Language of document : ECLI:EU:F:2010:52

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

15 ta’ Ġunju 2010

Kawża F-45/09

Maddalena Lebedef-Caponi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2007 — Rikors għal annullament — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Rappreżentanti tal-persunal — Opinjoni tal-grupp ad hoc”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Lebedef‑Caponi titlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tagħha għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2007.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att li jikkawża preġudizzju — Konstatazzjoni ex officio

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Stabbiliment — Uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Stabbiliment — Uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 43)

1.      It-Tribunal għas-Servizz pubbliku ma huwiex kompetenti sabiex jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-persuni inkarigati sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-persuna evalwata. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali tagħhom. Id-deċiżjonijiet ta’ valur magħmula fuq l-uffiċjali fir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju, li jiġi eżerċitat biss fuq l-eventwali irregolaritajiet proċedurali, l-iżbalji ta’ fatt manifesti li jivvizzjaw l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, kif ukoll fuq eventwali abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Ottubru 2005, Leite Mateus vs Il‑Kummissjoni, T‑51/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 51; 13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il‑Kummissjoni, T‑285/04, ĠabraSP p. I‑A‑2-161 u II‑A-2-775, punt 99

2.      Il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att li jikkawża preġudizzju huwa motiv ta’ ordni pubblika li għandu, f’kull każ, jiġi eżaminat ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 56; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Frar 1992, BASF et vs Il‑Kummissjoni, T‑79/89, T‑84/89, T‑85/89, T‑86/89, T‑89/89, T‑91/89, T‑92/89, T‑94/89, T‑96/89, T‑98/89, T‑102/89 u T‑104/89, Ġabra p. II‑315, punt 31

3.      Għalkemm, skont l-Artikolu 6(3)(c) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, l-evalwaturi ta’ uffiċjal li jwettaq attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal huma obbligati li jikkonsultaw il-grupp ad hoc ta’ evalwazzjoni u li jieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni ta’ dan il-grupp meta jfasslu r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera, madankollu huma ma humiex obbligati li jimxu ma’ din l-opinjoni. Jekk huma ma jimxux ma’ din l-opinjoni, huma għandhom jispjegaw ir-raġunijiet li wassluhom sabiex jinjoraw tali opinjoni, is-sempliċi tehmiż tal-opinjoni tal-grupp ad hoc mar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ma huwiex biżżejjed, f’dan ir-rigward, sabiex jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni ġie sodisfatt.

Barra minn hekk, la minn ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni ma jirriżulta li l-obbligu tal-evalwatur li jieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-grupp ad hoc jorbothom li jagħtu lil uffiċjal punti partikolari minbarra dawk intiżi sabiex jiġu evalwati l-attivitajiet tiegħu eżerċitati fil-kuntest tal-impjieg tiegħu.

(ara l-punti 45 u 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Novembru 2003, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑326/01, ĠabraSP p. I‑A‑273 u II‑1317, punt 55; 5 ta’ Novembru 2003, Lebedef‑Caponi vs Il‑Kummissjoni, T‑98/02, ĠabraSP p. I‑A‑277 u II‑1343, punt 50; 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1465, punt 87; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, ĠabraSP p. I‑A‑2-121 u II‑A‑2‑569, punt 84; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Diomede Basili vs Il‑Kummissjoni F‑108/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑447 u II‑A‑1‑2515, punti 37 u 47

4.      It-twettiq ta’ funzjoni li għaliha l-uffiċjal ġie maħtur mill-amministrazzjoni u mhux mill-Kumitat tal-Persunal jew minn organizzazzjoni sindakali jew professjonali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal fis-sens tal-Artikolu 6(3)(c) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni. Issa, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, min-naħa tal-evalwaturi, ta’ tali attivitajiet, għalkemm ċertament infeliċi, ma jistax iwassal għal interpretazzjoni li tmur manifestament kontra l-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3)(c) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni kif ikkompletati bl-Anness I tal-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punt 57)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Diomede Basili vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35