Language of document : ECLI:EU:F:2009:166

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2009

Kawża F-54/09

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave annwali – Kollokament part-time għall-finijiet ta’ rappreżentazzjoni f’sindakat – Assenza mhux awtorizzata – Tnaqqis mid-dritt għal-leave annwali – Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal – Rikors manifestament infondat”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Frar, tal-1 ta’ April, tal-10 ta’ April, tal-20 ta’ Mejju u tal-14 ta’ Lulju 2008. Dawn id-deċiżjonijiet kollha jirrigwardaw it‑tnaqqis ta’ 39 ġurnata b’kollox mid-dritt tiegħu għal-leave għas‑sena 2008.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. Ir‑rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Uffiċjali – Rappreżentanza – Protezzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 1)

1.      Il-qorti Komunitarja għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors manifestament infondat jiġi miċħud fil-mertu skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel fuq motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-konvenuta. Dan japplika fil-każ fejn is-soluzzjoni adottata mit‑Tribunal f’sentenza preċedenti li tikkonċerna lir‑rikorrent tista’ tiġi trasposta mutatis mutandis, servatis servandis, għall-każ ineżami.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 20 ta’ Jannar 2009, Klein vs Il-Kummissjoni, F‑32/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata; 7 ta’ Lulju 2009, Lebedef vs Il-Kummissjoni, F‑39/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000

2.      L-Artikolu 10 tal-ftehim qafas tas-27 ta’ Jannar 2006, li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali, u s-sitt subparagarfu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom essenzjalment l-istess kontenut u l-istess għan, jiġifieri l-protezzjoni tar‑rappreżentanti tal-persunal, u essenzjalment huma differenti biss għal dak li jirrigwarda l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom. Fil-fatt, is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal ikopri r‑rappreżentanti stabbiliti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-membri tal‑kumitat tal-persunal u l-uffiċjali maħtura mill-kumitat ta’ organi stabbiliti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-Artikolu 10 tal-ftehim qafas jirrigwarda d‑delegati u r-rappreżentanti tas-sindakati.

(ara l-punt 49)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Lebedef vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq