatut.

76.    Huwa biss meta d-dispożizzjonijiet neċessarji, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-locus standi, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu ġew introdotti fl-Istatut tagħha li l-proċedura ta’ involviment minn qabel tkun verament operazzjonali u tkun tista’, konformement mal-Artikolu 19(3)(ċ) TUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 281 TFUE u mal-Artikolu 51 TUE, tinftiehem bħala “każijiet oħra kif previst fit-Trattati” li dwarhom għandha l-funzjoni li tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      L-obbligu li jiġu trasposti ċerti sentenzi tal-Qorti EDB

77.    Lanqas l-obbligu, impost mill-Artikolu 46(1) KEDB, li s-sentenzi tal-Qorti EDB li jikkonstataw ksur tal-KEDB jiġu trasposti mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, ma jeħtieġ trasferiment ta’ kompetenzi ġodda lill-Unjoni.

78.    Tali sentenzi tal-Qorti EDB huma sentenzi dikjaratorji: il-KEDB ma timponix fuq il-Partijiet Kontraenti tagħha l-mod konkret kif għandhom jittrasponu s-sentenzi li jkunu indirizzati lilhom iżda tħallilhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għal dan il-għan (41).

79.    Fil-livell intern tal-Unjoni, ġeneralment, kwalunkwe ksur tal-KEDB ikkonstatat mill-Qorti EDB ser ikollu jiġi rrimedjat permezz tal-annullament jew tal-emenda tal-att legali inkwistjoni li jkun ġie adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni. Ma hemm ebda dubju li l-Unjoni għandha l-kompetenzi neċessarji għall-adozzjoni ta’ tali actus contrarius; dawn huma l-istess kompetenzi bħal dawk li fuq il-bażi tagħhom tkun adottat dan l-att legali. Ma’ dawn il-kompetenzi tiżdied il-kompetenza li l-qrati tal-Unjoni jannullaw jew jinvalidaw l-atti legali tal-Unjoni fil-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati (Artikoli 263 TFUE u 267 TFUE).

80.    Barra minn hekk, huwa possibbli li sentenza tal-Qorti EDB teżiġi l-ewwel nett l-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni jew timponi l-għoti ta’ kumpens. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jwettqu tali obbligu fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lilhom mit-Trattati u dan ser ikun inqas u inqas problematiku sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim tispeċifika li l-KEDB ma għandha timponi fuq l-Unjoni ebda obbligu li ma jaqax taħt il-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati.

81.    Fil-każ li ksur tal-KEDB ikkonstatat mill-Qorti EDB ikun ir-riżultat ta’ deċiżjoni definittiva ta’ qorti tal-Unjoni, jista’ jirriżulta neċessarju, f’ċerti każijiet, li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura li tkun ingħalqet bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għal dan il-għan ser ikun meħtieġ li jiġi kkompletat l-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (42), kif jista’ jsir bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 TFUE mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li jiġu żnaturati l-funzjonijiet tal-qrati tal-Unjoni. F’dan ir-rigward japplika mutatis mutandis dak li għidt iktar ’il fuq fir-rigward tal-proċedura ta’ involviment minn qabel (43).

c)      Il-protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-PBSK

82.    Ferm iktar kontroversjali miż-żewġ aspetti diġà analizzati hija l-kwistjoni ta’ jekk il-kompetenzi attwali tal-Unjoni, b’mod iktar preċiż il-kompetenzi tal-istituzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE], humiex biżżejjed sabiex jiġi ggarantit, fil-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, livell ta’ protezzjoni ġudizzjarju konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 6 u 13 KEDB (44).

83.    Minn naħa, fil-fatt, l-adeżjoni għall-KEDB ser ikollha, mingħajr ebda dubju, il-konsegwenza li l-Unjoni ser ikollha tosserva l-garanziji tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-KEDB, u għalhekk ser ikollha tosserva wkoll l-obbligu ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva impost mill-Artikoli 6 u 13 tagħha fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħha, inkluż fil-qasam tal-PBSK (45). L-Unjoni ma tistax taħrab minn dawn l-obbligi, lanqas billi tagħmel riżerva meta tiffirma l-ftehim ta’ adeżjoni jew meta tippreżenta l-att ta’ ratifika peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 57(1) KEDB tipprojbixxi r-“[r]iżervi ta’ karattru ġenerali” (46) u, barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-abbozz ta’ ftehim ma jawtorizza ebda riżerva fir-rigward tal-ftehim ta’ adeżjoni.

84.    Min-naħa l-oħra, fil-livell intern tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex kompetenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju li jirrigwardaw il-PBSK, u lanqas ma għandha kompetenza fir-rigward tal-atti legali meħuda fuq il-bażi ta’ din il-politika [is-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE]. Huwa biss b’mod kompletament eċċezzjonali li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni għandhom kompetenza fil-qasam tal-PBSK; din il-kompetenza tinkludi, minn naħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ dik li tissejjaħ il-klawżola ta’ intanġibbiltà (Artikolu 40 TUE) u, min-naħa l-oħra, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) kontra l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tal-PBSK.

85.    Fid-dawl tar-restrizzjoni fuq il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni li għadni kemm semmejt, il-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK tista’ titqies li hija protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikoli 6 u 13 KEDB? Jew inkella l-Unjoni, permezz tal-adeżjoni tagħha għall-KEDB, kif prevista fl-abbozz ta’ ftehim, ser tassumi, fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-PBSK, obbligi taħt id-dritt internazzjonali li fir-rigward tat-twettiq tagħhom l-istituzzjonijiet tagħha, jiġifieri l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma għandhomx il-kompetenzi neċessarji? Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din it-tieni proposta hija korretta, dan mhux biss jipprekludi lill-Unjoni milli taderixxi għall-KEDB, iżda ser iwassal ukoll b’mod ċar, fil-livell intern tal-Unjoni, għal nuqqas fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja li ser ikun manifestament problematiku anki fil-preżent, jekk xejn fid-dawl tal-obbligu ta’ omoġenità impost mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

86.    Il-Kummissjoni (47) tipproponi li r-riżervi li jista’ jkun hemm fir-rigward tal-effikaċja tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi fil-qasam tal-PBSK jiġu indirizzati permezz ta’ interpretazzjoni partikolarment wiesgħa tat-tieni possibbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Hija tissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biss il-kompetenza li tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi kontra miżuri restrittivi iżda li għandha wkoll il-kompetenza, barra minn hekk, li tiddeċiedi dwar rikorsi għad-danni u li tirrispondi għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-qrati nazzjonali fil-qasam tal-PBSK. Hija tirrakkommanda barra minn hekk applikazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi fil-qasam tal-PBSK li ma tinkludix biss l-atti li jipproduċu effetti legali fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE iżda wkoll is-sempliċi atti materjali (“Realakte”), jiġifieri l-atti li ma jkollhomx effetti legali.

87.    Matul is-seduta, il-Kummissjoni żiedet li l-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE previst fl-ewwel possibbiltà offerta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jippermetti wkoll lill-qrati tal-Unjoni jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja adegwata fil-qasam tal-PBSK.

88.    Bħalma jagħmlu diversi partijiet fil-proċedura (48), għandi dubji serji dwar kemm l-interpretazzjoni taż-żewġ possibbiltajiet offerti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE proposta mill-Kummissjoni tista’ tkun mezz legalment prattiku sabiex tiġi ggarantita lil kull persuna protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikoli 6 u 13 KEDB fil-qasam tal-PBSK.

89.    Minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 275 TFUE huwa bbażat fuq regola li tistabbilixxi eċċezzjoni. Il-Kummissjoni taqleb ta’ taħt fuq il-prinċipju li l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx kompetenza fil-qasam tal-PBSK, kif stabbilit fis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi aċċettat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza fir-rigward tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari u fir-rigward tar-rikorsi għad-danni fil-qasam tal-PBSK, din l-interpretazzjoni tmur manifestament kontra l-formulazzjoni inekwivoka tat-tieni possibbiltà offerta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li jipprevedi l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-qasam ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra miżuri restrittivi, iżda mhux fil-qasam ta’ rikorsi li jkollhom suġġett jew natura differenti u ċertament mhux fil-qasam ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE.

90.    L-oriġini tal-Artikolu 275 TFUE jikkonferma li t-teżi tal-Kummissjoni ma għandhiex tiġi sostnuta (49). Din id-dispożizzjoni kellha inizjalment tiġi inkorporata bħala l-Artikolu III-376 fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Essenzjalment, il-formulazzjoni tagħha toriġina mill-ħidma tal-Konvenzjoni Ewropea, li min-naħa tagħha kellha impatt fuq l-Artikolu III-282 tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (50). Kif jirriżulta mill-ħidma tal-Konvenzjoni Ewropea, definizzjoni iktar ġeneruża tal-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK kienet dak iż-żmien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-fond iżda rriżulta li ma kienx ser jintlaħaq kunsens dwar il-proposti f’dan is-sens (51). Fl-aħħar mill-aħħar, kemm il-Konvenzjoni kif ukoll iż-żewġ konferenzi intergovernattivi sussegwenti dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u dwar it-Trattat ta’ Lisbona mxew mal-mudell ta’ struttura fil-parti l-kbira tagħha intergovernattiva għall-PBSK li fil-kuntest tagħha kienu biss il-kompetenzi ddefiniti b’mod strett li kellhom jingħataw lill-qrati tal-Unjoni.

91.    Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 275 TFUE jiġi interpretat bil-mod propost mill-Kummissjoni, il-kompetenzi tal-Unjoni jkunu qegħdin jiġu estiżi b’mod inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE jew, b’mod iktar preċiż, ikunu qegħdin jiġu estiżi l-kompetenzi ġudizzjarji tal-istituzzjoni li hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (52).

92.    Il-ġurisprudenza “Les Verts”, “Kadi”, “Gestoras Pro Amnistía” u “Segi” (53) ċċitata mill-Kummissjoni, ma tinkludi xejn li jista’ jikkonferma t-teżi sostnuta minnha. Huwa minnu li, f’dawk il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Unjoni hija komunità ta’ dritt; jew kif nistgħu ngħidu attwalment unjoni ta’ dritt. Filwaqt li bbażat ruħha fuq din il-konstatazzjoni essenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet ma jistgħu jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattati, li jikkostitwixxu l-karta kostituzzjonali tal-Unjoni (54). Għall-kuntrarju, minn din il-konstatazzjoni fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma ddeduċiet li kellhom jiġu rrikonoxxuti, jekk wieħed jista’ jgħid hekk prater legem, rikorsi jew proċeduri ġodda quddiem il-qrati tal-Unjoni li ma humiex previsti fid-dritt primarju.

93.    Huwa minnu li, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ffavorixxiet interpretazzjoni tad-dritt primarju li tippermetti li tiġi ggarantita bl-aħjar mod possibbli l-effikaċja fil-prattika tal-proċeduri previsti espliċitament fit-Trattati. Fis-sentenza “Les Verts”, pereżempju, hija rrikonoxxiet li r-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 173 tat-Trattat KEE seta’ jiġi ppreżentat ukoll kontra l-atti tal-Parlament intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi (55). B’mod simili, fis-sentenzi “Gestoras Pro Amnistía” u “Segi”, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 35(1) UE (56) fir-rigward ta’ dak li dak iż-żmien kien it-“tielet pilastru” fis-sens li din il-proċedura tista’ tintuża fir-rigward tal-miżuri kollha tal-Kunsill intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi.

94.    Madankollu, fil-fehma tiegħi, għall-problema li għandna quddiemna hawnhekk, l-iktar li jixħet dawl huwa l-fatt li, fis-sentenzi “Gestoras Pro Amnistía” u “Segi”, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irrifjutat li tirrikonoxxi, fil-kuntest li dak iż-żmien kien it-“tielet pilastru”, tipi ta’ rikorsi li ma kinux previsti espliċitament fit-Trattat UE fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam. Hija ddikjarat, b’mod partikolari f’dan il-kuntest, li ma kellha ebda kompetenza sabiex tirrikonoxxi ebda tip ta’ rikors għad-danni (57). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta direttament għall-kwistjoni li għandna quddiemna hawnhekk, jiġifieri l-protezzjoni ġudizzjarja f’dak li kien it-“tieni pilastru”, jiġifieri fil-qasam tal-PBSK, li fih il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni huma tradizzjonalment saħansitra iktar limitati (58).

95.    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 275 TFUE proposta mill-Kummissjoni ma tistax tkun konvinċenti. Indipendentement mill-fatt li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma humiex rilevanti, l-interpretazzjoni partikolarment wiesgħa li qiegħda tipproponi li tingħata lill-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni hija, barra minn hekk, assolutament mhux neċessarja sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-individwi fil-qasam tal-PBSK. Fil-fatt, il-konstatazzjoni, perfettament korretta, li la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħu jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattati, li jikkostitwixxu l-karta kostituzzjonali tal-Unjoni, ma għandhiex neċessarjament twassal fil-każijiet kollha għall-konklużjoni li l-qrati tal-Unjoni huma kompetenti.

96.    Kif jindika b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) TUE, is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja implementata permezz tat-Trattati hija bbażata fuq żewġ pilastri, li wieħed minnhom huwa kkostitwit mill-qrati tal-Unjoni filwaqt li l-ieħor huwa kkostitwit mill-qrati nazzjonali (59). Meta, bħalma jkun regolarment il-każ fil-qasam tal-PBSK, ma jkun hemm ebda possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali huma u jibqgħu kompetenti. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija konsegwenza tal-prinċipju ta’ kompetenzi attribwiti, li minnu jirriżulta li l-kompetenzi kollha li t-Trattati ma attribwixxewx lill-Unjoni jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri [Artikolu 4(1) TUE moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE u mal-Artikolu 5(2) TUE] (60).

97.    Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga espliċitament lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji legali neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-qasam tal-PBSK, li huwa qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (61).

98.    Diversi aspetti tal-PBSK jeżiġu implementazzjoni mill-korpi tal-Istati Membri [Artikolu 26(3) TUE, Artikolu 42(3) TUE u Artikolu 44(1) TUE]. Fi kwalunkwe każ, it-triq li twassal quddiem il-qrati nazzjonali hija għalhekk indikata b’mod ċar għall-individwu li jkun jixtieq jissuġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju l-atti, il-miżuri jew l-ommissjonijiet li jaqgħu taħt il-PBSK u li jikkonċernawh b’xi mod jew ieħor (62).

99.    Anki meta l-PBSK tiġi implementata mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi l-oħra tal-Unjoni b’mod li jikkonċerna direttament u individwalment lill-individwi, l-aċċess ta’ tali individwi għall-qrati nazzjonali ma huwiex ipprojbit, sakemm ma jkunux jistgħu, b’mod eċċezzjonali, iressqu l-kawża tagħhom direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni bis-saħħa tat-tieni possibbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Fil-fatt, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tislet ebda kompetenza mit-Trattati, lanqas il-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni stess ma huma esklużi, bis-saħħa tal-Artikolu 274 TFUE, mill-kompetenza tal-qrati nazzjonali. Fid-dawl tar-regola stabbilita fis-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, din tista’ tkun is-sitwazzjoni normali fil-kuntest tal-PBSK.

100. Meta l-qrati nazzjonali jkunu aditi b’tali kawżi fil-kuntest tal-PBSK, huma għandhom l-obbligu li japplikaw id-dritt tal-Unjoni. F’tali każ huma għandhom, jekk ikun il-każ, jistħarrġu l-kompatibbiltà ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-PBSK mad-dritt tal-Unjoni ta’ grad superjuri u, jekk jikkonstataw inkompatibbiltà, għandhom iħalluhom inapplikati fil-kawża ineżami (63). Kif diġà għidt (64), fil-fatt, u għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-politiki mħaddna fuq il-livell Komunitarju, it-Trattati ma jipprevedu preċiżament ebda kompetenza għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PBSK, kif jindikaw is-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest tal-PBSK, tinvoka l-monopolju li barra minn hekk huwa rrikonoxxut lilha fir-rigward tal-istħarriġ tal-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi l-oħra tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li tmur lura għas-sentenza Foto-Frost (65), ma tistax għaldaqstant tiġi trasposta għall-PBSK. Għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fl-oqsma tad-dritt tal-Unjoni li huma strutturati b’mod supranazzjonali, il-PBSK ma tinkludi ebda prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’ tiġi mistħarrġa biss mill-qrati tal-Unjoni.

101. Mill-perspettiva tal-integrazzjoni politika, bla dubju ma huwiex ideali li, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-PBSK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda kompetenza għal deċiżjoni preliminari u ma għandhiex ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward tal-validità tal-atti legali tal-istituzzjonijiet fis-sens tas-sentenza Foto-Frost minħabba li din iċ-ċaħda ta’ kompetenza ma tippermettix li tiġi ggarantita interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-PBSK. Madankollu, din hija l-konsegwenza loġika tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur li jkompli jorganizza l-PBSK essenzjalment fuq livell intergovernattiv u li jillimita l-element supranazzjonali inerenti għal kull kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawk il-każijiet eċċezzjonali li huma ddefiniti strettament u elenkati b’mod eżawrjenti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

102. Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi meħtieġa mill-Artikoli 6 u 13 KEDB tista’ tiġi żgurata wkoll mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha kompetenza għal deċiżjoni preliminari jew ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward tal-atti legali tal-istituzzjonijiet.

103. Sabiex niġbor fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nista’ ngħid li, fir-rigward tal-PBSK, l-Unjoni tista’ taderixxi għall-KEDB, kif qiegħda taħseb li tagħmel, mingħajr ma jkun meħtieġ li jinħolqu kompetenzi ġodda għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li, fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mill-PBSK, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi hija żgurata parzjalment mill-qrati tal-Unjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE) u parzjalment mill-qrati nazzjonali [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 274 TFUE].

4.      Konklużjoni intermedjarja

104. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ma hemmx lok għall-biża’ li l-abbozz ta’ ftehim jista’ jemenda l-kompetenzi tal-Unjoni stabbiliti fit-Trattati. Barra minn hekk, l-implementazzjoni fil-livell intern tal-Unjoni tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub ma hija ser teħtieġ ebda trasferiment ta’ kompetenzi ġodda lill-Unjoni.

C –    Iż-żamma tal-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni

105. Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 u mill-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 jirriżulta li l-adeżjoni għall-KEDB ma tistax taffettwa l-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi eżaminat essenzjalment fir-rigward tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE] (il-parti 1). Għal finijiet ta’ kompletezza, ser nindirizza mbagħad, fil-qosor, il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni (parti 2), eżami li fil-kuntest tiegħu ser nagħti attenzjoni partikolari lis-sistema ta’ sanzjonijiet finanzjarji stabbilita mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni [punt (b) tal-parti 2].

1.      Il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

106. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li hija inkarigata li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati [Artikolu 19(1) TUE], huwa ta’ importanza primordjali għall-ordinament ġuridiku stabbilit mit-Trattati (66). Fir-rigward tal-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB, għandhom jiġu eżaminati, b’mod partikolari, żewġ aspetti: minn naħa, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni [punt (a)] u, min-naħa l-oħra, il-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-istħarriġ tal-validità tal-atti legali tal-Unjoni [punt (b)]. Barra minn hekk, għandu jiġi analizzat fil-qosor il-Protokoll addizzjonali Nru 16 għall-KEDB [punt (c)].

a)      Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni (Artikolu 344 TFUE)

107. Bl-adozzjoni tal-Artikolu 344 TFUE, l-Istati Membri obbligaw ruħhom “li ma jippreżentawx kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati”. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwim ta’ natura legali kollu bejn l-Istati Membri sa fejn dan it-tilwim ikun jikkonċerna d-dritt tal-Unjoni (67) (ara l-Artikolu 259 TFUE). Dan għandu jgħodd ukoll, a fortiori, għat-tilwim ta’ natura legali bejn l-Unjoni u wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 258 TFUE, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE u l-Artikolu 268 TFUE). Fi kliem ieħor, għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ natura legali tagħhom, l-Istati Membri taw lill-qrati tal-Unjoni ġurisdizzjoni esklużiva, li fuq livell tad-dritt primarju hija stabbilita fl-Artikolu 344 TFUE.

108. Sabiex tiġi protetta din il-funzjoni fundamentali tal-qrati tal-Unjoni, l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8 jipprovdi li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub ma tista’ tippreġudika l-Artikolu 344 TFUE.

109. F’dan il-kuntest, il-proċedura prevista fl-Artikolu 33 KEDB fir-rigward tal-kawżi interstatali jixirqilha attenzjoni partikolari (68). L-imsemmi Artikolu 33 jipprovdi li kull Parti Għolja Kontraenti tista’ tressaq quddiem il-Qorti EDB kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB jew tal-Protokolli tagħha minn Parti Għolja Kontraenti oħra (69). Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata flimkien mal-Artikolu 55 KEDB, li jipprovdi li l-Partijiet Għolja Kontraenti jaqblu, essenzjalment, li ma humiex ser iressqu t-tilwim imnissel mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni tal-KEDB għal xi mod ta’ soluzzjoni ieħor għajr dawk previsti minnha.

110. Hemm manifestament kunflitt bejn l-obbligu impost mill-Artikolu 344 TFUE fuq l-Istati Membri li jressqu t-tilwim bejniethom dwar id-dritt tal-Unjoni esklużivament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-obbligu impost mill-Artikolu 55 KEDB fuq il-Partijiet Kontraenti li jressqu t-tilwim bejniethom dwar din il-konvenzjoni quddiem il-Qorti EDB. Fil-fatt, kif diġà għidt, bl-adeżjoni, il-KEDB ser issir parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (70) [ara wkoll l-Artikolu 216(2) TFUE]. Għall-kuntrarju tal-pożizzjoni sorprendenti meħuda mill-Kummissjoni, huwa ferm possibbli li wara din l-adeżjoni jitnissel tilwim ta’ natura legali, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bejn l-Istati Membri tagħha jew bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-KEDB.

111. Jekk il-proċedura prevista mill-Artikolu 33 KEDB fir-rigward tal-kawżi interstatali titressaq quddiem il-Qorti EDB sabiex tinstab soluzzjoni għal tali tilwima, dan ikun imur kontra l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għalhekk, kontra l-Artikolu 344 TFUE.

112. Din il-problema kienet identifikata perfettament matul in-negozjati dwar l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni mal-KEDB. Kien sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema li l-Artikolu 5 ddaħħal fl-abbozz ta’ ftehim. Dan l-artikolu jipprovdi li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea “ma għandhomx jitqiesu li huma modi ta’ soluzzjoni tat-tilwim fis-sens tal-Artikolu 55 [KEDB]”. Fir-rapport ta’ spjega, din id-dispożizzjoni tal-abbozz hija ppreċiżata fis-sens li l-“Artikolu 55 [KEDB] ma jipprojbixxix l-applikazzjoni tar-regola prevista fl-Artikolu 344 TFUE” (71).

113. Għalhekk, kif interpretat fir-rapport ta’ spjega, l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim isolvi l-kunflitt li jista’ jqum bejn l-Artikolu 55 KEDB u l-Artikolu 344 TFUE fis-sens li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu jibqgħu jressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni l-kunflitti li jistgħu jqumu bejniethom fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-KEDB u fis-sens li ma humiex obbligati jressqu quddiem il-Qorti EDB il-proċedura li jipprevedi l-Artikolu 33 KEDB fir-rigward tal-kawżi interstatali.

114. Madankollu, fl-abbozz ta’ ftehim u fid-dokumenti annessi miegħu ma hemm xejn li jeskludi effettivament li l-Istati Membri tal-Unjoni jfittxu xorta waħda li jsolvu tilwima bejniethom fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-KEDB billi jirrikorru għall-proċedura prevista fl-Artikolu 33 KEDB għall-kawżi interstatali quddiem il-Qorti EDB minkejja li, skont l-Artikolu 55 KEDB moqri flimkien mal-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim, ma hemm ebda obbligu taħt id-dritt internazzjonali li jorbothom jagħmlu dan.

115. Li kieku kellu jiġi żgurat li, fit-tilwim tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċerna l-KEDB, l-Istati Membri tal-Unjoni fl-ebda każ ma jiksru b’hekk il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien ikun meħtieġ li fil-ftehim ta’ adeżjoni maħsub tiġi inkluża, bħalma huwa l-każ tal-Artikolu 282 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (72), regola li tmur lil hinn mill-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ ftehim u li mhux biss ma taffettwax l-Artikolu 344 TFUE iżda tagħtih supremazija fuq l-Artikolu 33 KEDB. B’hekk, kwalunkwe proċedura dwar kawża interstatali li xorta waħda titressaq quddiem il-Qorti EDB tkun tista’ titwaqqaf permezz ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Barra minn hekk, qabel ma tiddeċiedi f’tali proċedura bejn Stati Membri mressqa quddiemha, il-Qorti EDB jkollha, minn tal-inqas meta jkun hemm dubju, tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-proċedura ta’ involviment minn qabel, l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-suġġett tal-proċedura huwiex tilwima fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 344 TFUE.

116. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma huwiex assolutament neċessarju li tiġi adottata regola daqstant stretta li, barra minn hekk, ma tikkorrispondi għal ebda prassi normali fil-ftehimiet internazzjonali, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja prattika tal-Artikolu 344 TFUE u sabiex b’hekk tinżamm il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

117. Barra minn hekk, li kieku f’dan il-każ kellha tiġi stabbilita regola espliċita fir-rigward tal-inammissibbiltà tal-proċeduri f’kawżi interstatali quddiem il-Qorti EDB u dwar is-supremazija tal-Artikolu 344 TFUE bħala kundizzjoni meħtieġa għall-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub mad-dritt primarju tal-Unjoni, dan ikun ifisser, impliċitament, li diversi ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fil-passat huma vvizzjati minħabba li ma jipprevedu ebda klawżola ta’ dan it-tip.

118. Fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà li kontra l-Istati Membri li jressqu t-tilwim tagħhom fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni quddiem istanzi internazzjonali oħra u mhux quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tinfetaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Artikoli 258 TFUE sa 260 TFUE) (73), proċedura li fil-kuntest tagħha jistgħu jiġu adottati, jekk ikunu meħtieġa, miżuri kawtelatorji (Artikolu 279 TFUE) (74), hija biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja prattika tal-Artikolu 344 TFUE.

119. Għaldaqstant, fil-qosor, inqis li l-abbozz ta’ ftehim ma joħloq ebda problema legali fir-rigward tal-Artikolu 344 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 8.

120. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li l-effikaċja prattika tal-Artikolu 344 TFUE tiġi ggarantita b’mod iktar kunsiderevoli milli hija attwalment iggarantita fil-ftehim ta’ abbozz, hija tista’ tissuġġetta l-kompatibbiltà tal-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB mat-Trattati għal dikjarazzjoni li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkollhom jagħmlu meta ssir l-adeżjoni. F’din id-dikjarazzjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri jkollhom jindikaw b’mod vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali fil-konfront tal-Partijiet Kontraenti l-oħra tal-KEDB l-impenn tagħhom li ma jippreżentawx quddiem il-Qorti EDB applikazzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 33 KEDB fir-rigward ta’ ksur li jista’ jkun hemm tal-KEDB sa fejn is-suġġett tat-tilwima jkun jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (75).

b)      Il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-istħarriġ tal-validità tal-atti legali tal-Unjoni

121. Irrispettivament mill-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija lilhom mill-Artikolu 344 TFUE, il-qrati tal-Unjoni jaqdu, fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, il-funzjoni li jinterpretaw id-dritt tal-Unjoni fl-aħħar istanza u b’mod vinkolanti, kif ukoll li jeżerċitaw stħarriġ esklużiv (76) fuq il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi l-oħra tal-Unjoni (77).

122. Bħala prinċipju, l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB ma hija ser tibdel xejn f’dan ir-rigward. Fil-fatt, is-sentenzi tal-Qorti EDB li jikkonstataw ksur tal-KEDB għandhom natura purament dikjaratorja u jħallu f’kull każ partikolari lill-Parti Kontraenti kkonċernata ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħhom [Artikolu 46(1) KEDB] (78). Barra minn hekk, fis-sentenzi tagħha, il-Qorti EDB ma tiddeċidix dwar l-interpretazzjoni vinkolanti jew dwar il-validità ta’ regoli legali tal-Partijiet Kontraenti kkonċernati (79). Hija sempliċement tinterpreta l-KEDB u tikkonstata eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha.

123. Madankollu, fis-sentenzi tagħha, il-Qorti EDB ma tistax tevita li teżamina d-dritt intern tal-Partijiet Kontraenti kkonċernati sa fejn dan ikun meħtieġ għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija jkollha tagħti dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB. Hija jkollha neċessarjament tibbaża s-sentenzi tagħha fuq interpretazzjoni partikolari tal-kontenut u tal-portata tar-regoli tad-dritt intern. Dan huwa l-uniku mod kif il-Qorti EDB tkun tista’, pereżempju, tistħarreġ b’mod raġonevoli jekk ir-rimedji legali previsti fl-ordinament ġuridiku intern humiex konformi mar-rekwiżiti tad-dritt għal “rimedju effettiv” (Artikolu 13 KEDB) jew jekk l-interferenzi f’ċerti drittijiet fundamentali tal-KEDB humiex “preskritti bil-liġi” fl-ordinament ġuridiku intern [Artikoli 5(1), 8(2), 9(2), 10(2) u 11(2) KEDB] (80). Huwa minħabba f’hekk li, f’deċiżjonijiet passati, il-Qorti EDB diġà ttrattat id-dritt tal-Unjoni, inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan id-dritt (81).

124. Huwa sabiex jiġi ggarantit li f’tali każijiet ikunu osservati l-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni u li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fi ħdan is-sistema ta’ stħarriġ tal-KEDB li l-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim jipprevedi l-proċedura ta’ involviment minn qabel. Dan l-artikolu jeżiġi li, meta l-Unjoni Ewropea tkun konvenuta konġunta fi proċedura pendenti quddiem il-Qorti EDB u meta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun għadha ma eżaminatx il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB, il-Qorti KEDB għandha tagħtiha ż-żmien meħtieġ sabiex twettaq tali eżami.

125. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja stess fid-dokument ta’ riflessjoni tagħha (82), tali proċedura ta’ involviment minn qabel hija kompletament ta’ natura li tiggarantixxi l-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni fid-dawl tal-adeżjoni tagħha għall-KEDB u hija barra minn hekk neċessarja għal dan il-għan.

126. Madankollu, jifdal li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet tal-involviment minn qabel stabbiliti fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim humiex ifformulati b’mod restrittiv wisq, li jista’ jhedded il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet huma dawn it-tlieta:

–        Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ involviment minn qabel huwa marbut b’mod inseparabbli mal-istatus tal-konvenut konġunt, b’tali mod li involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkunsidrat biss a priori jekk l-Unjoni tkun konvenuta konġunta quddiem il-Qorti EDB.

–        L-involviment minn qabel huwa previst biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun għadha ma ddeċidietx dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB.

–        Is-suġġett tal-involviment minn qabel huwa l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mad-drittijiet fundamentali tal-KEDB li l-ksur tagħhom jkun qiegħed jiġi allegat quddiem il-Qorti EDB.

127. Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-rabta tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ involviment minn qabel mal-istatus ta’ konvenuta konġunta tal-Unjoni, din tidher li hija adegwata sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni. Huwa minnu li minn din ir-rabta jirriżulta, a contrario, li ebda involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkun possibbli meta applikazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti EDB tkun indirizzata kontra l-Unjoni stess bħala konvenuta jew meta l-Unjoni ma tkunx parti fil-proċedura quddiem il-Qorti EDB, bħala konvenuta jew bħala konvenuta konġunta. F’ebda wieħed miż-żewġ l-aħħar każijiet, madankollu, il-fatt li ma jkunx possibbli l-involviment minn qabel ma jimplika theddida għall-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni.

128. Fil-fatt, jekk l-Unjoni stess tkun il-konvenuta, l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji legali interni kollha [Artikolu 35(1) KEDB] diġà jiggarantixxi li t-tilwima ma tistax tasal quddiem il-Qorti EDB qabel ma l-qrati tal-Unjoni jkollhom diġà l-opportunità jiddeċiedu, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Għall-kuntrarju, jekk l-Unjoni la tkun konvenuta u lanqas konvenuta konġunta, jiġifieri jekk l-Unjoni ma tkunx parti fil-proċedura pendenti quddiem il-Qorti EDB, xorta waħda ma jkunx hemm il-biża’ li jiġu ppreġudikati l-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni peress li s-sentenza eventwalment mogħtija mill-Qorti EDB ma tistax tiġi invokata kontra l-Unjoni, lanqas jekk tinkludi spjegazzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni [ara l-Artikolu 46(1) KEDB].

129. It-tieni nett, il-limitazzjoni tal-involviment minn qabel għall-kawżi li fihom il-qrati tal-Unjoni jkunu għadhom ma ddeċidewx dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB lanqas ma tikkostitwixxi theddida għall-kompetenzi tagħhom. Fil-fatt, jekk il-qrati tal-Unjoni jkunu diġà ħadu pożizzjoni, f’deċiżjoni definittiva, dwar il-punt ta’ liġi li jkun effettivament imqajjem u li jkun iktar tard is-suġġett ta’ applikazzjoni ppreżentata quddiem il-Qorti EDB, huma jkunu diġà eżerċitaw il-kompetenza tagħhom (83). Meta jkun hemm tali acte éclairé, lanqas il-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni li jiddeċiedu fl-aħħar istanza ma jkunu obbligati jressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess ħaġa għandha tapplika għar-relazzjoni bejn il-Qorti EDB u l-qrati tal-Unjoni.

130. It-tielet nett, il-limitazzjoni tas-suġġett tal-involviment minn qabel għall-kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà (bil-Franċiż: compatibilité; bl-Ingliż: compatibility; bil-Ġermaniż: Vereinbarkeit) tad-dritt tal-Unjoni mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB li l-ksur tagħhom ikun qiegħed jiġi allegat fil-proċedura quddiem il-Qorti EDB, limitazzjoni li hija prevista fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim, tqajjem, għall-kuntrarju, problema. Fil-fatt, kif diġà għidt iktar ’il fuq (84), il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni bl-ebda mod ma huma limitati għall-eżami tal-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni iżda jkopru wkoll l-interpretazzjoni tagħhom, punt li huwa ta’ importanza essenzjali. Huwa preċiżament meta jkun hemm kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali li din il-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-qrati tal-Unjoni tikseb importanza partikolari minħabba li, fil-parti l-kbira tal-kawżi, ikun diġà possibbli li jiġi żgurat li d-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt tal-Unjoni tiġi interpretata b’mod li ma joħloqx kunflitt mad-drittijiet fundamentali (85). Dan jgħodd kemm għad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju kif ukoll għal dawk tad-dritt idderivat.

131. Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher hija l-fehma tal-Kummissjoni (86), il-limitazzjoni tas-suġġett tal-involviment minn qabel għal kwistjonijiet ta’ legalità biss jew ta’ sempliċi validità tammonta għal ksur manifest tal-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni, bħallikieku l-unika possibbiltà li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja hija li tagħżel bejn abjad u iswed.

132. Huwa punt pożittiv il-fatt li r-riferiment għall-“eżami tal-kompatibbiltà” li jinsab fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim huwa ġenerali biżżejjed, fih innifsu, sabiex jinkludi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jippermetti involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi ggarantita interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tkun konformi mal-KEDB.

133. Madankollu, kif jirriżulta mir-rapport ta’ spjega, l-“eżami tal-kompatibbiltà” fis-sens tal-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim ifisser biss, fil-każ tad-dritt idderivat tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-“validità” ta’ dispożizzjonijiet legali li jinsabu fl-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi l-oħra tal-Unjoni (87).

134. Il-fatt li r-rapport ta’ spjega jqiegħed fuq l-istess livell il-kwistjonijiet ta’ “validità” tad-dritt sekondarju u dawk tal-“kompatibbiltà” jqajjem dubji kunsiderevoli u jwassal għall-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-involviment minn qabel, kif iddefinit fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim, huwiex verament suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni. Huwa minnu li wħud mill-partijiet fil-proċedura pprovaw inaqqsu l-importanza tar-rapport ta’ spjega għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim. Madankollu, dan l-approċċ ma jistax ikun konvinċenti peress li r-rapport ta’ spjega jagħmel parti integrali mill-istrumenti, ikkunsidrati bħala sett ta’ strumenti wieħed, innegozjati għall-finijiet tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB u peress li, skont ir-rieda tal-awturi tiegħu, għandu jingħata l-istess importanza bħall-ftehim stess (88).

135. Fl-aħħar mill-aħħar, id-dubji mqajma iktar ’il fuq fir-rigward tal-portata tal-proċedura ta’ involviment jistgħu jiġu eliminati biss billi jiġi ċċarat li l-eżami tal-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB, eżami li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tingħata l-opportunità twettaq permezz tal-involviment minn qabel previst fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim, jinkludi l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni mhux biss fil-każ tad-dritt primarju iżda wkoll fil-każ tad-dritt idderivat. Fil-fehma tiegħi, tali kjarifika hija indispensabbli sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali. Fil-fehma tiegħi, għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara l-abbozz ta’ ftehim kompatibbli mat-Trattati biss jekk issir tali kjarifika.

c)      L-effetti tal-Protokoll addizzjonali Nru 16 għall-KEDB fuq il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja

136. Fl-aħħar nett, għandu jissemma fil-qosor il-Protokoll addizzjonali Nru 16 għall-KEDB. L-effetti li dan jista’ jkollu fuq il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew diskussi, fil-qosor, mal-partijiet matul is-seduta bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmula mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja.

137. Dan il-Protokoll addizzjonali Nru 16, li, sal-lum (89), ġie ffirmat biss minn seba’ Stati Membri tal-Unjoni u għadu ma ġie rratifikat minn ebda wieħed minnhom, jipprevedi l-implementazzjoni ta’ “proċedura preliminari” fakultattiva fis-sistema tal-KEDB li permezz tagħha ċerti qrati superjuri tal-Partijiet Kontraenti tal-KEDB ikunu jistgħu jistiednu lill-Qorti EDB tagħti opinjoni mhux vinkolanti dwar l-interpretazzjoni tal-KEDB.

138. Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Protokoll addizzjonali Nru 16, bħala tali, ma jidħolx fis-suġġett ta’ din il-proċedura għal opinjoni peress li ma jagħmilx parti mit-testi legali li għalihom għandha taderixxi l-Unjoni skont il-pjan ta’ adeżjoni.

139. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-Protokoll addizzjonali Nru 16 jista’ jillimita, b’mod indirett, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan anki jekk ma jkunx irratifikat mill-Unjoni stess u minkejja li jkun biss numru żgħir ta’ Stati Membri li jaderixxu għalih. Fil-fatt, kif diġà spjegajt, il-KEDB ser issir, sempliċement minħabba l-adeżjoni tal-Unjoni, parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun kompetenti sabiex tinterpretaha skont il-proċedura għal deċiżjoni preliminari (Artikolu 267 TFUE) (90). Madankollu, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tal-KEDB fi ħdan l-Unjoni jista’ jiġi mhedded minħabba l-fatt li l-qrati superjuri tal-Istati Membri li jkunu rratifikaw il-Protokoll addizzjonali Nru 16 għall-KEDB jista’ jkollhom it-tentazzjoni li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll, jindirizzaw id-domandi tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-KEDB lill-Qorti EDB u mhux lill-Qorti tal-Ġustizzja.

140. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, dan il-fenomenu ma huwiex konsegwenza tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB. Anki fl-assenza tal-adeżjoni maħsuba, il-qrati tal-Istati Membri li jkunu rratifikaw il-Protokoll addizzjonali Nru 16 jistgħu jressqu quddiem il-Qorti EDB domandi dwar id-drittijiet fundamentali — għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-KEDB — minflok ma jagħmlu tali domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, liema domandi jkunu jikkonċernaw l-istess suġġett.

141. Sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema, huwa biżżejjed li jsir riferiment għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li jobbliga lill-qrati tal-Istati Membri, li fir-rigward tad-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprevali fuq id-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, fuq eventwali ftehim internazzjonali li jista’ jkun ġie rratifikat minn uħud mill-Istati Membri tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ tal-Protokoll addizzjonali Nru 16 għall-KEDB. Minn dan jirriżulta li, meta jkollhom jiddeċiedu dwar tilwima li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-prijorità tal-qrati tal-aħħar istanza tal-Istati Membri għandha tkun li jressqu d-domandi tagħhom dwar id-drittijiet fundamentali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li jikkonformaw ruħhom mad-deċiżjonijiet tagħha.

d)      Konklużjoni intermedjarja

142. Fil-qosor, għandu jingħad li l-abbozz ta’ ftehim ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’mod li jkun inkompatibbli mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 sakemm il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ involviment minn qabel jiġi ppreċiżat kif indikat fil-punt 135.

2.      Il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni

143. Fir-rigward tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-Parlament, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ftit li xejn nista’ nara sa fejn dawn jistgħu jiġu affettwati mill-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB. Mill-proċedura għal opinjoni li żvolġiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħareġ ebda indizju ta’ tali eventwali restrizzjoni ta’ dawn il-kompetenzi.

a)      Punti ġenerali

144. B’mod ġenerali, għandu jiġi osservat li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ser tobbliga lill-istituzzjonijiet tagħha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB meta dawn jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Kif diġà spjegajt f’parti oħra ta’ din l-opinjoni (91), din hija madankollu konsegwenza neċessarja u mixtieqa tal-adeżjoni għall-KEDB li ma għandhiex titqies li hija restrizzjoni tal-kompetenzi tagħhom fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8.

145. Sa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri li pparteċipaw fil-proċedura għal opinjoni ddiskutew il-kwistjoni ta’ min ser jiddetermina, fil-futur, il-pożizzjoni li l-Unjoni ser tieħu fl-istanzi quddiem il-KEDB jew quddiem il-Kunsill tal-Ewropa u l-kwistjoni ta’ min ser jirrappreżenta lill-Unjoni f’dawn l-istanzi, dawn huma kwistjonijiet li għandhom jiġu riżolti meta jitħejjew b’mod konkret il-miżuri li għandhom jittieħdu fi ħdan l-Unjoni sabiex jiġi traspost il-ftehim ta’ adeżjoni maħsub. Fil-fatt, kwalunkwe preġudizzju għall-kompetenzi ta’ xi waħda mill-istituzzjonijiet li jista’ jimmaterjalizza f’dan il-kuntest ma huwiex ser jirriżulta mill-ftehim ta’ adeżjoni stess iżda ser jirriżulta biss mill-miżuri ta’ implementazzjoni. Għaldaqstant, il-punti ta’ liġi mqajma f’dan ir-rigward ser ikollhom jiġu indirizzati f’kawżi futuri (92) u ma jistgħux jiġu inklużi, lanqas b’mod kawtelatorju, fis-suġġett ta’ din il-proċedura għal opinjoni għaliex fil-kuntest ta’ din il-proċedura tali punti jkunu ta’ natura purament ipotetika.

b)      Is-sistema istituzzjonali tal-Unjoni għas-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

146. Matul is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet indirizzaw fil-qosor il-kwistjoni ta’ jekk l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB hijiex ser teħtieġ bidla fil-kompetenzi attwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew aġġustamenti sistematiċi oħra fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod iktar preċiż fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. F’dan il-kuntest għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, ir-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea bħala awtorità tal-kompetizzjoni, it-tieni nett, il-prinċipju ta’ ne bis in idem u, it-tielet nett, il-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċedura.

i)      Ir-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni bħala awtorità tal-kompetizzjoni

147. Meta l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jiġu applikati fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni teżerċita l-funzjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni u għandha s-setgħa timponi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi sanzjonijiet finanzjarji pjuttost severi (multi u penali) mingħajr ma hija meħtieġa li qabel tirreferi l-każ quddiem xi qorti [Artikolu 103(2)(a) TFUE, Artikolu 105 TFUE kif ukoll l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003] (93). Dan ir-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni (94) għandu, fis-sistema tat-Trattati fundaturi, importanza partikolari li hija marbuta mill-qrib mal-funzjoni fundamentali li jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq intern Ewropew.

148. Uħud isostnu li sistema bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi minn awtorità tqajjem problemi fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 6 KEDB.

149. Tali oġġezzjoni iżda ma għandha l-ebda bażi fl-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Kif fil-fatt ippreċiżat il-Qorti EDB, is-sanzjonijiet amministrattivi, inklużi dawk imposti fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, jaqgħu effettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanziji proċedurali li l-Artikolu 6 KEDB jistabbilixxi fil-qasam tad-dritt kriminali. Għall-kuntrarju, tali sanzjonijiet ma jagħmlux parti mill-“qalba proprja” ta’ dan id-dritt u wieħed jista’ anki jgħid li għandhom sempliċement natura kważi kriminali (95), li jfisser li l-garanziji tad-dritt kriminali stabbiliti fl-Artikolu 6 KEDB ma humiex neċessarjament intiżi li japplikaw bis-severità kollha tagħhom (96).

150. Il-Qorti EDB reċentement irrikonoxxiet speċifikament li awtorità tal-kompetizzjoni tista’ timponi multi sabiex tissanzjona l-ksur għall-projbizzjoni ta’ akkordji sakemm l-impriża kkonċernata tkun tista’ tissuġġetta kwalunkwe deċiżjoni li timponi multa għal stħarriġ ulterjuri minn awtorità ġudizzjarja li jkollha ġurisdizzjoni sħiħa (bil-Franċiż: pleine juridiction; bl-Ingliż: full jurisdiction; bil-Ġermaniż: vollumfängliche Prüfungsbefugnis). Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, kif jikkonfermaw kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (97) kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (98).

151. Għaldaqstant, fil-qasam tal-Artikolu 6 KEDB, l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB ma teżiġi ebda bidla istituzzjonali fis-sistema tas-sanzjonijiet finanzjarji li jippenalizzaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

ii)    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem

152. L-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB lanqas ma teżiġi bidla fis-sistema ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE fir-rigward tar-regola antikumulu tas-sanzjonijiet (ne bis in idem) stabbilita fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll addizzjonali Nru 7 għall-KEDB. Fil-fatt, l-abbozz ta’ ftehim ma jkoprix dan il-protokoll. Għaldaqstant, bl-adeżjoni tagħha għall-KEDB, l-Unjoni ma hija ser tidħol għal ebda obbligu taħt id-dritt internazzjonali li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Għalhekk, fir-rigward tal-adeżjoni għall-KEDB kif qiegħda tiġi attwalment maħsuba, ma hija meħtieġa ebda azzjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem anki jekk, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni meħuda minni (99), jitqies li l-mod kif jinftiehem dan il-prinċipju legali fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (għadu) attwalment ma jikkorrispondix kompletament għall-mod li fuqu bbażat ruħha l-Qorti EDB fil-kawżi kriminali.

iii) Il-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċeduri

153. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċeduri, li wkoll jista’ jinsilet mill-Artikolu 6 KEDB, il-validità ta’ dan il-prinċipju fid-dritt tal-Unjoni hija rrikonoxxuta b’mod ġenerali [ara l-Artikoli 41(1) u 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali] u huwa diġà f’diversi kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tistħarreġ l-osservanza tiegħu, b’mod partikolari fil-kawżi tal-kompetizzjoni.

154. Is-sempliċi fatt li, f’diversi każijiet partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li l-Kummissjoni, bħala awtorità tal-kompetizzjoni (100), jew il-Qorti Ġenerali, bħala istanza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-ewwel istanza (101), kienu kisru dan il-prinċipju ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-adeżjoni maħsuba għall-KEDB ser teħtieġ bidliet istituzzjonali fi ħdan l-Unjoni.

155. Fil-fehma tiegħi, ikun ħafna iktar deċiżiv jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji kollha sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċeduri u jipprevedu sanzjonijiet effikaċi fil-każ ta’ ksur tiegħu. Jiena ma nara ebda indizju konkret li jindika li tali dispożizzjonijiet ma humiex ser jittieħdu (102).

iv)    Konklużjoni

156. Għal din ir-raġuni, bi qbil mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, nikkonkludi li l-Unjoni tista’ taderixxi għall-KEDB mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu emendati l-kompetenzi attwali tal-istituzzjonijiet tagħha u mingħajr ma jkun meħtieġ li jsiru aġġustamenti sistematiċi oħra fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

D –    Iż-żamma tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni

157. Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 8, il-ftehim ta’ adeżjoni għandu barra minn hekk “jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-Unjoni u tad-dritt ta’ l-Unjoni”. L-ewwel sentenza tad-Dikjarazzjoni Nru 2 tesprimi wkoll ir-rieda fundamentali “li jiġu ppreservati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-ordni ġuridiku ta’ l-Unjoni”.

158. Il-karatteristiċi speċifiċi msemmija fil-Protokoll Nru 8 u fid-Dikjarazzjoni Nru 2 jirreferu, b’mod partikolari, għal żewġ affarijiet: minn naħa, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma tistax tippreġudika l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, din l-adeżjoni għandha ssir b’osservanza tal-karatteristiċi partikolari tal-Unjoni bħala sistema mibnija fuq diversi livelli.

159. Fir-rigward tal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li t-Trattati fundaturi tal-Unjoni Ewropea introduċew ordinament ġuridiku ġdid ta’ natura sui generis, fi kliem ieħor: ordinament ġuridiku awtonomu. Il-protezzjoni ta’ dan l-ordinament ilha għal iktar minn ħamsin sena waħda mill-pedamenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (103) u issa hija rrikonoxxuta universalment. Din l-awtonomija ma hijiex biss karatteristika tar-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Istati Membri iżda għandha tiġi osservata wkoll fir-relazzjoni ma’ Stati terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali: meta l-Unjoni tikkonkludi ftehim internazzjonali, għandu jiġi żgurat li dan il-ftehim ma jippreġudikax l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (104).

160. Fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-Unjoni bħala sistema mibnija fuq diversi livelli, għandu jingħad prinċipalment, fil-kuntest li huwa ta’ interess għal din il-proċedura, li, fi ħdan din is-sistema, il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet huma maqsuma bejn l-istanzi nazzjonali u l-istanzi tal-Unjoni konformement ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u tad-dritt idderivat.

161. Fil-punti li ġejjin ser neżamina jekk l-abbozz ta’ ftehim jirrikonoxxix u jirrispettax il-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 8, fil-kuntest ta’ dan l-eżami għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tliet aspetti segwenti:

–        ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB mill-Unjoni (parti 1) (105),

–        il-prinċipji tal-effett dirett u tas-supremazija tad-dritt tal-unjoni (parti 2) (106), u

–        il-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-konvenut it-tajjeb fil-proċeduri quddiem il-Qorti EDB (parti 3) (107).

1.      Ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB

162. Fl-ewwel lok ser neżamina jekk ir-rikonoxximent maħsub tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB mill-Unjoni jistax jippreġudika l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 8). Ma nistax ma nesprimix is-sorpriża tiegħi li, fit-talba tagħha għal opinjoni, il-Kummissjoni lanqas biss semmiet din il-kwistjoni li, minkejja dan, hija ta’ importanza kbira għall-evalwazzjoni legali tal-abbozz ta’ ftehim. Din il-kwistjoni ġiet diskussa fit-tul mal-partijiet matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

163. Fl-ebda punt tal-abbozz ta’ ftehim ma huwa ppreċiżat espliċitament li l-Unjoni ser tkun suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB. Madankollu, dan l-abbozz jimplika neċessarjament li, bħall-Partijiet Kontraenti l-oħra kollha tal-KEDB, l-Unjoni ser ikollha tirrikonoxxi din il-ġurisdizzjoni bħala konsegwenza tal-adeżjoni tagħha għall-KEDB (108).

164. Kif enfasizzaw diversi partijiet fil-proċedura, dan l-element ta’ stħarriġ ġudizzjarju estern tal-osservanza ta’ normi bażiċi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali ser jintroduċi l-bidla prinċipali fir-rigward tas-sitwazzjoni legali attwali u, ġeneralment, jitqies li huwa l-vantaġġ reali li ser jirriżulta mill-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB (109). Ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB mill-Unjoni ma għandux jitqies li huwa sempliċi ġest ta’ sottomissjoni (110), iżda għandu jitqies li huwa opportunità sabiex jiġi intensifikat id-djalogu li diġà jeżisti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti EDB bħala qrati awtentikament Ewropej (ara f’dan is-sens ukoll it-tieni sentenza tad-Dikjarazzjoni Nru 2). Idealment, din il-kooperazzjoni għandha twassal sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa u b’hekk tikkontribwixxi sabiex jiġu implementati l-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (Artikolu 2 TUE).

165. Kif jindika b’mod ċar l-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 meta jirreferi għall-“arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta’ l-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll” tal-KEDB, l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona stabbilixxew il-premessa li l-Unjoni ser tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB sa fejn il-ftehim ta’ adeżjoni jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni.

166. Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bħala prinċipju, ma huwiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li, meta tikkonkludi ftehim taħt id-dritt internazzjonali, l-Unjoni tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti li tkun kompetenti sabiex tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tiegħu (111).

167. Peress li diġà hemm konverġenza kunsiderevoli bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u dik tal-qrati tal-Unjoni li tikkonċerna kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali, ir-rikonoxximent formali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB li jirriżulta mill-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma għandu jimplika, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, ebda problema prattika. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB għandha neċessarjament timplika li l-Unjoni tinsab lesta li tirrikonoxxi wkoll id-deċiżjonijiet li fihom il-Qorti EDB tikkonstata inkompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB jew ksur tal-KEDB mill-Unjoni (112).

168. Matul is-seduta ġiet diskussa fit-tul il-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellhiex tirriżerva d-dritt li ma tirrikonoxxix is-sentenzi tal-Qorti EDB li jikkunfliġġu mal-identità kostituzzjonali tal-Unjoni, bħala tip ta’ ordni pubbliku fid-dritt tal-Unjoni, jew li jkunu ngħataw mill-qorti ta’ Strasbourg b’mod li jmur manifestament lil hinn mill-kompetenzi tagħha, jiġifieri ultra vires.

169. Fil-fehma tiegħi, fl-istat attwali tad-dritt ma hemm ebda raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel tali riżerva ġudizzjarja fuq il-bażi ta’ raġunijiet kostituzzjonali.

170. Huwa minnu li l-ġurisprudenza ta’ wħud mill-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni tinkludi tali riżervi fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali (113). Madankollu, fil-fehma tiegħi ftit jidher li huwa konvinċenti li l-istess metodu jiġi applikat għar-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-KEDB jew għar-relazzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti EDB, irrispettivament minn jekk dawn ir-riżervi jitqiesux li huma leġittimi jew le. Fil-fatt, il-KEDB ma toħloq ebda ordinament ġuridiku supranazzjonali paragunabbli għad-dritt tal-Unjoni li għandu fih innifsu supremazija fuq l-ordinamenti ġuridiċi interni tal-Partijiet Kontraenti u li jipproduċi effetti diretti fihom. Barra minn hekk, meta jittrasponu s-sentenzi tal-Qorti EDB, il-Partijiet Kontraenti tal-KEDB għandhom setgħa diskrezzjonali ħafna iktar wiesgħa milli għandhom, bħala regola ġenerali, l-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.

171. Madankollu, fil-każ li, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa mistenni, jekk ikun hemm dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ sentenza tal-Qorti EDB mal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-karatteristiċi strutturali tal-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja u kemm il-korpi politiċi u l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom ifittxu soluzzjonijiet adegwati (114). Il-firxa kbira ta’ soluzzjonijiet li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom tkun testendi minn bidla tad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt primarju, sal-irtirar tal-Unjoni mis-sistema ta’ Strasbourg (Artikolu 58 KEDB) (115).

b)      Dispożizzjonijiet partikolari tal-abbozz ta’ ftehim intiżi li tiġi żgurata l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

172. B’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tinżamm l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fil-ftehimiet internazzjonali għandu jiġi previst li l-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħhom għandhom jibqgħu intatti u li l-qorti internazzjonali ma għandhiex tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun vinkolanti għall-Unjoni u għall-istituzzjonijiet tagħha (116).

173. Fl-osservazzjonijiet rigward it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8, diġà indirizzajt l-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, jiġifieri ż-żamma tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha (117). Għall-kuntrarju, għad irid jiġi eżaminat, fir-rigward tat-tieni aspett imsemmi iktar ’il fuq, jekk l-abbozz ta’ ftehim jiggarnatixxix li l-Qorti EDB ma hijiex ser tagħti, direttament jew indirettament, interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun vinkolanti għall-Unjoni u għall-istituzzjonijiet tagħha.

174. Id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub dwar l-imputazzjoni tal-atti, tal-miżuri u tal-ommissjonijiet [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim] kif ukoll dwar il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta u l-proċedura ta’ involviment minn qabel prevista minnu (Artikolu 3 tal-abbozz ta’ ftehim) diġà jistabbilixxu, bħala prinċipju, regoli ta’ natura li jiggarantixxu li l-Qorti EDB ma tipprovdi ebda interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha. Fir-rigward tas-soluzzjoni li għandha tingħata għall-kwistjoni ta’ jekk dawn ir-regoli humiex ser ikunu suffiċjenti sabiex tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, din is-soluzzjoni tiddependi mill-evalwazzjoni li għandha ssir tal-mod kif dawn ir-regoli jiġu konkretament implementati. F’dan ir-rigward, l-abbozz ta’ ftehim iqajjem, fil-fehma tiegħi, tliet problemi, li ser nipprova neżamina fid-dettall.

i)      Fuq id-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet fir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha [Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim]

175. L-ewwel problema li tqum fir-rigward tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni tikkonċerna d-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet fir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha meta jkunu partijiet konġunti fi proċedura quddiem il-Qorti EDB bħala konvenuta/i jew bħala konvenuta/i konġunti u meta, fis-sentenza tagħha, il-Qorti EDB tikkonstata ksur tal-KEDB.

176. Huwa minnu li l-ewwel parti tal-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim tistabbilixxi bħala regola li l-konvenut u l-konvenut konġunt għandhom ikunu t-tnejn li huma responsabbli għall-ksur tal-KEDB li jkun ġie kkonstatat mill-Qorti EDB. Din ir-regola tippermetti li l-Qorti EDB ma tkunx meħtieġa tiddetermina, billi tapplika d-dritt tal-Unjoni, min għandu jkun responsabbli għal dan il-ksur tal-KEDB konformement mal-Artikolu 46(1) tagħha: l-Unjoni jew inkella l-Istat Membru jew l-Istati Membri tagħha. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, din ir-regola jista’ jkollha l-effett li l-Qorti EDB ma jkollhiex għalfejn tipprovdi interpretazzjoni vinkolanti tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha previsti mid-dritt tal-Unjoni (118).

177. Madankollu, it-tieni parti tal-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim toffri lill-Qorti EDB wkoll il-possibbiltà li tiddeċiedi li l-konvenut jew il-konvenut konġunt għandu jkun responsabbli, waħdu, għall-ksur tal-KEDB li tkun ikkonstatat. Sabiex tkun tista’ tiddetermina fuq min taqa’ r-responsabbiltà, il-Qorti EDB jkollha tistabbilixxi bi preċiżjoni l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-konvenut u tal-konvenut konġunt. Dan jimplika li l-Qorti EDB ser ikollha tieħu, minn tal-inqas indirettament, pożizzjoni dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

178. Huwa minnu li l-abbozz ta’ ftehim jillimita l-possibbiltà, mogħtija mit-tieni parti tal-Artikolu 3(7) tiegħu, li l-Qorti EDB tidderoga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà konġunta għall-kawżi li fihom il-konvenut u l-konvenut konġunt ikunu ppreżentawlha argumenti f’dan is-sens. Minkejja li l-formulazzjoni ta’ din il-klawżola ma hijiex kompletament ċara (119), huwa probabbli li dak li tixtieq tgħid huwa li l-Qorti EDB tista’ tidderoga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà konġunta tal-konvenut u tal-konvenut konġunt biss meta dan ikun konformi mal-argumenti konkordanti li dawn ikunu ppreżentaw.

179. Madankollu, ir-rabta li t-tieni parti tal-Artikolu 3(7) tal-ftehim ta’ abbozz tistabbilixxi mal-argumenti tal-konvenut u tal-konvenut konġunt ma tibdel xejn mill-fatt li, meta tapplika din il-klawżola b’mod li jkun vinkolanti għall-istituzzjonijiet u għall-Istati Membri tal-Unjoni, il-Qorti EDB tkun qiegħda tieħu pożizzjoni dwar il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom kif dawn jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti EDB iżda ma tistax tagħmel dan, lanqas jekk l-istituzzjonijiet jew l-Istati Membri tal-Unjoni jkunu tawha l-kunsens tagħhom għal dan il-għan permezz tat-tressiq ta’ pożizzjonijiet konkordanti. Fil-fatt, mill-prinċipju tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jista’ jkollha l-kompetenza tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni b’mod vinkolanti. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

ii)    Fuq l-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk huwiex meħtieġ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

180. It-tieni problema li tqum fir-rigward tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-ħtieġa li tinfetaħ proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każ partikolari.

181. Skont l-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni għandha tingħata, skont il-proċedura ta’ involviment minn qabel, iż-żmien neċessarju sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB, sakemm ma tkunx diġà ddeċidiet dwar din il-kompatibbiltà preċedentement. Dan ifisser li l-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidietx diġà dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB ser ikollha, f’każ partikolari, importanza deċiżiva fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura ta’ involviment minn qabel.

182. Huwa minnu li, ġeneralment, sabiex tingħata soluzzjoni għal din il-kwistjoni ma huwiex ser ikun hemm diffikultajiet partikolari peress li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed ikun jista’ faċilment jiddeduċi jekk din kinitx diġà ddeċidiet, fil-passat, dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB. Madankollu, tibqa’ xorta l-possibbiltà li jqumu każijiet dubjużi li fihom, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà eżaminat id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, la jkun jista’ jiġi ddeterminat bi preċiżjoni jekk kinitx ħadet pożizzjoni suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt fundamentali ggarantit mill-KEDB li l-ksur tiegħu jkun qiegħed jiġi allegat quddiem il-Qorti EDB (120) u lanqas jekk il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminatx din il-kompatibbiltà b’mod kompletament ġenerali mill-istess aspetti legali bħal dawk li f’dak il-mument ikunu rilevanti quddiem il-Qorti EDB (121).

183. Ikun inkompatibbli mal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni jekk il-Qorti EDB waħedha titħalla tiddeċiedi wkoll, f’tali każijiet dubjużi, jekk huwiex meħtieġ li tinfetaħ proċedura ta’ involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tipprovdi indikazzjonijiet affidabbli dwar il-kwistjoni ta’ jekk diġà ddeċidietx dwar il-kwistjoni partikolari mqajma quddiem il-Qorti EDB fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni ma’ dritt jew drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB.

184. Għaldaqstant, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u sabiex jinżammu l-kompetenzi ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi ggarantit li, fil-każ ta’ dubju, il-Qorti EDB tagħti bidu għal proċedura ta’ involviment minn qabel skont l-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim. Il-Qorti EDB tista’ ma tinvolvix minn qabel lill-Qorti tal-Ġustizzja biss meta jkun manifest li l-qrati tal-Unjoni jkunu diġà indirizzaw il-punt ta’ liġi partikolari mqajjem permezz tal-applikazzjoni pendenti quddiem il-Qorti EDB (122). Fil-fehma tiegħi, huwa indispensabbli li fl-abbozz ta’ ftehim tiġi introdotta bidla li jkollha effetti obbligatorji fid-dritt internazzjonali sabiex jiġi ggarantit li l-mekkaniżmu ta’ involviment minn qabel ma jippreġudikax l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

iii) Fuq id-differenza fil-portata bejn il-kompetenzi tal-Qorti EDB u l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-PBSK

185. It-tielet problema li tista’ tqum fir-rigward tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti li l-Unjoni tadotta fil-kuntest tal-PBSK (123).

186. Ma hemm ebda dubju li, fil-kuntest tal-PBSK, hemm ċerta differenza bejn il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE] u dawk tal-Qorti EDB. Il-Kunsill, b’mod partikolari, irrikonoxxa dan matul is-seduta li nżammet fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni.

187. B’hekk, wara l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, il-Qorti EDB ser ikollha bħala funzjoni li teżamina applikazzjonijiet ippreżentati mill-persuni u mill-Istati fl-oqsma materjali kollha tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri anki fil-qasam tal-PBSK, u li tikkonstata, jekk ikun il-każ, ksur tal-KEDB li għalih tista’ tkun responsabbli l-Unjoni bħala konvenuta, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim, jew bħala konvenuta konġunta, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(4) ta’ dan l-abbozz (124).

188. Kif diġà spjegajt, il-qrati tal-Unjoni, għall-kuntrarju, għandhom biss kompetenzi limitati fil-qasam tal-PBSK [is-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 275 TFUE] u, essenzjalment, huwa l-kompitu tal-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni li jiżguraw li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dan il-qasam [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 274 TFUE]. Huwa loġiku li l-proċedura ta’ involviment minn qabel [prevista fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim] tista’ tiġi eżerċitata biss sa fejn it-Trattati fundaturi jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-funzjoni li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK u li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jekk ma jkunx hekk, il-kompetenzi tagħha jkunu qegħdin jiġu estiżi b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 4(1) TUE, mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE, mal-Artikolu 5(2) TUE u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE.

189. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tista’ l-Unjoni tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB? Huwa kompatibbli mal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti EDB tista’ tistħarreġ il-kompatibbiltà mal-KEDB tal-atti, tal-miżuri jew tal-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-PBSK meta, jekk wieħed jeskludi d-derogi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni stess ma għandhomx il-kompetenza jagħmlu dan? Huwa aċċettabbli li, fil-qafas tal-PBSK, l-Unjoni jkollha, taħt id-dritt internazzjonali, tassumi r-responsabbiltà għal ksur li jista’ jkun hemm tal-KEDB bħala konvenuta jew bħala konvenuta konġunta meta, fl-istess ħin, fuq il-livell intern, hija ma għandhiex qorti supranazzjonali tagħha stess, li għandha kompetenza tissanzjona tali ksur u li b’hekk tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-KEDB?

190. Dawn id-domandi huma kompletament ġodda. Sa fejn nista’ nara, fil-fatt, il-kwistjoni tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali qamet biss, sal-lum il-ġurnata, fil-każijiet fejn kien hemm il-biża’ li l-konklużjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet setgħet twassal għal kunflitti ta’ kompetenza bejn il-qrati tal-Unjoni u qorti internazzjonali, iżda qatt ma qamet f’sitwazzjoni fejn il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni huma iktar limitati meta mqabbla ma’ dawk tal-qorti internazzjonali.

191. Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludihiex milli tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni ta’ qorti internazzjonali li l-kompetenzi tagħha f’qasam partikolari, f’dan il-każ, fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, ikunu iktar estiżi minn dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni.

192. Huwa minnu li l-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li, meta tikkonkludi ftehimiet internazzjonali, l-Unjoni għandha tiżgura li l-kompetenzi tagħha u dawk tal-istituzzjonijiet tagħha ma jinbidlux u li qorti internazzjonali ma tinterpretax id-dritt tal-Unjoni b’mod li jkun vinkolanti għaliha u għall-istituzzjonijiet tagħha (125). Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni hawnhekk hija sempliċement li jiġi evitat il-ħolqien ta’ eventwali kunflitti bejn il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, minn naħa, u l-ġurisprudenza tal-qorti internazzjonali, min-naħa l-oħra, u li tinżamm l-istruttura supranazzjonali sui generis tal-Unjoni (126).

193. Mill-banda l-oħra, huwa a priori eskluż li jqumu kunflitti ta’ ġurisprudenza jew li l-istruttura supranazzjonali tal-Unjoni tiġi mhedda sa fejn l-awturi tat-Trattati fundaturi tal-Unjoni Ewropea rrinunzjaw b’mod intenzjonat, f’qasam partikolari bħalma huwa l-qasam tal-PBSK f’dan il-każ, għal struttura supranazzjonali kif ukoll għall-interpretazzjoni uniformi u awtonoma tad-dritt tal-Unjoni minn istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni stess. L-assenza ta’ dispożizzjonijiet suffiċjenti fi ħdan l-Unjoni li jistgħu, waħedhom, jipproteġu l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni lanqas ma tista’ tiġi invokata sabiex jiġi oppost ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-istituzzjoni ġudizzjarja ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ qorti internazzjonali ma huwiex ser idgħajjef iżda ser isaħħaħ l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi f’tali sitwazzjoni.

194. Dan li għadni kemm għidt huwa iktar u iktar minnu fil-każ tal-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB sa fejn fl-Artikolu 6(2) TUE, l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona taw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza u l-funzjoni li jwettqu dan il-proġett mingħajr ma l-ewwel taw lill-PBSK struttura supranazzjonali u mingħajr ma pprevedew, b’mod partikolari, kompetenza ġudizzjarja globali tal-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant, lanqas l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona stess ma pprevedew, minn dak li nista’ nara, il-possibbiltà ta’ antagoniżmu bejn is-setgħa ġudizzjarja ferm limitata tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PBSK, minn naħa, u r-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB b’konsegwenza tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, min-naħa l-oħra.

195. Kif diġà indikajt iktar ’il fuq, xejn minn dan kollu ma jostakola applikazzjoni effikaċi tal-KEDB jew protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi fil-qasam tal-PBSK. F’dan ir-rigward, l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona bbażaw ruħhom fuq il-qrati nazzjonali bħala t-tieni pilastru tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea. Huma dawn il-qrati nazzjonali li għandhom jissanzjonaw l-eventwali ksur tal-KEDB li jista’ jkun hemm fil-kuntest tal-PBSK u li għandhom jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-KEDB [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 274 TFUE], sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-qrati tal-Unjoni ma jkollhomx kompetenza skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TUE (127).

c)      Konklużjoni intermedjarja

196. Ma huwiex inkompatibbli mat-Trattati li, permezz tal-adeżjoni tagħha għall-KEDB, l-Unjoni tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB, bil-kundizzjoni li fl-abbozz ta’ ftehim jiġu inklużi l-kjarifiki neċessarji fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-neċessità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi involuta minn qabel [Artikolu 3(6) tal-abbozz] u fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tar-responsabbiltajiet tal-konvenut u tal-konvenut konġunt [Artikolu 3(7) tal-abbozz]. Il-fatt li, fil-qasam tal-PBSK, il-Qorti EDB tista’ tkun adita bi kwistjonijiet li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-qrati tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-Trattati.

2.      Il-prinċipji ta’ effett dirett u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

197. Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri u l-effett dirett ta’ serje sħiħa ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma, barra minn hekk, fost il-karatteristiċi essenzjali li jiddefinixxu l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku ġdid u awtonomu (128). Għal din ir-raġuni għandha tiġi eżaminata, fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 8, il-kwistjoni ta’ jekk l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB hijiex ta’ natura li tippreġudika l-effett dirett u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

198. Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni, l-adeżjoni tagħha għall-KEDB ma għandha tqajjem ebda problema partikolari. Id-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub ser ikollu l-effett li jintegra l-KEDB fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (129). Hija f’din il-kwalità li, b’mod ġenerali, il-KEDB ser ikollha wkoll effett dirett, bħalma għandu d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB li jirrikonoxxu d-drittijiet fundamentali klassiċi u li jistabbilixxu r-regoli proċedurali applikabbli għall-applikazzjonijiet ippreżentati minn individwi quddiem il-Qorti EDB huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikun jista’ jiġi invokat miċ-ċittadini tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, mill-impriżi.

199. Fis-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, il-KEDB ser tibbenefika wkoll mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-adeżjoni tal-Unjoni u tal-Artikolu 216(2) TUE, li jipprovdi li l-ftehimiet internazzjonali konklużi minnha jorbtu lill-Istati Membri (130).

200. Madankollu, id-determinazzjoni tal-grad li l-KEDB ser tokkupa fil-futur fil-ġerarkija tan-normi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni hija kwistjoni iktar delikata.

201. Minn naħa, fil-fatt, il-KEDB ser tkun tinsab, bħala ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, bejn id-dritt primarju u l-bqija tad-dritt idderivat: għalhekk, il-KEDB ser tissupera d-dritt idderivat għaliex torbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni [Artikolu 216(2) TFUE]. Fl-istess ħin, il-KEDB ser tkun fi grad inferjuri għad-dritt primarju għaliex il-ftehim ta’ adeżjoni maħsub ġie nnegozjat mill-Kummissjoni u kkonfermat mill-Kunsill, b’tali mod li bħala att ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-KEDB ser tkun suġġetta għall-istħarriġ ta’ legalità mill-Qorti tal-Ġustizzja [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u, fi stadju iktar bikri, l-Artikolu 218(11) TFUE]. Il-fatt li dan il-ftehim ta’ adeżjoni għandu jiġi approvat mill-Istati Membri skont ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom [l-aħħar parti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE] ma jibdel xejn f’dan ir-rigward.

202. Min-naħa l-oħra, konklużjoni fis-sens li t-Trattati fundaturi jistgħu issa jingħataw, mingħajr ebda restrizzjoni, “supremazija” fuq il-KEDB minħabba li dan il-ftehim internazzjonali jokkupa “grad intermedjarju” bejn id-dritt primarju u d-dritt idderivat tal-Unjoni ma tirriflettix b’mod preċiż is-sinjifikat partikolari li għandha l-KEDB għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

203. Fil-fatt, wieħed ma għandux jinsa li l-obbligu li jiġu osservati n-normi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali imposti mill-KEDB igawdi minn grad kostituzzjonali fl-Unjoni. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 6(3) TUE, li jipprovdi li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. Min-naħa l-oħra, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li, min-naħa tagħha, għandha l-grad ta’ dritt primarju vinkolanti [it-tieni parti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE], għandha tiġi interpretata u applikata konformement mal-prinċipju li, minħabba l-obbligu ta’ omoġenità stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-KEDB għandha titqies li hija l-istandard minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Unjoni.

204. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li eventwali kunflitt bejn dritt fundamentali ggarantit mill-KEDB u dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiġi riżolt b’sempliċi riferiment għall-grad, inferjuri minn aspett formali, tal-KEDB meta mqabbla mat-Trattati fundaturi tal-Unjoni (131). Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 6(3) TUE u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni u li f’kull każ għandu jsir sforz sabiex jinstab ekwilibriju li jiffavorixxi kemm dawn id-drittijiet fundamentali u kemm id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-dritt primarju.

205. L-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB ma hija ser tibdel xejn fundamentali fir-rigward ta’ dan l-obbligu li jinstab l-ekwilibriju msemmi, obbligu li diġà jirriżulta mill-Artikolu 6(3) TUE u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

206. Huwa possibbli li l-Qorti EDB ma hijiex ser tiddefinixxix f’kull każ l-ekwilibriju bejn ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, minn naħa, u r-rekwiżiti imperattivi tal-interess ġenerali jew tal-interessi ekonomiċi, min-naħa l-oħra, eżattament bl-istess mod bħalma għamlet sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (132). F’dan ir-rigward, il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ser ikunu marbuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB minħabba l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB jista’ fil-fatt iwassal għal bidla fl-enfasi, pereżempju fir-relazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew. Madankollu, il-possibbiltà ta’ tali żvilupp hija konsegwenza inevitabbli tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB u tar-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB, li huma l-premessi stabbiliti mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) TUE u fl-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 (133).

207. Għaldaqstant, bħala konklużjoni jista’ jingħad li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, kif prevista fl-abbozz ta’ ftehim, la hija ta’ theddida għall-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni u lanqas għas-supremazija tiegħu.

3.      Il-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-konvenut it-tajjeb fil-proċeduri quddiem il-Qorti EDB

208. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandhom jiġu indirizzati r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni għandhom jinżammu “fir-rigward ta’ [...] l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi assigurat li l-proċedimenti minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jkunu indirizzati b’mod korrett lill-Istati Membri u/jew l-Unjoni skond il-każ”.

209. Għall-kuntrarju ta’ dak li eżami superfiċjali tal-verżjoni Ġermaniża, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 jista’ jagħti x’jifhem, il-kwistjoni f’dan il-kuntest ma hijiex daqstant il-komunikazzjoni (“übermitteln”) tal-applikazzjonijiet fil-veru sens tal-kelma, iżda hija pjuttost id-determinazzjoni korretta tal-konvenut responsabbli. Verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-verżjoni Franċiża u l-verżjoni Ingliża (134), juru li l-kwistjoni hija li jiġi ggarantit li l-applikazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti EDB ikunu, skont is-sitwazzjoni, ippreżentati korrettament kontra l-Istati Membri jew kontra l-Unjoni, jew kontra t-tnejn li huma, jiġifieri, fi kliem iktar sempliċi, li dawn l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati kontra l-konvenut jew il-konvenuti t-tajba.

210. Dan ir-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8, jaqa’ f’kuntest speċifiku: il-karatteristika partikolari ta’ dan il-kuntest hija li l-kawżi li jikkonċernaw lill-Unjoni jinvolvu, ħafna drabi, grupp kumpless ta’ atti u ta’ kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, li, b’mod partikolari, ikunu ġeneralment marbuta mal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan joħloq, għas-sistema tal-KEDB, sitwazzjoni ibrida inabitwali li fiha r-regoli huma stabbiliti minn Parti jew minn diversi Partijiet Kontraenti tal-KEDB (mill-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt idderivat tagħha), liema regoli huma trasposti minn Parti jew minn diversi Partijiet Kontraenti tal-KEDB (xi drabi mill-Unjoni stess iżda fil-parti l-kbira tal-każijiet mill-korpi nazzjonali) (135). Din is-sitwazzjoni tista’ toħloq diffikultajiet meta jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat il-konvenut it-tajjeb fil-proċeduri mressqa quddiem il-Qorti EDB fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

211. L-obbligu li jiġu stabbiliti l-“mekkaniżmi meħtieġa” sabiex jiġi identifikat il-konvenut it-tajjeb, li għalih l-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 jissuġġetta l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, għandu jiġi analizzat f’dan il-kuntest. Dan l-obbligu huwa bbażat fuq żewġ għanijiet: minn naħa, tali mekkaniżmi għandhom jippermettu lill-Qorti EDB teżerċita l-istħarriġ tagħha b’mod effikaċi fil-proċeduri ta’ applikazzjoni individwali (Artikolu 34 KEDB) fil-każ li d-dritt tal-Unjoni jkun japplika għall-individwi b’mod allegatament kuntrarju għall-KEDB; dawn il-mekkaniżmi jħallu wkoll lill-Partijiet Kontraenti tal-KEDB l-oħra l-possibbiltà li jwettqu b’mod iktar effikaċi l-funzjonijiet ta’ kontroll tagħhom permezz tal-proċedura ta’ kawżi interstatali (Artikolu 33 KEDB) (136). Min-naħa l-oħra, dawn il-mekkaniżmi għandhom jagħtu lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha l-garanzija li jkunu jistgħu jiddefendu effettivament id-dritt tal-Unjoni kontra lmenti li jistgħu jsiru fil-konfront tal-Unjoni minħabba nuqqas ta’ konformità mal-KEDB.

212. Ir-regoli tal-ftehim ta’ adeżjoni dwar l-imputazzjoni tal-atti, tal-miżuri jew tal-ommissjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) ta’ dan l-abbozz], li huma kkompletati permezz tal-mekkaniżmu tal-konvenut konġunt (Artikolu 3 tal-abbozz) għandhom jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet.

a)      Garanzija ta’ sorveljanza effikaċi fis-sistema ta’ kontroll tal-KEDB

213. Fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ għanijiet segwiti mill-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8, jiġifieri l-garanzija ta’ sorveljanza effikaċi fis-sistema ta’ kontroll tal-KEDB, ir-regoli ta’ imputazzjoni stabbiliti fl-abbozz ta’ ftehim jippermettu l-identifikazzjoni b’ċertezza tal-konvenut li kontrih l-individwi jew il-Partijiet Kontraenti tal-KEDB għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet li permezz tagħhom jallegaw ksur tal-KEDB mid-dritt tal-Unjoni jew li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

214. Skont dawn ir-regoli ta’ imputazzjoni, l-Unjoni għandha tkun responsabbli biss għall-atti, għall-miżuri jew għall-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-organi jew tal-aġenziji tagħha, jew tal-persuni li jaġixxu f’isimhom [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3) tal-abbozz ta’ ftehim], filwaqt li l-Istati Membri biss għandhom ikunu responsabbli għall-atti, għall-miżuri jew għall-ommissjonijiet tal-korpi nazzjonali tagħhom, anki meta dawn ikunu esponew ruħhom għal tali responsabbiltà fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim].

215. Fl-istess ħin, il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta huwa intiż li jiżgura eżekuzzjoni effettiva tas-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti EDB tikkonstata ksur tal-KEDB li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni jew imwettaq fil-kuntest tal-implementazzjoni tiegħu [Artikolu 46(1) KEDB].

–        Skont l-Artikolu 3(2) tal-abbozz ta’ ftehim, l-Unjoni għandha ssir parti fil-kawża bħala konvenuta konġunta meta, fl-aħħar mill-aħħar, l-applikazzjoni li permezz tagħha applikant jakkuża lill-awtoritajiet nazzjonali bi ksur tal-KEDB iddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB (137), b’mod partikolari meta għall-awtorità nazzjonali li kontriha jitressaq l-ilment kien impossibbli li tevita l-ksur allegat tal-KEDB mingħajr ma tikser obbligu impost fuqha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

–        Skont l-Artikolu 3(3) tal-abbozz ta’ ftehim, għall-kuntrarju, l-Istati Membri għandhom jassumu r-rwol ta’ konvenut konġunt meta, fl-aħħar mill-aħħar, l-applikazzjoni li permezz tagħha applikant jakkuża lil istituzzjoni, lil korp jew lil organu ieħor tal-Unjoni bi ksur tal-KEDB iddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà tat-Trattat UE, tat-Trattat FUE jew ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju (138), b’mod partikolari meta għall-konvenut kien impossibbli li jevita l-ksur allegat tal-KEDB mingħajr ma jikser obbligu impost fuqu bis-saħħa tad-dritt primarju tal-Unjoni.

216. Sabiex nispjega b’mod sempliċi, il-konvenut huwa dejjem dak li jkun l-awtur tal-att, tal-miżura jew tal-ommissjoni li jkunu s-suġġett tal-ilment filwaqt li r-rwol tal-konvenut konġunt jaqa’ fuq dak li jkollu s-setgħa li jemenda, jekk ikun il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li minnhom jirriżultaw dan l-att, din il-miżura jew din l-ommissjoni (139): jiġifieri, fil-każ tad-dritt idderivat, l-Unjoni u, fil-każ tad-dritt primarju, l-Istati Membri tal-Unjoni.

217. Madankollu, il-fatt li l-abbozz ta’ ftehim ma jipprevedi, fir-rigward ta’ ebda Parti Kontraenti tal-KEDB, l-obbligu li tassumi r-rwol ta’ konvenuta konġunta fi proċedura quddiem il-Qorti EDB jista’ jqajjem problema (140). Fil-fatt, teoretikament, jista’ jiġri li Parti Kontraenti tal-KEDB, li tista’ tkun kemm l-Unjoni jew Stat Membru tal-Unjoni, tirrinunzja milli titlob, fuq inizjattiva tagħha stess, l-awtorizzazzjoni sabiex tintervjeni bħala konvenuta konġunta jew tirrifjuta l-istedina li tkun indirizzatilha l-Qorti EDB sabiex tintervjeni flimkien mal-konvenut bħala konvenuta konġunta, u dan minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (3) tal-abbozz ta’ ftehim ikunu ssodisfatti. Tali sitwazzjoni timplika r-riskju li sentenza li permezz tagħha l-Qorti EDB tikkonstata ksur tal-KEDB imputabbli lid-dritt tal-Unjoni ma tkunx tista’ tiġi eżegwita b’mod affidabbli minħabba li ma tkunx tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ min jista’, jekk ikun il-każ, jemenda d-dritt tal-Unjoni għas-sempliċi raġuni li ma kienx parti fil-proċedura bħala konvenut konġunt.

218. Prima facie, l-aħjar soluzzjoni għal din il-problema tkun li l-parteċipazzjoni bħala konvenut konġunt fi proċedura mibdija quddiem il-Qorti EDB tkun obbligatorja kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri tagħha hekk kif ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (3) tal-abbozz ta’ ftehim. Madankollu, jekk il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta jiġi awtomatizzat b’dan il-mod, pereżempju permezz ta’ sejħa għal intervent obbligatorju mill-Qorti EDB, dan jista’ ma jkunx konformi mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (141) minħabba li, f’dan il-każ, l-istanzi interni tal-Unjoni (kemm jekk fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fuq livell tal-Istati Membri tagħha) ma jibqgħalhomx kontroll fuq id-deċiżjoni, meħuda taħt ir-responsabbiltà tagħhom u fl-aħħar istanza, dwar jekk huwiex involut id-dritt tal-Unjoni u dwar jekk huwiex meħtieġ li dan id-dritt jiġi difiż quddiem il-Qorti EDB.

219. In-negozjaturi ħadu inkunsiderazzjoni dawn l-interessi antagonisti meta pprevedew li, meta jiġi ffirmat il-ftehim ta’ adeżjoni, l-Unjoni għandha tagħmel dikjarazzjoni unilaterali (142). Fl-abbozz ta’ dikjarazzjoni, l-Unjoni tintrabat b’mod partikolari li, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-ftehim ta’ adeżjoni, titlob lill-Qorti EDB sabiex tawtorizzaha tintervjeni bħala konvenuta konġunta jew li taċċetta l-istedini li tagħmillha l-Qorti EDB f’dan is-sens. Tali impenn, minn naħa, iħares l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, jiżgura li s-sentenzi kollha tal-Qorti EDB li l-eżekuzzjoni tagħhom teħtieġ l-intervent tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi l-oħra tal-Unjoni jkunu jistgħu jiġu infurzati kontriha fil-kwalità tagħha ta’ konvenuta konġunta.

220. Huwa minnu li l-abbozz ta’ ftehim u d-dokumenti annessi miegħu ma jipprevedu ebda dikjarazzjoni paragunabbli li permezz tagħha l-Istati Membri tal-Unjoni jimpenjaw ruħhom li jintervjenu bħala konvenuti konġunti fil-każ li quddiem il-Qorti EDB tiddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà tad-dritt primarju tal-Unjoni mal-KEDB. Madankollu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, tali impenn mill-Istati Membri ma huwiex neċessarjament meħtieġ peress li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuqhom mill-Artikolu 4(3) TUE diġà jobbligahom jintervjenu bħala konvenuti konġunti quddiem il-Qorti EDB fil-proċeduri kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tal-abbozz ta’ ftehim. Dan jgħodd a fortiori meta istituzzjoni tal-Unjoni ssejjaħ lill-Istati Membri sabiex jitolbu lill-Qorti EDB tawtorizzahom jintervjenu bħala konvenuti konġunti.

b)      Garanzija ta’ difiża effikaċi tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-Qorti EDB

221. Fir-rigward tat-tieni wieħed mill-għanijiet segwiti mill-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8, jiġifieri l-garanzija ta’ difiża effikaċi tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-Qorti EDB, sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa meħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu effettivament f’pożizzjoni li jintervjenu f’kull proċedura mressqa quddiem il-Qorti EDB meta jqisu li tali intervent ikun neċessarju.

i)      L-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti EDB

222. Difiża effikaċi tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, l-ewwel nett, li l-Unjoni tkun debitament informata b’kull proċedura mressqa quddiem il-Qorti EDB kontra wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha li fiha hija tkun tista’ tintervjeni bħala konvenuta konġunta skont l-Artikolu 3(2) tal-abbozz ta’ ftehim. Bl-istess mod, l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom ikunu informati dwar kull proċedura mressqa quddiem il-Qorti EDB kontra l-Unjoni li fiha jkunu jistgħu jipparteċipaw bħala konvenuti konġunti skont l-Artikolu 3(3) tal-abbozz ta’ ftehim.

223. Mir-rapport ta’ spjega dwar l-abbozz ta’ ftehim jidher li n-negozjaturi kkunsidraw li s-sistema attwali ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjonijiet kollha ppreżentati quddiem il-Qorti EDB u nnotifikati lill-konvenut ikkonċernat, tista’ tiżgura t-trażmissjoni tal-informazzjoni neċessarja (143).

224. F’dan ir-rigward, nosserva li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-Qorti EDB attwalment ma tiżgura ebda pubblikazzjoni sistematika tal-applikazzjonijiet ippreżentati quddiemha, lanqas meta dawn ikunu diġà ġew innotifikati lill-konvenut. B’mod partikolari, il-Qorti EDB ma għandhiex mezz ta’ pubblikazzjoni ekwivalenti għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bħalma għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tippubblika uffiċjalment u regolarment l-avviżi li jidentifikaw il-kawżi mressqa quddiemha u li jippreċiżaw is-suġġett tat-tilwima. Għall-kuntrarju tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-server tal-Qorti EDB (“HUDOC”), li huwa aċċessibbli bla ħlas fuq l-internet, ma jinkludi ebda kumpilazzjoni tal-kawżi kollha pendenti jew li jkunu għadhom kemm ġew introdotti. Barra minn hekk, sa fejn nista’ nara, ma huwiex previst li l-Qorti EDB tittrażmetti awtomatikament lill-Unjoni l-applikazzjonijiet kollha li hija tinnotifika lil wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha u, fil-każ invers, ma huwiex previst li l-applikazzjonijiet kollha li jkunu ġew innotifikati lill-Unjoni jiġu kkomunikati sistematikament lill-Istati Membri tal-Unjoni.

225. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dan l-istadju ma hemm xejn x’jippermetti li wieħed jikkunsidra li s-sistema ta’ notifika u ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjonijiet pendenti attwalment applikata mill-Qorti EDB hija ta’ natura li tinforma debitament lill-konvenuti konġunti potenzjali dwar l-eżistenza tal-proċeduri kollha li fir-rigward tagħhom dawn jistgħu jkunu meħtieġa jitolbu lill-Qorti EDB tawtorizzahom jintervjenu skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim.

226. Uħud mill-partijiet f’din il-proċedura jqisu li minħabba l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuqhom mill-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jinformaw lil xulxin dwar l-applikazzjonijiet li jkunu ġew innotifikati lilhom mill-Qorti EDB, liema obbligu għandu, jekk ikun il-każ, jiġi kkonkretizzat iktar fil-miżuri li jittrasponu l-ftehim ta’ adeżjoni u li għandhom jiġu adottati fil-livell intern tal-Unjoni.

227. Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma. Il-possibbiltà għal konvenuti konġunti potenzjali li jinvokaw id-drittijiet proċedurali tagħhom ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li jkunu informati indirettament, minn partijiet oħra fil-proċedura, dwar l-eżistenza ta’ applikazzjoni li ddaħħal inkwistjoni d-dritt tal-Unjoni. Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa, fil-prattika, tal-possibbiltajiet ta’ intervent bħala konvenut konġunt li l-Artikolu 3(2), (3) u (5) tal-abbozz ta’ ftehim joffri lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha u sabiex dawn ikunu jistgħu jiddefendu d-dritt tal-Unjoni quddiem il-Qorti EDB fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, huwa meħtieġ li l-Qorti EDB stess ikollha l-obbligu li tinforma awtomatikament lill-Unjoni b’kull applikazzjoni li tkun innotifikat lil wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha u, fil-każ invers, li tinforma sistematikament lill-Istati Membri tal-Unjoni hekk kif tinnotifika applikazzjoni lill-Unjoni. F’dan iż-żmien ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ ġestjoni tal-inkartamenti permezz tal-informatika, dan l-obbligu ma jistax jitqies li huwa oneru amministrattiv eċċessiv li ser ikun impost fuq il-Qorti EDB. Dan iktar u iktar meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li, min-naħa tagħha, fil-prattika, tipprovdi l-informazzjoni rilevanti lil dawk kollha li, jekk ikun il-każ, jista’ jkollhom id-dritt li jintervjenu fil-proċedura (144) minflok ma tħalli dan f’idejn ir-rikorrent jew il-konvenut fil-proċeduri mressqa quddiemha.

228. Il-possibbiltà li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim toffri lill-Qorti EDB li tistieden Parti Kontraenti sabiex tintervjeni bħala konvenuta konġunta ma tirrimedjax l-assenza ta’ informazzjoni sistematika tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha meta, fil-proċeduri mressqa quddiemha, hija tinnotifika applikazzjoni lill-konvenut prinċipali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Qorti EDB tagħmel sistematikament tali stedini iżda tħallilha s-setgħa diskrezzjonali li tagħżel il-kawżi li fihom tikkunsidra li jkun meħtieġ li tagħmel dan.

ii)    Is-setgħa tal-Qorti EDB li teżerċita stħarriġ ta’ plawżibbiltà meta ssirilha talba għal intervent bħala konvenut konġunt

229. Barra minn hekk, difiża effikaċi tad-dritt tal-Unjoni timplika li l-Unjoni għandha tkun tista’ tipparteċipa fil-proċeduri kollha mressqa quddiem il-Qorti EDB li, fil-fehma tagħha, idaħħlu inkwistjoni l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB. Għandu jkun ukoll possibbli għall-Istati Membri tal-Unjoni li jipparteċipaw fil-proċeduri kollha mressqa quddiem il-Qorti EDB li, fil-fehma tagħhom, idaħħlu inkwistjoni l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB.

230. Madankollu, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim jirriżulta li l-Qorti EDB għandha tkun tista’ teżerċita stħarriġ ta’ plawżibbiltà meta l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jitolbuha tawtorizzahom sabiex jintervjenu bħala konvenuti konġunti. B’hekk, il-Qorti EDB ser ikollha s-setgħa diskrezzjonali li tawtorizza jew li ma tawtorizzax difiża konġunta. Għalkemm uħud mill-partijiet fil-proċedura pprovaw inaqqsu l-importanza ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, kien hemm b’mod ġenerali nuqqas kunsiderevoli ta’ qbil dwar il-portata ta’ din is-setgħa (145). Minn dawn il-perspettivi diverġenti jirriżulta li l-istħarriġ ta’ plawżibbiltà maħsub iqajjem inċertezza kbira dwar il-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ konvenuti konġunti potenzjali.

231. Fil-fehma tiegħi, dan l-eżami preliminari huwa ta’ natura li jikkomprometti l-għan tal-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8, jiġifieri d-difiża effikaċi tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-Qorti EDB. Fil-fatt, għalkemm wieħed għandu jistenna li l-Qorti EDB ser tilqa’, ġeneralment, it-talbiet għal parteċipazzjoni bħala konvenuti konġunti, ma hemm xejn madankollu x’jippermetti li jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, il-Qorti EDB tista’ tikkunsidra li l-motivi invokati insostenn ta’ tali talba ma humiex plawżibbli. F’tali każ, l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha ma humiex ser ikunu jistgħu jipparteċipaw fi proċedura mressqa quddiem il-Qorti EDB minkejja li fil-fehma tagħhom ikun neċessarju li d-dritt tal-Unjoni jiġi difiż fil-kuntest ta’ tali proċedura.

232. Barra minn hekk, tali sitwazzjoni ma tkunx kompatibbli mal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Din l-awtonomija timplika li l-Unjoni jew l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, b’indipendenza sħiħa u mingħajr ma ebda istanza li ma tagħmilx parti mis-sistema tal-Unjoni ma jkollha l-iċken dritt li tinfluwenzahom, jiddeċiedu jekk kawża ddaħħalx inkwistjoni d-dritt tal-Unjoni u jekk, għaldaqstant, iqisux li huwa neċessarju li jintervjenu f’din il-kawża bħala konvenuti konġunti.

233. Il-possibbiltà li l-Artikolu 36(2) KEDB joffri lill-Partijiet Kontraenti tal-KEDB li jipparteċipaw bħala “terzi” fil-proċeduri mressqa quddiem il-Qorti EDB ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi rrimedjata din il-lakuna manifesta fl-istruttura tal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta kif prevista fl-abbozz ta’ ftehim. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni ta’ parteċipazzjoni bħala terz prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex awtomatika iżda titħalla għall-evalwazzjoni tal-Qorti EDB (“jista’”).

234. F’dan il-kuntest, jista’ jkun interessanti li jsir paragun mar-regoli proċedurali fis-seħħ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regoli jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jipparteċipaw fil-proċedura leġiżlattiva kif ukoll lill-Istati Membri d-dritt li jintervjenu fil-proċeduri pendenti kollha mingħajr b’ebda mod ma jkun meħtieġ li dawn juru li għandhom interess leġittimu sabiex jagħmlu tali intervent u mingħajr ma dan id-dritt ma jkun limitat permezz ta’ setgħa diskrezzjonali ta’ xi tip jew ieħor jew permezz ta’ xi stħarriġ preliminari ieħor tal-plawżibbiltà tal-motivi tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja (146). Dawn ir-regoli jirriflettu r-responsabbiltà partikolari li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jassumu fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tagħha.

c)      Konklużjoni

235. Kif previst fl-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ ftehim, il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta jista’ jitqies li huwa kompatibbli mal-Artikolu 1(b) tal-Protokoll Nru 8 biss jekk jiġi ggarantit li l-konvenuti konġunti potenzjali ser jiġu sistematikament u mingħajr eċċezzjoni informati dwar l-eżistenza tal-proċeduri kollha li fihom jista’ jkun li dawn iressqu talba għal intervent bħala konvenuti konġunti skont il-ħames sentenza tal-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim u jekk eventwali talbiet f’dan is-sens ma jiġu suġġetti għal ebda stħarriġ preliminari mill-Qorti EDB skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 3(5) ta’ dan l-abbozz.

4.      Konklużjoni intermedjarja

236. Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, l-abbozz ta’ ftehim jista’ jitqies li huwa kompatibbli mal-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni biss jekk jiġu introdotti l-emendi spjegati fil-punti 179, 184 u 235.

E –    Id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB

237. L-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8 jeżiġi wkoll li l-ftehim ta’ adeżjoni maħsub jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni “fir-rigward ta’ [...] l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta’ l-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll” tal-KEDB.

238. Bl-adeżjoni tagħha għall-KEDB, l-Unjoni ser tipparteċipa f’żewġ korpi ta’ kontroll tal-KEDB: fil-Qorti EDB, li huwa l-korp ta’ kontroll ġudizzjarju, u fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li huwa l-korp ta’ kontroll politiku.

1.      Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Qorti EDB

239. Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Qorti EDB, il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta u l-proċedura ta’ involviment minn qabel, it-tnejn li huma previsti fl-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ ftehim, jikkostitwixxu arranġamenti speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8. Kif diġà indikajt iktar ’il fuq, dawn l-arranġamenti huma fundamentalment ta’ natura li jżommu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni fil-każ li l-Unjoni taderixxi għall-KEDB. Ser ikun biżżejjed jekk jiġu sempliċement introdotti numru ta’ emendi, żidiet u preċiżazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-funzjonament ta’ dawn il-mekkaniżmi (147).

240. Huwa manifest li, barra minn hekk, l-Unjoni għandha d-dritt tipparteċipa fl-elezzjoni tal-Imħallfin tal-Qorti EDB bl-intervent ta’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (Artikolu 6 tal-abbozz ta’ ftehim u Artikolu 22 KEDB). Dan japplika wkoll għad-dritt tal-Unjoni li tipproponi l-kandidati tagħha għall-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti EDB. Ma huwiex ser ikun neċessarju li jittieħdu miżuri partikolari sabiex jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, sabiex ikun osservat l-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 8, ser ikun biżżejjed li, fil-kwalità tagħha ta’ Parti Kontraenti tal-KEDB bl-istess drittijiet li jappartjenu lil tali Parti, l-Unjoni tipparteċipa, kif previst mill-abbozz ta’ ftehim, fl-elezzjoni tal-Imħallfin tal-Qorti EDB u li l-Imħallef innominat fuq il-proposta tagħha jieħu sehem, bħala membru integrali ta’ din il-qorti, fil-ħidma ġudizzjarja tagħha (148).

2.      Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa

241. It-tieni nett, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ħidma tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Artikolu 7 tal-abbozz ta’ ftehim, moqri flimkien mar-“Regola 18”, li għadha wkoll fl-istadju ta’ abbozz (149), jinkludi numru ta’ regoli partikolari dwar il-maġġoranzi meħtieġa għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ dan il-kumitat meta dan ikun qiegħed jeżerċita l-funzjoni tiegħu li jissorvelja l-eżekuzzjoni tas-sentenzi finali tal-Qorti EDB [Artikolu 46(2) sa (5) KEDB] u l-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bonarji [Artikolu 39(4) KEDB] fil-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni.

242. B’mod partikolari, il-paragrafu 2 tar-Regola 18 jipprovdi li kwart mill-voti tar-rappreżentanti li għandhom id-dritt jipparteċipaw fil-Kumitat tal-Ministri huwa suffiċjenti sabiex jiġu adottati definittivament id-deċiżjonijiet li l-kawża titressaq quddiem il-Qorti EDB. Għaldaqstant, tali “minorità żgħira” tippermetti t-tressiq quddiem il-Qorti EDB ta’ talbiet għall-interpretazzjoni tas-sentenzi tagħha jew ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

243. Dawn ir-regoli partikolari ġew adottati minħabba li, fid-dawl tad-dmir ta’ kollaborazzjoni leali impost fuqhom mid-dritt tal-Unjoni [Artikolu 4(3) TUE], l-Unjoni u l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Kumitat tal-Ministri ser jivvotaw b’mod ikkoordinat fil-kawżi li fihom jiddaħħal inkwistjoni d-dritt tal-Unjoni minħabba ksur potenzjali tal-KEDB (150). Madankollu, sabiex ikun jista’ jkun hemm kontroll estern effikaċi tal-atti, tal-miżuri u tal-ommissjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mill-Kumitat tal-Ministri, ir-regoli dwar il-votazzjoni kellhom jiġu aġġustati b’mod li waħedha l-Unjoni ma hijiex ser tkun tista’ twaqqaf l-adozzjoni ta’ deċiżjoni (151).

244. Huwa minnu li dawn ir-regoli partikolari għandhom l-effett li jagħtu lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropea li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni piż kunsiderevoli fil-ħidma tal-Kumitat tal-Ministri li tikkonċerna l-kontroll ta’ jekk l-Unjoni tkunx qiegħda twettaq b’mod korrett l-obbligi tagħha taħt il-KEDB. Dawn ir-regoli jista’ jkollhom l-effett li, minkejja li jkunu fil-maġġoranza jekk jittieħed inkunsiderazzjoni biss in-numru tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri jispiċċaw “fil-minoranza” meta ssir votazzjoni dwar is-sorveljanza ta’ sentenzi mogħtija u ta’ ftehimiet bonarji milħuqa fil-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni. Barra minn hekk, sa fejn il-Kumitat tal-Ministri huwa korp politiku, lanqas ma huwa eskluż li, fil-każ ta’ diviżjoni, l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni jadottaw vot li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni, kif huwa meħtieġ li jsir.

245. Madankollu, min-natura stess ta’ sistema ta’ garanzija kollettiva suġġetta għal kontroll estern effettiv (152) jirriżulta li l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni jistgħu jinsistu li jittieħdu tali deċiżjonijiet kontra r-rieda tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha meta jqisu li l-Unjoni ma wettqitx l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn sentenza tal-Qorti EDB jew minn ftehim bonarju li tkun daħlet fih. Fl-assenza ta’ regoli partikolari fl-abbozz, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kien ser ikollhom, fil-kawżi li jikkonċernawhom, dritt ta’ veto fil-Kumitat tal-Ministri li, fl-aħħar mill-aħħar, kien ikollu konsegwenzi assurdi għas-sistema ta’ kontroll estern.

246. Madankollu, it-theddida li dan jirrappreżenta għall-karatteristiċi partikolari tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni tidher li hija negliġibbli sa fejn il-Kumitat tal-Ministri ma jiddeċidix b’mod finali huwa stess dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni eżegwixxietx b’mod korrett sentenza mogħtija kontriha jew ftehim bonarju li tkun daħlet fih. Fil-fatt, deċiżjoni adottata mill-Kumitat tal-Ministri għal raġunijiet li jistgħu jkunu politiċi twassal biss sabiex il-Qorti EDB (jerġa’) jkollha tistħarreġ ġuridikament il-kawża.

247. Fil-qosor, għaldaqstant, jidher li r-regoli li jirregolaw il-ħidma tal-Kumitat tal-Ministri huma ta’ natura li jżommu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB. Dawn ma jagħtu ebda lok għal tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħhom mat-Trattati.

3.      Konklużjoni intermedjarja

248. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha (bla ħsara għall-kummenti li għamilt fil-punti 135, 179, 184 u 235 iktar ’il fuq u bla ħsara għal dawk li ser nagħmel fil-punt 265 iktar ’il quddiem), ma hemm xejn li jindika li r-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta’ kontroll tal-KEDB stabbiliti fl-abbozz ta’ ftehim jistgħu jippreġudikaw il-karatteristiċi partikolari u speċifiċi tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni jew li jistgħu jkunu barra minn hekk inkompatibbli mat-Trattati.

F –    It-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB

249. Fl-aħħar nett, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 teżiġi li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ adeżjoni maħsub ma għandha tolqot “is-sitwazzjoni partikolari ta’ l-Istati Membri” tal-Unjoni fir-rigward tal-KEDB, u dan fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tliet punti:

–        l-ewwel nett, fir-rigward tal-Protokolli addizzjonali għall-KEDB (parti 1);

–        it-tieni nett, fir-rigward ta’ eventwali miżuri ta’ emerġenza li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 15 KEDB (parti 2); u

–        it-tielet nett, fir-rigward ta’ eventwali riżervi li l-Istati Membri tal-Unjoni jistgħu jagħmlu skont l-Artikolu 57 KEDB (parti 3).

250. Minbarra dawn it-tliet aspetti, ser nindirizza wkoll ir-riskju li adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB tista’ tirrappreżenta għas-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB sa fejn huwa kkonċernat il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta (parti 4).

1.      Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-Protokolli addizzjonali għall-KEDB

251. Fir-rigward, l-ewwel nett, tas-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tal-Protokolli addizzjonali għall-KEDB, wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhux l-Istati Membri kollha neċessarjament irratifikaw dawn it-testi legali kollha (153). Huwa għal din ir-raġuni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 hija intiża li tiggarantixxi li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma jkollhiex l-effett indirett li wħud mill-Istati Membri jkunu marbuta bi Protokolli addizzjonali għall-KEDB li għalihom (ikunu għadhom) ma humiex partijiet huma stess.

252. Issa, il-ftehim ta’ adeżjoni maħsub ser jimplika biss, fi kwalunkwe każ, adeżjoni tal-Unjoni għall-Protokolli addizzjonali Nri 1 u 6 għall-KEDB. L-Istati Membri kollha huma diġà partijiet f’dawn il-protokolli. Għaldaqstant, ma hemm ebda “sitwazzjoni partikolari ta’ l-Istati Membri” li tista’ tintlaqat mill-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB.

253. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal opinjoni ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk eventwali adeżjoni ulterjuri tal-Unjoni għal Protokolli addizzjonali oħra għall-KEDB, li fihom ma jkunux partijiet l-Istati Membri kollha, tkunx kompatibbli mar-regoli tad-dritt primarju li jinsabu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 minħabba li, attwalment, din hija kwistjoni purament ipotetika li ma għandha ebda relazzjoni mal-proċedura ta’ adeżjoni attwali. Irrispettivament minn dan, huma l-Istati Membri stess, fid-dawl tar-regola ta’ ratifika partikolari stabbilita fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, li għandhom jiżguraw, fil-każ ta’ kull adeżjoni futura tal-Unjoni għal Protokoll addizzjonali għall-KEDB, li jkun hemm koerenza bejn l-obbligi taħt id-dritt internazzjonali li tkun daħlet għalihom l-Unjoni u l-obbligi tagħhom stess.

254. Ma nistax ma nfakkarx li, fir-rigward tal-mertu, id-dritt tal-Unjoni ilu għal żmien twil jieħu bħala ispirazzjoni l-Protokolli addizzjonali għall-KEDB, minkejja li mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet fihom. Minn naħa, tali Protokolli addizzjonali huma meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (154) u, min-naħa l-oħra, jista’ jkollhom rwol fid-determinazzjoni tal-kontenut ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (155) [ara wkoll l-Artikolu 6(3) TUE]. Ma hemm xejn x’jippermetti li jiġi eskluż li dawn ir-riferimenti li d-dritt tal-Unjoni u l-qrati tal-Unjoni jagħmlu għall-kontenut ta’ Protokolli addizzjonali għall-KEDB jistgħu jolqtu s-sitwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB, pereżempju fir-rigward tal-obbligi tagħhom meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, dan huwa biss fenomenu li diġà jseħħ fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u ma huwiex konsegwenza tal-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB.

255. Għaldaqstant, l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB ma timplika ebda bidla fis-sitwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-Protokolli addizzjonali għall-KEDB, bidla li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 hija intiża li tipprekludi.

2.      Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 15 KEDB

256. Il-klawżola ta’ emerġenza stabbilita fl-Artikolu 15 KEDB tippermetti lill-Partijiet tagħha jadottaw, suġġetti għal ċerti limiti, “miżuri” li permezz tagħhom jidderogaw mill-obbligi tagħhom taħt il-KEDB “[f]i żmien ta’ gwerra jew ta’ emerġenza oħra pubblika li thedded il-ħajja tan-nazzjon”.

257. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma ser tibdel xejn fir-rigward ta’ din il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ emerġenza. Ebda dispożizzjoni tal-abbozz ta’ ftehim ma tillimita s-setgħa tal-Istati Membri li jirrikorru għall-Artikolu 15 KEDB. Lanqas il-fatt li, wara l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, il-KEDB ser tagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-fatt li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, il-KEDB ser tibbenefika mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali (156) ma huma ser jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza mill-Istati Membri. Fil-fatt, l-istess bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-KEDB, l-Artikolu 15 tagħha ser jiġi inkorporat fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni stess jipprevedi, fl-Artikolu 347 TFUE, klawżola ta’ emerġenza li tista’ titqabbel ma’ dik li tinsab fl-Artikolu 15 KEDB u li tippermetti lill-Istati Membri jadottaw, essenzjalment, l-istess miżuri bħal dawk li jistgħu jadottaw skont il-KEDB.

258. Għaldaqstant, ma hemm ebda raġuni għalfejn wieħed jibża’ li l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB tolqot b’xi mod jew ieħor is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 15 KEDB.

3.      Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tar-riżervi taħt id-dritt internazzjonali li jistgħu jagħmlu fir-rigward tal-KEDB

259. Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk l-abbozz ta’ ftehim jistax jolqot is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri li setgħu għamlu riżervi taħt id-dritt internazzjonali fir-rigward ta’ xi dispożizzjoni jew oħra tal-KEDB, kif jippermettilhom jagħmlu l-Artikolu 57 KEDB. Din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata minn żewġ perspettivi distinti: minn naħa, din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata fid-dawl tal-prinċipju ta’ responsabbiltà konġunta tal-konvenut u tal-konvenut konġunt previst fil-ftehim ta’ adeżjoni [punt (a)] u, min-naħa l-oħra, mill-perspettiva tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali li minnha ser tgawdi l-KEDB bis-saħħa tal-adeżjoni tal-Unjoni [punt (b)].

a)      Il-prinċipju ta’ responsabbiltà konġunta tal-konvenut u tal-konvenut konġunt

260. Wieħed mill-għanijiet tar-regola stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 huwa li jiġi evitat li, minħabba l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, Stat Membru tal-Unjoni jkun jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti EDB bi ksur ta’ dispożizzjoni tal-KEDB li preċiżament fir-rigward tagħha jkun għamel, bħala Parti Kontraenti tal-KEDB, riżerva taħt id-dritt internazzjonali.

261. Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li taħseb il-Kummissjoni, ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 1(3) u (4) tal-abbozz ta’ ftehim b’ebda mod ma jippermettu li jiġi eliminat ir-riskju ta’ tali kundanna mill-Qorti EDB.

262. Huwa minnu li l-Artikolu 1(3) tal-ftehim ta’ adeżjoni jispeċifika li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ser timponilha obbligi biss fir-rigward tal-atti, tal-miżuri jew tal-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-organi jew tal-aġenziji tagħha, jew tal-persuni li jaġixxu f’isimhom. L-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim iżid li l-atti, il-miżuri jew l-ommissjonijiet tal-korpi nazzjonali jistgħu jiġu imputati biss lill-Istati Membri kkonċernati, anki jekk dan l-att, din il-miżura jew din l-ommissjoni jseħħu fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn dan l-Istat.

263. Madankollu, fost l-elementi fundamentali tal-abbozz ta’ ftehim hemm il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta, li diġà ssemma f’diversi okkażjonijiet u, relatata miegħu, ir-regola ta’ responsabbiltà konġunta tal-Unjoni u ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha meta ksur tal-KEDB iseħħ fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni [Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim].

264. Din ir-regola tista’ toħloq sitwazzjonijiet fejn il-Qorti EDB tikkundanna lil wieħed jew iktar mill-Istati Membri li jintervjenu bħala konvenut jew konvenuti konġunti [Artikolu 3(3) tal-abbozz ta’ ftehim] flimkien mal-Unjoni sabiex iwieġbu għal ksur ta’ dritt fundamentali ggarantit mill-KEDB minkejja li bħala Parti jew Partijiet tal-KEDB, l-Istat Membru kkonċernat jew l-Istati Membri kkonċernati jkunu għamlu riżerva taħt id-dritt internazzjonali fir-rigward tad-dispożizzjoni involuta tal-KEDB. F’tali każ, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB u r-regola dwar ir-responsabbiltà konġunta li tapplika minħabba din l-adeżjoni jistgħu jkollhom l-effett li jestendu r-responsabbiltà tal-Istati Membri kkonċernati lil hinn mill-obbligi internazzjonali li jkunu daħlu għalihom huma stess bħala Partijiet tal-KEDB.

265. Dawn ir-regoli tal-abbozz ta’ ftehim jinsabu f’kontradizzjoni flagranti mat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8, li tipprovdi li l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma jistax ikollha l-effett li tolqot is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Unjoni tista’ tikkonkludi l-ftehim ta’ adeżjoni maħsub biss jekk f’dan il-ftehim jiġi debitament previst li l-prinċipju ta’ responsabbiltà konġunta tal-konvenut u tal-konvenut konġunt japplika bla ħsara għal eventwali riżervi li l-Partijiet fil-KEDB setgħu għamlu skont l-Artikolu 57 tagħha.

b)      Il-KEDB bħala parti integrali mid-dritt tal-Unjoni li tibbenefika mis-supremazija ta’ dan id-dritt

266. Barra minn hekk, ma hemm ebda dubju li, meta mqabbla mas-sitwazzjoni legali attwali, l-adeżjoni tal-Unjoni ser timplika, għall-Istati Membri, impenn iktar b’saħħtu fir-rigward tal-KEDB anki fuq il-livell intern tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà fakkart diversi drabi, din l-adeżjoni ser ikollha l-effett li l-KEDB ser issir parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, ser tibbenefika mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali (157).

267. Huwa minnu li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, dan ftit li xejn ser ikollu effetti fil-prattika peress li, irrispettivament mill-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB [Artikolu 6(2) TUE], id-dritt tal-Unjoni diġà jiggarantixxi diversi drittijiet fundamentali li joffru, kemm jekk fil-kuntest tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [Artikolu 6(1) TUE] kif ukoll jekk fil-forma ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt [Artikolu 6(3) TUE], livell ta’ protezzjoni minn tal-inqas għoli daqs, jekk mhux iktar minn, il-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-drittijiet stabbiliti fil-KEDB. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri kollha huma diġà obbligati, mingħajr ebda restrizzjoni, jirrispettaw dawn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni meta jimplementaw dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, irrispettivament minn jekk għamlux jew le, bħala Partijiet tal-KEDB, riżervi taħt id-dritt internazzjonali fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet paragunabbli tal-KEDB jew tal-Protokolli addizzjonali għaliha.

268. Madankollu, anki jekk jitqies li dritt partikolari huwa rrikonoxxut biss fil-KEDB u jekk jitqies li, fl-istess ħin, dan id-dritt la jista’ jiġi dedott mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u lanqas mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, f’tali każ, li ftit li xejn huwa probabbli, l-Artikolu 216(2) TFUE xorta waħda jobbliga lill-Istati Membri jirrispettaw dan id-dritt meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. F’każ bħal dan, għalhekk, Stat Membru jista’ jsib ruħu, fil-futur, marbut mid-dritt tal-Unjoni sabiex josserva dispożizzjoni tal-KEDB li fir-rigward tagħha, bħala Parti tal-KEDB, seta’ għamel riżerva.

269. Madankollu, dawn l-effetti eventwali tal-Artikolu 216(2) TFUE fuq il-pożizzjoni legali tal-Istati Membri jikkostitwixxu kwistjoni li tikkonċerna esklużivament id-dritt tal-Unjoni u li għalhekk ma tistax tiġi indirizzata fil-ftehim ta’ adeżjoni maħsub, peress li din il-kwistjoni għandha tiġi riżolta esklużivament fil-livell intern tal-Unjoni fil-kuntest tal-awtonomija tad-dritt tagħha (158). Għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal opinjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll Nru 8 b’ebda mod ma jeżiġi li fl-abbozz ta’ ftehim tiġi inkluża regola dwar dan is-suġġett fir-rigward tar-relazzjonijiet legali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Għall-kuntrarju, jekk tali regola tkun tinsab fil-ftehim ta’ adeżjoni, dan ikun neċessarjament f’kunflitt mal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

4.      Is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta

270. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-lista, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8, tal-aspetti li fir-rigward tagħhom għandha tinżamm is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB, ma hijiex lista eżawrjenti (peress li hija introdotta bil-kliem “b’mod partikulari”). Għaldaqstant, huwa possibbli li l-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB tqajjem problemi legali oħra li ma jissemmewx espliċitament u li, jekk ikun il-każ, jista’ jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri.

271. F’dan il-kuntest, naħseb li jkun f’loku jekk nerġa’ nindirizza fil-qosor il-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta previst fl-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ ftehim.

272. Kif diġà għidt iktar ’il fuq, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha fil-proċeduri mressqa quddiem il-Qorti EDB bħala konvenuti konġunti, kif prevista fl-abbozz ta’ ftehim, ma hijiex awtomatika (159). Fl-eventwalità li, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa mistenni, l-Unjoni ma tagħmilx intervent bħala konvenuta konġunta fi proċedura ta’ applikazzjoni mressqa kontra wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha minkejja li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-abbozz ta’ ftehim, il-Qorti EDB ma tistax tobbligaha tagħmel tali intervent. F’tali każ, il-Qorti EDB tkun tista’ biss tattribwixxi r-responsabbiltà għall-ksur tal-KEDB li hija tkun ikkonstatat lill-Istat Membru konvenut jew lill-Istati Membri konvenuti biss [Artikolu 46(1) KEDB], anki jekk dan l-Istat Membru jew dawn l-Istati Membri jkunu wettqu dan il-ksur fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

273. Dan ir-riskju residwu għall-Istati Membri li jkollhom, jekk ikun il-każ, jassumu responsabbiltà għal ksur tal-KEDB imputabbli lid-dritt tal-Unjoni jimplika impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-KEDB fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8? Jiena naħseb li le.

274. Minn naħa, l-Istati Membri diġà jinsabu f’dan ir-riskju ta’ kundanna, anki jekk l-Unjoni ma taderixxix għall-KEDB. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt huwa diġà stabbilit li l-Istati Membri tal-Unjoni ma jistgħux jevitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom taħt id-dritt internazzjonali fil-kuntest tal-KEDB billi jittrasferixxu drittijiet sovrani lill-Unjoni. Barra minn hekk, huwa diġà possibbli li quddiem il-Qorti EDB jiġu ppreżentati applikazzjonijiet indirizzati kontra l-Istati Membri tal-Unjoni li s-suġġett tagħhom ikun il-kundanna ta’ dawn l-Istati Membri għal allegat ksur tal-KEDB li jirriżulta mit-trasferiment ta’ drittijiet sovrani lill-Unjoni. Min-naħa tagħha, il-Qorti EDB teżamina dawn l-applikazzjonijiet iżda għadha tapplika, sal-lum il-ġurnata, kriterju ta’ kontroll limitat, kif għamlet fil-ġurisprudenza Bosphorus (160) tagħha. Anki jekk, wara l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, il-Qorti EDB tapplika kriterju iktar strett minn dak li bbażat ruħha fuqu fil-ġurisprudenza Bosphorus, dan ma huwa ser jibdel xejn fundamentali fir-rigward tal-obbligu li dejjem kellhom l-Istati Membri li josservaw il-KEDB mingħajr ma jistgħu jaħarbu minn dan l-obbligu billi jiddelegaw setgħat sovrani lil organi internazzjonali.

275. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni unilaterali li l-Unjoni qiegħda taħseb li tagħmel u li t-test tagħha jagħmel parti integrali mid-dokumenti annessi mal-abbozz ta’ ftehim li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi, jekk wieħed iqis fl-istess ħin l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, garanzija adegwata li l-Unjoni ma hijiex ser “tabbanduna” lill-Istati Membri tagħha quddiem il-Qorti EDB meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tal-abbozz ta’ ftehim li jippermettulha tintervjeni bħala konvenuta konġunta.

276. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-Unjoni ma hijiex ser tissejjaħ awtomatikament sabiex tintervjeni bħala konvenuta konġunta fil-proċeduri kollha li fihom jiddaħħal inkwistjoni d-dritt tal-Unjoni u li jitressqu kontra l-Istati Membri tagħha, iżda ser tkun tista’ tiddeċiedi b’mod awtonomu jekk tipparteċipax fihom, ma jimplika ebda bidla fundamentali fis-sitwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB. A fortiori, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB ma tistax timplika deterjorament tas-sitwazzjoni tagħhom meta mqabbla mas-sitwazzjoni tagħhom qabel din l-adeżjoni.

5.      Konklużjoni intermedjarja

277. Fil-qosor, bla ħsara għall-kundizzjoni li fl-abbozz ta’ ftehim tiġi inkluża l-preċiżazzjoni msemmija fil-punt 265 iktar ’il fuq, ma hemm għalhekk ebda raġuni għalfejn wieħed jibża’ li l-abbozz ta’ ftehim jista’ jolqot is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8.

 G –     Kumment finali

278. Mill-eżami tal-abbozz ta’ ftehim fid-dawl tal-kriterji legali stabbiliti fl-Artikolu 6(2) TUE u fil-Protokoll Nru 8, kif ukoll fid-dawl tad-Dikjarazzjoni Nru 2, ma rriżulta ebda element li jista’ jdaħħal serjament inkwistjoni l-kompatibbiltà tal-adeżjoni maħsuba tal-Unjoni għall-KEDB mat-Trattati. Dan l-abbozz jeħtieġ biss numru ta’ emendi jew żidiet li huma relattivament żgħar u li jistgħu jiġu introdotti mingħajr diffikultajiet kbar.

279. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi ma jkunx utli li jiġi ddikjarat li, fil-formulazzjoni attwali tiegħu, l-abbozz ta’ ftehim huwa inkompatibbli mat-Trattati. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkompli fuq il-linja li hija essenzjalment stabbilixxiet fit-tieni opinjoni tagħha dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (161) u għandha tiddeċiedi li l-abbozz ta’ ftehim huwa kompatibbli mat-Trattati sakemm jiġu inklużi l-emendi, iż-żidiet u l-preċiżazzjonijiet li pproponejt.

VII – Konklużjoni

280. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula l-Opinjoni tagħha f’dan is-sens:

L-abbozz ta’ ftehim irrivedut dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, ippreżentat fi Strasbourg fl-10 ta’ Ġunju 2013, huwa kompatibbli mat-Trattati bil-kundizzjoni li jiġi ggarantit b’mod vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali li:

–        sabiex ikunu jistgħu, jekk ikun il-każ, iressqu talbiet għal intervent bħala konvenuti konġunti fil-proċeduri mressqa quddiem il-Qorti EDB skont l-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiġu sistematikament u mingħajr eċċezzjoni informati dwar l-applikazzjonijiet kollha ppreżentati quddiem il-Qorti EDB sa fejn u hekk kif l-atti li permezz tagħhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet inkwistjoni jiġu nnotifikati lill-konvenut ikkonċernat;

–        it-talbiet għal intervent bħala konvenuti konġunti, li jistgħu jiġu introdotti mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim ma jkunu suġġetti għal ebda forma ta’ stħarriġ ta’ plawżibbiltà mill-Qorti EDB;

–        l-involviment minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea previst fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim jestendi għall-kwistjonijiet legali kollha li jikkonċernaw l-interpretazzjoni b’mod konformi mal-KEDB tad-dritt primarju u tad-dritt idderivat tal-Unjoni;

–        il-Qorti EDB tkun tista’ tirrinunzja li tiftaħ il-proċedura ta’ involviment minn qabel prevista fl-Artikolu 3(6) tal-abbozz ta’ ftehim fil-każ biss li jkun manifest li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni tkun diġà ddeċidiet dwar il-kwistjoni legali konkreta li tkun is-suġġett tal-applikazzjoni pendenti quddiem il-Qorti EDB;

–        il-prinċipju ta’ responsabbiltà konġunta tal-konvenut u tal-konvenut konġunt previst fl-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim ma jkollu ebda impatt fuq ir-riżervi li setgħu saru mill-Partijiet Kontraenti skont l-Artikolu 57 tal-KEDB; u

–        li, barra minn hekk, il-Qorti EDB f’ebda każ ma tkun tista’ tidderoga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-konvenut u tal-konvenut konġunt stabbilit fl-Artikolu 3(7) tal-abbozz ta’ ftehim meta tikkonstata ksur tal-KEDB.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


3 – Meta indirizzat din il-kwistjoni għall-ewwel darba, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif jaf kulħadd, ikkonstatat, fit-28 ta’ Marzu 1996, li dak iż-żmien, il-Komunità Ewropea ma kellhiex il-kompetenza meħtieġa sabiex tkun tista’ taderixxi għall-KEDB (Opinjoni 2/94, EU:C:1996:140, punt 36 u d-dispożittiv).


4 – Din id-dispożizzjoni hija ispirata mill-predeċessur tagħha, jiġifieri l-Artikolu I-9(2) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li fl-aħħar mill-aħħar safa fix-xejn (Trattat iffirmat f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru 2004, ĠU 2004 C 310, p. 1).


5 – Rapport finali tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, dokument Nru 47+1(2013)008 rev2, ippreżentat fi Strasbourg fl-10 ta’ Ġunju 2013; iktar ’il quddiem ir-“rapport finali”.


6 – Iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ ftehim”.


7 – Iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ spjega”.


8 – Punt 9 tar-rapport finali.


9 – Protokoll (Nru 8), dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.


10 – Dikjarazzjoni Nru 2 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernamentali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007.


11 – Opinjoni 2/94 (EU:C:1996:140, punt 3), Opinjoni 1/08 (EU:C:2009:739, punt 107) u Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 47).


12 – Opinjoni 2/94 (EU:C:1996:140, punti 20 sa 22) u Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 49).


13 – Opinjoni 2/94 (EU:C:1996:140, punt 20).


14 – Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 55).


15 – Sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217, punt 22) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 57), u Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 55).


16 – F’ċerti każijiet, din is-sitwazzjoni tista’ tkun imputabbli għal ksur tal-obbligu li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom il-qrati tal-aħħar istanza skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, tali sitwazzjoni tista’ tkun ukoll il-konsegwenza ta’ waħda mit-tliet eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huma rrikonoxxuti fil-ġurisprudenza “CILFIT” (ara, essenzjalment, is-sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335).


17 – Punti 33 sa 104 ta’ din l-opinjoni.


18 – Punti 105 sa 156 ta’ din l-opinjoni.


19 – Punti 157 sa 236 ta’ din l-opinjoni.


20 – Punti 237 sa 248 ta’ din l-opinjoni.


21 – Punti 249 sa 279 ta’ din l-opinjoni.


22 – Ara l-punti 162 sa 196 u, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-PBSK, il-punti 185 sa 194 ta’ din l-opinjoni.


23 – Ara l-punti 82 sa 103 ta’ din l-opinjoni.


24 – Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) TUE TUE u l-Artikolu 51(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li fl-aħħar mill-aħħar jirriproduċu l-kontenut tat-tieni sentenza tal-Artikolu I-9(2) u tal-Artikolu II-111(2) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.


25 – Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/94 (EU:C:1996:140, l-aħħar sentenza tal-punt 35).


26 – Dan il-prinċipju huwa espress b’mod partikolari fit-tieni sentenza tal-Artikolu 218(11) TFUE.


27 – Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 285), li tipprovdi li l-obbligi imposti minn ftehim internazzjonali ma jistgħux iwasslu għal ksur tal-prinċipji kostituzzjonali tat-Trattati.


28 – Saħansitra qabel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet f’dan l-istess sens: ara, fost diversi sentenzi oħra, is-sentenzi Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punti 15 u 17), Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punt 18), u Kadi u Al Barakaat International Foundation (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 283).


29 – Opinjoni 2/94 (EU:C:1996:140, punt 27).


30 – Punt 2 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, doc. P7_TA(2010)0184 (2009/2241/INI); iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2010”.


31 – Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tal-abbozz ta’ ftehim.


32 – Ara wkoll il-punt 17 tar-rapport ta’ spjega.


33 – Id-duttrina AETR tnisslet mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32, punti 15 sa 19); sunt iktar reċenti jinsab b’mod partikolari fl-Opinjoni 1/03 (EU:C:2006:81, punti 114 sa 133).


34 – Sentenzi Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 5), IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 36) u Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 73).


35 – Opinjoni 1/92 (EU:C:1992:189, punt 32) u Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 75).


36 – Ara, f’dan l-istess sens, l-Opinjoni 1/00 (EU:C:2002:231, punt 24).


37 – Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/00 (EU:C:2002:231, punt 14 moqri flimkien mal-punti 18 u 23).


38 – Dokument ta’ riflessjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar ċerti aspetti tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, dokument ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2010 li jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit tal-internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq l-indirizz http://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_64268/ (ikkonsultat l-aħħar fit-12 ta’ Mejju 2014), u b’mod partikolari l-punti 9, 11 u 12; ara, f’dan l-istess sens, Komunikazzjoni komuni tal-Presidenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, insegwitu għal-laqgħa bejn iż-żewġt iqrati f’Jannar 2011, komunikazzjoni ppubblikata fl-24 ta’ Jannar 2011, li tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit tal-internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq l-indirizz http://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_64268/ (ikkonsultat l-aħħar fit-12 ta’ Mejju 2014), b’mod partikolari l-aħħar paragrafu tal-punt 2.


39 – Ara l-punti 121 sa 135 u 180 sa 184 ta’ din l-opinjoni.


40 – Id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollhom, jekk ikun il-każ, jiġu kkompletati b’numru ta’ regoli ddettaljati supplimentari fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


41 – F’dan ir-rigward ara wkoll il-punt 11 tad-Dikjarazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-KEDB ippreżentata fi Brighton f’April 2012 fl-okkażjoni tal-Konferenza Għolja dwar il-futur tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“Dikjarazzjoni ta’ Brighton”), dikjarazzjoni li tista’ tiġi kkonsultata bil-Franċiż u bl-Ingliż fuq il-paġna tal-internet tal-Kunsill tal-Ewropa fuq l-indirizz http://hub.coe.int/de/20120419-brighton-declaration (ikkonsultat l-aħħar fl-14 ta’ Mejju 2014).


42 – Rakkomandazzjoni Nru R (2000) 2 tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri dwar l-eżami mill-ġdid jew il-ftuħ mill-ġdid ta’ ċerti kawżi fil-livell intern sussegwentement għal sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-raġunijiet għal reviżjoni previsti fil-punt 8 tal-Artikolu 580 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż u fil-punt 6 tal-Artikolu 359 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ġermaniż jistgħu, pereżempju, iservu bħala mudell.


43 – Ara l-punti 64 sa 74 ta’ din l-opinjoni.


44 – Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-karatteristiċi partikolari tal-PBSK jostakolawx li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB tiġi rrikonoxxuta mill-Unjoni, ara l-punti 185 sa 195 ta’ din l-opinjoni.


45 – Skont il-punt 23 tar-rapport ta’ spjega, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tapplika irrispettivament mill-kuntest li fih jitwettqu l-atti, il-miżuri jew l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi l-oħra tagħha; din ir-responsabbiltà tinkludi espliċitament il-kawżi li jikkonċernaw il-PBSK; ara wkoll l-Artikolu 3(2) tal-abbozz ta’ ftehim, li jinkludi fir-responsabbiltà tal-Unjoni d-deċiżjonijiet li hija tadotta fuq il-bażi tat-Trattat UE.


46 – L-Imħallfin fil-Qorti ta’ Strasbourg jivverifikaw b’mod iddettaljat ħafna fir-rigward ta’ kull każ jekk riżerva fformulata minn Parti Kontraenti hijiex leċita u, b’mod partikolari, jekk tkunx ifformulata b’mod suffiċjentement preċiż; ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2014 tal-Qorti EDB, Grande Stevens et vs L-Italja (Applikazzjonijiet Nri 18640/10, 18647/10, 18663/10, 18668/10 u 18698/10, punti 204 sa 211).


47 – Numru żgħir mill-Istati Membri partijiet fil-proċedura għal opinjoni ħadu pożizzjoni analoga.


48 – Kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll f’dawk orali tagħhom, Franza, ir-Renju Unit u l-Kunsill ħadu pożizzjonijiet partikolarment kategoriċi kontra l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni.


49 – B’mod ġenerali, dwar il-possibbiltà li l-oriġini tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħhom, ara s-sentenzi Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 135), Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 36) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 50, 59 u 70), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din l-aħħar kawża (EU:C:2013:21, punt 32).


50 – Adottat mill-Konvenzjoni Ewropea fit-13 ta’ Ġunju 2003 u fl-10 ta’ Lulju 2003, ippreżentat lill-President tal-Kunsill Ewropew li kien qiegħed jiltaqa’ f’Ruma fit-18 ta’ Lulju 2003.


51 – Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, rapport komplementari dwar il-kwistjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni [Dokument CONV 689/1/03 tas-16 ta’ April 2003, punt 5 u punt 7(c)] u nota ta’ trażmissjoni tal-Presidenza dwar l-artikoli li jikkonċernaw lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti tal-Prim’Istanza (Dokument CONV 734/03 tat-2 ta’ Mejju 2003; ara b’mod partikolari l-ispjegazzjonijiet dwar l-abbozz tal-Artikolu 240a).


52 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:623, punt 97) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2013:21, punti 112 u 113).


53 – Sentenzi Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166), Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115), Segi et vs Il-Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116) u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008: 461).


54 – Sentenzi Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23), Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 51) u Segi et vs Il-Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 51); fl-istess sens, is-sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008: 461, punt 281), E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 44), Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑336/09 P, EU:C:2012:386, punt 36) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 91).


55 – Sentenza Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 25).


56 – Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam.


57 – Sentenzi Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punti 46 sa 48) u Segi et vs Il-Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punti 46 sa 48).


58 – Ara, fl-istess sens, minkejja li dawn jikkonċernaw is-sitwazzjoni legali prevalenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-sentenzi Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 50) u Segi et vs Il-Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 50).


59 – Opinjoni 1/09 (EU: C:2011:123, punt 66) u sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 90).


60 – Ara wkoll, f’dan is-sens, minkejja li dawn jikkonċernaw is-sitwazzjoni legali prevalenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P u C‑355/04 P, EU:C:2006:667, b’mod partikolari l-punti 99 u 104).


61 – Ara wkoll, f’dan l-istess sens, is-sentenzi Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 41), Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2007: 115, punt 56), Segi et vs Il-Kunsill (C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 56) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 100 u 101).


62 – Huwa wkoll f’dan is-sens li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-abbozz ta’ ftehim tipprovdi li l-atti, il-miżuri jew l-ommissjonijiet ta’ korpi nazzjonali li jaġixxu fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu imputati lill-Istati Membri.


63 –      Ara wkoll, f’dan is-sens, għalkemm il-kuntest kien xi ftit differenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreżentati fil-kawża Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (C‑354/04 P u C‑355/04 P, EU:C:2006:667, punti 121 sa 132).


64 – Ara l-punti 88 sa 95 ta’ din l-opinjoni.


65 – Sentenza Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punti 15 sa 20).


66 – Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/91 (EU:C:1991:490, punt 46) u s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 169), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja invokat, fir-rigward tar-rwol tagħha, il-“pedamenti tal-Komunità” u “karatteristika fundamentali tas-sistema ġudizzjarja tal-Komunità”; ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 285 u 304).


67 – Opinjoni 1/91 (EU:C:1991:490, punt 46) u sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 123 u 169).


68 – L-Artikolu 4(2) tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi li wara l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, it-titolu tal-Artikolu 33 KEDB ser jiġi emendat għal “Każijiet bejn il-Partijiet”. Madankollu, għal finijiet ta’ sempliċità, ser nibqa’ nuża t-titolu “Każijiet interstatali”.


69 – Fil-prattika, dawn il-proċeduri huma rari.


70 – Sentenzi Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 5), IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 36) u Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 73).


71 – L-aħħar sentenza tal-punt 74 tar-rapport ta’ spjega.


72 – Iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).


73 – Kif ġara fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345).


74 – Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, permezz ta’ miżuri kawtelatorji, tobbliga lill-Istat Membru kkonċerna jiddikjara fil-mori tal-proċedura quddiem il-Qorti EDB li ma għandux l-intenzjoni jkompli bil-proċedura li jkun ressaq quddiemha [Artikolu 37(a) KEDB]. Fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħala infondat, il-Qorti EDB dejjem tkun tista’ tordna r-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-applikazzjoni interstatali fir-reġistru [Artikolu 37(2) KEDB].


75 – Ara, f’dan is-sens, il-punt 8 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2010 (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30).


76 – Fir-rigward ta’ din l-esklużività ara l-Opinjoni 1/00 (EU:C:2002:231, punt 24) u s-sentenza Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punti 15 sa 20).


77 – Is-sitwazzjoni hija differenti biss fir-rigward tal-PBSK. (ara, dwar dan il-punt, is-sitt sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE, kif ukoll l-ispjegazzjonijiet li tajt fil-punti 85 sa 101 ta’ din l-opinjoni).


78 – Ara l-punt 78 ta’ din l-opinjoni.


79 – L-aħħar sentenza tal-punt 62 tar-rapport ta’ spjega; ara barra minn hekk is-sentenza tal-Qorti EDB tal-24 ta’ April 1990, Kruslin vs Franza (Applikazzjoni Nru 11801/85, Serje A, Nru 176-A, § 29), u d-deċiżjoni tal-Qorti EDB tal-20 ta’ Jannar 2009, W vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Applikazzjoni Nru 20689/09, punt 45).


80 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tas-7 ta’ Ġunju 2007, Smirnov vs Ir-Russja (Applikazzjoni Nru 71362/01, Recueil des arrêts et décisions 2007-VII, punt 45), kif ukoll is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2011, Harju vs Il-Finlandja (Applikazzjoni Nru 56716/09, punti 40 u 44) u Heino vs Il-Finlandja (Applikazzjoni Nru 56720/09, punt 45).


81 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal-15 ta’ Novembru 1996, Cantoni vs Franza (Applikazzjoni Nru 17862/91, Recueil des arrêts et décisions 1996-V), tat-18 ta’ Frar 1999, Matthews vs Ir-Renju Unit (Applikazzjoni Nru 24833/94, Recueil des arrêts et décisions 1999-I), tat-30 ta’ Ġunju 2005, Bosphorus vs L-Irlanda (Applikazzjoni Nru 45036/98, Recueil des arrêts et décisions 2005-VI), u tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (Applikazzjoni Nru 30696/09, Recueil des arrêts et décisions 2011), u d-deċiżjoni tal-Qorti EDB tal-20 ta’ Jannar 2009, Cooperatieve Producentenorganisatie van de Nederlandse Kokkelvisserij et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Applikazzjoni Nru 13645/05).


82 – Iċċitat diġà fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.


83 – Fuq il-kwistjoni ta’ min għandu l-kompetenza jiddeċiedi jekk il-qrati tal-Unjoni jkunux diġà eżaminaw il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt tal-Unjoni mal-KEDB, ara l-punti 180 sa 184 ta’ din l-opinjoni.


84 – Punt 121 ta’ din l-opinjoni.


85 – Ara, f’dan is-sens, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, EU:C:1989:387, b’mod partikolari l-punti 28 u 32 sa 35), Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, b’mod partikolari l-punt 28) u Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, b’mod partikolari l-punt 68); f’sens simili, ara wkoll is-sentenza NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, b’mod partikolari l-punti 99, 100 u 106).


86 – Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni sostniet b’mod tenaċi li jkun kompletament biżżejjed jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-involviment minn qabel jiġi limitat għal kwistjonijiet ta’ validità fir-rigward tal-atti legali tad-dritt idderivat tal-Unjoni.


87 – Rapport ta’ spjega, punt 66.


88 – Punt 9 tar-rapport finali.


89 – Sitwazzjoni fis-6 ta’ Mejju 2014.


90 – Sentenzi Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 6) u Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 39).


91 – Ara l-punt 40 sa 42 ta’ din l-opinjoni.


92 – Ara, bħala eżempju, id-Digriet tal-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C‑73/13, EU:C:2013:299), li jinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li jqajjem punti paragunabbli, għalkemm mhux fir-rigward tal-KEDB.


93 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


94 – Għal finijiet ta’ kompletezza, nosserva li l-kompetenza għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE mogħtija lill-Kummissjoni ma hijiex kompetenza esklużiva. Sa fejn l-implementazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni hija prevista fuq il-livell nazzjonali, diversi Stati Membri stabbilixxew ukoll awtoritajiet tal-kompetizzjoni li l-funzjonijiet u l-kompetenzi tagħhom huma simili għal dawk tal-Kummissjoni.


95 – Ara, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:404, punt 71), Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 48) u Schenker et (C‑681/11, EU:C:2013:126, punt 40). Il-qrati tal-Unjoni japplikaw b’mod konsistenti prinċipji tad-dritt kriminali fid-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew (ara, dwar il-preżunzjoni ta’ innoċenza, is-sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 149 u 150, u, dwar ir-regola antikumulu tas-sanzjonijiet – ne bis in idem, is-sentenza Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 94).


96 – Sentenza tal-Qorti EDB tat-23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il-Finlandja (Applikazzjoni Nru 73053/01, Recueil des arrêts et décisions 2006-XIV, punt 43); fl-istess sens ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Settembru 2011, Menarini Diagnostics vs L-Italja (Applikazzjoni Nru 43509/08, punt 62); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EFTA tat-18 ta’ April 2012, Posten Norge vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA (E-15/10, EFTA Court Reports 2012, paġna 246, punti 87 u 88) kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 33 sa 35).


97 – Sentenzi Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, b’mod partikolari l-punt 63), Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, b’mod partikolari l-punt 67) u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, b’mod partikolari l-punti 33 sa 38) kif ukoll, b’mod komplementari, il-konklużjonijiet tiegħi f’din l-aħħar kawża (EU:C:2013:248, punti 27 sa 30).


98 – Sentenza tal-Qorti EDB Menarini Diagnostics vs L-Italja (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 96, punti 57 sa 67) dwar sistema nazzjonali għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni analoga għal dik tal-Unjoni.


99 – Konklużjonijiet Toshiba Corporation et (C‑17, EU:C:2011:552, punti 111 sa 124).


100 – Sentenzi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 35 sa 62), u Technische Uni vs Il-Kummissjoni (C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punti 40 sa 72); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punti 305 sa 310) u Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:257, punti 146 sa 151).


101 – Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punti 26 sa 47), Der Grüne Punkt – Duales System Deutschlandvs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 183 sa 188), Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punti 97 sa 102) u FLSmidth vs Il-Kummissjoni (C‑138/12 P, EU:C:2014: 284, punti 118 sa 123).


102 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi reċenti Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punti 89 sa 96) u FLSmidth vs Il-Kummissjoni (C‑238/12 P, EU:C:2014:284, punti 116 u 117).


103 – Ara s-sentenzi fundamentali van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1), Costa (6/64, EU:C:1964:66) u Internationale Handelgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 3) kif ukoll, iktar reċentement, l-Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 65).


104 – Opinjoni 1/91 (EU:C:1991:490, punt 30), Opinjoni 1/92 (EU:C:1992:189, punt 18), Opinjoni 1/00 (EU:C:2002:231, punt 11) u Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 67).


105 – Punti 162 sa 196 ta’ din l-opinjoni.


106 – Punti 197 sa 207 ta’ din l-opinjoni.


107 – Punti 208 sa 235 ta’ din l-opinjoni.


108 – Ara wkoll il-punt 26 tar-rapport ta’ spjega, li jenfasizza li d-deċiżjonijiet li l-Qorti EDB ser tagħti sabiex issolvi t-tilwim bejn persuni u Stati Kontraenti li fih tkun parti l-Unjoni ser ikunu vinkolanti fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja.


109 – Ara l-punt 1 ta’ din l-opinjoni.


110 – F’dan ir-rigward ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2010 (l-aħħar inċiż tal-punt 1), fejn dan jiddikjara li qorti ma tinsabx f’ġerarkija superjuri għall-oħra iżda li kull waħda minnhom għandha speċjalitajiet distinti.


111 – Opinjoni 1/91 (EU:C:1991:490, punti 40 u 70) u Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 74).


112 – Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punti 3 u 26 tad-Dikjarazzjoni ta’ Brighton.


113 – Probabbli, l-iktar riżervi magħrufa huma dawk magħmula f’dan ir-rigward mill-Qorti kostituzzjonali federali Ġermaniża, li jistgħu jiġu deskritti bħala “stħarriġ ultra vires” u “stħarriġ ta’ identità” (ara s-sentenzi tal-Bundesverfassungsgericht, BVerfGE 89, 155 dwar it-Trattat ta’ Maastricht u BVerfGE 123, 267 dwar it-Trattat ta’ Lisbona) kif ukoll it-teorija tal-“kontrolimiti” żviluppata mill-Qorti kostituzzjonali Taljana (essenzjali dwar dan il-punt: Corte costituzionale, sentenza Nru 170 tat-8 ta’ Ġunju 1984, Granital).


114 – Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 285), l-obbligi imposti minn ftehim internazzjonali ma jistax ikollhom l-effett li jippreġudikaw il-prinċipji kostituzzjonali stabbiliti fit-Trattati.


115 – Il-Kummissjoni wkoll semmiet il-possibbiltà ta’ rtirar matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


116 – Opinjoni 1/00 (EU:C:2002:231, punti 11 sa 13); ara wkoll l-Opinjoni 1/91 (EU:C:1991:490, punti 41 sa 46 u 61 sa 65) u l-Opinjoni 1/92 (EU:C:1992:189, punti 32 u 41).


117 – Ara l-punti 33 sa 104 u 105 sa 156 ta’ din l-opinjoni.


118 – Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 62 tar-rapport ta’ spjega.


119 – Ir-rapport ta’ spjega ma jinkludi ebda preċiżazzjoni li tista’ tirrimedja dan in-nuqqas ta’ ċarezza. Il-punt 62 tiegħu, b’mod partikolari, jirreferi wkoll biss għall-argumenti mressqa mill-konvenut u mill-konvenut konġunt jew mill-konvenuti konġunti.


120 – F’dan is-sens, wieħed jista’ jimmaġina sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà eżaminat il-kompatibbiltà ta’ att legali tal-Unjoni ma’ dritt fundamentali partikolari ggarantit mill-KEDB (pereżempju mal-Artikolu 8 tagħha), iżda ma tkunx eżaminat il-kompatibbiltà tiegħu ma’ dritt fundamentali ieħor [pereżempju l-Artikolu 6(1) KEDB], li fir-rigward tal-ksur tiegħu tkun infetħet proċedura quddiem il-Qorti EDB.


121 – Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat żewġ deċiżjonijiet, minn aspetti kompletament differenti, dwar il-validità tad-Direttiva dwar iż-“żamma ta’ data”: fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminatha biss fir-rigward tal-bażi legali tagħha u kien biss fit-tieni deċiżjoni li analizzatha fid-dettall fir-rigward ta’ ċerti drittijiet fundamentali (ara, minn naħa, is-sentenza L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑301/06, EU:C:2009:68, u, min-naħa l-oħra, is-sentenza Digital Rights Ireland u Seitlinger et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238).


122 – Fl-aħħar mill-aħħar, il-problemi li jqumu f’dan il-kuntest huma paragunabbli ma’ dawk li huma marbuta mas-sitwazzjonijiet fejn il-qrati nazzjonali li mis-sentenzi tagħhom ma jkunx hemm appell ikunu meħlusa mill-obbligu tagħhom li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (ara essenzjalment is-sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335) u kollox jindika li dawn il-problemi għandhom jiġu riżolti bl-istess mod.


123 – Fuq il-problema relatata li tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-karatteristiċi partikolari tal-PBSK jippermettux li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dan il-qasam politiku, ara l-punti 82 sa 103 ta’ din l-opinjoni.


124 – Ara wkoll il-punt 83 ta’ din l-opinjoni.


125 – Ara l-punt 172 ta’ din l-opinjoni.


126 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ħolqien taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Opinjoni 1/91 (EU:C:1991:490, punti 34 u 35, 41 sa 46 u 61 sa 65) u l-Opinjoni 1/92 (EU:C:1992:189, punti 32 u 41).


127 – Ara l-punti 96 sa 103 ta’ din l-opinjoni.


128 – Opinjoni 1/91 (EU:C: 1991:490, punt 21) u Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 65).


129 – Sentenzi Haegeman (181/73, EU:C: 1974:41, punt 5), IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C: 2006:10, punt 36) u Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C: 2011:864, punt 73).


130 – Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB, teħid inkunsiderazzjoni li jista’ jkun obbligatorju f’dan il-każ, ara l-punti 249 sa 277 ta’ din l-opinjoni.


131 – F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008: 461, punti 285 u 304), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-prinċipju li l-atti kollha tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem jagħmel parti mill-prinċipji kostituzzjonali tagħha u li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija fundamentali għall-Unjoni.


132 – Dwar din il-problema ara, bħala eżempju, b’mod partikolari s-sentenzi Schmidberger (C‑112/20, EU:C:2003:333), Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614), International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union “Viking” (C‑438/05, EU:C:2007:772), Laval u Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809), Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008/85) u Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238).


133 – Fuq ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti EDB ara wkoll, b’mod partikolari, il-punti 163 sa 171 ta’ din l-opinjoni.


134 – Bil-Franċiż: “pour garantir que les recours formés par des États non membres et les recours individuels soient dirigés correctement contre […]”; bl-Ingliż: “to ensure that proceedings by non-Member States and individual applications are correctly addressed to […]” (enfasi miżjuda minni).


135 – Rapport ta’ spjega, punt 38.


136 – Ara wkoll il-punt 39 tar-rapport ta’ spjega, li jipprovdi li l-mekkaniżmu ta’ difiża konġunta huwa mezz sabiex “tiġi evitata kull lacuna fis-sistema tal-Konvenzjoni marbuta mal-parteċipazzjoni, mar-responsabbiltà u mal-infurzabbiltà”.


137 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tat-30 ta’ Ġunju 2005, Bosphorus vs L-Irlanda (Applikazzjoni Nru 45036/98, Recueil des arrêts et décisions 2005-VI), u d-deċiżjoni tal-Qorti EDB tal-20 ta’ Jannar 2009, Cooperative Producentenorganisatie van de Nederlandse Kokkelvisserij et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Applikazzjoni Nru 13645/05).


138 – Din il-problema diġà qamet fil-passat: ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat-18 ta’ Frar 1999, Matthews vs Ir-Renju Unit (Applikazzjoni Nru 24833/94, Recueil des arrêts et décisions 1999-I).


139 – Ara, f’dan is-sens, l-aħħar sentenza tal-punt 56 tar-rapport ta’ spjega.


140 – Punt 53 tar-rapport ta’ spjega.


141 – Fuq il-prinċipju ta’ awtonomija, ara, b’mod ġenerali, il-punt 159 ta’ din l-opinjoni.


142 – Anness II mar-rapport finali.


143 – Rapport ta’ spjega, l-aħħar sentenza tal-punt 52.


144 – Din hija r-raġuni għaliex avviż dwar kull kawża pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni jiġi ppubblikat fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif tinfetaħ il-proċedura.


145 – Għal uħud mill-partijiet fil-proċedura, it-tielet sentenza tal-Artikolu 3(5) tal-abbozz ta’ ftehim tippermetti biss lill-Qorti EDB tiżgura li t-talba tkun immotivata filwaqt li, għal oħrajn, il-Qorti EDB tista’ teżamina wkoll il-mertu u tivverifika jekk il-motivi invokati humiex prima facie fondati.


146 – Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, ara l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; dwar il-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ rikorsi diretti u fl-appelli, ara l-Artikolu 40(1) ta’ dan l-Istatut u l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


147 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 135, 179, 184 u 235 ta’ din l-opinjoni.


148 – Punt 77 tar-rapport ta’ spjega.


149 – Din ir-regola proċedurali ġdida, intitolata “Sentenzi u ftehimiet bonarji fil-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni Ewropea”, għandha tiġi inkluża fir-“Regoli tal-Kumitat tal-Ministri dwar is-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi u tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bonarji” (Anness III tar-rapport finali).


150 – Punt 82 tar-rapport ta’ spjega.


151 – Punti 84 sa 92 tar-rapport ta’ spjega


152 – L-importanza ta’ kontroll effettiv u ġust mill-Kumitat tal-Ministri hija enfasizzata wkoll fil-punt 27 tad-Dikjarazzjoni ta’ Brighton.


153 – Il-Protokolli addizzjonali Nri 4, 7, 12 u 13 għall-KEDB għadhom ma ġewx irratifikati mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.


154 – Ara, b’mod partikolari, l-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikoli 19, 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


155 – Ara, pereżempju, dwar il-prinċipju ġenerali tad-dritt ne bis in idem, is-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59) u Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C‑289/04 P, EU:C:2006:431, punt 50).


156 – Ara l-punt 198 ta’ din l-opinjoni.


157 – Ara l-punt 198 ta’ din l-opinjoni.


158 – Jekk tittieħed pożizzjoni iktar iddettaljat dwar il-kwistjoni, ikun qiegħed jiġi estiż is-suġġett ta’ din il-proċedura għal opinjoni. Nista’ biss nindika hawnhekk li jista’ jkun possibbli, iżda f’ebda każ obbligatorju, li tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-livell intern tal-Unjoni, l-idea legali bażika espressa fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 216(2) TFUE u, jekk ikun meħtieġ, li jiġi limitat b’hekk l-impenn tal-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB kif irratifikata mingħajr riżervi mill-Unjoni.


159 – Ara l-punti 217 sa 219 ta’ din l-opinjoni.


160 – Sentenza tal-Qorti EDB tat-30 ta’ Ġunju 2005, Bosphorus vs L-Irlanda (Applikazzjoni Nru 45036/98, Recueil des arrêts et décisions 2005-VI).


161 – Opinjoni 1/92 (EU:C:1992:189, punt 1 tad-dispożittiv).