Language of document : ECLI:EU:C:2018:910

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

15 ta’ Novembru 2018 (*)

“Proċedura mħaffa”

Fil-Kawża C‑619/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2018,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Banks kif ukoll minn H. Krämer u S.L. Kaleda, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

konvenuta,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstemgħu l-imħallef relatur, A. Prechal, u l-Avukat Ġenerali, E. Tanchev

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minn naħa, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) u billi din il-miżura tiġi applikata għal imħallfin maħtura f’din il-qorti qabel it-3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, billi tagħti lill-President tar-Repubblika tal-Polonja id-diskrezzjoni li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallfin ta’ din il-qorti, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dispożizzjonijiet magħqudin tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2        Fit-20 ta’ Diċembru 2017, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ffirma l-Ustawa Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 5), li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ April 2018. Din il-liġi kienet is-suġġett ta’ diversi emendi suċċessivi.

3        Skont l-Artikolu 37 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tniżżlet għal 65 sena. It-tnaqqis tal-età tal-irtirar japplika għall-imħallfin kollha ta’ din il-qorti, inklużi dawk li ġew maħtura qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

4        L-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età ta’ 65 sena għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni, minn dawn l-imħallfin, ta’ dikjarazzjoni li tindika ix-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u ta’ ċertifikat li jafferma li l-istat ta’ saħħa tagħhom, kif ukoll tal-awtorizzazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja. L-Artikolu 37 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tirregola din l-estensjoni.

5        Skont l-Artikolu 111(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li laħqu l-età ta’ 65 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi jew mhux aktar tard mit-3 ta’ Lulju 2018 jirtiraw fl-4 ta’ Lulju 2018, sakemm ma ppreżentawx, sat-3 ta’ Mejju 2018 inkluż, id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat msemmija fil-punt preċedenti, u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja awtorizza l-estensjoni tal-funzjoni tagħhom għas-servizz ta’ din il-qorti. L-Artikolu 5 tal-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Ġenerali, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u ċerti liġijiet oħra), tal-10 ta’ Mejju 2018 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 1045), jinkludi dispożizzjonijiet separati li jirregolaw il-proċedura ta’ estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li laħqu l-età tal-irtirar sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Lulju 2018.

6        Skont l-Artikolu 111(1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li ser jilħqu l-età ta’ 65 sena bejn l-4 ta’ Lulju 2018 u t-3 ta’ April 2019 se jirtiraw fit-3 ta’ April 2019, ħlief jekk huma jippreżentaw, qabel it-3 ta’ April 2019, id-dikjarazzjoni kif ukoll iċ-ċertifikat imsemmija fil-punt 4 ta’ dan id-digriet, u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jippermetti l-estensjoni tal-funzjoni tagħhom għas-servizz ta’ din il-qorti.

7        Rigward l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li ġew maħtura qabel t-3 ta’ April 2018 u li ser jilħqu l-età ta’ 65 sena wara t-3 ta’ April 2019, l-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprevedi li l-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ dawn l-imħallfin wara l-età ta’ 65 sena huwa soġġett għal sistema ġenerali, li tirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni u ċertifikat kif ukoll l-awtorizzazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja, kif imsemmi fil-punt 4 ta’ dan id-digriet.

8        Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), il-President tar-Repubblika tal-Polonja huwa marbut minn ebda kriterju u d-deċiżjoni tiegħu ma hijiex suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

9        Fl-aħħar nett, minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li l-Liġi dwar il-Qorti Suprema tagħti s-setgħa lill-President tar-Repubblika tal-Polonja li jiddeċiedi liberament, sat-3 ta’ April 2019, li jżid in-numru ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ressqet ukoll talba għal miżuri provviżorji bil-għan li jinkisbu miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE kif ukoll l-Artikolu 160(2) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-mertu.

11      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ottubru 2018, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura, u qabel ukoll ma r-Repubblika tal-Polonja kienet ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha għat-talba għal miżuri provviżorji, ordna lil din tal-aħħar, immedjatament u sal-għoti tad-digriet li jtemm l-imsemmija proċedura għal miżuri provviżorji:

–        li tissospendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1) sa (4), u l-Artikolu 111(1) u (1a), l-Att dwar il-Qorti Suprema, l-Artikolu 5 tal-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Ġenerali u l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u ċerti liġijiet oħra, kif ukoll ta’ kull miżura adottata fl-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet;

–        li tieħu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex tiżgura li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikkonċernati mill-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fl-istess post, filwaqt li jgawdu l-istess status u l-istess drittijiet u kundizzjonijiet ta’ impjieg li kienu jibbenefikaw minnha qabel it-3 ta’ April 2018, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema;

–        li ma tieħu l-ebda miżura intiża għall-ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minflok dawk ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet li huma l-bażi tal-ksur u li huma s-suġġett tar-rikors prinċipali, kif ukoll ta’ kull miżura intiża biex taħtar l-ewwel President ġdid ta’ din il-qorti jew li tidentifika l-persuna responsabbli biex tmexxi din il-qorti minflok l-ewwel President tagħha sakemm jinħatar l-ewwel President ġdid, u

–        li tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet li jagħti dawn il-miżuri u mbagħad regolarment, kull xahar, kull miżura meħuda sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet ukoll lil din tal-aħħar li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa.

13      L-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi li meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba jew tar-rikorrent jew tal-konvenut, u wara li jinstemgħu l-parti l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li l-kawża għandha tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

14      Mistoqsija, skont l-imsemmija dispożizzjoni, mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Polonja indikat li hija kienet kontra li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

15      Insostenn tat-talba tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti li hija tesponi fir-rikors tagħha huma bbażati fuq ksur ta’ salvagwardji sabiex tiżgura l-indipendenza tal-istanza tal-Qorti Suprema ta’ Stat Membru u li d-dubji ta’ natura sistemika li jirriflettu dawn l-ilmenti huma stess biex joħolqu inċertezza legali u tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-sistema legali tal-Unjoni, b’tali mod li hemm lok li tittieħed deċiżjoni malajr dwar it-tilwima sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun dan il-perijodu ta’ inċertezza.

16      Fil-fatt, minn naħa, u fir-rigward tal-funzjonijiet speċifiċi tagħhom u tal-awtorità li d-deċiżjonijiet tagħhom jirrelataw fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, kif ukoll l-obbligu speċifiku impost fuqhom skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-qrati supremi nazzjonali għandhom rwol ċentrali fil-kuntest tas-sistema ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, id-dubji dwar jekk il-garanziji ta’ indipendenza fir-rigward ta’ dawn il-ġurisdizzjonijiet huma ta’ natura li jipprekluduhom li jkollhom dan ir-rwol bis-sħiħ. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess dubji huma wkoll jistgħu jippreġudikaw il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-qrati tagħhom rispettivi, meħtieġa biex jitħaddem il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li jkollu rwol ċentrali f’dak li jikkonċerna ħafna atti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

17      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk huwa tal-opinjoni li jekk tintlaqa’ t-talba għal proċedura mħaffa tal-Kummissjoni, din ikollha bħala effett li tirrestrinġi indebitament id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, qabelxejn, il-kawża li tqajjem kwistjonijiet importanti ta’ prinċipju u ssejjaħ barra minn hekk oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà, huwa diffiċilment konċepibbli li l-Istat konvenut jista’ jippreżenta l-argumenti kollha meħtieġa f’dawn id-diversi aspetti f’nota waħda u unika u li l-proċedura ma tagħtix lok għal replika u kontroreplika. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li eventwali intervenjenti jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fuq tali kwistjonijiet ta’ prinċipju. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni damet biex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja u dan id-dewmien ma jistax jiġi kkumpensat minn tali restrizzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-Istat konvenut.

18      Fir-rigward tal-allegati theddid li għaddej għall-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda prova konkreta li tista’ tissostanzja mar-realtà jew jiġi ċċarat l-impatt u lanqas tistabbilixxi kif il-funzjonament tajjeb tas-sistema legali tal-Unjoni jista’ jkun kompromess fin-nuqqas ta’ proċedura mħaffa. Il-miżuri kkontestati mill-Kummissjoni huma biss ta’ natura li jwasslu għall-irtirar ta’ numru żgħir ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li ma jistax jaffettwa la l-funzjonament u lanqas l-attività ġudizzjarja ta’ din il-qorti u lanqas il-possibiltà li din tal-aħħar tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, jew is-sigurtà tar-relazzjonijiet ġuridiċi bbażati fuq id-deċiżjonijiet mogħtija mill-imħallfin li ma laħqux l-età tal-irtirar, u lanqas, fl-aħħar nett, il-kapaċità tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li taġixxi fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, kooperazzjoni fejn l-imsemmija qorti hija biss barra minn hekk, bid-differenza tal-qrati ordinarji, ftit imsejħa li tintervjeni.

19      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-kawża hija ta’ natura li teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien bis-saħħa tal-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jitfakkar li, permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ssostni li l-bidliet leġiżlattivi riċenti relatati mat-tnaqqis tal-età li l-membri tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) qegħdin jirtiraw u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn l-imħallfin jistgħu, fejn applikabbli, lil hinn minn din l-età, jitħallew ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet.

20      B’mod partikolari, dan ir-rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie ppreżentat minħabba d-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità stess tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), insegwitu ta’ dawn l-emendi leġiżlattivi, li tkompli tiddeċiedi f’konformità mad-dritt fundamentali ta’ kull persuna li jkollha aċċess għal tribunal jew qorti indipendenti, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

21      Issa, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 48).

22      Barra minn hekk, b’hekk, l-inċertezzi relatati mad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati jistgħu wkoll ikollhom effett fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inerenti għall-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, li hija l-pedament tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali, u b’mod partikolari dik tal-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, huwa essenzjali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 176; sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 43, u digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2018, Zakład Ubezpieczeń Społecznych, C‑522/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:786, punt 15).

23      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li tgħid li d-drittijiet tad-difiża tagħha jkunu affettwati jekk tintlaqa’ t-talba għal proċedura mħaffa, għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett li, kif jirriżulta mill-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ tal-applikazzjoni ta’ tali proċedura, ir-rikors u r-risposta ma jistgħux jiġu kkompletati b’replika u b’kontroreplika sakemm il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jqishiex neċessarja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali.

24      Issa, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, anki jekk jiġi preżunt li l-preżentata ta’ replika ma tkunx awtorizzata mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni li għadha ma tteħditx, ma jidhirx kif, fl-assenza ta’ tali replika, u għalhekk l-argumenti u żviluppi li jissupplimentaw dawk li jinsabu fir-rikors u li għalihom il-konvenuta kellha kull possibbiltà li tirrispondi fir-risposta tagħha, l-imsemmija konvenuta tista’ tallega li d-drittijiet ta’ difiża tagħha huma affettwati minħabba li ma tkunx tista’ tippreżenta kontroreplika. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-proċeduri li jikkonstataw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma preċeduti minn proċedura prekontenzjuża fejn il-partijiet kellhom l-opportunità jesponu u jelaboraw l-argumenti li, konsegwentement, ser jkollhom jiġu żviluppati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ bidu ta’ proċedura quddiem din tal-aħħar.

25      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tintervjeni fil-qasir żmien hija ta’ natura, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istat Membru kkonċernat, biex jitneħħew l-inċertezzi li jirrigwardaw kwistjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u li jirrigwardaw b’mod partikolari l-eżistenza ta’ eventwali interferenzi f’ċerti drittijiet fundamentali li tiggarantixxi dan u l-impatt li l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt jista’ jkollha fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-operazzjoni tal-ogħla qorti ta’ dak l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2018, Zakład Ubezpieczeń Społecznych, C‑522/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:786, punt 15).

26      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ adita b’talba għal miżuri provviżorji, imressqa mill-Kummissjoni, għall-għoti ta’ miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 11 ta’ dan id-digriet, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tad-19 ta’ Ottubru 2018, interveniet wara li seħħet il-preżentata mir-Repubblika tal-Polonja tal-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba għal proċedura mħaffa, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 160(7) ta’ dan ir-regolament, il-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni, peress li dawn il-miżuri jipproduċu l-effetti tagħhom sal-għoti tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li se jittieħdu f’dan ir-rigward, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha żżomm, fid-digriet li ġej, il-miżuri provviżorji adottati fl-istennija tagħha, dak l-Istat Membru stess għandu huwa stess kull interess li l-proċedura dwar il-mertu f’din il-kawża tkun konkluża malajr kemm jista’ jkun, sabiex jintemmu l-imsemmija miżuri u li l-kwistjonijiet imqajma minn din il-kawża jiġu solvuti definittivament.

27      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-għan u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ talba għal miżuri provviżorji u dawk tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 133 ta’ dawn ir-regoli ma humiex identiċi (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑441/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:794, punt 15).

28      Issa, f’dan il-każ, jidher, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li se jittieħdu fid-digriet li jagħlaq il-proċedura għal miżuri provviżorji, li l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa hija ġġustifikata min-natura ta’ din il-kawża, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 19 sa 25 ta’ dan id-digriet.

29      Konsegwentement, il-Kawża C‑619/18 għandha tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

Għal dawn il-motivi, Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      Il-Kawża C619/18 hija suġġetta għal proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.