KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2016 (1)
Kawża C‑560/14
M
vs
Minister for Justice and Equality Ireland and the Attorney General
[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2004/83/KE – Regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja – Protezzjoni sussidjarja – Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Dritt għal smigħ – Portata – Ħtieġa ta’ smigħ – Dritt li jiġu indikati xhieda u li jiġu kkontroeżaminati”
1. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex tippreċiża iżjed il-portata tad-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni (2), b’riferiment partikolari għall-proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni sussidjarja mid-Direttiva 2004/83 (3).
2. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court Irlandiża qamet fil-kuntest tal-appell li hemm quddiemha mis-sentenza li tat il-High Court wara s-sentenza fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-domanda preliminari tas-Supreme Court taqa’ fil-kuntest tas-sistema Irlandiża għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża, li diġà tat lok għal diversi domandi preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (4). Il-partikolarità tal-leġiżlazzjoni Irlandiża, issa rriformata darbtejn (5), kienet fl-għażla li titwaqqaf sistema doppja, ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ żewġ proċeduri speċifiċi u distinti fl-ipproċessar, min-naħa, tal-applikazzjonijiet għall-ażil u, min-naħa l-oħra, tal-applikazzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjara.
3. Fis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza li, f’sistema bħal dik, id-dritt għal smigħ (6), fid-dawl tan-natura fundamentali li dan għandu, jiġi ggarantit għalkollox fil-kuntest ta’ kull waħda miż-żewġ proċeduri. Iżda mill-atti ta’ din il-kawża jirriżulta li s-sentenza M. kienet suġġetta għal interpretazzjonijiet diverġenti fost il-partijiet għal dak li jirrigwarda l-portata eżatta li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għal dan id-dritt. B’mod iktar partikolari, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk jirriżultax jew le minn dik is-sentenza li, sabiex f’sistema ta’ dan it-tip id-dritt għal smigħ jiġi garantit għalkollox fil-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, huwiex meħtieġ jew le li jingħata lil min jitlobha, quddiem l-amministrazzjoni li tiddeċiedi l-applikazzjoni tiegħu, smigħ fejn jistgħu jissejħu xhieda, meta jkun diġà sar smigħ fil-kuntest tal-proċedura preċedenti dwar l-applikazzjoni tiegħu ta’ ażil. Essenzjalment, din hija l-kwistjoni li hija mitluba tirrispondi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża presenti.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/83 għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi dwar, minn naħa, ir-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew dawk mingħajr stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, u min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.
5. Skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83, persuna hija eliġibbli għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja meta jeżistu raġunijiet fondati sabiex jiġi deċiż li, jekk il-persuna terġa’ tmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini inkwistjoni, hija tgħaddi mir-riskju reali ta’ periklu serju kif iddefinit fl-Artikolu 15 tal-istess direttiva. Skont dan l-aħħar artikolu huma kkunsidrati bħala periklu serju l-piena kapitali jew l-eżekuzzjoni [paragrafu (a)], jew it-tortura jew forma oħra ta’ piena jew trattament inuman jew degradanti ta’ ħsara għaliha [paragrafu (b)], jew ukoll, it-theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern [pragrafu (ċ)].
6. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, inkluż fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, bl-isem “[s]tima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali” jagħti indkazzjonijiet fuq kif għandu jsir l-eżami tal-fatti u ċ-ċirkustanzi wara dawn it-talbiet. Dan l-artikolu jistabbilixxi b’mod partikolari, fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istat Membru huwa obbligat, f’kooperazzjoni mal-applikant, li jeżamina l-elementi kollha sinjifikattivi tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jiriżulta wkoll li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jsir fuq bażi individwali u jipprevedi l-evalwazzjoni ta’ sensiela ta’ elementi indikati hemmhekk, fosthom, b’mod partikolari skont is-subparagrafu (ċ) ta’ dan il-paragrafu, is-sitwazzjoni individwali u personali tal-applikant sabiex jiġi evalwat jekk, skont iċ-ċirkustanzi personali tiegħu, l-atti li kien jew seta’ kien espost għalihom jikkwalifikawx bħala persekuzzjoni jew ta’ periklu serju.
7. Id-Direttiva 2005/85 (7) tistabbilixxi r-regoli minimi għall-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. L-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu, li din tapplika għall-applikazzjonijiet kollha ta’ ażil. Madankollu, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, “[f]ejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83/KE, dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom”. Il-paragrafu 4, tal-istess artikolu, jgħid li “[b]arra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva fi proċeduri sabiex jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal kull tip ta’ protezzjoni internazzjonali”.
8. L-Artikolu 12(1), tad-Direttiva 2005/85, bl-intestatura “Intervista personali” jistabbilixxi “[q]abel ma’ tiġi meħuda deċiżjoni mill-awtorita determinanti, l-applikant għall-ażil għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista”. Madankollu, skont il-paragrafi 2 u 3, tal-istess artikolu din l-intervista tista’ ma ssirx f’sensiela ta’ każijiet indikati hemmhekk (8).
B – Id-dritt nazzjonali
9. Kif ġie osservat preċedentement, fl-Irlanda, meta kienet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-fatti tal-każ, l-applikazzjoni għall-ażil u dik għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja kienu s-suġġett ta’ proċeduri speċifiċi u distinti li kienu jsiru waħda wara l-oħra.
10. Il-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja kienet irregolata mill-European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006 [regolament tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ protezzjoni)], li adotta l-Minister for Justice, Equality and Law Reform (iktar ’il quddiem il-“Minister”) fid-9 ta’ Ottubru 2006, u b’mod partikolari kellha bħala għan it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83.
11. Dak ir-regolament ma kellu l-ebda dispożizzjoni li kienet tipprevedi li l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja kellu jinstema’ f’intervista personali fil-kuntest tal-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu. Fil-frattemp, ir-regoli dwar il-proċedura għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni sussidjarja kienu suġġetti għal żewġ riformi (9) li, madankollu, ma humiex rilevanti, rationae temporis, f’din il-kawża.
II – Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari
12. L-iżvolġiment tal-proċeduri dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja ta’ M. quddiem l-awtoritajiet Irlandiżi huwa spjegat fid-dettall fil-punti 39 sa 46 tas-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) u li għaliha qed isir riferiment speċifiku. Għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ din il-kawża, ser nillimita ruħi sabiex infakkar li M., ċittadin mir-Rwanda ta’ etniċità Tutsi, oriġinarjament daħal fl-Irlanda fl-2006 u kellu viża ta’ student, u meta din skadiet, fl-2008, applika sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat. Fil-kuntest tal-proċedura dwar din l-applikazzjoni, M. nstema’ matul l-intervista personali li saret għand l-Office of the Refugee Application Commissioner [uffiċċju tal-kummissarju għall-applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat]. M. ppreżenta appell mid-deċiżjoni negattiva ta’ din l-aħħar entità quddiem ir-Refugee Appeal Tribunal [tribunal ta’ appell tar-refuġjati], li, wara proċedura li saret esklużivament bil-miktub, ċaħad b’mod definittiv l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. billi qies li ma kienu xejn kredibbli l-affermazzjonijiet tiegħu dwar ir-riskji ta’ persekuzzjoni li kien jgħaddi minnhom kieku mar lura fir-Rwanda.
13. F’Diċembru 2008, M. ippreżenta applikazzjoni lill-Minister intiża sabiex jikseb il-protezzjoni sussidjarja, li iżda wkoll ġiet miċħuda. Fid-deċiżjoni negattiva tiegħu, adottata mingħajr ma ngħata l-ebda smigħ lil M. dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja, il-Minister ikkonkluda li M. ma weriex l-eżistenza ta’ raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jaħseb li jekk imur lura r-Rwanda, kien jgħaddi minn riskju li jbati periklu serju fis-sens indikat mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83. Mill-fajl jirriżulta li sabiex tiġi ġġustifikata din id-deċiżjoni, il-Minister, sabiex jiċħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M., kien illimita ruħu l-iktar billi rrefera għar-raġunijiet invokati preċedentement.
14. M. ikkontesta d-deċiżjoni tal-Minister fil-High Court li, waqt il-proċeduri dwar dan ir-rikors, rrinvjat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. B’din id-domanda, il-High Court riedet taf mill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk, f’każ bħal dak ta’ M. fejn persuna titlob li tingħata l-protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda tal-għoti tal-istatus ta’ rifuġjat, l-obbligu ta’ kooperazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, jeħtieġx li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, meta jkun fi ħsiebhom li jadottaw deċiżjoni negattiva, jipprovdux lill-applikant, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik, ir-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom b’mod li jkun jista’ jesprimi ruħu fuq hekk dwar l-aspetti tad-deċiżjoni proposta li jipprevedu eżitu negattiv.
15. Fis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), wara li rrispondiet b’mod negattiv għad-domanda preliminari li għamlitilha l-High Court (10), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 75 et seq, enfasizzat b’mod speċifiku r-rwekwiżit li jiġu rrispettati fil-kuntest ta’ kull waħda miż-żewġ proċeduri ‐ jiġifieri dik tal-ażil u dik dwar il-protezzjoni sussidjarja ‐ id-drittijiet fundamentali tal-appellant u, b’mod iktar partikolari d-dritt tiegħu għal smigħ, fis-sens li għandu jkun jista’ jesprimi b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tiċħadlu l-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. B’mod iktar partikolari, fit-tieni inċiż tal-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostniet li, f’sistema doppja bħal dik Irlandiża, “iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jifissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja”.
16. Wara li tat is-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, fit-23 ta’ Jannar 2013 il-High Court tat is-sentenza tagħha (11). Hija kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li sostna M., il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) ma riditx issostni li, f’sistema doppja bħal dik Irlandiża, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi, b’mod ġenerali, li l-applikant għandu d-dritt għal smigħ personali fil-kuntest tal-proċedura tal-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja, anki għalkemm f’ħafna każijiet, dan id-dritt jista’ jeżisti. Minkejja dan, il-High Court annullat id-deċiżjoni tal-Minister billi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa ma rrispettax id-dritt għal smigħ ta’ M. fil-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja, billi minn naħa, huwa kien ibbaża ruħu kompletament fuq konstatazzjonijiet negattivi, magħmulin fil-kuntest tal-analiżi tal-applikazzjoni għall-ażil, dwar il-kredibbiltà tal-affermazzjonijiet ta’ M. fuq il-perikli li kien ibati kieku mar lura r-Rwanda u, min-naħa l-oħra huwa ma kien għamel l-ebda evalwazzjoni distinta u indipendenti tal-affermazzjonijiet li għamel M sabiex isostni l-applikazzjoni tiegħu (12).
17. Il-Minister, l-Irlanda u l-Attorney General ikkontestaw is-sentenza tal-High Court quddiem il-qorti tar-rinviju, u sostnew li l-High Court interpretat b’mod żbaljat is-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744). Min-naħa tiegħu, M. ppreżenta rikors inċidentali fejn sostna li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-High Court, mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa għandu dritt għal intervista personali fil-proċedura dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja.
18. Il-qorti tar-rinviju tirrileva l-ħtieġa ta’ spjegazzjoni dwar l-applikazzjoni korretta tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 85 et seq tas-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), fil-każ bħal dak tal-lum, fejn jeżistu proċeduri separati għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja.
19. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura prinċipali u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-‘dritt ta’ smigħ’ [dritt għal smigħ] fid-dritt tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li persuna li tagħmel talba għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva 2004/83/KE tingħata l-benefiċċju ta’ smigħ relatat ma’ din it-talba, inkluż id-dritt li ssejjaħ jew li tagħmel kontroeżami tax-xhieda, meta t-talba titressaq f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru kkonċernat jipprevedi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami tat-talba intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, rispettivament?”
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari wasal għand ir-Reġistratur fil-5 ta’ Diċembru 2014. Ippreżentaw osservazzjonijiet M., il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta, li saret fit-18 ta’ Frar 2016, ħadu sehem M., il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni.
IV – Analiżi ġuridika
21. Bid-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk fid-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ġiet ippreżentata fi Stat Membru li jistabbilixxi żewġ proċeduri distinti, waħda li ssegwi l-oħra, rispettivament għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja, dan id-dritt jirrikjedix neċessarjament li l-applikant jingħata smigħ dwar l-applikazzjoni tiegħu ta’ protezzjoni sussidjarja, fejn huwa jkollu dritt isejjaħ xhieda u jikkontroeżaminahom.
22. Kif ġie rrilevat diġà, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari isegwi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ngħatat fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:744), li l-interpretazzjoni tagħha hija deċiżiva għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll l-intervenjenti fil-proċedura tal-lum isostnu pożizzjonijiet opposti dwar il-mod kif din is-sentenza għandha tiġi interpretata.
23. Minn naħa, M isostni li fis-sentenza ċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet il-ħtieġa li lill-applikant għall-protezzjoni sussidjarja jingħata smigħ sabiex, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-proċedura prinċipali, ikun jista’ jitqies li ġie rrispettat id-dritt tiegħu għal smigħ. Anki l-Kummissjoni tqis li, fil-każ ta’ dan it-tip, ir-rispett tad-dritt għal smigħ jirrikjedi li jsir smigħ. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Irlandiż, li l-pożizzjoni tiegħu hija sostnuta mill-Gvern Franċiżi u l-Gvern Ċek, isostni l-pożizzjoni opposta u jqis li, fil-każ ta’ dan it-tip, sabiex id-dritt għal smigħ jiġi rrispettat, huwa biżżejjed li l-applikant kellu l-possibbiltà li jesprimi ruħu b’mod eżawrjenti, anki jekk sempliċiment bil-miktub, dwar ir-raġunijiet kollha li qegħdin fil-bażi tat-talba tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja.
24. Sa fejn, proprju bħal fil-kawża M., anki dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem, b’mod ġenerali, il-kwistjoni tal-portata tad-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni partikolari bħal dik li hija s-suġġett fil-proċeduri prinċipali (13), inqis li jkun utli, sabiex nirrispondi d-domanda preliminari, li nsemmi fil-qosor il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza reċenti tagħha dwar dan id-dritt.
A – Prinċipji mill-ġurisprudenza dwar id-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni
25. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li parti integrali minnhom huwa d-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura (14).
26. Id-dritt ta’ kull individwu li jingħata smigħ qabel ma tiġi adottata fil-konfront tiegħu miżura individwali li tippreġudikah huwa issa sanċit espressament fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħala espressjoni partikolari tad-dritt għal amministrazzjoni tajba (15).
27. Kif kelli okkażjoni nfakkar riċentement (16), il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 41 tal-Karta għall-Istati Membri, meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (17), tibqa’ suġġetta għal kontroversja fil-ġurisprudenza. Skont l-ewwel linja ġurisprudenzjali, li jiena nikkondividi (18), dak l-artikolu jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li tapplika mhux biss għall-istituzzjonijiet għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, iżda wkoll għall-Istati Membri meta huma jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (19). Skont linja ġurisprudenzjali oħra, li hija bbażata fuq is-sinjifikat litterali tad-dispożizzjoni, jirriżulta mill-fatt li din id-dispożizzjoni hija indirizzata b’mod espliċitu unikament lill-istituzzjonijietlill-korpi u lill-organi tal-Unjoni, u mhux lill-Istati Membri, li d-dritt għal smigħ ta’ individwu li huwa parti fi proċeduri quddiem l-amministrazzjoni ta’ Stat Membru fejn din timplementa d-dritt tal-Unjoni ma huwiex ibbażat fuq l-Artikolu 41 tal-Karta, iżda fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (20).
28. Madankollu, fil-kawża preżenti din il-kwistjoni, għalkemm għandha ċerta importanza fir-rigward tad-definizzjoni eżatta tal-bażi ġuridika li fuqha jistrieħ id-dritt għal smigħ ta’ M., fil-verità, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma għandhiex effett prattiku għaliex ma hemm l-ebda dubju fuq il-ħtieġa tar-rispett ta’ dan id-dritt quddiem l-awtoritajiet Irlandiżi, indipendentement mill-fatt li huwa bbażat fuq l-Artikolu 41 tal-Karta jew fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
29. Dwar il-kontenut tad-dritt ta’ smigħ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà tal-manifestazzjoni, b’mod utli u effikaċi, tal-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrativa u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tiegħu (21). Dan id-dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni kompetenti tagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa għall-osservazzjonijiet tal-persuna involuta billi teżamina, b’mod attent u imparzjali, l-elementi kollha rilevanti taċ-ċirkustanzi tal-każ u billi timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha (22).
30. Ġie osservat li d-dritt għal smigħ għandu funzjoni doppja: minn naħa, jippermetti li wieħed isir jaf x’fih il-fajl u jaċċerta ruħu bl-iktar mod preċiż u korrett possibbli dwar il-fatti, u min-naħa l-oħra, dak li jiżgura protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. B’mod partikolari, għandu l-għan li jiggarantixxi li kwalunkwe deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’għarfien sħiħ tal-fatti (23) u, b’mod partikolari, ikollha l-għan li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tikkorreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni tali elementi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni personali tagħha b’mod li d-deċiżjoni tiġi adottata jew le, jew li jkollha kontenut pjuttost milli ieħor (24).
31. Meta l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża, u għalhekk anki d-dritt għal smigħ, tad-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjfikattiv l-interessi tagħhom, u dan anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament formalità bħal dik (25).
32. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li għalihom għandu jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-qafas ta’ proċedura partikolari, id-determinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-miżuri adottati f’dan ir-rigward ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli (prinċipju ta’ ekwivalenza) irregolati mid-dritt nazzjonali u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (26). Dawn ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività huma espressjoni tal-obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali (27).
33. Madankollu, id-drittijiet fundamentali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jkunu suġġetti għal xi restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u inaċċettabbli li jikser is-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (28).
34. Barra minn hekk, l-eżistenza tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku u, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest li fih ġie adottat u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett partikolari (29). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat espliċitament li l-modalitajiet, li skont dawn il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrigwardaha għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (30).
35. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa fil-kuntest ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif spjegat fil-punti preċedenti, kif ukoll tas-sistema u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni, li l-Istati Membri, fil-limiti tal-awtonomija proċedurali tagħhom, għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet sabiex jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal smigħ tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod rilevanti l-interessi tagħhom (31), u dan dejjem fir-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività msemmija fil-punt 32 preċedenti.
B – Dwar il-portata tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura dwar l-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja
36. Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix regoli preċiżi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet sabiex jiġi ggarantit, fil-proċedura amministrattiva, ir-rispett tad-dritt għal smigħ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għal protezzjoni sussidjarja.
37. B’mod iktar partikolari, f’kuntest leġiżlattiv bħal dak quddiem il-qorti tar-rinviju, dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet ma huma stabbiliti la mid-Direttiva 2004/83, li ma fihiex regoli proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali (32), u lanqas mid-Direttiva 2005/85, li skont l-Artikolu 3 tagħha, ma tapplikax għall-applikazzjonijiet ta’ protezzjoni sussidjarja, ħlief fil-każ fejn Stat Membru jistitwixxi proċedura waħda għall-ipproċessar taż-żewġ applikazzjonijiet tiegħu ta’ protezzjoni internazzjonali (ażil u protezzjoni sussidjarja) (33), li, ġie rrilevat, ma kienx il-każ tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Irlanda fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali (34).
38. Isegwi mill-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2005/85 li l-kwistjoni tal-eżistenza eventwali ta’ dritt għal smigħ fil-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja ta’ M. fi kwalunkwe każ ma tistax tiġi analizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/85. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ, lanqas b’analoġija, billi, kif sostniet ġustament l-Irlanda, l-applikazzjoni tagħha, anki b’mod indirett, ikollha bħala konsegwenza, minn naħa, li tispiċċa mingħajr effettività l-għażla tal-leġiżlatur ta’ Stat Membru li jkun għażel, meta kienet fis-seħħ id-Direttiva 2005/85, li jissuġġetta l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja għal sistemi proċedurali distinti u, min-naħa l-oħra, li jispiċċaw mingħajr effett utli d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3) u (4) tal-istess direttiva sabiex, essenzjalment, tiġi imposta l-applikazzjoni ta’ dak l-att leġiżlattiv anki għal każijiet fejn din ma tapplikax.
39. Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, sabiex jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali dwar ir-rispett tad-dritt għal smigħ fil-proċedura dwar l-eżami ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni sussidjarja, sabiex fl-istess ħin jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (35).
40. B’mod iktar partikolari, mir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja li r-regoli proċedurali nazzjonali għandhom jirregolaw l-iżvolġiment tal-proċedura dwar l-applikazzjonijiet intiżi għall-għoti ta’ din il-protezzjoni b’mod tali li l-applikanti jiġu ggarantiti aċċess effettiv għad-drittijiet li tagħtihom id-Direttiva 2004/83 (36). Għal dak li jirrigwarda speċifikament il-każ tal-lum, dan ifisser li r-regoli nazzjonali għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet u modalitajiet proċedurali għall-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ fil-proċedura b’mod li l-persuni kkonċernati jiġu ggarantiti aċċess effettiv għad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus tal-protezzjoni sussidjarja.
41. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-portata tad-dritt għal smigħ, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali meħtieġa sabiex jiġi rrispettat, għandhom jiġu evalwati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-għanijiet tal-proċedura inkwistjoni, jiġifieri ta’ dak intiż għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, kif previst mid-Direttiva 2004/83.
42. Issa, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja bħal dik prevista fid-Direttiva 2004/83 għandha l-iskop espliċitu li toffri “stat xieraq” lill-persuni li, anki mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu refuġjati, jeħtieġu, minkejja dan, protezzjoni internazzjonali (37). Il-protezzjoni sussidjarja għalhekk tikkostitwixxi forma ta’ protezzjoni kumplimentari u supplimentari (38), li tingħata jekk jiġu ssodisfattirekwiżiti differenti minn dawk previsti għall-għoti tad-dritt tal-ażil u li tagħti drittijiet li għandhom natura differenti minn dawk attribwiti mill-istatus ta’ refuġjat (39).
43. Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja hija kkaratterizzata mill-fatt li s-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant għandha rwol essenzjali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, li huwa rifless barra minn hekk fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83.
44. Fil-fatt, min-naħa, għal dak li jirrigwarda t-tipi ta’ periklu serju previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, li r-riskju tal-eżistenza tagħhom jiġġustifika l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja (40), mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn jippreżumu t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant. Fil-fatt, kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ittri (a) u (b) ta’ dak l-artikolu jirrigwardaw sitwazzjonijiet fejn l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja huwa espost b’mod speċifiku għar-riskju ta’ periklu ta’ tip partikolari, filwaqt li l-perikolu ddefinit fil-paragrafu (ċ) tal-istess artikolu jirrigwarda r-riskju ta’ periklu iktar ġenerali. Fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li, anki f’dan il-każ tal-aħħar, is-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant jista’ jkollha rwol fundamentali fid-deċiżjoni finali. Fil-fatt, hija indikat li, iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament affettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata mitluba sabiex jista’ jkun jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja (41).
45. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta b’mod espliċitu li, fl-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, u għalhekk anki f’dik dwar il-protezzjoni sussidjarja, għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni individwali u personali tal-applikant sabiex jiġi evalwat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi personali tiegħu, l-atti li ġie jew seta’ ġie espost għalihom jitqisux bħala periklu serju.
46. Barra minn hekk, ġie rrilevat ġustament li l-proċedura intiża għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja, l-istess bħal dak għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, hija kkaratterizzata minn sitwazzjoni umana u materjali diffiċli u tirrigwarda l-preservazzjoni ta’ drittijiet essenzjali tal-persuna kkonċernata, li għaliha d-deċiżjoni li ser tingħata għandha importanza vitali. Għalhekk, proċedura bħal din hija kkaratterizzata mill-pożizzjoni assolutament ċentrali tal-persuna kkonċernata, li mhux biss tibda dik il-proċedura, iżda hija l-unika waħda li tista’ konkretament tesponi l-istorja personali tagħha li tista’ twassal għall-għoti ta’ dak l-istatus, kif ukoll il-kuntest li fih din żvolġiet (42).
47. Huwa fuq kollox preċiżament minħabba l-partikolarità tal-għanijiet u tan-natura tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja u tal-aspetti tagħha ta’ differenzjazzjoni dwar il-proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) tat importanza kbira lin-natura fundamentali tad-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kif ukoll fuq ir-rekwiżit li dan id-dritt jiġi ggarantit għal ollox f’din il-proċedura, u dan anki f’sistema doppja bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali (43).
48. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tan-natura partikolari u tal-għanijiet tal-proċedura intiża għall-verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, l-effettività tal-aċċess għad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus tippresupponi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’kundizzjoni li teżerċita b’mod partikolarment effettiv id-dritt għal smigħ f’din il-proċedura. Fil-fatt, huwa biss jekk l-applikant għandu l-possibbiltà effettiva li jippreżenta b’mod utli u effikaċi l-istorja tiegħu personali u l-kuntest li fiha tiżvolġi, bl-espożizzjoni lill-amministrazzjoni kompetenti b’mod komplet u xieraq tal-fatti u l-elementi kollha insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, li huwa jista’ jkollu aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus, kif previst mid-Direttiva 2004/83.
49. F’dan ir-rigward nirrileva wkoll li r-rekwiżit li jiġi ggarantit l-eżerċizzju b’mod partikolari l-effettività tad-dritt għal smigħ xieraq, li għadni kif irreferejt għalih, jgħodd bl-istess mod kemm għall-proċedura dwar l-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja kif ukoll għal dik dwar l-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, anki għalkemm, kif għedt, huma differenti r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-għoti taż-żewġ status, iż-żewġ proċeduri għandhom il-karatteristiċi li ntwerew fil-punti preċedenti minn 43 sa 46, jiġifieri ċ-ċentralità tal-persuna tal-applikant u l-importanza vitali tal-interessi tiegħu involuti, kif ukoll l-importanza, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, tas-sitwazzjoni individwali speċifika tal-applikant. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-Artikolu 4(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 tapplika għaż-żewġ status.
50. Barra minn hekk, miċ-ċirkustanza li ż-żewġ status jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji differenti, kif ukoll mir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 4(3)(ċ) ċċitat tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li s-sitwazzjoni individwali u personali tal-applikant għandha tiġi evalwata speċifikament u b’mod distint fir-rigward taż-żewġ kriteriji differenti (jiġifieri, minn naħa, ir-riskju ta’ persekuzzjoni jew, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ periklu serju), li fiż-żewġ proċeduri d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi garanzija proċedurali li tirriferi għal diversi elementi.
C – Fuq il-kwistjoni tal-ħtiega ta’ smigħ tal-applikant għall-protezzjoni sussidjarja għar-rispett tad-dritt għal smigħ f’sistema doppja ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali
51. F’dan il-punt tqum il-kwistjoni, fondamentali fil-proċedura fil-kawża prinċipali, jekk ir-rekwiżit iċċitat iktar 'il fuq ta’ garanzija tal-effettività tad-dritt għal smigħ fil-proċedura dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja jistax jiġi ssodisfatt esklużivament permezz ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata, jew jekk minflok, kif isostni l-Gvern Irlandiż, f’sistema doppja għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, jistax jitqies biżżejjed għal dan il-għan il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub, meta dan is-smigħ ikun seħħ diġà fil-proċedura preċedenti dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.
52. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok nirrileva li, kuntrarjament għal dak li jidher li jqis M., mis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li fil-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, huwa dejjem meħtieġ smigħ tal-persuna kkonċernata.
53. B’mod partikolari, interpretazzjoni bħal din ma tirriżultax mill-affermazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni inċiż tal-aħħar sentenza tal-punt 95 ta’ dik is-sentenza, imtennija kelma b’kelma fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din l-affermazzjoni għandha titpoġġa fil-kuntest tas-sentenza. B’mod partikolari hija tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi risposta għall-argument imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u deskritta minnha fil-punt 90 tal-istess sentenza fejn ingħad li f’sistema doppja, fil-każ fejn is-smigħ tal-persuna kkonċernata jkun diġà sar fil-kuntest tal-istruttorja tal-applikazzjoni għall-ażil “ma huwiex neċessarju li jsir smigħ ġdid ta’ din tal-aħħar għall-ħtiġijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, peress li din il-formalità b’ċertu mod tapplika flimkien ma’ dik li minnha l-barrani diġà bbenefika f’kuntest paragunabbli ħafna”.
54. Fid-dawl ta’ dan, kif ukoll tal-punt 91 tal-istess sentenza, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet issostni li, f’sistema doppja, il-fatt li smigħ tal-persuna kkonċernata jkun seħħ diġà fil-proċedura dwar l-applikazzjoni għall-ażil ma jimplikax, jew ma għandux bħala konsegwenza (inżid ngħid meħtieġa), li s-smigħ tal-persuna ma għandux isir fil-proċedura dwar il-protezzjoni sussidjarja, billi d-dritt għal smigħ għandu fi kwalunkwe każ jiġi ggarantit għalkollox anki f’din l-aħħar proċedura.
55. Għalhekk, is-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) għandha fil-fehma tiegħi tinqara mhux tant fis-sens ta’ ħtieġa assoluta ta’ smigħ fil-proċedura dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, iżda pjuttost bħala sejħa qawwija għar-rekwiżit li d-dritt għal smigħ jiġi rrispettat għalkollox f’dik il-proċedura anki f’sistema doppja. Interpretazzjoni bħal din hija fuq kollox konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil, fejn huma possibbli eċċezzjonijiet għall-fakultà li jkun hemm smigħ personali (44).
56. Jekk kunsiderazzjonijiet bħal dawn ma jiffavorixxux ir-rikonoxximent ta’ dritt assolut għal smigħ personali fil-każijiet kollha fil-proċedura dwar il-protezzjoni sussidjarja, ir-rekwiżit partikolari ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ f’din it-tip ta’ proċedura, fid-dawl tan-natura partikolari tagħha u tal-għanijiet tagħha, iwassalni sabiex inqis, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, li s-smigħ personali tal-applikant għandu madankollu jikkostitwixxi r-regola u mhux l-eċċezzjoni u li għalhekk dan jista’ ma jsirx biss f’każijiet eċċezzjonali, u dan anki f’sistema doppja.
57. F’dan ir-rigward, skont kif għedt fil-punt 30 preċedenti, il-funzjoni tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja hija dik li tippermetti lill-amministrazzjoni kompetenti sabiex il-persuna kkonċernata tieħu pożizzjoni fuq il-fatti li huma fil-bażi tal-applikazzjoni tagħha, b’mod li jiġi żgurat, minn naħa, il-protezzjoni effettiva tagħha u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tal-amministrazzjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti.
58. Issa, is-smigħ personali jikkostitwixxi l-ikbar espressjoni tad-dritt għal smigħ. Għall-applikant, hija tikkostitwixxi l-unika okkażjoni sabiex jesponi personalment l-istorja tiegħu u sabiex jitkellem direttament mal-persuni l-iktar ikkwalifikati sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu (45). F’din l-okkażjoni, huwa jista’ jippreżenta elementi eventwali ġodda sabiex isostni l-applikazzjoni tiegħu li ma jkunx daħħal fl-argumenti tiegħu, kif ukoll u fuq kollox, jipprovdi spjegazzjonijiet fuq dubji eventwali li jkunu nqalgħu jew fuq elementi eventwali mifhuma bħala kontradittorji.
59. Għall-awtorità nazzjonali kompetenti, dan is-smigħ huwa l-okkażjoni sabiex jiġu eżaminati b’mod konkret elementi, anki ta’ tip soġġettiv, u għaldaqstant diffiċli li setgħu jiġu rrilevati bil-miktub, li setgħu ma kinux rilevanti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li jistgħu jkunu rilevanti għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja.
60. Fi proċedura bħal dik dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, fejn il-persuna kkonċernata għandha rwol ċentrali u fejn ta’ spiss ikun impossibbli li jiġu prodotti provi dokumentali, is-smigħ personali jikkostitwixxi mument li għandu importanza fundamentali fir-rigward, anki għall-evalwazzjoni tal-personalità tal-individwu u l-affidabbiltà tal-elementi invokati fl-applikazzjoni tiegħu.
61. Inqis li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti jgħoddu anki f’sitwazzjoni fejn f’sistema doppja, bħal dik fis-seħħ fl-Irlanda fil-mument tal-fatti tal-kawża, l-applikazzjoni ta’ għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja hija bbażata fuq qafas fattwali analogu għal dak li fuqu tistrieħ l-applikazzjoni għall-ażil li ġiet miċħuda.
62. Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.. meta Stat Membru għażel li jistitwixxi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil u għall-applikazzjoni għall-protezzjoni sussidjarja, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ għandha tiġi ggarantita bis-sħiħ fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri (46).
63. Minn dan jirriżulta li l-fatt li d-dritt għal smigħ ġie rrispettat bis-sħiħ fil-kuntest tal-proċedura anteċedenti dwar l-applikazzjoni għall-ażil ma jfissirx li r-rekwiżit partikolari ta’ garanzija tal-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt, imsemmi fil-punt 48 preċedenti, jitnaqqas fil-proċedura distinta suċċessiva, dwar l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 50 preċedenti, id-dritt għal smigħ fiż-żewġ proċeduri huwa relatat ma’ diversi kriterji u jikkostitwixxi għalhekk garanzija proċedurali li tkopri kuntesti differenti (47).
64. Minn dan isegwi li, f’sistema doppja bħal din ‐ li l-adozzjoni tagħha hija r-riżultat ta’ għażla libera tal-Istat Membru inkwistjoni ‐ il-konstatazzjonijiet li waslet għalihom l-amministrazzjoni fl-ewwel proċedura ma jistgħux jiġu trasposti awtomatikament għat-tieni proċedura. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li “jiġi ttrasferit” ir-rispett tad-dritt ta’ smigħ minn proċedura għal oħra. F’kuntest bħal dak tal-protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tan-natura fundamentali li għandu d-dritt għal smigħ, dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu dejjem iktar għall-konstatazzjonijiet negattivi fuq il-kredibbiltà li jista’ jkollhom impatt deċiżiv fuq id-deċiżjoni finali.
65. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod li hija s-sistema ġuridika interna ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet proċedurali għall-evalwazzjoni ta’ dik il-kredibbiltà (48), l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri hija suġġetta għal-limitu tal-prinċipju ta’ effettività, li jikkonsisti kif rajna fin-neċessità li jiġi ggarantit l-aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja, li min-naħa tagħha, tippresupponi eżerċizzju partikolarment effettiv tad-dritt għal smigħ (49).
66. Interpretazzjoni tad-dritt għal smigħ intiża għall-għarfien tar-rwol fundamentali tas-smigħ fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali hija, wara kollox, skont l-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-kwistjoni, li, minn naħa, fid-Direttiva 2013/32, naqqas drastikament l-ipoteżijiet fejn huwa possibbli li ma ssirx intervista personali fil-kuntest tal-proċedura, issa waħdanija, dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (50) u, min-naħa l-oħra, fir-Regolament Nru 604/2013 (Dublin III) (51), li introduċa l-obbligu għall-Istati Membri li jagħmlu intervista individwali fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.
67. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar dritt eventwali li jissejħu xhieda u li jiġu kkontroeżaminati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, nosserva li ma jirriżultax mill-konfigurazzjoni tad-dritt għal smigħ li jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 29 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet li dan neċessarjament jinkludi tali dritt. Madankollu, dan ma jeskludix li Stat Membru, fil-kuntest tal-fakultà tiegħu li jintroduċi jew iżomm fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli inkwistjoni (52), jista’ jipprevedi d-dritt li jsejjaħ xhieda u jikkontroeżaminahom fil-kuntest tal-proċedura.
V – Konklużjonijiet
68. B’hekk, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Supreme Court:
Meta applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni bla ċittadinanza bħala refuġjati, jew bħala persuni li b’mod ieħor jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, tiġi ppreżentata fi Stat Membru li jistabbilixxi żewġ proċeduri distinti, waħda ssegwi l-oħra, rispettivament għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja, id-dritt għal smigħ, fi kwalunkwe proċedura li teżisti fid-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li dak id-dritt jirrekjedi, bħala prinċipju, smigħ personali tal-applikant, li jista’ ma jsirx biss f’każijiet eċċezzjonali. F’dak il-kuntest, id-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura ma jinkludix, min-naħa l-oħra, dritt li jissejħu u li jiġu kontroeżaminati xhieda.